Mozzjoni għal riżoluzzjoni konġunta - RC-B7-0571/2010Mozzjoni għal riżoluzzjoni konġunta
RC-B7-0571/2010

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI KONĠUNTA  dwar l-Ukraina

19.10.2010

skont l-Artikolu 110(4) tar-Regoli ta’ Proċedura
li tieħu post il-mozzjonijiet għal riżoluzzjoni mressqa mill-gruppi:
ALDE (B7‑0571/2010)
Verts/ALE (B7‑0575/2010)
ECR (B7‑0577/2010)
PPE (B7‑0578/2010)

Elmar Brok, José Ignacio Salafranca Sánchez-Neyra, Michael Gahler, Ioannis Kasoulides, György Schöpflin, Lena Kolarska-Bobińska, Joachim Zeller, Vytautas Landsbergis, Cristian Dan Preda, Traian Ungureanu, Jacek Protasiewicz, Inese Vaidere f'isem il-Grupp PPE
Johannes Cornelis van Baalen, Adina-Ioana Vălean, Ramon Tremosa i Balcells f'isem il-Grupp ALDE
Werner Schulz, Rebecca Harms f'isem il-Grupp Verts/ALE
Charles Tannock f'isem il-Grupp ECR


Proċedura : 2010/2934(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument :  
RC-B7-0571/2010
Testi mressqa :
RC-B7-0571/2010
Testi adottati :

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar l-Ukraina

Il-Parlament Ewropew,

 

–   wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar l-Ukraina,

–   wara li kkunsidra r-Riżoluzzjoni 1755 tal-Assemblea Parlamentari tal-Kunsill tal-Ewropa, adottata fil-5 ta' Ottubru 2010, dwar il-funzjonament tal-istituzzjonijiet demokratiċi fl-Ukraina,

–   wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat ta' Monitoraġġ tal-Assemblea Parlamentari tal-Kunsill tal-Ewropa adottat fid-9 ta' Settembru 2010,

–   wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill tal-Ewropa dwar l-Ukraina tas-16 ta' Settembru 2010,

–   wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni u r-Rakkomandazzjonijiet maħruġa wara l-14-il laqgħa tal-Kumitat ta' Kooperazzjoni Parlamentari UE-Ukraina, li saret fit-22 u t-23 ta' Marzu 2010 fi Brussell,

–   wara li kkunsidra l-bidliet tal-aħħar minuta fil-liġi elettorali tal-Ukraina li għadda l-Parlament Ukrain f’Ġunju 2010, ftit qabel ma saru l-elezzjonijiet qabel it-tieni ċiklu tal-elezzjonijiet lokali,

–   wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Konġunta adottata fis-Samit UE-Ukraina li sar fi Kiev fl-4 ta' Diċembru 2009,

–   wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Konġunta dwar is-Sħubija tal-Lvant imnedija fi Praga fis-7 ta' Mejju 2009,

–   wara li kkunsidra l-Ftehim ta' Sħubija u Kooperazzjoni (FSK) bejn l-Unjoni Ewropea u l-Ukraina, li daħal fis-seħħ fl-1 ta' Marzu 1998 u n-negozjati li għadhom għaddejjin dwar il-ftehim ta' assoċjazzjoni maħsub biex jissostitiwixxi l-FSK,

–   wara li kkunsidra l-Programm Nazzjonali Indikattiv 2011-2013 għall-Ukraina,

–   wara li kkunsidra l-Artikolu 110(4) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

 

A. billi l-Ukraina hija pajjiż Ewropew ta' importanza strateġika għall-UE; billi d-daqs, ir-riżorsi u l-popolazzjoni tagħha u l-post fejn tinsab ġeografikament jagħtu lill-Ukraina pożizzjoni distinta fl-Ewropa u jagħmluha parteċipant reġjonali ewlieni,

B.  billi kemm il-President elett ġdid Viktor Yanukovych kif ukoll il-Parlament tal-Ukraina (Verkhovna Rada) ikkonfermaw id-determinazzjoni tal-Ukraina li tingħaqad mal-Unjoni Ewropea,

C. billi saru allegazzjonijiet li l-libertajiet demokratiċi, bħalma huma l-liberta ta' assemblea, il-libertà tal-espressjoni u l-libertà tal-midja, sfaw mhedda matul ix-xhur reċenti,

D. billi wara l-elezzjonijiet presidenzjali qed ikun hemm dejjem iktar sinjali ta' tħassib fir-rigward tat-tnaqqir tad-demokrazija u l-pluraliżmu, kif juru, b’mod partikolari, it-trattament ta’ xi organizzazzjonijiet nongovernattivi u lmenti individwali minn ġurnalisti dwar pressjoni mill-edituri tagħhom jew mis-sidien tal-istabbilimenti tal-midja tagħhom biex ikopru jew ma jkoprux ċerti avvenimenti, kif ukoll attività iktar qawwija u motivata politikament tas-Servizz ta’ Sigurtà tal-Ukraina u l-użu ħażin tar-riżorsi amministrattivi u ġudizzjarji għal skopijiet politiċi,

