MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI KONĠUNTA dwar id-dħul fis-seħħ tal-Konvenzjoni dwar il-Munizzjonijiet ta' Tferrix (CCM) u r-rwol tal-UE
6.7.2010
li tieħu post il-mozzjonijiet għal riżoluzzjoni mressqa mill-gruppi:
Verts/ALE (B7‑0413/2010)
PPE (B7‑0429/2010)
S&D (B7‑0430/2010)
ALDE (B7‑0431/2010)
GUE/NGL (B7‑0432/2010)
Elmar Brok, José Ignacio Salafranca Sánchez-Neyra, Michael Gahler, Arnaud Danjean f'isem il-Grupp PPE-DE
Adrian Severin, Roberto Gualtieri, Ana Gomes, María Muñiz De Urquiza f'isem il-Grupp S&D
Johannes Cornelis van Baalen, Elizabeth Lynne, Sonia Alfano f'isem il-Grupp ALDE
Ulrike Lunacek, Raül Romeva i Rueda, Barbara Lochbihler, Reinhard Bütikofer f'isem il-Grupp Verts/ALE
Sabine Lösing, Willy Meyer, Helmut Scholz, Nikolaos Chountis, Takis Hadjigeorgiou, Kyriacos Triantaphyllides f'isem il-Grupp GUE/NGL
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar id-dħul fis-seħħ tal-Konvenzjoni dwar il-Munizzjonijiet ta' Tferrix (CCM) u r-rwol tal-UE
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra l-Konvenzjoni dwar il-Munizzjonijiet ta’ Tferrix (CCM) adottata minn 107 pajjiżi fil-konferenza diplomatika li saret f'Dublin mid-19 sat-30 ta' Mejju 2008,
– wara li kkunsidra l-messaġġ tat-30 ta' Mejju 2008 mis-Segretarju Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti li fih ħeġġeġ "lill-Istati biex jiffirmaw u jirratifikaw din il-ftehima importanti mingħajr dewmien" u stqarr li jistenna bil-ħerqa "d-dħul fis-seħħ tiegħu fi żmien qasir",
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-20 ta’ Novembru 2008 dwar il-Konvenzjoni dwar il-Munizzjon tat-tip Cluster[1],
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-10 ta' Marzu 2010 dwar l-implimentazzjoni tal-Istrateġija ta' Sigurtà Ewropea fil-kuntest tal-ESDP[2],
– wara li kkunsidra l-Artikolu 110(4) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
A. billi s-CCM ilha miftuħa għall-iffirmar mit-3 ta' Diċembru 2008, l-ewwel f'Oslo u sussegwentement fin-Nazzjonijiet Uniti fi New York, u billi se tidħol fis-seħħ fl-ewwel jum tas-sitt xahar wara t-tletin ratifika, jiġifieri fl-1 ta' Awwissu 2010,
B. billi s-CCM tiddefinixxi l-munizzjonijiet tat-tferrix bħala munizzjonijiet maħsuba biex iferrxu jew jirrilaxxaw sottomunizzjonijiet splussivi, kull waħda tiżen anqas minn 20 kilogramma, u tinkludi dawk is-sottomunizzjonijiet splussivi,
C. billi s-CCM se tipprojbixxi l-użu, il-produzzjoni, il-ħżin u t-trasferiment tal-munizzjonijiet ta' tferrix bħala kategorija ta' armi,
D. billi s-CCM se tesiġi li l-Istati kontraenti jeqirdu ħażniet ta' munizzjonijiet ta' dan it-tip,
E. billi s-CCM se tistabbilixxi standard umanitarju ġdid għall-assistenza tal-vittmi u tobbliga lill-Istati kkonċernati biex inaddfu l-fdalijiet mhux sploduti tal-munizzjonijiet ta' tferrix li tħallew wara l-kunflitti,
