Mozzjoni għal riżoluzzjoni konġunta - RC-B7-0078/2010Mozzjoni għal riżoluzzjoni konġunta
RC-B7-0078/2010

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI KONĠUNTA dwar l-Iran

9.2.2010

skont l-Artikolu 110(4) tar-Regoli ta’ Proċedura
li tissostitwixxi l-mozzjonijiet tal-Gruppi li ġejjin:
ECR (B7‑0078/2010)
Verts/ALE (B7‑0079/2010)
PPE (B7‑0080/2010)
EFD (B7‑0081/2010)
S&D (B7‑0082/2010)
ALDE (B7‑0084/2010)
GUE/NGL (B7‑0086/2010)

José Ignacio Salafranca Sánchez-Neyra, Elmar Brok, Lena Kolarska-Bobińska, Mario Mauro, Michael Gahler, Alejo Vidal-Quadras, Potito Salatto, Tunne Kelam, Salvatore Tatarella, Monica Luisa Macovei, Kurt Lechner, Bogusław Sonik, Marco Scurria f’isem il-Grupp PPE
Adrian Severin, Hannes Swoboda, María Muñiz De Urquiza, Roberto Gualtieri, Ana Gomes, Sergio Gaetano Cofferati, Kristian Vigenin f'isem il-Grupp S&D
Marietje Schaake, Annemie Neyts-Uyttebroeck, Johannes Cornelis van Baalen, Frédérique Ries, Louis Michel, Marielle De Sarnez f'isem il-Grupp ALDE
Barbara Lochbihler, Isabelle Durant, Ulrike Lunacek f’isem il-Grupp Verts/ALE
Charles Tannock, Geoffrey Van Orden, Ashley Fox, Tomasz Piotr Poręba, Paweł Robert Kowal, Konrad Szymański, Adam Bielan, Ryszard Czarnecki f'isem il-Grupp ECR
Cornelia Ernst, Helmut Scholz f'isem il-Grupp GUE/NGL
Fiorello Provera, Bastiaan Belder f'isem il-Grupp ALDE


Proċedura : 2010/2504(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument :  
RC-B7-0078/2010
Testi mressqa :
RC-B7-0078/2010
Dibattiti :
Testi adottati :

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar l-Iran

Il-Parlament Ewropew,

–    wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar l-Iran,

 

–    wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tar-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, Catherine Ashton, fil-5 ta' Frar 2010 dwar l-eżekuzzjonijiet imminienti fl-Iran,

 

–    wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni konġunta tal-UE u l-Istati Uniti tal-Amerika tat-8 ta' Frar 2010 li ssejjaħ biex il-Gvern Iranjan jaqdi l-obbligi tiegħu dwar id-drittijiet tal-bniedem,

 

–    wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni mill-President tiegħu tad-9 ta' Ottubru 2009 li fiha tenna l-impenn tal-Parlament għall-abolizzjoni fid-dinja kollha tal-piena tal-mewt, b'denunzja speċifika tal-piena kapitali għal reati mwettqa minn minorenni,

 

–    wara li kkunsidra l-istqarrija tal-Kunsill dwar l-Iran tal-10/11 ta' Diċembru 2009,

 

–    wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tar-Rappreżentant Għoli tat-12 ta' Jannar 2010 dwar il-proċess tas-seba' mexxejja tal-fidi Baha'i fl-Iran,

 

–    wara li kkunsidra r-Riżoluzzjoni adottata mill-Bord tal-Gvernaturi tal-Aġenzija għall-Enerġija Atomika Internazzjonali (IAEA) fis-27 ta' Novembru 2009 dwar l-Implimentazzjoni tal-Ftehim dwar is-Salvagwardji NPT u d-dispożizzjonijiet relattivi tar-Riżoluzzjonijiet tal-Kunsill tas-Sigurtà 1737 (2006), 1747 (2007), 1803 (2008) u 1835 (2008) fir-Repubblika Islamika tal-Iran,

 

–    wara li kkunsidra l-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi (ICCPR), il-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ekonomiċi, Soċjali u Kulturali (ICECR), il-Patt dwar l-Eliminazzjoni tal-Forom Kollha ta' Diskriminazzjoni Razzjali, u l-Patt dwar id-Drittijiet tat-Tfal, li l-Iran hi firmatarja tagħhom ilkoll,

 

