MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI KONĠUNTA dwar il-Korea t'Isfel – il-piena tal-mewt iddikjarata legali
10.3.2010
li tieħu post il-mozzjonijiet għal riżoluzzjoni mressqa mill-gruppi:
ALDE (B7‑0191/2010)
S&D (B7‑0193/2010)
PPE (B7‑0194/2010)
GUE/NGL (B7‑0197/2010)
Verts/ALE (B7‑0198/2010)
Christian Ehler, José Ignacio Salafranca Sánchez-Neyra, Elżbieta Katarzyna Łukacijewska, Cristian Dan Preda, Bernd Posselt, Eija‑Riitta Korhola, Monica Luisa Macovei, Filip Kaczmarek, Sari Essayah, Mario Mauro, Laima Liucija Andrikienė, Tunne Kelam, Martin Kastler f'isem il-Grupp PPE
Hannes Swoboda, David Martin, George Sabin Cutaş, Peter Simon f'isem il-Grupp S&D
Marielle De Sarnez f'isem il-Grupp ALDE
Barbara Lochbihler, Gerald Häfner, Heidi Hautala, Sandrine Bélier f'isem il-Grupp Verts/ALE
Marie-Christine Vergiat f'isem il-Grupp GUE/NGL
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar il-Korea t'Isfel – il-piena tal-mewt iddikjarata legali
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar l-abolizzjoni tal-piena tal-mewt u l-ħtieġa ta' moratorju immedjat fuq l-eżekuzzjonijet f'dawk il-pajjiżi fejn il-piena tal-mewt għadha applikata,
– wara li kkunsidra r-Riżoluzzjoni 62/149 tal-Assemblea Ġenerali tan-Nazzjonjiet Uniti tat-18 ta' Diċembru 2007li ssejjaħ għal moratorju fuq l-użu tal-piena tal-mewt (dwar ir-rapport tat-Tielet Kumitat (A/62/439/Add.2)),
– wara li kkunsidra l-verżjoni aġġornata u riveduta tal-Linji Gwida tal-UE dwar il-Piena tal-Mewt, adottata mill-Kunsill fis-3 ta’ Ġunju 1998,
– wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni finali adottata mir-4 Kungress Dinji kontra l-Piena tal-Mewt, li sar f'Ġinevra bejn l-24 u s-26 ta' Frar 2010, li ssejjaħ għall-abolizzjoni universali tal-piena tal-mewt,
– wara li kkunsidra l-Artikolu 122(5) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
A. billi l-Unjoni Ewropea hija impenjata bil-qawwa għall-abolizzjoni tal-piena tal-mewt u qed taħdem biex tilħaq aċċettazzjoni universali ta' dan il-prinċipju,
B. billi fil-25 ta' Frar 2010, il-Qorti Kostituzzjonali tar-Repubblika tal-Korea ddeċidet, b'maġġoranza ta' 5 kontra 4, li l-piena tal-mewt hija kostituzzjonali, u billi, madankollu, l-imħallfin saħqu wkoll li l-kwistjoni dwar jekk il-piena tal-mewt għandhiex tinżamm jew titħassar għandha tiġi dibattuta fl-Assemblea Nazzjonali, u mhux matul proċedimenti kostituzzjonali,
C. billi l-Qorti Kostituzzjonali adottat id-deċiżjoni tagħha b'vot ta' 5 favur u 4 kontra, u billi d-deċiżjoni tal-1996 kienet adottata b'7 voti favur u 2 kontra,
D. billi l-Qorti kostituzzjonali d-deċiżjoni tagħha ħaditha b'risposta għal petizzjoni mressqa minn raġel Korean ta' 72 sena li kien instab ħati li qatel erba' turisti fl-2007, li asserixxa li l-piena tal-mewt tikser il-garanzija kostituzzjonali tad-dinjità tiegħu,
