Mozzjoni għal riżoluzzjoni konġunta - RC-B7-0549/2010Mozzjoni għal riżoluzzjoni konġunta
RC-B7-0549/2010

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI KONĠUNTA dwar is-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fil-Kawkasu ta' Fuq (Federazzjoni Russa) u l-prosekuzzjoni kriminali kontra Oleg Orlov

20.10.2010

imressqa skont l-Artikolu 122(5) tar-Regoli ta' Proċedura
li tieħu post il-mozzjonijiet għal riżoluzzjoni mressqa mill-gruppi:
Verts/ALE (B7‑0549/2010)
ALDE (B7‑0595/2010)
S&D (B7‑0596/2010)
ECR (B7‑0597/2010)
GUE/NGL (B7‑0598/2010)
PPE (B7‑0599/2010)

Laima Liucija Andrikienė, Lena Kolarska-Bobińska, Filip Kaczmarek, Cristian Dan Preda, Tunne Kelam, Bernd Posselt, Monica Luisa Macovei, Bogusław Sonik, Mario Mauro, Sari Essayah, Elisabeth Morin-Chartier, Tadeusz Zwiefka, Eija-Riitta Korhola f'isem il-Grupp PPE-DE
Véronique De Keyser, Hannes Swoboda, Kristian Vigenin, Mitro Repo f'isem il-Grupp S&D
Kristiina Ojuland, Marietje Schaake, Leonidas Donskis, Marielle De Sarnez, Ramon Tremosa i Balcells, Anneli Jäätteenmäki f'isem il-Grupp ALDE
Heidi Hautala, Werner Schulz, Bart Staes, Barbara Lochbihler, Indrek Tarand, Ulrike Lunacek, Nicole Kiil-Nielsen f'isem il-Grupp Verts/ALE
Michał Tomasz Kamiński, Charles Tannock, Ryszard Antoni Legutko, Adam Bielan, Jacek Olgierd Kurski, Tomasz Piotr Poręba, Konrad Szymański, Marek Henryk Migalski, Ryszard Czarnecki, Paweł Robert Kowal, Roberts Zīle, Zbigniew Ziobro f'isem il-Grupp ECR
Marie-Christine Vergiat f'isem il-Grupp GUE/NGL

Proċedura : 2010/2932(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument :  
RC-B7-0549/2010
Testi mressqa :
RC-B7-0549/2010
Testi adottati :

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar is-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fil-Kawkasu ta' Fuq (Federazzjoni Russa) u l-prosekuzzjoni kriminali kontra Oleg Orlov

Il-Parlament Ewropew,

–   wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-17 ta’ Settembru 2009 dwar il-qtil ta’ attivisti tad-drittijiet tal-bniedem fir-Russja[1],

–   wara li kkunsidra l-għoti tal-Premju Sakharov lil Oleg Orlov, Sergei Kovalev u Lyudmila Alexeyeva f’isem il-Human Rights Centre Memorial u d-difensuri l-oħra kollha tad-drittijiet tal-bniedem fir-Russja, fis-16 ta’ Diċembru 2009,

–  wara li kkunsidra l-Ftehim ta’ Sħubija u Kooperazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Federazzjoni Russa, li daħlet fis-seħħ fl-1997 u li ġiet estiża sa ma tiġi sostitwita minn ftehim ġdid,

– wara li kkunsidra n-negozjati li għaddejin bħalissa għal ftehim ġdid li jistabbilixxi qafas komprensiv ġdid għar-relazzjonijiet bejn l-UE u r-Russja,

–  – wara li kkunsidra l-Konvenzjoni għall-Protezzjoni tal-Jeddijiet tal-Bniedem u l-Libertajiet Fundamentali, id-Dikjarazzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar id-Difensuri tal-Jeddijiet tal-Bniedem, u d-Dikjarazzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar il-Jedd u r-Responsabilità tal-Individwi, il-Gruppi u l-Organi tas-Soċjetà li Jippromwovu u Jipproteġu l-Jeddijiet tal-Bniedem u l-Libertajiet Fundamentali Universalment Rikonoxxuti,

– wara li kkunsidra l-Artikolu 122(5) tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu,