–    wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni tal-Ministeru Iranjan tal-Intelliġenza tal-5 ta’ Jannar 2010 li ddikjara li l-kuntatti kollha bejn iċ-ċittadini Iranjani u 60 organizzazzjoni mhux governattiva, flimkien ma għadd ta’ midja internazzjonali li jxandru bil-Farsi, huma “illegali”,

 

–    wara li kkunsidra l-"posponiment" mill-awtoritajiet Iranjani taż-żjara f'Tehran tad-Delegazzjoni tal-Parlament Ewropew għar-Relazzjonijet mal-Iran, ippjanata għal bejn it-8 u l-11 ta’ Jannar 2010,

 

–    wara li kkunsidra l-Artikolu 110(4) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

 

 

 

Dwar id-demokrazija u d-drittijiet tal-bniedem

 

A.  billi s-sitwazzjoni politika fl-Iran għadha sejra lura, bl-ebda indikazzjoni mill-gvern Iranjan li biħsiebu jindirizza t-tħassib minn madwar id-dinja kollha dwar il-leġittimitá tal-elezzjoni li saret fl-2009; billi l-indikazzjonijiet ta' frodi massiva rriżultaw f'moviment ta' protesta ta' skala kbira (l-hekk imsejjaħ "Moviment Aħdar"), b'dimostrazzjonijiet tal-massa li baqgħu għaddejjin f'dawn l-aħħar xhur,

 

B.   B. billi l-iżviluppi politiċi fl-Iran wara l-elezzjonijiet presidenzjali kontroversjali ta’ Ġunju 2009 wrew li hemm potenzjal kbir ta’ bidla demokratika popolari fil-pajjiż immexxija mis-soċjetà ċivili dinamika u attiva tiegħu,

C.  billi l-forzi tas-sigurtà tal-Iran – il-Gwardja Revoluzzjonarja, il-milizzja Basij u l-pulizija – rreaġixxew bi ġlieda qawwija li matulha arrestaw arbitrarjament eluf ta' dimostranti u dissidenti paċifiċi, inklużi studenti u akkademiċi, attivisti tad-drittijiet tan-nisa, avukati, ġurnalisti, bloggers, kleriċi u difensuri prominenti tad-drittijiet tal-bniedem fi sforz ċar biex jintimidaw il-kritiċi u joħonqu d-dissidenza,

 

D.  billi ħafna minn dawk arrestati rrapportaw li kienu ġew imsawta u ttorturati, u f'ċerti każijiet attakkati sesswalment fil-ħabsijiet u fil-faċilitajiet sigrieti ta' detenzjoni; billi inkjesta mwettqa mill-Majlis tar-Repubblika Islamika tal-Iran fil-bidu tal-2010 ddeterminat li l-Viċi Prosekutur Saeed Mortazavi kien responsabbli b'mod dirett għall-imwiet ta' mill-inqas tliet detenuti li rriżultaw minħabba tortura u negliġenza fil-ħabs ta' Kahrizak, li l-ġudikatura kienet ordnat li jingħalaq tliet snin qabel,

 

E.   billi uffiċjali tal-gvern ikkonfermaw li, minn Ġunju 2009, mietu mill-inqas 30 protestant fi protesti jew f’detenzjoni u mill-inqas sebgħa oħra mietu fi ġlied fis-27 ta' Diċembru, il-jum sagru ta’ Ashura; billi l-għadd reali ta’ mwiet ikkawżati mill-vjolenza appoġġjata mill-gvern huwa maħsub li huwa ferm ogħla,

 

F.  billi, barra minn hekk, il-forzi tas-sigurtà żiedu l-persekuzzjoni sistematika kontra membri ta' minoranzi reliġjużi, bħall-Baha'i (li s-seba' ex mexxejja kollha tagħhom ġew arrestati u bħalissa għaddejjin proċess) Sunni u Nsara (inklużi tmien qassisin), u għamlu kampanja ta' arresti u eżekuzzjonijiet arbitrarji kontra s-soċjetà ċivili u kontra l-attivisti politiċi Kurdi, Ażeri, Baluchi u Għarab; billi, b'mod partikolari, bħalissa hemm 21 Kurd li qegħdin jistennew is-sentenza tal-mewt,

 

G.  billi fid-9 ta' Settembru l-Parlament tal-Iran approva "Liġi dwar l-Apostasija" li tikkastiga bil-mewt il-konverżjoni mill-Islam;

