Proċedura : 2010/2709(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : RC-B7-0296/2010

Testi mressqa :

RC-B7-0296/2010

Dibattiti :

PV 16/06/2010 - 7
CRE 16/06/2010 - 7

Votazzjonijiet :

PV 17/06/2010 - 7.10
CRE 17/06/2010 - 7.10

Testi adottati :

P7_TA(2010)0234

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI KONĠUNTA
PDF 145kWORD 91k
15.6.2010
PE441.914v01-00}
PE441.915v01-00}
PE441.916v01-00}
PE441.917v01-00}
PE441.918v01-00} RC1
 
B7-0296/2010}
B7-0297/2010}
B7-0298/2010}
B7-0298/2010}
B7-0300/2010} RC1

skont l-Artikolu 110(4) tar-Regoli ta’ Proċedura

li tieħu post il-mozzjonijiet għal riżoluzzjoni mressqa mill-gruppi:

S&D (B7‑0296/2010)

GUE/NGL (B7‑0297/2010)

ECR (B7‑0298/2010)

PPE (B7‑0299/2010)

ALDE (B7‑0300/2010)


dwar il-konklużjonijiet tas-Samit bejn l-UE u r-Russja (mill-31 ta' Mejju sal-1 ta' Ġunju)


Elmar Brok, José Ignacio Salafranca Sánchez-Neyra, Ioannis Kasoulides, Ria Oomen-Ruijten, Filip Kaczmarek, Bogusław Sonik, Cristian Dan Preda, Andrzej Grzyb, Joachim Zeller, Krzysztof Lisek, Alojz Peterle, Sławomir Witold Nitras f’isem il-Grupp PPE
Adrian Severin, Hannes Swoboda, Knut Fleckenstein, Kristian Vigenin f'isem il-Grupp S&D
Kristiina Ojuland, Alexander Graf Lambsdorff f'isem il-Grupp ALDE
Michał Tomasz Kamiński, Charles Tannock, Tomasz Piotr Poręba, Ryszard Czarnecki, Adam Bielan, Jacek Olgierd Kurski, Konrad Szymański, Paweł Robert Kowal, Marek Henryk Migalski, Roberts Zīle, Mirosław Piotrowski f’isem il-Grupp ECR
Helmut Scholz f’isem il-Grupp GUE/NGL

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar il-konklużjonijiet tas-Samit bejn l-UE u r-Russja  (mill-31 ta' Mejju sal-1 ta' Ġunju)  

Il-Parlament Ewropew,

–   wara li kkunsidra l-Ftehim ta' Sħubija u Kooperazzjoni (PCA) eżistenti bejn, fuq naħa, il-Komunitajiet Ewropej u l-Istati Membri tagħhom, u fuq l-oħra, il-Federazzjoni Russa(1), u n-negozjati li nbdew fl-2008 dwar trattat ġdid bejn l-UE u r-Russja,

–   wara li kkunsidra l-objettiv komuni tal-UE u tar-Russja, stipulat fid-dikjarazzjoni konġunta li ħarġet wara l-11-il Samit bejn l-UE u r-Russja, li sar f'St Petersburg fil-31 ta' Mejju 2003, li jinħoloq spazju ekonomiku komuni, spazju komuni ta' libertà, ta’ sigurtà u ta' ġustizzja, spazju komuni ta' kooperazzjoni fil-qasam tas-sigurtà esterna u spazju komuni ta' riċerka u edukazzjoni, inklużi l-aspetti kulturali (l-'erba’ spazji komuni'),

–   wara li kkunsidra r-rapporti u r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar ir-Russja u dwar ir-relazzjonijiet bejn l-UE u r-Russja, b’mod partikulari r-riżoluzzjoni tiegħu tat-12 ta’ Novembru 2009(2), qabel is-samit ta’ Stokkolma bejn l-UE u r-Russja li sar fit-18 ta’ Novembru 2009, ir-riżoluzzjoni tiegħu tas-17 ta’ Settembru 2009 dwar il-qtil ta’ attivisti favur id-drittijiet tal-bniedem fir-Russja(3) u r-riżoluzzjoni tiegħu tas-17 ta’ Settembru 2009 dwar l-aspetti esterni tas-sigurtà tal-enerġija(4),