A. billi, bħala membru tal-Kunsill tal-Ewropa u tal-Organizzazzjoni għas-Sigurtà u l-Kooperazzjoni fl-Ewropa (OSKE) u firmatarja tad-Dikjarazzjonijiet tan-NU, ir-Russja kkommettiet ruħha għall-protezzjoni u l-promozzjoni tal-jeddijiet tal-bniedem, il-libertajiet fundamentali u l-istat ta’ dritt,

B. billi hemm madwar 20,000 każ pendenti fil-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem mill-Federazzjoni Russa, prinċipalment mir-reġjun tal-Kawkasu ta' Fuq; billi l-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem ikkundannat lill-Federazzjoni Russa għal ksur serju tad-drittijiet tal-bniedem fir-reġjun, u dan f’iktar minn 150 sentenza, u enfasizzat l-importanza ta’ implimentazzjoni mghaggla u kompleta ta’ dawn is-sentenzi,

Is-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fil-Kawkasu ta' Fuq

C. billi s-sitwazzjoni tad-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem fir-reġjun tal-Kawkasu ta' Fuq, partikolarment fir-Repubblika ta’ Ċeċnija, f’Ingushetia u f’Dagestan, hija allarmanti; billi l-ġurnalisti indipendenti, l-attivisti tas-soċjetà ċivili, l-avukati u d-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem fir-reġjun spiss sfaw vittmi ta’ theddid u ta’ atti ta’ vjolenza, torment u intimidazzjoni, u l-attivitajiet tagħhom kienu ristretti minn membri ta’ korpi tal-infurzar tal-ligi; billi minn jikser id-drittijiet tal-bniedem għadu mhux qed jiġi kkastigat u billi għad m’hemmx l-istat tad-dritt; billi l-popolazzjoni ċivili għadha soġġetta għal vjolenza kemm minn gruppi tal-oppożizzjoni armata kif ukoll minn korpi tal-infurzar tal-liġi; Billi t-tortura, it-trattament ħażin u d-detenzjoni arbitrarja għadhom komuni; u billi NGOs li jkunu indipendenti mill-gvernijiet nazzjonali huma importanti għall-iżvilupp tas-soċjetà ċivili;

D. billi hemm klima ġenerali ta’ biża’ fiċ-Ċeċnija, minkejja s-suċċessi innegabbli fil-qasam tar-rikostruzzjoni u t-titjib ċar fl-infrastruttura tar-reġjun; billi s-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem u l-operat tas-sistema ġudizzjarja u tal-istituzzjonijiet demokratiċi għadhom jagħtu lok għal tħassib serju,

 

E. billi l-għajbien suċċessiv tal-opponenti tal-gvern u tad-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem għadhom mhux qed jiġu kkastigati u investigati kif xieraq,

 

F. billi minkejja djalogu kostruttiv li żviluppa bejn l-awtoritajiet u s-soċjetà ċivili fl-Ingushetia minn meta ħa l-poter il-President il-ġdid, reġa’ kien hemm vjolenza inkwetanti mill-2009, li rriżultat f’ċerti każijiet fil-qtil u l-għajbien ta’ opponent ital-gvern u ta’ ġurnalisti, mingħajr ma saret l-ebda prosekuzzjoni s’issa,

G. billi jidher li għadd dejjem jiżdied ta’ residenti li għebu fir-Repubblika tal-Kawkasu ta' Fuq inħatfu u ttieħdu f’reġjuni Russi oħra; billi l-aħħar li dehru Ali Dzhaniev, Yusup Dobriev, Yunus Dobriev u Magomed Adzhiev kien fit-28 ta’ Diċembru 2009 f’ St.Petersburg, u billi l-aħħar li dehru, Zelimkhan Akhmetovich Chibiev, Magomed Khaybulaevich Israpilov, Dzhamal Ziyanidovich Magomedov, Akil Dzhavatkhanovich Abdullaev u Dovar Nazimovich Asadov, li tlieta fosthom huma resident ital-Kawkasu ta' Fuq, kien fil-lejl bejn l-24u l-25 ta’ Settembru 2010, meta marru fil-Moskea Storika f’Moska,

