MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI KONĠUNTA dwar il-Ftehim Kummerċjali Kontra l-Falsifikazzjoni (ACTA)
23.11.2010
li tieħu post il-mozzjonijiet għal riżoluzzjoni mressqa mill-gruppi:
Verts/ALE (B7‑0617/2010)
ALDE (B7‑0619/2010)
S&D (B7‑0620/2010)
GUE/NGL (B7‑0621/2010)
Kader Arif, Véronique De Keyser f'isem il-Grupp S&D
Niccolò Rinaldi, Marietje Schaake, Alexander Alvaro, Marielle De Sarnez, Renate Weber f'isem il-Grupp ALDE
Carl Schlyter, Eva Lichtenberger, Sandrine Bélier f'isem il-Grupp Verts/ALE
Helmut Scholz, Rui Tavares, Miloslav Ransdorf, Marisa Matias f'isem il-Grupp GUE/NGL
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar il-Ftehim Kummerċjali Kontra l-Falsifikazzjoni (ACTA)
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra l-Artikoli 207 u 218 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-UE,
– wara li kkunsidra l-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 8 tagħha,
– wara li kkunsidra l-Istrateġija għal implimentazzjoni effikaċi tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali min-naħa tal-Unjoni Ewropea,
– wara li kkunsidra l-konklużjoni, fit-2 ta' Ottubru 2010, tal-aħħar rawnd ta' negozjati tal-Ftehim Kummerċjali Kontra l-Falsifikazzjoni (ACTA),
– wara li kkunsidra x-xandir għall-pubbliku tat-Test finali tal-ACTA fil-15 ta' Novembru 2010,
– wara li kkunsidra r-Riżoluzzjoni tiegħu tat-18 ta' Diċembru 2008 dwar l-impatt tal-iffalsifikar fuq il-kummerċ internazzjonali (2008/2133(INI))[1],
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-10 ta' Marzu 2010 dwar it-trasparenza u s-sitwazzjoni attwali tan-negozjati tal-ACTA[2],
– wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni bil-Miktub 0012/2010 dwar in-nuqqas ta’ proċess trasparenti għall-Ftehim Kummerċjali Kontra l-Falsifikazzjoni (ACTA),
– wara li kkunsidra d-dibattiti fis-seduti plenarji tat-8 ta' Settembru u tal-20 ta' Ottubru 2010 dwar l-ACTA,
– wara li kkunsidra d-deċiżjoni tiegħu tal-20 ta’ Ottubru 2010 dwar ir-rieżami tal-ftehim ta’ qafas dwar ir-relazzjonijiet bejn il-Parlament Ewropew u l-Kummissjoni,
– wara li kkunsidra l-Ftehim Interistituzzjonali dwar il-Leġiżlar Aħjar bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni (2003/C 321/01),
– wara li kkunsidra d-deċiżjoni tal-Ombudsman Ewropew dwar l-ilment 90/2009/(JD)OV dwar l-aċċess għad-dokumenti tal-ACTA,
– wara li kkunsidra l-opinjonijiet tal-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data (KEPD) dwar in-negozjati attwali mill-Unjoni Ewropea għal Ftehim Kummerċjali Kontra l-Falsifikazzjoni, u l-ittra mill-Grupp ta' Ħidma għall-Protezzjoni tad-Data lill-Kummissjoni Ewropea,
– wara li kkunsidra d-Direttiva 2000/31/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-8 ta' Ġunju 2000 dwar ċerti aspetti legali tas-servizzi minn socjeta tal-informazzjoni, partikolarment il-kummerc elettroniku, fis-Suq Intern (Direttiva dwar il-kummerc elettroniku)[3],