–   wara li kkunsidra l-konsultazzjonijiet bejn l-UE u r-Russja dwar id-drittijiet tal-bniedem,

–   wara li kkunsidra l-ftehimiet iffirmati u d-dikjarazzjonijiet konġunti maħruġa waqt is-samit bejn l-UE u r-Russja li sar f’Rostov-na-Donu mill-31 ta’ Mejju sal-1 ta’ Ġunju 2010,

–   wara li kkunsidra l-Artikolu 110(4) tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu,

A. billi l-UE tibqa' kommessa favur l-approfondiment u l-iżvilupp ulterjuri tar-relazzjonijiet bejn l-UE u r-Russja, kif juri l-impenn tagħha li tagħmel sforzi serji biex tinnegozja ftehim ta' qafas ġdid għall-iżvilupp ulterjuri tar-relazzjonijiet bejn l-UE u r-Russja,

B.  billi l-UE u r-Russja, li hi membru tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU, għandhom responsabilità konġunta biex iżommu l-istabbiltà dinjija, u billi l-kooperazzjoni msaħħa u r-relazzjonijiet ta' ġirien tajba bejn l-UE u r-Russja huma ta' importanza partikolari għall-istabbiltà, is-sigurtà u l-prosperità tal-Ewropa,

C. billi l-konklużjoni ta' ftehim ta' sħubija strateġika bejn l-UE u l-Federazzjoni Russa tibqa' tal-akbar importanza għal aktar żvilupp u intensifikazzjoni tal-kooperazzjoni bejn iż-żewġ sħab,

D. billi huwa importanti li l-UE titkellem b’vuċi waħda, turi solidarjetà u unità fir-relazzjonijiet tagħha mal-Federazzjoni Russa, u li dawk ir-relazzjonijiet jissejsu fuq interessi reċiproċi u valuri komuni,

E.  billi r-relazzjonijiet ekonomiċi u kummerċjali bejn l-UE u r-Russja huma evidenza tal-interdipendenza reċiproka dejjem akbar ta' bejniethom, li teħtieġ sforz u impenn konġunt biex it-tkabbir sostenibbli tagħha jkun żgurat,

F.  billi, bħala membru tal-Kunsill tal-Ewropa u tal-Organizzazzjoni għas-Sigurtà u l-Kooperazzjoni fl-Ewropa (OSCE), ir-Russja kkommettiet ruħha li tipproteġi u tippromwovi d-drittijiet tal-bniedem, il-libertajiet fundamentali u l-istat ta’ dritt, u li tirrispetta s-sovranità tal-ġirien Ewropej tagħha, billi r-relazzjonijiet bejn l-UE u r-Russja ħabbtu wiċċhom ma' għadd ta' sfidi serji f'dawn l-aħħar snin, partikolarment f'dak li jirrigwarda tħassib dwar id-demokrazija u d-drittijiet tal-bniedem fir-Russja,

G. billi l-adeżjoni tar-Russja mal-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ (WTO) tagħti kontribut sostanzjali għat-titjib ulterjuri tar-relazzjonijiet ekonomiċi bejn l-UE u r-Russja, dejjem jekk ikun hemm impenn vinkolanti rigward il-konformità sħiħa tar-Russja mal-impenji u l-obbligi tad-WTO, u l-implimentazzjoni sħiħa tagħhom min-naħa tagħha, u twitti t-triq għal ftehim ta' integrazzjoni ekonomika profonda u komprensiva bejn iż-żewġ partijiet abbażi ta' reċiproċità ġenwina; u billi fl-1 ta’ Jannar 2010 r-Russja stabbiliet unjoni doganali mal-Kazakistan u mal-Bjelorussja,

H. billi l-iffirmar tat-Trattat Strateġiku dwar it-Tnaqqis tal-Armi (START) il-ġdid bejn il-Federazzjoni Russa u l-Istati Uniti fit-8 ta' April 2010 u t-tqarrib tal-pożizzjonijiet tagħhom dwar in-nonproliferazzjoni u l-kwistjoni tal-Iran, il-proċess għall-Paċi fil-Lvant Nofsani, l-Afganistan u l-Pakistan huma jixhdu l-klima mtejba ta' djalogu mar-Russja dwar aspetti differenti ta' relazzjonijiet barranin u ta' sigurtà,