H. billi għad hemm madwar 80,000 persuna spustata internament fil-Kawkasu ta' Fuq, 18-il sena wara li kienu sfurzati jaħarbu minn djarhom dovut għal għadd ta’ gwerer li faqqgħu bejn l-Ingushetia u l-Ossezja ta' Fuq fl-1992, u fiċ-Ċeċnija fl-1994 u fl-1999; billi dawn il-persuni għandhom diffikultà biex isibu akkomodazzjoni, biex iġeddu l-permessi ta’ residenza tagħhom, li jillimitagħlhom l-aċċess għas-servizzi soċjali, biex iġeddu l-passaporti interni u jiksbu status ta’ ‘‘migranti sfurzati’’, li jenħtiġilhom biex ikunu jistgħu jiksbu aċċess għall-impjiegi, għas-servizzi soċjali u għall-benefiċċji soċjali,

 

I. billi fit-3 ta’ Settembru 2010, il-President Buzek esprima s-solidarjetà tiegħu mal-familji tal-vittmi tat-traġedja ta’ Beslan, u ħeġġeġ lill-President tal-Federazzjoni Russa biex jiżgura li d-drittijiet tagħhom jiġu rispettati bis-sħiħ u li tiġi stabbilita l-verità fir-rigward tal-avvenimenti ta’ Settembru 2004,

 

J. billi ma jista jkun hemm l-ebda ġustifikazzjoni għal atti ta’ vjolenza indeskrivibbli kontra l-popolazzjoni ċivili,

K. billi ħa nota tal-inizjattiva tar-rappreżentanti tas-soċjetà ċivili Russa u internazzjonali biex jitwaqqaf Ċentru ta’ Dokumentazzjoni ‘Natalia Estemirova’ għall-krimini tal-gwerra potenzjali u għal ksur serju ieħor tad-drittijiet tal-bniedem imwettaq matul il-gwerer fiċ-Ċeċnija,

Investigazzjoni kriminali kontra Oleg Orlov

L. billi x-xogħol tal-organizzazzjonijiet tad-drittijiet tal-bniedem bħall-Memorial huwa essenzjali għall-ħolqien ta’ soċjetà stabbli u ħielsa fir-Russja u għat-twaqqif ta’ stabilità reali u dejjiema fil-Kawkasu ta' Fuq b’mod partikolari; billi l-Gvern Russu u l-gvernijiet tar-Repubbliki tal-Kawkasu ta' Fuq jistgħu għalhekk ikunu kburin bir-rwol importanti ta’ organizzazzjonijiet bħal dawn;

M. billi Natalia Estemirova, kap ta’ Memorial fiċ-Ċeċnija, ġiet issekwestrata fil-15 ta’ Lulju 2009 fi Grozny u misjuba mejta f’Ingushetia, lokalità fil-qrib; billi fl-investigazzjoni dwar il-qtil tagħha, ma sar l-ebda progress biex jinstabu l-qattiela u dawk likienu r-responsabbli reali;

 

N. billi fil-21 ta’ Jannar 2010 Oleg Orlov u l-Memorial Human Rights Centre ġew ordnati mill-Qorti Ċivili tal-Belt ta’ Moska biex iħallsu għall-ħsara kkawżata lil Ramzan Kadyrov, President taċ-Ċeċnija,

 

O. Billi fid-9 ta’ Frar 2010, Ramzan Kadyrov ħabbar pubblikament li kien se jagħlaq il-proċedimenti kriminali li kien beda kontra Oleg Orlov, President tal-Bord Eżekuttiv tal-Memorial Human Rights Centre, u Ludmila Alexeyeva, President tal-Moscow Helsinki Group, għal malafama,

P. billi fis-6 ta’ Lulju 2010 Oleg Orlov ġie akkużat, skont l-Artikolu 129 tal-Kodiċi Kriminali Russu, u jista’ jiffaċċja sa tliet snin ħabs jekk jinstab ħati,

Q. billi kien hemm ksur serju tal-Kodiċi ta’ Proċedimenti Kriminali tal-Federazzjoni Russa (b’mod partikolari tal-Artikolu 72 tiegħu) fl-investigazzjoni kriminali kontra Oleg Orlov,