– wara li kkunsidra d-Direttiva 2002/58/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-ipproċessar tad-data personali u l-protezzjoni tal-privatezza fis-settur tal-komunikazzjoni elettronika[4], kif emendata l-aħħar mid-Direttiva 2009/136/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta' Novembru 2009[5],
– wara li kkunsidra l-Ftehim tal-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ (WTO) dwar Aspetti tad-Drittijiet tal-Proprjetà Intellettwali relatati mal-Kummerċ (TRIPS),
– wara li kkunsidra l-Konklużjonijiet tal-Kunsill dwar il-Koerenza tal-Politiki għall-Iżvilupp (KPI),
– wara li kkunsidra t-Tilwima DS409 tad-WTO, l-Unjoni Ewropea u Stat Membru – il-Konfiskazzjoni ta’ Drogi Ġeneriċi in Tranżitu,
– wara li kkunsidra l-istqarrija għall-istampa tad-WTO dwar il-Kunsill TRIPS tat-8 u d-9 ta’ Ġunju 2010,
– wara li kkunsidra l-Artikolu 110(4) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
It-Trattat ta' Lisbona
A. billi l-UE għandha kompetenza esklużiva fil-qasam tal-Politika Kummerċjali Komuni (PKK); billi, bħala riżultat tad-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta’ Lisbona, il-Parlament se jkollu jagħti l-approvazzjoni tiegħu għat-test tal-ACTA, qabel id-dħul fis-seħħ tiegħu fl-UE,
Rimarki ġenerali
B. billi l-ġlieda kontra l-falsifikazzjoni fil-livell dinji tirrappreżenta element ewlieni fl-istrateġija politika tal-UE biex tiggarantixxi kundizzjonijiet ugwali għall-produtturi tal-UE u impjiegi għaċ-ċittadini tal-UE;
C. billi l-11-il rawnd, dak finali, tan-negozjati dwar l-ACTA ġie konkluż f'Tokjo, il-Ġappun, fit-2 ta' Ottubru 2010; billi se ssir laqgħa teknika f'Sydney (bejn it-30 ta' Novembru u t-3 ta' Diċembru – jew jekk ikun meħtieġ l-4 ta' Diċembru – 2010) biex jiffinalizza t-test legali tal-ftehim,
D. billi l-ACTA jolqot kwistjonijiet kruċjali, bħalma huwa r-rispett għad-drittijiet fundamentali, il-privatezza u l-protezzjoni tad-data, ir-rispett tar-rwol importanti ta' internet liberu, u s-salvagwardja tan-newtrlità tal-fornitur tas-servizzi u tal-aċċess għall-mediċini,
E. billi l-ACTA qed jiġi ppreżentat lill-Parlament Ewropew mill-Kummissjoni bħala għodda biex ittejjeb il-livell tal-effikaċja ta' dawk l-istandards li se jibbenefikaw l-esportazzjonijiet tal-UE u jipproteġu lid-detenturi tad-drittijiet meta joperaw fis-suq dinji, minħabba li bħalissa jbġarrbu ksur sistematiku u wiesa' tad-drittijiet tal-awtur, trademarks, privattivi, disinji u indikazzjonijiet ġeografiċi tagħhom,
F. billi 11-il pajjiż (jekk l-UE titqies bħala pajjiż wieħed) u fosthom biss żewġ pajjiżi li qed jiżviluppaw (il-Marokk u l-Messiku), ħadu sehem fin-negozjati,
G. billi l-għan tal-partijiet fin-negozjati hu li l-ACTA jiġi estiż għal pajjiżi li qed jiżviluppaw u pajjiżi emerġenti;
H. billi n-negozjaturi tal-ACTA ppubblikaw it-test konsolidat fis-6 ta' Ottubru 2010, u wara din id-data l-Kummissjoni għarrfet lill-Parlament; billi l-Kummissjoni xandret pubblikament it-Test finali tal-ACTA fil-15 ta' Novembru 2010,