I.   billi hemm kriterji ċari u oġġettivi għall-introduzzjoni ta’ reġim ħieles mill-viżi; billi ċ-ċittadini Ewropej u Russi għandhom interess leġittimu li jingħataw id-dritt tal-moviment ħieles kemm fil-pajjiżi tagħhom kif ukoll meta jaqsmu l-fruntieri,

1.  Jafferma mill-ġdid il-konvinzjoni tiegħu li r-Russja għadha fost l-aktar sħab importanti tal-UE fil-bini ta’ kooperazzjoni sostenibbli u impenn li jaħdmu flimkien biex jindirizzaw sfidi komuni permezz ta' approċċ bilanċjat u orjentat lejn ir-riżultati bbażat fuq id-demokrazija u fuq l-istat tad-dritt, fil-qsim mhux biss ta' interessi ekonomiċi u kummerċjali iżda wkoll l-objettiv li jaħdmu mill-qrib flimkien kemm fil-livell dinji kif ukoll mal-pajjiżi ġirien komuni tagħhom, skont id-dritt internazzjonali;

2.  Jistieden lill-UE u lir-Russja biex jintensifkaw in-negozjati tagħhom dwar ftehim ġdid ta’ sħubija u kooperazzjoni, u jtenni l-appoġġ qawwi tiegħu għal ftehim wiesa’, komprensiv u vinkolanti li jmur lil hinn mill-kooperazzjoni ekonomika weħidha u jinkludi wkoll. nħala komponenti integrali, l-oqsma tad-demokrazija, tal-istat tad-dritt u tar-rispett tad-drittijiet fundamentali tal-bniedem; jieħu nota tal-ftehim dwar is-Sħubija għall-Modernizzazzjoni u huwa favur id-diversifikazzjoni tal-ekonomija Russa u tar-relazzjonijiet kummerċjali bejn l-UE u r-Russja; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Gvern Russu biex jiżviluppaw is-Sħubija għall-Modernizzazzjoni f'aktar dettall; jenfasizza l-ħtieġa li jitħejja bil-ħeffa pjan ta’ ħidma konkret konformi mar-riżultati miksubin sal-lum fil-kuntest tal-erba’ spazji komuni bejn l-Unjoni Ewropea u r-Russja; jenfasizza l-importanza li jiġi żgurat il-funzjonament effikaċi tal-ġudikatura u li l-ġlieda kontra l-korruzzjoni tiġi intensifikata;

3.  Jilqa' l-iffirmar ta' protokoll dwar il-protezzjoni tal-informazzjoni klassifikata u d-dikjarazzjoni konġunta dwar il-Gaża mil-Viċi President tal-Kummissjoni/Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, Catherine Ashton, u l-Ministru tal-Affarijiet Barranin Russu, Sergei Lavrov;

4.  Jesprimi s-sodisfazzjon tiegħu li l-ewwel samit UE-Russja li sar mindu daħal fis-seħħ it-Trattat ta’ Lisbona twettaq b’manjiera kostruttiva, u għamel progress parzjali;

5.  Itenni l-appoġġ tiegħu għall-objettiv li r-Russja tissieħeb fid-WTO sabiex tkun tista’ tattira iktar investiment barrani u tiddiversifika l-ekonomija tagħha; huwa tal-fehma li l-istabbiliment mir-Russja ta' unjoni doganali mal-Bjelorussja u mal-Kazakistan jista' jqajjem aktar ostakli fi triq il-Federazzjoni Russa lejn is-sħubija fid-WTO; jenfasizza li r-rinunzja għal kull miżura ta’ protezzjoniżmu hija kundizzjoni għall-adeżjoni mad-WTO;

6.  Jilqa' r-ratifika riċenti min-naħa tar-Russja tal-Protokoll 14 għal-Konvenzjoni Ewropea dwar id-Drittijiet tal-Bniedem u l-emendi leġiżlattivi maħsuba biex jestendu mal-pajjiż kollu l-kawżi b'ġurija, imma jissuġġerixxi li dan il-format għandu jintuża wkoll għall-kawżi fuq akkużi ta' terroriżmu; jilqa' wkoll il-konferma tal-moratorju fuq il-piena tal-mewt bħala żvilupp pożittiv ieħor, u jittama li dan ikun l-ewwel pass fit-triq tar-rieda espressa tar-Russja li ttejjeb ir-rispett tad-drittijiet tal-bniedem; itenni s-sejħa tiegħu biex l-awtoritajiet Russi jikkonformaw mas-sentenzi kollha tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem;