 

H.  billi, minn Awwissu 2009, il-ġudikatura tellgħet proċessi politiċi ta’ mijiet ta' riformisti u attivisti prominenti allegatament marbuta ma’ ‘parteċipanti fl-irvellijiet’ li qed jipruvaw jippromwovu ‘Rivoluzzjoni tal-Bellus’; billi waqt dawn il-proċessi ħafna minn dawn id-dissidenti taw konfessjonijiet fuq it-televiżjoni li kienu jidhru furzati,

 

I.    billi l-Gvern Iranjan għadu qed jakkuża lil pajjiżi Ewropej b'indħil fl-iżviluppi politiċi Iranjani; billi akkużi bħal dawn wasslu għat-tkeċċija ta' żewġ diplomatiċi tar-Renju Unit, l-arrest ta' bosta ħaddiema Iranjani impjegati mal-Ambaxxata tar-Renju Unit u l-arrest, għal żmien qasir, ta' membru tal-persunal tal-Ambaxxata Żvediża u żewġ membri ta' dik Ġermaniża minħabba r-rwol allegat tagħhom fil-protesti ta' wara l-elezzjoni,

 

J.    billi fit-28 ta' Jannar 2010 Mohammad Reza Ali-Zamani u Arash Rahmanipour ġew iġġustizzjati, l-ewwel pieni tal-mewt li ġew assoċjati minn sorsi uffiċjali mal-moviment ta' protesta, għalkemm wieħed minnhom, jekk mhux ukoll it-tnejn li huma, kienu diġà l-ħabs fiż-żmien tal-elezzjonijiet; billi kien irrappurtat li mill-inqas disgħa min-nies ġew ikkundannati għall-mewt talli kellhom rabtiet allegatament mal-Moviment l-Aħdar,

 

K.  billi fis-27 ta' Diċembru 2009, l-aħħar jum tar-riti ta' Ashura, Ali Moussavi, in-neputi ta' 35 sena ta' Mir Hossein Moussavi, il-konkorrent presidenzjali ewlieni fl-elezzjonijiet ta' Ġunju, kien maqtul b'tiri u mtajjar apposta b'karozza, f'dak li jidher li għandu l-karatteristiċi kollha ta' qtil intenzjonat bil-ħsieb li jservi ta' twissija serja għal zijuh,

 

L.   billi fit-8 ta' Jannar sar attentat ta' qtil fuq Mehdi Karroubi, it-tieni konkorrent fil-prominenza fl-elezzjonijiet presidenzjali, permezz ta' żewġ tiri sparati lejn il-karozza tiegħu, li b'xorti tajba kienet bullet-proof, meta membri tal-Basij u tal-Gwardji Rivoluzzjonarji nġemgħu biex jipprotestaw kontra l-preżenza tas-Sur Karroubi f'Qazvin,

 

M.  billi qed jissuktaw jikbru r-restrizzjonijiet fuq il-libertà tal-istampa u tal-espressjoni, u billi l-awtoritajiet Iranjani iġġammjaw sikwit u b'mod wiesa' n-netwerks internazzjonali tar-radju u tat-televiżjoni, bosta siti tal-internet internazzjonali, fosthom Facebook u Twitter, kif ukoll is-siti tal-oppożizzjoni lokali u s-servizzi tat-telefon ċellulari f'Tehran, u b'hekk ħolqu problemi ta' trażmissjoni għal netwerks f'pajjiżi oħrajn tal-Lvant Nofsani u saħansitra fl-Ewropa,

N.  billi kumpaniji Ewropej u Russi qegħdin jipprovdi lill-Iran bit-tagħmir meħtieġ għall-iffiltrar u l-iġġammjar, li parti minnu jista' wkoll ikun ta' ħsara għas-saħħa ta' dawk li joqogħdu fl-inħawi tal-istallazzjonijiet,

 

O.  billi il-Gwardja Revoluzzjonarja, is-servizz sigriet tagħha, kif ukoll il-milizzja Basij qed jieħdu rwol aktar u aktar attiv fis-soċjetà Iranjana, bir-repressjoni ta' nies ċivili Iranjani, bl-arrest ta' difensuri tad-drittijiet tal-bniedem, u jidhru li qed jieħdu l-liġi f'idejhonm,