F. billi l-munizzjonijiet ta' tferrix jirrappreżentaw riskju serju għaċ-ċivili meta jintużaw madwar żoni popolati minħabba li jinfirxu letalment fuq medda kbira, u billi fil-kuntesti ta' wara l-kunflitti l-użu ta' dawn il-munizzjonijiet ikkawża bosta korrimenti u mwiet traġiċi fost iċ-ċivili, ġaladarba s-sottomunizzjonijiet mhux sploduti li jitħallew spiss isibuhom it-tfal u nies innoċenti oħra li ma jkunux konxji mill-periklu,
G. billi sal-lum 20 Stat Membru tal-UE ffirmaw, 11 irratifikaw, u sebgħa la ffirmaw u lanqas irratifikaw is-CCM,
H. billi wara d-dħul fis-seħħ tas-CCM fl-1 taAwwissu 2010 l-proċess tal-adeżjoni mal-konvenzjoni se jsir aktar esiġenti minħabba li l-Istati se jkun jeħtiġilhom jaderixxu mal-Konvenzjoni fi proċess ta' pass uniku,
I. billi l-appoġġ tal-parti l-kbira tal-Istati Membri tal-UE, inizjattivi interparlamentari u għadd enormi ta' organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili kien deċiżiv biex ikkonkluda b'suċċess il-'Proċess ta' Oslo' li rriżulta fis-CCM,
J. billi l-iffirmar u r-ratifika tas-CCM mis-27 Stat Membru tal-UE kollha qabel id-dħul fis-seħħ tagħha fl-1 ta’ Awwissu 2010 jkunu jirrappreżentaw sinjal politiku qawwi favur dinja ħielsa mill-munizzjonijiet ta' tferrix u l-objettivi tal-UE fir-rigward tal-ġlieda kontra l-proliferazzjoni tal-armi li joqtlu b’mod indiskriminat,
1. Jilqa' d-dħul fis-seħħ tal-Konvenzjoni dwar il-Munizzjonijiet ta' Tferrix (CCM) fl-1 ta' Awwissu 2010;
2. Iħeġġeġ lill-Istati Membri kollha tal-UE u lill-pajjiżi kandidati biex jiffirmaw u jirratifikaw is-CCM bħala kwistjoni ta’ urġenza, preferibbilment qabel l-1 ta’ Awwissu 2010, inklużi l-Istati mhux firmatarji li huma l-Estonja, il-Finlandja, il-Greċja, il-Latvja, il-Polonja, ir-Rumanija, is-Slovakkja u l-Istati li ffirmaw iżda li għadhom ma rratifikawx jiġifieri l-Bulgarija, Ċipru, ir-Repubblika Ċeka, l-Ungerija, l-Italja, il-Litwanja, il-Pajjiżi l-Baxxi, il-Portugall u l-Isvezja;
3. Ifaħħar l-Istati kollha li ffirmaw u rratifikaw is-CCM u wkoll adottaw moratorju fuq l-użu, il-produzzjoni u t-trasferiment tal-munizzjonijiet ta' tferrix u kkompletaw il-qerda tal-ħażniet tagħhom ta' munizzjonijiet ta' dan it-tip;
4. Iħeġġeġ lill-Istati Membri tal-UE li ffirmaw il-Konvenzjoni dwar is-CCM biex jieħdu kull opportunità jħeġġu Stati li mhumiex partijiet fis-CCM biex jiffirmaw u jirratifikaw jew jaderixxu mal-Konvenzjoni mill-aktar fis possibbli, inkluż permezz ta' laqgħat bilaterali, djalogu bejn is-servizzi militari u fora multilaterali, u biex, bi qbil mal-obbligi tagħhom skont l-Artikolu 21 tas-CCM, jagħmlu ħilithom kollha ħalli jiskoraġġixxu lil Stati li mhumiex partijiet fil-Konvenzjoni milli jużaw munizzjonijiet ta' tferrix;