7.  Jilqa' l-fatt li l-ftehim dwar il-protezzjoni tal-informazzjoni klassifikata se jiffaċilita l-kooperazzjoni fil-ġestjoni tal-kriżijiet, imma jitlob li l-Parlament ikun infurmat bis-sħiħ dwar is-sustanza u l-ambitu ta' dan il-ftehim, u jsejjaħ għal evalwazzjoni rapida tal-grad ta' reċiproċità fl-implimentazzjoni tiegħu; jitlob lill-Kunsill biex jagħmel użu sħiħ mill-Kumitat Speċjali 2002 IIA ESDP għal dan il-għan;

8.  Jistieden lill-Kunsill u lill-Kummissjoni biex jirduppjaw l-isforzi tagħhom biex isolvu l-problemi rigward il-postijiet tal-qsim tal-fruntiera bejn l-UE u r-Russja, biex isostnu proġetti konkreti, biex jagħmlu użu sħiħ mill-Istrument ta' Viċinat u Sħubija u mill-fondi INTERREG għall-kooperazzjoni transkonfinali kif ukoll biex jimplimentaw il-ftehim preċedenti dwar it-titjiriet li jgħaddu minn fuq is-Siberja;

9.  Jilqa' l-iffirmar ta’ ftehim dwar l-istabbiliment ta’ mekkaniżmu ta’ twissija bikrija dwar is-sigurtà tal-enerġija bejn l-UE u r-Russja, li jkopri n-notifika, il-konsultazzjoni u l-implimentazzjoni, u jistieden lill-Kunsill u lill-Kummissjoni biex ikomplu jaħdmu mal-awtoritajiet mal-kumpaniji tal-enerġija Russi biex tiġi evitata kwalunkwe ripetizzjoni tal-qtugħ tal-provvista li seħħ f’dawn l-aħħar snin;

10. Itenni li l-kooperazzjoni bejn l-UE u r-Russja fl-enerġija jeħtieġ li tkun ibbażata fuq il-prinċipji tal-Karta tal-Enerġija u l-Protokoll ta' Tranżitu, li jeħtieġ li jiddaħħlu fil-ftehim ta’ qafas il-ġdid bejn l-UE u r-Russja sabiex ikunu żgurati kundizzjonijiet ta’ investiment reċiproku ġusti u trasparenti, aċċess ugwali u suq ibbażat fuq ir-regoli;

11. Jinnota b'interess id-diskusjonijiet dwar i-tibdil fil-klima u l-forom possibbli ta' kooperazzjoni konkreta fuq miżuri maħsuba biex inaqqsu l-emissjonijiet ta' gassijiet serra u dwar l-effiċjenza enerġetika u l-iżvilupp sostenibbli tal-enerġija; jenfasizza l-ħtieġa għal kunsens dwar kif jista' jinġeib 'il quddiem il-proċess tan-negozjati internazzjonali dwar it-tibdil fil-klima bi tħejjija tal-konferenza ta' Cancun f'Diċembru 2010;

12. Jenfasizza l-importanza tal-Missjoni ta’ Monitoraġġ tal-Unjoni Ewropea (EUMM) li wriet ir-rieda u l-kapaċità tal-UE li taġixxi b'determinazzjoni biex iġġib 'il quddiem il-paċi u l-istabbiltà, u tat kontribut għall-ħolqien tal-kundizzjonijiet neċessarji għall-implimentazzjoni tal-ftehimiet tat-12 ta' Awwissu u t-8 ta' Settembru 2008; itenni l-impenn tiegħu għall-integrità territorjali tal-Ġeorġja fil-fruntieri tagħha li huma rikonoxxuti internazzjonalment u jistieden lill-partijiet kollha biex jaqdu l-impenji tagħhom bis-sħiħ; jinnota li l-EUMM għandha mandat fil-pajjiż kollu, u jitlob li mingħajr aktar dewmien tingħata aċċess bla xkiel – sal-lum miċħud – għall-Abħażja u l-Ossetja tan-Nofsinhar; jafferma mill-ġdid l-impenn sħiħ tiegħu għat-taħditiet ta' Ġinevra u l-issuktar tal-kopresidenza f'dan il-forum mill-UE, in-NU u l-OSCE; jesprimi d-diżappunt tiegħu dwar id-deċiżjoni mħabbra mid-Direttorat għall-Fruniteri tal-FSB dwar il-bini ta' infrastruttura moderna fuq il-fruntiera, magħmula minn barrieri bejn l-Ossetja tan-Nofsinhar u l-Ġeorġja;