E.  billi s-sentenza tal-Qorti Kostituzzjonali tal-Ukraina tal-1 ta' Ottubru 2010 terġa' tistabbilixxi s-sistema presidenzjali ta' governanza; billi t-twaqqif ta' sistema ta' verifiki u bilanċ li tkun demokratika, effettiva u sostenibbli għandha tibqa' prijorità u l-proċess sabiex jinkiseb dan għandu jibqa' miftuħ, inklussiv u aċċessibbli għall-partiti politiċi u l-atturi kollha fl-Ukraina,

F.  billi se jsiru elezzjonijiet lokali u reġjonali fl-Ukraina fil-31 ta' Ottubru 2010; billi saret kritika dwar xi aspetti tal-organizzazzjoni ta' dawn l-elezzjonijiet,

G. billi fit-13 ta' Ottubru 2010 r-Rappreżentant tal-OSKE dwar il-Libertà tal-Midja stqarr li l-Ukraina kisbet livell għoli ta' libertà tal-midja iżda jeħtiġilha tieħu passi urġenti biex tissalvagwardjaha, u talab lill-Gvern tal-Ukraina sabiex ma jagħmel l-ebda tentativ biex jinfluwenza jew jiċċensura l-kontenut tal-midja u jikkonforma mal-istandards internazzjonali tal-libertà tal-midja u mal-impenji tiegħu tal-OSKE favur il-libertà tal-midja,

1.  Jenfasizza li l-Ukraina għandha rabtiet storiċi, kulturali u ekonomiċi mal-Unjoni Ewropea, u hija waħda mis-sħab ewlenin tal-Unjoni fil-viċinat tal-Lvant tagħha, li għandha influwenza sinifikanti fuq is-sigurtà, l-istabilità u l-prosperità tal-kontinent kollu;

2.  Jesprimi t-tħassib tiegħu dwar iż-żieda fl-għadd ta' allegazzjonijiet u rapporti kredibbli li l-libertajiet u d-drittijiet demokratiċi, bħalma huma l-liberta ta' assemblea, il-libertà tal-espressjoni u l-libertà tal-midja, sfaw mhedda matul ix-xhur reċenti;

3.  Jistieden lill-awtoritajiet biex jinvestigaw b’mod sħiħ ir-rapporti kollha dwar ksur tad-drittijiet u l-libertajiet, jirrimedjaw kwalukwe ksur identifikat u jinvestigaw ir-rwol tas-Servizz ta’ Sigurtà tal-Ukraina fir-rigward tal-indħil fil-proċess demokratiku;

4.  Huwa mħasseb bl-iżviluppi reċenti li jistgħu jheddu l-libertà tal-midja u l-pluraliżmu; jistieden lill-awtoritajiet jieħdu l-miżuri neċessarji kollha sabiex jipproteġu dawn l-aspetti essenzjali ta’ soċjetà demokratika u joqogħdu lura minn kwalunkwe tentattiv biex jikkontrollaw direttament jew indirettament il-kontentut tar-rapporti fil-midja nazzjonali; jenfasizza l-ħtieġa urġenti ta’ riforma tal-liġijiet li jirregolaw is-settur tal-midja u għalhekk jilqa’ l-proposta reċenti li tikkonċerna l-introduzzjoni ta’ xandir ta’ servizz pubbliku fl-Ukraina; jilqa’ l-assigurazzjonijiet pubbliċi mogħtija mill-awtoritajiet tal-Ukraina li l-qafas legali meħtieġ biex jiġi stabbilit xandar ta’ servizz pubbliku se jiġi konkluż sal-aħħar tas-sena; jistieden lill-awtoritajiet jiżguraw li l-proċedimenti legali ma jwasslux għar-revoka selettiva ta' frekwenzi tax-xandir u jirrevedu kwalunkwe deċiżjoni jew ħatra li tista' twassal għal konflitt ta’ interess;

5.  Jistieden lill-Gvern tal-Ukraina jagħmel il-leġiżlazzjoni dwar il-libertà tal-midja konformi mal-istandards tal-OSKE;

 

6.  Jesprimi t-tħassib tiegħu fir-rigward tal-intervent vjolenti biex jitwaqqfu d-demostrazzjonijiet li saru f’Mejju u Ġunju li għaddew kontra l-allegat bini illegali ta’ triq li tgħaddi minn Gorki Park f’Kharkiv bi tħejjija għall-kampjunati tal-futbol Ewropej tal-2012, li wassal għall-fastidju u l-arrest ta’ attivisti mill-forzi tas-sigurtà u aġenziji oħrajn tal-infurzar tal-liġi;