5. Jistieden lill-Istati Membri tal-UE biex ma jieħdu l-ebda azzjoni li tista' ddur mas-CCM u d-dispożizzjonijiet tagħha jew tipperikolahom; isejjaħ, b'mod partikolari, lill-Istati Membri kollha tal-UE biex la jadottaw, la japprovaw jew lanqas sussegwentement jirratifikaw kwalunkwe protokoll possibbli għal Konvenzjoni dwar l-Armi Konvenzjonali (CCW) li jippermetti l-użu ta' munizzjonijiet ta' tferrix li ma jkunx kompatibbli mal-projbizzjoni ta' dan it-tip ta' munizzjon skont l-Artikoli 1 u 2 tas-CCM; jistieden lill-Kunsill u lill-Istati Membri tal-UE biex jaġixxu skont dan fil-laqgħa li jmiss tas-CCW mit-30 ta' Awwissu sat-3 ta' Settembru 2010 f'Ġinevra;
6. Iħeġġeġ lill-Istati Membri tal-UE li għad mhumiex parti fis-CCM biex jieħdu passi fl-istennija tal-adeżjoni, inkluż li jadottaw moratorju fuq l-użu, il-produzzjoni u t-trasferiment tal-munizzjonijiet ta' tferrix u li jibdew b'urġenza jeqirdu l-ħażniet ta' munizzjonijiet ta' tferrix;
7. Iħeġġeġ lill-Istati kollha biex jipparteċipaw fl-Ewwel Laqgħa tal-Istati Partijiet (1MSP) li ġejja li għandha ssir bejn it-8 u t-12 ta' Novembru fi Vientiane, Laos, il-pajjiż l-aktar kontaminat bil-munizzjonijiet ta' tferrix fid-dinja;
8. Iħeġġeġ lill-Istati Membri tal-UE biex jieħdu passi ħalli jibdew jimplimentaw il-Konvenzjoni inkluż billi jeqirdu l-ħażniet, iwettqu t-tindif u jipprovdu għajnuna lill-vittmi, u biex jikkontribwixxu għall-finanzjament jew għal forom differenti ta' assistenza lil Stati oħrajn biex jimplimentaw il-Konvenzjoni;
9. Iħeġġeġ lill-Istati Membri tal-UE li ffirmaw il-Konvenzjoni biex jgħaddu leġiżlazzjoni li timplimentaha fil-livell nazzjonali;
10. Jistieden lir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà biex tagħmel kull sforz ħalli tilħaq l-adeżjoni tal-Unjoni mas-CCM, li hija possibbli wara d-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta' Lisbona u, barra minn hekk, biex tiżviluppa strateġija għall-ewwel konferenza ta' reviżjoni fil-forma ta' deċiżjoni tal-Kunsill dwar pożizzjoni komuni;
11. Jistieden lill-Kunsill u lill-Kummissjoni biex jinkludu l-projbizzjoni tal-munizzjonijiet ta' tferrix bħala klawsola standard fi ftehimiet ma' pajjiżi terzi, flimkien mal-klawsola standard dwar in-nonproliferazzjoni tal-armi tal-qerda tal-massa;
12. Jistieden lill-Kunsill u lill-Kummissjoni biex il-ġlieda kontra l-munizzjonijiet ta' tferrix jagħmluha parti integrali fil-programmi Komunitarji ta' għajnuna esterna biex jirfdu lil pajjiżi terzi fil-qerda tal-ħażniet u fl-għoti ta' assistenza umanitarja;
13. Jistieden lill-Istati Membri tal-UE, lill-Kunsill u lill-Kummissjoni biex jieħdu passi ħalli ma jħallux li pajjiżi terzi jipprovdu munizzjonijiet ta' tferrix lil atturi mhux statali;
14. Iħeġġeġ lill-Istati Membri tal-UE biex ikunu trasparenti dwar l-isforzi li jagħmlu b'risposta għal din ir-riżoluzzjoni u biex jirrappurtaw pubblikament dwar l-attivitajiet tagħhom taħt il-Konvenzjoni;
15. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Viċi President/Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri tal-UE u tal-pajjiżi kandidati, lis-Segretarju Ġenerali tan-NU u lill-Koalizzjoni kontra l-Munizzjonijiet ta' Tferrix.
- [1] ĠU C 16E, 22.1.2010, p. 61.
- [2] Test adottati, P7_TA(2010)0061.