 

 

Dwar il-kwistjoni nukleari

 

P.   billi l-Iran huwa wieħed mill-partijiet tat-Trattat dwar in-Nonproliferazzjoni tal-Armamenti Nukleari (NPT), u impenja ruħu li jakkwista l-armamenti nukleari bir-ratifika tal-NPT u huwa marbut legalment li jiddikajara u jqiegħed l-attività nukleari tiegħu kollha, inkluż il-materjal nukleari, fis-salvagwardja tal-Aġenzija Internazzjonali għall-Enerġija Atomika (IAEA),

 

Q.  billi l-Artikolu IV tat-Trattat dwar in-Nonproliferazzjoni Nukleari tal-Armamenti Nukleari (NPT) jinnota d-dritt inaljenabbli tal-Partijiet kollha għat-Trattat li jiżviluppaw riċerka, produzzjoni u użu ta' enerġija nukleari għal skopijiet paċifiċi bla diskriminazzjoni u skont l-Artikoli I u II ta' dak it-Trattat,

 

R.   billi bi ksur tal-obbligi tiegħu skont it-Trattat dwar in-Non Proliferazzjoni Nukleari, l-Iran bena bil-moħbi impjant ta' arrikkiment f'Qom, u għarraf lill-IAEA bl-eżistenza tiegħu ħafna wara li kien beda jinbena; u billi dan il-ksur tar-regoli jqajjem suspetti li jista' jkun hemm siti nukleari sigrieti oħrajn u jkompli jdgħajjef il-fiduċja fl-assigurazzjonijiet Iranjani dwar il-fatt li l-programm tiegħu huwa purament ta' karattru ċivili,

 

S.   billi d-Direttur Ġenerali tal-IAEA li se jispiċċa mill-kariga, Dr El Baradei, fir-rapport imsemmi hawn fuq tas-16 ta’ Novembru 2009, innota li sakemm l-Iran ma jimplimentax il-Protokoll Addizzjonali u ma jiċċarax il-kwistjonijiet pendenti b'mod sodisfaċenti mal-IAEA, l-Aġenzija mhix se tkun f'pożizzjoni li tagħti assigurazzjoni kredibbli dwar l-assenza ta’ materjal nukleari mhux iddikjarat u attivitajiet fl-Iran, u nnota wkoll li għad hemm għadd ta’ kwistjonijiet pendenti preokkupanti dwar id-dimensjonijiet militari possibbli għall-programm nukleari tal-Iran,

 

T.   billi sabiex tinstab soluzzjoni diplomatika għall-kwistjoni tal-programm nukleari tal-Iran, l-UE, l-Istati Uniti, iċ-Ċina u r-Russja kienu pproponew ftehim taħt l-awspiċi tal-IAEA biex l-uranju eżistenti tal-Iran, b'arrikkiment baxx, jinġarr lejn ir-Russja u Franza biex jiġi pproċessat f'vireg tal-fjuwil sabiex ir-reattur tar-Riċerka Medika f'Tehran jibqa' jaħdem, u billi l-Iran irrifjuta din il-proposta, jinsabu għaddejjin dibattiti fil-Kunsill tas-Sigurtà dwar sanzjonijiet imsaħħa kontra l-Iran;

 

U.  billi l-Iran qed ikompli jiżviluppa t-teknoloġija tal-missili ballistiċi u qed jaħdem għall-kapaċità li jiskjera missili ballistiċi interkontinentali li jistgħu jwasslu armamenti nukleari,

 

V.  billi l-Gvern Iranjan għamel dikjarazzjonijiet kuntradittorji dwar il-programm nukleari tiegħu, u ordna li fis-7 ta' Frar jinbdew attivitajiet ulterjuri ta' arrikkiment;

 

Dwar id-demokrazija u d-drittijiet tal-bniedem

 

1.   Jesprimi dubji serji dwar l-eżattezza tar-riżultati elettorali li wasslu għall-konferma tal-President Ahmadinejad għat-tieni leġiżlatura, minkejja indikazzjonijiet qawwija ta' frodi elettorali fuq skala kbira, u jqis li l-kredibbiltà tal-President Iranjan iddgħajfet ferm;

 