R. billi sar tiftix fl-uffiċċji ta’ bosta organizzazzjonijiet ewlenin tad-drittijiet tal-bniedem, inkluż ta’ Memorial, bejn it-13 u s-16 ta’ Settembru 2010, u l-organizzazzjonijiet ġew mitluba jipprovdu bosta dokumenti rigward l-attivitajiet tagħhom mingħajr preavviż,

 

1. Jikkundanna l-atti terroristiċi kollha u jenfasizza li ma jista’ jkun hemm l-ebda ġustifikazzjoni għal atti ta’ vjolenza indiskriminata kontra l-popolazzjoni ċivili; jesprimi s-simpatija u s-solidarjetà tiegħu mal-ħbieb u l-qraba tal-vittmi kollha tal-vjolenza, inklużi dawk tal-bombardamenti reċenti fil-Metro ta’ Moska, l-attakk re  ċenti kontra l-Parlament taċ-Ċeċnija, u l-bosta attakki oħra li jsiru b’mod kontinwu fuq il-popolazzjoni tar-Repubbliki tal-Kawkasu;

 

2. Jesprimi t-tħassib kbir tiegħu dwar it-tfaqqigħ mill-ġdid tal-vjolenza u tal-atti terroristiċi fil-Kawkasu ta' Fuq; jitlob, minn banda, li jintemm it-terroriżmu u, mill-banda l-oħra, jitlob lill-awtoritajiet Russi biex jeqirdu l-klima mifruxa ta’ nuqqas ta’ kkastigar għal ksur tad-drittijiet tal-bniedem u biex itemmu n-nuqqas tal-istat tad-dritt fir-reġjun;

 

3. Jirrikonoxxi d-dritt tar-Russja li tiġġieled it-terroriżmu u l-ġlied armat fil-Kawkasu ta' Fuq, iżda jħeġġeġ lill-awtoritajiet biex jagħmlu dan fir-rispett tad-drittijiet tal-bniedem internazzjonali; javża li abbużi kontinwi u metodi illegali kontra l-ġlied armat se joħolqu antagoniżmi ulterjuri min-naħa tal-popolazzjoni u, minflok tinħoloq stabilità, dan se jikkawża żieda ulterjuri fil-vjolenza fir-reġjun;

 

4. Iħeġġeġ lill-awtoritajiet Russi jagħmlu kulma hu f'setgħethom biex jiżguraw il-protezzjoni tad-difensuri tal-drittijiet tal-bniedem, kif affermat fid-Dikjarazzjoni tan-NU dwar il-Jedd u r-Responsabilità tal-Individwi, Gruppi u Organi tas-Soċjetà li Jippromwovu u Jipproteġu l-Jeddijiet tal-Bniedem u l-Libertajiet Fundamentali Universalment Rikonoxxuti;

5. Jisħaq li n-nuqqas ta’ kastigi fiċ-Ċeċnija jikkontribwixxi għad-destabilizzazzjoni fir-reġjun kollu tal-Kawkasu ta' Fuq;

6. Jikkundanna bis-saħħa kull forma ta’ kastig kollettiv kontra individwi sospettati li għandhom rabtiet mal-insurġenti, inkluża l-prattika li jinħarqu d-djar li jappartjenu lill-familji ta’ membri attivi jew allegati tal-oppożizzjoni armata; jitlob lill-awtoritajiet biex jieħdu passi konkreti biex jipprevjenu li jsir mill-ġdid dan it-tip ta’ ksur u biex jikkastigaw lill-uffiċjali responsabbli fil-livelli kollha;

 

7. Iħeġġeġ lir-Russja tipprovdi aċċess mingħajr ostakoli għall-Kawkasu ta' Fuq lill-organizzazzjonijiet internazzjonali tad-drittijiet tal-bniedem, lill-midja u l-istituzzjonijiet governattivi internazzjonali, bħall-Kunsill tal-Ewropa, il-Kumitat Internazzjonali tar-Red Cross, l-OSKE u n-NU; barra minn hekk jistieden b’mod partikolari lill-awtoritajiet kompetenti joħolqu ċirkostanzi li jippermettu lil Memorial u organizzazzjonijiet oħrajn tal-jeddijiet tal-bniedem li jerġgħu jkomplu bis-sħiħ bl-attivitajiet tagħhom fil-Kawkasu ta' Fuq b'ambjent sigur;