7.  Jiddeplora l-fatt li r-regoli tal-elezzjonijiet għadhom suġġett ta' diskussjoni u jinnota li l-ligi elettorali eżistenti, kif emendata f'Awwissu 2010, hija meqjusa bħala pass lura mill-OSKE/ODIHR meta mqabbla mal-leġiżlazzjoni preċedenti, u dan wassal għal qafas legali inkomplut u mhux ċar; jistieden lill-awtoritajiet jiżguraw kompożizzjoni bbilanċjata tal-amministrazzjoni elettorali fil-livelli kollha, inkluż f'pożizzjonijiet ta' tmexxija; iħeġġeġ lill-awtoritajiet jikkunsidraw miżuri addizzjonali sabiex tisseddaq il-fiduċja tal-kandidati u l-votanti fil-proċess elettorali, bħalma huma d-dħul fil-proċess elettorali ta’ movimenti politiċi stabbiliti taħt isimhom u l-istabbiliment ta’ distinzjonijiet ċari bejn il-listi ta’ kandidati; jilqa’ għalhekk il-pass meħud mill-awtoritajiet tal-Ukraina li jistiednu osservaturi internazzjonali biex jissorveljaw l-elezzjonijiet u jinvestigaw bir-reqqa dak li jseħħ realment fil-post;

8.  Jenfasizza l-ħtieġa li tissaħħaħ il-kredibilità, l-istabilità, l-indipendenza u l-effettività tal-istituzzjonijiet, biex b’hekk jiġu ggarantiti d-demokrazija u l-istat tad-dritt u jiġi promoss proċess ta' riforma kostituzzjonali konsenswali bbażat fuq is-separazzjoni ċara tas-setgħat u verifiki u bilanċi effikaċi bejn l-istituzzjonijiet statali; jenfasizza li l-kooperazzjoni mal-Kummissjoni Ewropea għad-Demokrazija permezz tal-Liġi (il-Kummissjoni ta' Venezja) hija kruċjali sabiex ikun żgurat li l-pakketti ta' riformi leġiżlattivi li qegħdin jiġu żviluppati attwalment ikunu konsistenti totalment mal-istandards u l-valuri Ewropej; jistieden lill-partijiet interessati politiċi relevanti, inklużi l-gvern u l-oppożizzjoni, jipparteċipaw f’dan il-proċess, u jistieden lill-awtoritajiet tal-Ukraina jitolbu l-opinjoni tal-Kummissjoni ta' Venezja dwar il-verżjonijiet finali tal-abbozzi ta' liġijiet;

9.  Iħeġġeġ lill-Kummissjoni u lill-Kunsill jikkonkludu pjan direzzjonali għall-introduzzjoni ta’ vjaġġar bla viża għall-Ukraini, inkluż l-objettiv intermedju li jitneħħew il-ħlasijiet tal-viża eżistenti; jenfasizza, madankollu, li r-rekwiżiti stipulati fi kwalunkwe ftehim bħal dan għandhom jiġu ssodisfati; huwa fiduċjuż li l-konsolidazzjoni tal-iżviluppi demokratiċi fl-Ukraina se tiffaċilita dan il-proċess;

10. Jenfasizza l-importanza vitali tal-proċess ta’ intergrazzjoni Ewropea tal-Ukraina biex jiġu segwiti riformi ekonomiċi, soċjali u politiċi fl-Ukraina; jispera, għalhekk, li jsir progress sostanzjali fis-Samit UE-Ukraina li jmiss, li għandu jsir fit-22 ta’ Novembru 2010 fi Brussell, fir-rigward tal-konklużjoni immedjata ta’ ftehim ta’ assoċjazzjoni; jistieden, għalhekk, lill-Kummissjoni u lill-Ukraina sabiex iżidu l-isforzi tagħhom biex jimplimentaw l-Aġenda ta’ Assoċjazzjoni UE-Ukraina;

11. Huwa mħasseb dwar il-każijiet ta' vjolenza kontra l-ġurnalisti u l-intimidazzjoni tagħhom u l-għejba tal-ġurnalist ta' Novy Styl,Vasyl Klymentiev fil-11 ta' Awwissu 2010; jinsab fiduċjuż li l-awtoritajiet tal-Ukraina se jieħdu l-miżuri neċessarji kollha biex jikkompletaw l-investigazzjoni dwar l-għejba tiegħu;

12. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-gvernijiet tal-Istati Membri, lill-President, il-Gvern u l-Parlament tal-Ukraina u lill-Assemblej Parlamentari tal-Kunsill tal-Ewropa u tal-OSKE.