2.   Juri r-rispett tiegħu quddiem il-kuraġġ ta' dawk l-irġiel u n-nisa Iranjani kollha li qed jiddefendu l-libertajiet bażiċi u l-prinċipji demokratiċi tagħhom u li qed jesprimu x-xewqa tagħhom li jgħixu f'soċjetà ħielsa mir-ripressjoni u l-intimidazzjoni; juri r-rispett speċjali tiegħu lejn in-nisa Iranjani li kellhom sehem kruċjali fid-dimostrazzjonijiet postelettorali f'Ġunju 2009;

 

3.   Jappoġġa b'ħiltu kollha l-aspirazzjonijiet demokratiċi tal-poplu Iranjan u jiddispjaċih ħafna li l-Gvern u l-Parlament tal-Iran mhumiex lesti jagħtu widen għat-talbiet ġustifikati taċ-ċittadini Iranjani, speċjalment tal-ġenerazzjoni żagħżugħa, li għal żmien twil wisq raw it-tamiet tagħhom għall-iżvilupp ekonomiku u soċjali jinħanqu

 

4.   Isejjaħ biex il-Gvern Iranjan jirrispetta bis-sħiħ id-dritt tal-assemblea paċifika u tal-libertà tal-espressjoni, inkluż fir-rigward tad-dimostrazzjonijiet imħabbra għall-11 ta' Frar 2010; jikkundanna bil-qawwa l-użu tal-vjolenza mill-Gvern Iranjan kontra d-dimostranti li qed jippruvaw jeżerċitaw id-dritt tagħhom għal-libertà tal-espressjoni u l-assemblea paċifika;

 

5.   Isejjaħ biex jinħelsu minnufih dawk kollha miżmuma b'arrest minħabba li b'mod paċifiku eżerċitaw id-drittijiet tagħhom tal-libertà tal-espressjoni, tal-assoċjazzjoni, u tal-assemblea jew abbażi tat-twemmin reliġjuż jew l-orjentament sesswali tagħhom, u jistieden lill-awtoritajiet biex jinvestigaw u jipproċedu kontra uffiċjali governattivi u membri tal-forzi tas-sigurtà responsabbli għall-qtil, l-abbuż u t-tortura ta' membri tal-familji ta' dissidenti, dimostranti u ta' dawk miżmuma b'arrest;

 

6.   Jikkundanna bil-qawwa s-sentenzi tal-mewt imposti u l-eżekuzzjonijiet imwettqa fl-Iran, partikolarment il-każ ta' Mohammed Reza Alizamani u Arash Rahmanipour, u jsejjaħ għall-abolizzjoni tal-piena tal-mewt; isejjaħ biex l-awtoritajiet Iranjani ma jibqgħux japplikaw l-akkuża ta' "Moharabeh" (gwerra kontra Alla) li ġġib magħha l-piena kapitali, kontra dawk li jipprotestaw paċifikament għal aktar drittijiet demokratiċi; Isejjaħ biex l-Iran jimplimenta immedjatament il-moratorju tan-NU fuq il-piena tal-mewt, kif jesiġu r-Riżoluzzjonijiet tal-Assemblea Ġenerali tan-NU 62/149 u 63/168;

 

7.   Huwa ddiżgustat bl-attentati tal-gvern u/jew tal-forzi tas-sigurtà biex joqtlu l-kandidati presidenzjali jew membri tal-familji tagħhom u jistieden lill-Mexxej Suprem Khamenei biex jiżgura s-sikurezza ta' rappreżentanti prominenti tal-oppożizzjoni Iranjana;

 

8.   Jikkundanna l-isforzi tal-awtoritajiet Iranjani biex jiċċensuraw il-midja tal-karta stampata u biex jiġġammjaw is-servizzi tar-radju, it-televiżjoni u l-internet, bħall-BBC, u jistieden lill-UE u l-Istati Membri tagħha biex jindirizzaw l-impatt internazzjonali ta' dawn il-metodi fi ħdan l-Unjoni tat-Telekomunikazzjonijiet Internazzjonali (ITU);

 

9.   Jikkundanna d-deċiżjoni tal-awtoritajiet Iranjani li jipprojbixxu l-kuntatti mal-organizzazzjonijiet barranin mhux governattivi, b’mod partikulari dwak bil-għan li jiddefendu l-libertajiet u d-drittijiet ċivili, u jitlob lill-Awtoritajiet Iranjani biex ineħħu din il-projbizzjoni minnufih;

 