8. Jesprimi t-tħassib kbir tiegħu fir-rigward tal-għadd dejjem jikber ta’ għajbien ta’ residenti tal-Kawkasu ta' Fuq li jidher li nħatfu f’reġjuni Russi oħra, u jitlob lill-Uffiċċju Ġenerali ta’ Prosekuturi Pubbliċi tal-Federazzjoni Russa biex jiċċara u jikkonferma fejn jinsabu dawn iċ-ċittadini;

9. Iħeġġeġ lill-awtoritajiet federali Russi jiżguraw li tittieħed azzjoni abbażi ta’ soluzzjonijiet fuq medda twila ta’ żmien għall-persuna spustjati internament (IDPs); jitlob li jkun hemm azzjoni governattiva mtejba b’appoġġ għall-operazzjonijiet tal-UNHCR biex jitkomplew il-programmi ta’ akkomodazzjoni għall-IDPs u biex jiġu faċilitati miżuri għat-titjib tal-aċċess tal-IDPs għas-servizzi u l-benefiċċji; jenfasizza li jeħtieġ li jkun hemm monitoraġġ kontinwu tal-IDPs biex jiġi żgurat li d-drittijiet tagħhom ma jerġgħux jinkisru; iħeġġeġ lill-Gvern Russu jirrikonoxxi b’mod formali l-kunċett tal-IDPs u jadatta l-leġiżlazzjoni tiegħu skont dan;

 

10. Jistieden lill-awtoritajiet federali Russi jinvestigaw il-qtil ta’ Natalia Estemirova malajr, sew u b'mod effettiv u jressaq kemm lil dawk reponsabbli għal dawn l-atti brutali kif ukoll lil dawk involuti quddiem il-ġustizzja;

11. Jiċħad u jikkundanna l-attentati ċiniċi u assurdi biex Memorial tiġi implikata fil-krimini ta’ għajnuna lill-organizzazzjonijiet terroristiċi;

12. Jikkundanna l-ftuħ ta’ investigazzjoni kriminali kontra Oleg Orlov u jħeġġeġ lill-awtoritajiet kompetenti jerġgħu iqisu d-deċiżjoni tagħhom li jiftħu proċedimenti kriminali; Jirrimarka li dikjarazzjonijiet bħal dawk ta’ Oleg Orlov huma leġittimi f’demokrazija u m’għandhomx ikunu soġġetti għal kastigi la skont il-liġi ċivili u lanqas il-liġi kriminali;

 

13. Jistieden lill-awtoritajiet Russi biex – jekk jissoktaw il-proċedimenti – jiżguraw li ma jkunx hemm ksur ulterjuri tal-liġi fl-investigazzjoni u fil-proċedimenti quddiem il-qorti kontra Oleg Orlov, u biex jikkonformaw f’kull ċirkostanza mad-Dikjarazzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar id-Difensuri tal-Jeddijiet tal-Bniedem, id-Dikjarazzjoni Universali dwar il-Jeddijiet tal-Bniedem u l-istrumenti internazzjonali u reġjonali dwar id-drittijiet tal-bniedem ratifikati mill-Federazzjoni Russa;

14. Ifakkar li Oleg Orlov ingħata l-Premju Sakharov tal-Parlament Ewropew għall-2009, u jinsab għalhekk taħt il-protezzjoni speċjali morali u politika tal-Parlament Ewropew; iħeġġeġ lill-Gvern Russu jippermetti lil Oleg Orlov jattendi ċ-ċerimonja ta’ għoti tal-Premju Sakharov 2010 fi Strasburgu mingħajr xkiel;

15. Jikkundanna t-tiftix tal-uffiċċji tal-organizzazzjonijiet tad-drittijiet tal-bniedem u jistenna li jiġu ċċarati l-legalità u l-objettiv ta’ dawn l-azzjonijiet;