I. billi, wara appelli qawwija mill-Parlament Ewropew, il-livell ta' trasparenza tan-negozjati ttejjeb,
J. billi jeħtieġ li jkun hemm kjarifika tal-bażi legali tal-ACTA,
K. billi l-Kummissjoni rreferiet għad-deċiżjoni tal-Ombudsman biex tiġġustifika li l-ACTA jiġi nnegozjat bħala ftehim kummerċjali u mhux bħala trattat ta' infurzar; billi l-Ombudsman stqarr li "l-konklużjoni tal-ACTA tista' tabilħaqq tirrikjedi li l-UE tipproponi u tapprova leġiżlazzjoni. F'dak il-każ, l-ACTA jikkostitwixxi l-unika jew l-akbar kunsiderazzjoni li tirfed dik il-leġiżlazzjoni, u ċ-ċittadini jkollhom interess ċar li jiġu mgħarrfa dwar l-ACTA",
L. billi l-Kummissjoni, bħala l-gwardjan tat-Trattati, għandha l-obbligu li tħares ir-rispett tal-acquis communautaire; billi dan jimplika li ma tistax tbiddel l-acquis meta tinnegozja ftehimiet internazzjonali li jaffettwaw il-leġiżlazzjoni fl-UE,
M. billi l-Kummissjoni ripetutament stqarret fid-dibattiti plenarji li l-ACTA jindirizza biss miżuri ta' infurzar u ma jinkludix dispożizzjonijiet li jimmodifikaw id-dritt sustantiv dwar id-drittijiet tal-proprjetà intelletwali fl-UE,
N. billi d-Direttiva 2001/29/KE tipprovdi qafas legali armonizzat dwar id-drittijiet tal-awtur u d-drittijiet relatati u sistema effikaċi għall-protezzjoni tagħhom; billi l-Artikolu 5 tad-Direttiva jippreżenta lista eżawrjenti ta' eċċezzjonijiet u limitazzjonijiet, biex b'hekk iżomm lill-Istati Membri milli jdaħħlu eċċezzjonijiet u limitazzjonijiet ġodda; billi l-ACTA għandu l-għan li jkompli jestendi l-livell ta' protezzjoni għad-detenturi tad-drittijiet billi jipprovdi kompetenzi ta' infurzar tad-drittijiet tal-awtur aktar estensivi, imma ma jindirizzax il-possibilità li jespandi l-eċċezzjonijiet u l-limitazzjonijiet eżistenti u jista' jirrestrinġi d-diskrezzjoni tal-qrati nazzjonali biex jinterpretaw l-eċċezzjonijiet eżistenti b'mod flessibbli; billi l-avvanzi teknoloġiċi mmultiplikaw u ddiversifikaw il-mezzi għall-ħolqien, il-produzzjoni u l-isfruttament tax-xogħlijiet kreattivi u bilanċ ġust tal-interessi bejn id-detenturi tad-drittijiet u l-utenti jirrikjedi approċi ġodda għal-liberalizzazzjoni tal-aċċess għal dawk ix-xogħlijiet permezz tat-teknoloġiji diġitali; billi l-Kummissjoni qed tħejji proposta leġiżlattiva dwar ix-xogħlijiet fejn id-detentur tad-dritt tal-awtur mhux magħruf biex jiffaċilitaw id-diġitizzazzjoni u d-disseminazzjoni tax-xogħlijiet kreattivi fl-Ewropa;
O. billi l-partijiet tal-ACTA impenjaw ruħhom li jimxu mal-obbligi skont l-Artikolu 7 tal-Ftehim TRIPS biex jikkontribwixxu għall-promozzjoni tal-innovazzjoni teknika; billi l-politiki fundamentali tal-UE relatati mal-interoperabilità jiddependu fuq dispożizzjonijiet fl-acquis communautaire li f'xi każi jippermettu r-"reverse engineering",
Il-privattivi