13. Jenfasizza l-ħtieġa li r-Russja tiddaħħal fl-Istrateġija tal-Baħar Baltiku tal-UE, u li niddiskutu mar-Russja bil-ħeffa dwar it-titjib tas-sikurezza marittima u dwar livell għoli ta’ protezzjoni ambjentali fil-Baħar Baltiku sensittiv;

14. Jilqa' b'sodisfazzjon l-iffirmar tat-Trattat Strateġiku dwar it-Tnaqqis tal-Armi (START) il-ġdid mill-Federazzjoni Russa u l-Istati Uniti tal-Amerika fit-8 ta' April 2010; jinnota b'sodisfazzjon il-progress li sar fid-djalogu li għadu għaddej bejn il-Federazzjoni Russa u l-Istati Uniti tal-Amerika dwar kwistjonijiet ta' sigurtà, inkluża t-tarka ta' difiża kontra l-missili;

15. Itenni s-sejħa għal intensifikazzjoni tad-djalogu bejn ir-Russja u l-UE dwar id-drittijiet tal-bniedem u li dan il-proċess jinfetaħ għal kontribut mill-Parlament Ewropew u mid-Duma tal-Istat Russu, bl-involviment tad-direttorati ġenerali rispettivi u tal-ministeri responsabbli għall-ġustizzja, l-affarijiet interni u l-affarijiet barranin sew fi Brussell kif ukoll f'Moska; isejjaħ biex is-soċjetà ċivili, l-NGOs u l-organizzazzjonijiet tad-drittijiet tal-bniedem ikunu aktar involuti fis-samits biennali bejn l-UE u r-Russja;

16. Japprova l-impenn favur l-objettiv fit-tul li jkun hemm ivvjaġġar mingħajr viżi bejn l-UE u r-Russja, abbażi ta' approċċ gradwali ffukat fuq is-sustanza u l-progress prattiku; jenfasizza li dan id-djalogu għandu jkun konformi mal-proċess ta’ faċilitazzjoni tal-viżi għall-pajjiżi tas-Sħubija tal-Lvant;

17. Jistieden lill-Kunsill u lill-Kummissjoni biex jaħdmu fuq inizjattivi konġunti mal-Gvern Russu bil-għan li jsaħħu s-sigurtà u l-istabbiltà fid-dinja u fil-viċinat komuni tagħna b’mod partikolari, u biex tintlaħaq soluzzjoni paċifika, skont id-dritt internazzjonali, għall-kunflitti fil-Moldova u fin-Nofsinhar tal-Kawkasu;

18. Jieħu nota tal-abbozz ta' Trattat dwar is-Sigurtà Ewropea propost mir-Russja fid-29 ta' Novembru 2009, imma jinnota li din ip-proposta l-ġdida jeħtieġ li ma timminax l-obbligi attwali ta' sigurta tal-Istati Membri tal-UE, u jistieden lill-Kunsill Ewropew biex jiżviluppa pożizzjoni komuni dwarha;

19. Jinnota b'sodisfazzjon, qabel is-Samit tal-G20 f'Toronto, il-kunsens bejn l-UE u r-Russja dwar ir-riforma tas-sistema finanzjarja, u jistenna li s-samit jiddiskuti mezzi sabiex jitnaqqsu r-riskji sistemiċi u jilħaq ftehim fuq il-prinċipju li l-istituzzjonijiet finanzjarji għandhom jikkontribwixxu għall-ispejjeż ta' kwalunkwe kriżi finanzjarja fil-ġejjieni;

20. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-gvernijiet u l-parlamenti tal-Istati Membri u tal-Federazzjoni Russa.

 

(1)

ĠU L 327, 28.11.1997, p. 1.

(2)

Testi adottati, P7_TA(2009)0064.

(3)

Testi adottati, P7_TA(2009)0022.

(4)

Testi adottati, P7_TA(2009)0021.

Avviż legali - Politika tal-privatezza