16. Jiddeplora l-fatt li l-abbużi kontinwi mid-drittijiet tal-bniedem qed ikollhom impatt ferm negattiv fuq l-immaġini u l-kredibilità tar-Russja fid-dinja, u qed ixekklu r-relazzjonijiet bejn l-Unjoni Ewropea u l-Federazzjoni Russa, li huma importanti u għandhom jiżviluppaw fi sħubija strateġika, meta titqies id-dipendenza reċiproka taż-żewġ partijiet u l-bosta interessi komuni, b’mod partikolari fir-rigward tal-politika, is-sigurtà, l-ekonomija u l-kooperazzjoni fil-qasam tal-enerġija, iżda li għandhom jiżviluppaw ukoll f’rispett għall-prinċipji u l-proċeduri demokratiċi u fi drittijiet tal-bniedem bażiċi;

17. Jappoġġa bis-saħħa r-rakkomandazzjonijiet tar-riżoluzzjoni adottata mill-Assemblea Parlamentari tal-Kunsill tal-Ewropa tat-22 ta’ Ġunju 2010 dwar ir-rimedji legali għall-ksur tad-drittijiet tal-bniedem fil-Kawkasu ta' Fuq, li jistgħu jkunu utli ferm biex jintemm in-nuqqas ta’ kkastigar li jgawdi minnu min iwettaq ksur tad-drittijiet tal-bniedem, u biex tiġi ristawrata l-fiduċja tal-poplu fl-aġenziji tal-infurzar tal-liġi;

18. Jistieden lill-awtoritajiet Russi jikkonformaw mas-sentenzi kollha tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem u jimplimentaw miżuri biex jirrettifikaw ksur f’każijiet individwali, inkluż billi jiżguraw li jsiru investigazzjonijiet effettivi u billi jżommu lil min iwettaq tali ksur bħala responsabbli, u jadottaw miżuri ġenerali biex jimplimentaw is-sentenzi, inklużi politiki u tibdil legali biex jiġi evitat li jsir ksur ta’ dan it-tip mill-ġdid;

19. Jirrakkomanda li l-awtoritajiet tal-Istat fil-livelli federali, reġjonali u lokali jibdew djalogu kostruttiv mal-attivisti tas-soċjetà ċivili biex ikunu jistgħu jiġu żviluppati strutturi demokratiċi li jaħdmu kif xieraq;

20. Jitlob li jogħla l-livell tal-konsultazzjonijiet marbutin mad-drittijiet tal-bniedem bejn l-UE u r-Russja u jħeġġeġ biex dan il-proċess ikun apert għall-input effettiv min-naħa tal-Parlament Ewropew, tad-Duma, tal-awtoritajiet ġudizzjarji Russi u tal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili u tad-drittijiet tal-bniedem; jistieden lir-Russja tirrispetta bis-sħiħ l-obbligi tagħha bħala membru tal-OSKE u tal-Kunsill tal-Ewropa;

21. Jiġbed l-attenzjoni b’mod partikolari għas-sitwazzjoni ta’ eluf ta’ refuġjati mill-Kawkasu ta' Fuq fl-Istati Membri tal-UE, b’riferiment partikolari għad-diaspora miċ-Ċeċnija li tgħix fl-Awstrija, li tammonta għal mill-inqas 20,000 persuna, inklużi botsa minorenni; F’dan ir-rigward jesprimi t-tħassib tiegħu rigward il-qtil ta’ refuġjat Ċeċen fi Vjenna f’Mejju 2010 u l-allegazzjonijiet serji fir-rigward tal-implikazzjoni tal-President Ċeċen f’dan il-qtil; jitlob lill-Istati Membri tal-UE biex jimplimentaw politika iktar koordinata, koerenti u viżibbli dwar il-protezzjoni tar-refuġjati tal-Kawkasu ta' Fuq f’art Ewropea, bi qbil mal-obbligi umanitarji u tad-drittijiet tal-bniedem tagħhom;

22. Jagħti struzzjonijiet lill-President tiegħu li jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri, lill-Gvern u lill-Parlament tal-Federazzjoni Russa, lill-OSKE u lill-Kunsill tal-Ewropa.