P. billi, waqt il-Plenarja tal-20 ta' Ottubru 2010, il-Kummissarju għall-Kummerċ stieden lill-Parlament biex jesprimi l-opinjoni tiegħu dwar il-kwistjoni pendenti ta' jekk il-privattivi għandhomx jiġu inklużi fit-taqsimiet dwar l-Infurzar Ċivili; billi n-negozjaturi tal-ACTA sostnew li "l-ACTA mhuwiex se jfixkel it-tranżitu transkonfinali ta' mediċini ġeneriċi leġittimi"; billi l-Parlament, fir-riżoluzzjoni u d-dikjarazzjoni bil-miktub tiegħu, iddikjara li kwalunkwe miżura li jkollha l-għan li ssaħħaħ is-setgħat tal-ispezzjoni u l-qbid transkonfinali ta' prodotti m'għandhiex tipperikola l-aċċess globali għal mediċini legali, sikuri u bi prezz raġonevoli, billi r-Regolament tal-Kunsill 1383/2003, li d-dispożizzjonijiet tiegħu qed jiġu dikussi f'każ ta' tilwim fi ħdan id-WTO, jipprovdi miżuri ta' infurzar fil-fruntieri għall-prodotti in tranżitu; billi xi atturi, bħan-negozji fis-settur farmaċewtiku, il-manifatturi tal-mediċini ġeneriċi u dawk li jippromwovu s-saħħa globalment, iwissu kontra l-inklużjoni tal-privattivi fl-ACTA u dwar l-effetti li potenzjalment ikunu ta' ħsara fuq l-innovazzjoni teknoloġika, l-aċċess għall-mediċini u l-kompetizzjoni ġenerika,
Q. billi m'hemm l-ebda leġiżlazzjoni tal-UE dwar il-privattivi,
R. billi l-privattivi jistgħu jiġu esklużi mill-ambitu tal-miżuri tal-infurzar ċivili fl-ACTA; billi l-inklużjoni tal-privattivi f'din it-taqsima jista' jxekkel l-aċċess għal mediċini legali u bi prezz raġonevoli;
L-aċċess għall-mediċini
S. billi xi sħab kummerċjali sinifikanti li attwalment mhumiex partijiet għall-ACTA affermaw fil-Kunsill tad-WTO dwar it-TRIPS li l-ACTA jista' jkun f'kunflitt mal-Ftehim TRIPS u ftehimiet oħra tad-WTO, ikun ta' riskju għad-dritt u l-proċess tad-WTO peress li jopera barra mill-qafas legali tad-WTO, idgħajjef il-bilanċ tal-jeddijiet, l-obbligi u l-flessibilitajiet li ġew innegozjati b'attenzjoni f'diversi ftehimiet tad-WTO, ixekkel il-kummerċ u joħloq ostakli kummerċjali, u jdgħajjef il-flessibilitajiet mibnija fit-TRIPS u d-dikjarazzjoni ta' Doha dwar it-TRIPS u s-saħħa pubblika tal-2001, bħal dawk għas-saħħa pubblika u l-kummerċ tal-mediċini ġenerali,
Id-drittijiet fundamentali
T. billi l-Kummissjoni ddikjarat fil-Komunikazzjoni tagħha tad-19 ta' Ottubru 2010 li "wieħed m'għandu jsib xejn xi jgħid fl-azzjoni tal-Unjoni fejn jidħlu d-drittijiet fundamentali" u li "l-Unjoni għandha tkun ta' eżempju f'dan ir-rigward"; billi l-Kummissjoni ddikjarat fil-Plenarja tal-20 ta' Ottubru 2010 li l-ACTA "għadu ma ġiex inizjalat" u li "hija l-prerogattiva tal-Kummissjoni, bħala negozjatur, li tiddeċiedi l-punt meta n-negozjati jkunu teknikament iffinalizzati u meta l-ftehim jista' jiġi inizjalat",
U. billi kwalunkwe ftehim milħuq mill-Unjoni Ewropea dwar l-ACTA għandu jikkonforma mal-obbligi legali imposti fuq l-UE fir-rigward tad-dritt dwar il-privatezza u l-protezzjoni tad-data, kif notevolment stipulat fid-Direttiva 95/46/KE, fid-Direttiva 2002/58/KE (kif emendata l-aħħar mid-Direttiva 2009/136/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta' Novembru 2009), fid-Direttiva 2009/136/KE u d-Direttiva 2009/140/KE dwar netwerks u servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi, u fil-ġurisprudenza tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Qorti tal-Ġustizzja,