10. Jistieden lill-awtoritajiet Iranjani biex iwaqqfu minnufih il-prattika tax-xandir ta' ġurijiet bit-televiżjoni, u jistieden lill-Parlament Iranjan biex jemenda l-liġi Iranjana li tippermetti lill-gvern li jiċħad id-drittijiet ta' proċess ġust, bħad-dritt tal-akkużati għal rappreżentanza legali adegwata;

 

11. Jikkritika bil-qawwa l-kumpaniji internazzjonali, b'mod partikolari n-Nokia Siemens, talli pprovdew l-awtoritajiet Iranjani bit-teknoloġija meħtieġa għaċ-ċensura u s-sorveljanza, u b'hekk servew ta' strument għall-persekuzzjoni u l-arrest ta' dissidenti Iranjani;

 

12. Jiddeplora l-allegazzjonijiet ta' ndħil fl-affarijiet interni Iranjani li saru kontra l-persunal ta' ambaxxati Ewropej u, f'dan il-kuntest, jitlob lill-awtoritajiet Iranjani biex jirrispettaw il-Konvenzjoni ta' Ġinevra u n-normi diplomatiċi;

 

Dwar il-kwistjoni nukleari

 

13. Minkejja d-dritt tal-Iran li jiżviluppa l-enerġija nukleari għal skopijiet paċifiċi skont ir-regoli tas-sistema ta’ nonproliferazzjoni, jafferma mill-ġdid li r-riskji tal-proliferazzjoni marbuta mal-programm nukleari Iranjan jibqgħu sors ta’ tħassib serju għall-Unjoni Ewropea u għall-komunità internazzjonali, kif espress b’mod ċar ħafna fir-Riżoluzzjonijiet tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti 1737, 1747, 1803 u 1835;

 

14. Jiddeplora l-fatt li ma sarx progress sostanzjali dwar il-kwistjonijiet ewlenin li jqajmu tħassib serju, u jtenni t-talbiet tiegħu lill-Iran biex ireġġa’ għal li kienet it-trasparenza tal-programm nukleari tiegħu billi jipprovdi tweġibiet kompluti, ċari u kredibbli lill-IAEA, biex isolvi l-kwistjonijiet u l-preokkupazzjonijiet pendenti marbuta ma' dan il-programm, inklużi suġġetti li jista’ jkollhom dimensjoni militari, biex jimplimenta bis-sħiħ id-dispożizzjonijiet tal-Ftehim Komprensiv ta’ Salvagwardja, inklużi l-arranġamenti sussidjarji tiegħu, u biex jirratifika u jimplimenta l-Protokoll Addizzjonali;

 

15. Jappoġġa l-approċċ fuq żewġ binarji tal-Kunsill Ewropew u l-isforzi kollha biex tinstab soluzzjoni nnegozjata għat-tul dwar il-kwistjoni nukleari Iranjana; jenfasizza li sanzjonijiet oħrajn li jistgħu jittieħdu fil-kuntest tat-theddida nukleari għandhom jeskludu miżuri b'konsegwenzi negattivi għall-popolazzjoni kollha tal-Iran;

 

16. Jiddeplora l-fatt li l-Gvern Iranjan għal darb' oħra rrifjuta kull tentattiv ta' kompromess dwar il-kwistjoni nukleari, jiddispjaċih li r-reġim Iranjan jidher li qiegħed jipprova juża din il-kwistjoni sew bħala mezz biex idawwar l-attenzjoni minn fuq il-kriżi interna fil-pajjiż kif ukoll bħala tattika biex jirbaħ il-ħin u jevita d-diskussjoni fi ħdan il-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU dwar sanzjonijiet ulterjuri, u jqis li l-aħħar stqarrijiet tal-President tal-Iran Mahmoud Ahmedinejad huma parti minn din it-tattika.