E. billi r-Repubblika tal-Korea għandha aktar minn 55 priġunier b'sentenzi tal-mewt ikkonfermati,
F. billi l-aħħar eżekuzzjoni fir-Repubblika tal-Korea seħħet f'Diċembru 1997; billi, taħt il-Presidenza ta' Kim Dae-Jung, li dak iż-żmien kien qed jibda l-kariga tiegħu, u li huwa nnifsu kien ingħata sentenza tal-mewt fl-1980 qabel ma nħafritlu, il-piena tal-mewt ma baqgħetx tiġi applikata, u billi r-Repubblika tal-Korea, għall-aħħar 13-il sena, kienet tagħmel parti mill-grupp ta' pajjiżi li huma 'abolizzjonisti fil-prattika',
G. billi fl-2006 l-Kummissjoni Nazzjonali dwar id-Drittijiet tal-Bniedem ħarġet abbozz ta' liġi dwar l-abolizzjoni tal-piena tal-mewt,
H. billi fit-18 ta' Diċembru 2007 l-Assemblea Ġenerali tan-Nazzjonjiet Uniti approvat b'maġġornaza kbira riżoluzzjoni li titlob lill-pajjiżi li jipprattikaw il-piena tal-mewt biex 'jistabbilixxu moratorju fuq l-eżekuzzjonijiet bil-għan li jabolixxu l-piena tal-mewt', li l-kontenut tagħha reġa' kien affermat f'riżoluzzjoni oħra adottata fit-18 ta' Diċembru 2008,
1. Jirrikonoxxi li r-Repubblika tal-Korea ma wettqet l-ebda eżekuzzjoni mill-1998 'l hawn, u dan il-fatt jagħmilha pajjiż de facto abolizzjonista; u jilqa' t-titjib fil-protezzjoni u l-promozzjoni tad-drittijiet tal-bniedem hemhekk;
2. Jiddeplora bis-sħiħ id-deċiżjoni tal-Qorti Kostituzzjonali tar-Repubblika tal-Korea li żżomm il-piena tal-mewt, imma jinnota li d-deċiżjoni ġiet adottata b'maġġoranza ċkejkna ħafna, mhux bħall-verdett ta' 7 kontra 2 fl-1996;
3. Jesprimi l-appoġġ tiegħu għall-movimenti li qed jiġġieldu għall-abolizzjoni tal-piena tal-mewt fir-Repubblika tal-Korea;
4. Jerġa' jtenni l-oppożizzjoni ġenerali tiegħu għall-piena tal-mewt, li hija kontra s-sistema moderna tal-ġustizzja kriminali u, kontra dak li spiss jitwemmen fost il-poplu, ma tbaxxix ir-rati tal-kriminalità;
5. Iħeġġeġ lir-Repubblika tal-Korea biex tistwixxi moratorju legali fuq l-eżekuzzjonijiet kollha sakemm il-Parlament jadotta liġi li tabolixxi l-piena tal-mewt;
6. Isejjaħ biex il-Gvern tar-Repubblika tal-Korea jappoġġa r-riżoluzzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar l-abolizzjoni tal-piena tal-mewt, u biex fil-ħarifa li ġejja jiddeċiedi li jkun koproponent ta' riżoluzzjoni, jew li jivvota favuriha, li għandha tiġi ppreżentata lill-Assemblea Ġenerali;
7. Jinnota b'sodisfazzjon li maġġoranza ċara tal-pajjiżi tad-dinja – li tirrappreżenta aktar minn żewġ terzi tal-komunità internazzjonali – issa abolixxew il-piena tal-mewt kompletament de jure jew inkella imponew moratorji de facto fuq l-eżekuzzjonijiet;
8. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Viċi President tal-Kummissjoni/ir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, il-gvernijiet u l-parlamenti tal-Istati Membri, is-Segretarju Ġenerali tan-Nazzjonaijiet Uniti, il-Gvern tar-Repubblika tal-Korea u l-Kumitat Nazzjonali tal-Korea dwar id-Drittijiet tal-Bniedem (NHRCK).