V. billi l-Kummissjoni hija marbuta mill-Ftehim Interistituzzjonali tal-2010 u għaldaqstant ma għandhiex tappoġġa mekkaniżmi awtoregolatorji u koregolatorji fejn ikun hemm fin-nofs id-drittijiet fundamentali, bħad-dritt tal-libertà tal-espressjoni;
W. billi l-Kummissjoni ħarġet komunikazzjoni dwar il-valutazzjoni tal-impatt fid-19 ta' Ottubru 2010,
X. billi l-ebda dispożizzjoni fil-Ftehim ACTA ma għandha tiġi interpretata b'tali mod li toħloq preċedent jew li tippermetti xi deroga, issa jew għall-ġejjieni, jew li timmodifika l-acquis b'mod li jista' jwassal biex jiddgħajjef il-ħarsien tad-drittijiet fundamentali skont id-dritt tal-UE, u billi l-Kummissjoni u l-Kunsill għandhom jiddikjaraw espliċitament li jaqblu ma' dan il-prinċipju,
L-indikazzjonijiet ġeografiċi
Y. billi l-Kummissjoni affermat aktar min darba l-importanza li jiġi infurzat il-ħarsien tal-indikazzjonijiet ġeografiċi (IĠ); billi l-partijiet qablu li l-ACTA se jiddisponi dwar l-infurzar tal-IĠ,
L-iskala kummerċjali
Z. billi l-Artikolu 2.14.1 tal-ACTA fih definizzjoni ta' skala kummerċjali: "Għall-finijiet ta' din it-taqsima, atti mwettqa fuq skala kummerċjali jinkludu għallinqas dawk imwettqa bħala attivitajiet kummerċjali għal vantaġġ ekonomiku jew kummerċjali dirett",
AA. billi n-nota 9 ta' qiegħ il-paġna tal-ACTA tgħid: "Kull Parti għandha tittratta l-importazzjoni jew l-esportazzjoni volontarja ta' oġġetti bi trademark falza jew prodotti bid-dritt tal-awtur foloz fuq skala kummerċjali bħala attivitajiet illegali suġġetti għal pieni kriminali skont dan l-Artikolu. Parti tista' taqdi l-obbligu tagħha dwar l-esportazzjoni u l-importazzjoni ta' prodotti bid-dritt tal-awtur ippiratati jew bi trademark iffalsifikati billi tipprovdi għad-distribuzzjoni, il-bejgħ jew l-offerta għall-bejgħ ta' prodotti bi trademark ffalsifikati jew bid-dritt tal-awtur ippiratati fuq skala kummerċjali bħala attivitajiet kontra l-liġi soġġetti għal pieni kriminali",
L-infurzar kriminali u s-sanzjonijiet
BB. billi t-taqsima tal-ACTA dwar l-infurzar kriminali fiha dispożizzjonijiet li jirreferu għall-proċeduri krimanli, għar-responsabilità kriminali, għar-reati, għall-infurzar kriminali u għall-pieni; billi l-Presidenza tal-Kunsill innegozjat id-dispożizzjonijiet dwar l-infurzar kriminali fl-ACTA f'isem l-Istati Membri,
Id-Drittijiet tal-Proprjetà Intellettwali fl-ambjent diġitali
CC. billi l-fornituri tas-servizzi tal-internet m'għandhomx ikunu responsabbli għad-data li jittrażmettu jew jospitaw permezz tas-servizzi tagħhom sal-punt li tkun meħtieġa sorveljanza jew filtrazzjoni minn qabel ta' data bħal din; billi l-opinjoni tal-KEPD dwar l-ACTA twissi li l-fornituri tas-servizzi tal-internet jistgħu "jdaħħlu klawżoli fil-kuntratti tal-klijenti tagħhom biex jippermettu l-monitoraġġ tad-data tagħhom u l-qtugħ tal-abbonament tagħhom",