 

Dwar ir-relazzjonijiet bejn l-UE u l-Iran

 

17. Jisħaq fuq l-importanza li jkompli d-djalogu mal-Iran fil-livelli kollha, b'mod partikolari mas-soċjetà ċivili; jiddeplora l-fatt li n-naħa Iranjana pposponiet iż-żjara tad-delegazzjoni tal-Parlament Ewropew u jesprimi t-tama li l-Gvern u l-Parlament Iranjan jirrevedu l-pożizzjoni tagħhom dwar il-kuntatti diretti;

 

18. Jistieden lill-Kunsill biex jibqa’ lest biex jaħdem mal-Iran sabiex tintlaħaq soluzzjoni negozjata għall-kwistjoni nukleari, kif ukoll fir-rigward tal-kwistjonijiet tas-sigurtà reġjonali, filwaqt li jitqiesu t-tħassib u l-interessi leġittimi tas-sigurtà tal-Iran, inkluża l-perspettiva fit-tul ta' Lvant Nofsani ħieles mill-armi nukleari;

 

19. Iqis li għandu jiġi varat dibattitu serju fil-livell tal-UE dwar il-possibbiltà li jiddaħħlu aktar sanzjonijiet immirati li ma jagħmlux ħsara lill-poplu Iranjani kollu; isejjaħ biex il-lista eżistenti ta' individwi u organizzazzjonijiet li huma soġġetti għal projbizzjoni tal-ivvjaġġar u l-iffriżar tal-assi tiġi estiża għal dawk li huma responsabbli għar-rippressjoni u t-trażżin tal-libertà fil-pajjiż u għal dawk responsabbli għall-ksur tal-impenji internazzjonali tal-Iran fuq il-kwistjoni nukleari;

 

20. Jilqa' stqarrijiet riċenti tar-Rappreżentant Għoli/Viċi President tal-Kummissjoni u ta' mexxejja oħra tal-UE fejn qalu li l-pass li jmiss huwa li d-diskussjoni tittella' fil-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU, u jistieden lill-Presidenza Franċiża tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU biex tqiegħed il-kwistjoni nukleari mal-Iran fuq l-aġenda tal-Kunsill fi Frar 2010; jistieden lil-awtoritajiet Ċiniżi biex jappoġġaw l-isfrozi tal-komunità internazzjonali biex jitrażżan il-programm tal-Iran għal-arrikkiment tal-uranju;

 

21. Ifakkar lill-awtoritajiet Iranjani li, sabiex jiżviluppa relazzjonijiet li jagħtu l-frott mal-UE, l-Iran għandu jiggarantixxi d-drittijiet fundamentali tal-bniedem, ir-rispett tal-prinċipji tad-demokrazija, il-libertà tal-espressjoni u l-istat tad-dritt, billi dawn huma prerekwiżiti għall-pajjiżi kollha li jżommu relazzjonijiet politiċi u ekonomiċi mal-UE; jenfasizza li l-konklużjoni possibbli ta’ ftehim ta’ kooperazzjoni u kummerċ bejn l-Iran u l-UE hija marbuta mar-rispett għal dawn il-valuri, mal-konformità sħiħa tal-Iran mar-riżoluzzjonijiet tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU u tal-IAEA, kif ukoll mal-għoti ta' garanziji verifikabbli rigward in-natura paċifika tal-programm nukleari tal-Iran u rigward il-waqfien tal-appoġġ tal-Iran għall-attivitajiet terroristi;

 

22. Isejjaħ biex l-Istati Membri u l-Kummissjoni jappoġġaw attivament inizjattivi mmirati lejn it-titjib tal-pluraliżmu tal-midja u jilqa' l-progress li sar fil-proġett li diġà ġie varat biex l-aħbarijiet Ewropej jixxandru bil-Farsi;

 

23. Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Kunsill biex jieħdu passi immedjati ħalli jipprojbixxu l-esportazzjoni ta' tekonoloġija ta' sorveljanza minn kumpaniji Ewropej lil pajjiżi, bħall-Iran, fli l-gvernijiet tagħhom jistgħu jużawha biex jiksru l-libertà tal-espressjoni;

 

24. Jistieden lill-Kummissjoni biex tistabbilixxi delegazzjoni tal-Unjoni Ewropea f'Tehran;

 

25. Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Kunsill biex ifasslu miżuri addizzjonali, fil-kuntest tal-Istrument Ewropew għad-Demokrazija u d-Drittijiet tal-Bniedem, ta' politika ta' immigrazzjoni biex jipproteġu attivament id-drittijiet ta' Iranjani li jiddefendu d-drittijiet tal-bniedem.

26. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lir-Rappreżentant Għoli, lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri, lis-Segretarju Ġenerali tan-NU, lill-Kunsill għad-Drittijiet tal-Bniedem tan-NU, u lill-Gvern u l-Parlament tar-Republika Islamika tal-Iran.