DD. billi l-Artikolu 1.2 tal-ftehim jiddikjara li "kull Parti għandha tkun ħielsa li tistabbilixxi l-metodu xieraq ta' implimentazzjoni tad-dispożizzjonijiet ta' dan il-Ftehim fis-sistema u l-prattika legali tagħha",
EE. billi l-ksur tad-Drittijiet tal-Proprjetà Intelletwali fl-ambjent diġitali huwa ttrattat mill-awtoritajiet ġudizzjarji nazzjonali,
Il-Kumitat tal-ACTA
FF. billi l-arranġamenti istituzzjonali fl-ACTA jikkonferixxu lill-Kumitat tal-ACTA l-awtorità relatata, inter alia, mal-implimentazzjoni u t-tħaddim tal-Ftehim, l-emendar tal-Ftehim, il-parteċipazzjoni mhux governattiva u d-deċiżjonijiet rigward ir-regoli u l-proċeduri tal-Kumitat; billi l-Artikolu 21 TFUE jiggwida l-Unjoni biex tfittex li tavvanza d-demokrazija;
Trattat ta' Lisbona
1. Jinnota li, fi qbil mat-Trattat ta' Lisbona, is-setgħat tal-Parlament twessgħu ħafna fil-qasam tal-politika komuni tal-kummerċ, u b'mod partikolari, il-Parlament huwa obbligat jagħti l-kunsens tiegħu għal kull ftehim kummerċjali konkluż mill-UE;
Rimarki ġenerali
2. Itenni li l-ġlieda kontra l-falsifikazzjoni hija prijorità tal-istrateġija politika interna u esterna internazzjonali tiegħu u li l-kooperazzjoni internazzjonali hija kwestjoni essenzjali għall-ilħiq ta’ dan l-għan;
3. Jiddeplora li l-impatt globali ta' dan il-ftehim min-natura tiegħu hu limitat bil-fatt li l-pajjiżi li huma s-sors ewlieni tal-falsifikazzjoni u l-parti l-kbira tal-pajjiżi li qed jiżviluppaw mhumiex partijiet fil-ftehim;
4. Jinnorta l-konklużjoni tal-11-il rawnd tan-negozjati dwar l-ACTA; jinnota l-ħruġ tat-test konsolidat fit-2 ta' Ottubru 2010, wara r-rawnd ta' Tokjo, u l-ħruġ tat-test finali fil-15 ta' Novembru 2010;
5. Jiddeplora l-fatt li ma sarux pubbliċi t-testi kollha tan-negozjati diskussi bejn l-10 ta' Marzu 2010 u l-ħruġ tat-test finali fil-15 ta' Novembru 2010;
6. Jiddeplora l-fatt li dawn in-negozjati ma sarux u l-ftehim ma ġiex konkluż fil-qafas tal-fora multilaterali eżistenti (eż. id-WTO u l-WIPO), li huwa r-raġuni għall-bażi ta' sħubija żgħira tiegħu, bl-esklużjoni tal-parti l-kbira tal-pajjiżi li qed jiżviluppaw;
7. jinnoat li s-sħubija tal-ACTA mhijiex esklussiva u tippermetti li jidħlu pajjiżi li qed jiżviluppaw; għalhekk jitlob lill-Kummissjoni biex toqgħod lura milli timponi dan il-ftehim fuq il-pajjiżi li qed jiżviluppaw u biex tħeġġeġ lill-partijiet l-oħra tal-ACTA jaqblu li l-proċeduri u t-termini tal-adeżjoni mal-ACTA għandhom ikunu adegwatament flessibbli u jqisu l-livelli ta' żvilupp tal-pajjiżi li jkunu se jaderixxu, fi qbil mal-Konklużjonijiet tal-Kunsill dwar il-Koerenza tal-Politika għall-Iżvilupp;
8. Jitlob lill-Kummissjoni u lill-Kunsill jikkjarifikaw il-bażi legali; jitlob lill-Kummissjoni tikkjarifika kif jinqasmu l-kompetenzi bejnha u l-Kunsill rigward it-taqsima tal-Infurzar Kriminali tal-ACTA, inkluż f'dak li għandu x'jaqsam mal-inizjalar tiegħu; jinsisti li l-Parlament tingħatalu evidenza li l-bażi legali għan-negozjar tal-ACTA hi għalkollox konformi mat-Trattat ta' Lisbona, qabel ma jiġi inizjalat il-Ftehim;
9. Jilqa' d-dikjarazzjonijiet ripetuti tal-Kummissjoni li l-infurzar tad-dispożizzjonijiet tal-ACTA – partikolarment dawk dwar il-proċeduri tal-infurzar tad-drittijiet tal-awtur fl-ambjent diġitali – huwa konformi bis-sħiħ mal-acquis communautaire u li bil-ftehim mhuma se jiġu introdotti la t-tiftix personali u lanqas il-proċedura tat-tliet atti illegali ("three strikes"); l-ebda firmatarju tal-ACTA, u b'mod partikulari l-UE, ma jista', permezz tal-ftehim, jingħata l-mandat li jintroduċi l-iskema tat-tliet atti illegali jew skemi simili;
10. Iħeġġeġ lill-Kummissjoni timpenja ruħha li tipprovdi evidenza bil-miktub lill-Parlament Ewropew, fiż-żmien dovut qabel l-inizjalar, li l-ACTA ma jrażżanx l-armonizzazzjoni tal-eċċezzjonijiet u l-limitazzjonijiet għad-dritt tal-awtur u d-drittijiet relatati fl-UE; mhux se jirrestrinġi l-possibbiltà ta’ espansjoni futura ta’ eċċezzjonijiet u limitazzjonijiet lil hinn minn dawk elenkati fid-Direttiva 2001/29/KE; jeskludi alternattivi politiki u azzjonijiet ġudizzjarji futuri għall-espansjoni tal-aċċess għax-xogħlijiet kreattivi minħabba avvanzi teknoloġiċi billi jintużaw l-eċċezzjonijiet; jillimita l-alternattivi leġiżlattivi f'dak li għandu x'jaqsam max-xogħlijiet fejn id-detentur tad-dritt tal-awtur mhux magħruf jew jipprevjeni lill-Istati Membri milli jintroduċu leġiżlazzjoni għall-espansjoni tal-aċċess għal tali xogħlijiet, li tillimita r-rimedji kontra l-ksur ta' tali drittijiet tal-awtur;
11. Jitlob lill-Kummissjoni tikkonferma li l-ACTA mhux se jaffettwa, la issa u lanqas fil-ġejjieni, l-acquis tal-UE dwar id-drittijiet fundamentali u l-protezzjoni tad-data, l-isforzi li qed isiru fl-UE biex jiġu armonizzati l-miżuri ta' infurzar tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali jew inkella d-direttiva dwar il-kummerċ elettroniku;
12 Jitlob lill-Kummissjoni tikkonferma espliċitament, fiż-żmien dovut qabel ma tibda l-proċedura ta' approvazzjoni tal-Parlament, li d-dispożizzjonijiet tal-ACTA iħallu bla mittiefsa d-dispożizzjonijiet fl-acquis communautaire, bħal dawk li jinsabu fid-Direttiva 91/250/KEE dwar is-softwer u d-Direttiva 2001/29/KE dwar is-soċjetà tal-informazzjoni u l-implimentazzjonijiet ta' dawn mill-Istati Membri li, f'xi każijiet, jippermettu li jsir "reverse engineering" ta' programmi tal-kompjuter u li jiġu evitati t-TPMs (Trusted Platform Modules) sabiex jippermettu l-interoperabbiltà, u b'hekk jippromwovu l-kompetizzjoni u l-innovazzjoni;
Il-privattivi
13. Jinnota li l-privattivi jistagħu jkunu esklużi mit-taqsima tal-Infurzar Ċivili tal-ACTA, imma jenfasizza li esklużjoni espliċita u assoluta hija l-uniku mod li jiġi ggarantit li l-ACTA ma ttellifx l-aċċess għal mediċini legali u bi prezz raġunevoli;
14. Jafferma li żidiet sostanzjali fid-danni u f'rimedji oħrajn għal ksur possibbli tad-dritt tal-proprjetà intellettwali se jiskoraġġixxu l-manifatturi u l-partijiet terzi involuti fil-produzzjoni, fil-bejgħ jew fid-distribuzzjoni ta' mediċini ġeneriċi bi prezz raġonevoli, partikolarment jekk dawn id-dispożizzjonijiet jiġu applikati għal prodotti in tranżitu; huwa mħasseb li l-applikazzjoni ta' dispożizzjonijiet tal-infurzar ċivili għall-privattivi fl-ACTA tista' tmur kontra l-interess pubbliku u tista' żżid ir-riskji għall-investiment, l-inċertezza fis-suq u thedded l-innovazzjoni teknoloġika, partikolarment fis-setturi fejn il-ksur ikun diffiċli li jiġi stabbilit, jew billi tinforza l-privattivi fuq organiżmi ħajjin, prodotti indiġeni u mediċini tradizzjonali; jitlob lill-Kummissjoni biex, qabel ma tinizjala l-Ftehim, tittratta l-firxa wiesgħa ta' riservi elenkati f'din il-mozzjoni fir-rigward tal-għażla ta' applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet fil-materja ċivili għall-privattivi u biex sussegwentement tippreżenta rapport lill-Parlament;
L-aċċess għall-mediċini
15. Jieħu nota tal-fatt li fil-preambolu tiegħu t-test tal-ACTA jiddikjara li hu maħsub biex "jipprovdi mezzi effikaċi u xierqa, li jikkomplimentaw il-Ftehim TRIPS, għall-infurzar tad-drittijiet tal-proprjetà intelletwali, filwaqt li jqis id-differenzi fis-sistemi u l-prattiki legali rispettivi" tal-Partijiet għall-ACTA; u jirrikonoxxi li "l-prinċipji stipulati fid-Dikjarazzjoni ta' Doha dwar il-Ftehim TRIPS u s-Saħħa Pubblika, adottata fl-14 ta’ Novembru 2001 mid-WTO fir-Raba’ Konferenza Ministerjali tagħha, li saret f’Doha, fil-Qatar" jikkostitwixxu s-sisien li fuqhom iserraħ it-test tal-ACTA, u għalhekk jikkunsidra li kull infurzar tal-ACTA għandu jkun konformi ma’ dawn il-prinċipji;
16. Jilqa’ t-titjib li sar fl-abbozz tat-test tal-ACTA li jipprovdi aktar salvagwardji għall-privatezza u s-saħħa pubblika u jinkorpora xi ħarsien li jinsab fil-Ftehim TRIPS; jistieden lill-Kummissjoni tivvaluta jekk id-dispożizzjonijiet dwar salvagwardji fl-ACTA humiex infurzabbli bl-istess mod tad-dispożizzjonijiet dwar l-infurzar; jitlob lill-Kummissjoni tagħti evidenza li l-ACTA mhux se jipprevjeni Stati Membri milli jintroduċu leġiżlazzjoni li tillimita r-rimedji għall-ksur, inkluż it-twessigħ tal-aċċess għal xogħlijiet bi dritt ta' awtur mhux magħruf jew l-użu tal-flessibbiltajiet skont il-Ftehim TRIPS, biex tkun iggarantita firxa sħiħa ta' għażliet ta' politika futuri; jitlob lill-Kummissjoni tagħmel valutazzjoni dwar jekk l-ACTA effettivament hux se jkun ftehim vinkolanti u jekk l-Artikolu 1.2 tiegħu jipprovdix flessibbiltà ġenerali fir-rigward ta' kwalunkwe element li jista' jikkontradixxi l-ACTA fil-liġijiet nazzjonali; jitlob lill-Kummissjoni tippreżenta l-mekkaniżmi li jipprovdu l-flessibiltà li tippermetti lill-partijiet biex jadottaw eċċezzjonijiet leġittimi stipulati fil-Ftehim li jkunu konsistenti mal-objettivi u l-prinċipji tal-Ftehim TRIPS u mad-Dikjarazzjoni ta' Doha tal-2001 dwar it-TRIPS u s-saħħa pubblika;
Id-drittijiet fundamentali
17. Jenfasizza li l-ħarsien tal-privatezza u tad-data huma valuri bażiċi tal-Unjoni Ewropea, rikonoxxuti fl-Artikolu 8 tal-Konvenzjoni Ewropea dwar id-Drittijiet tal-Bniedem u fl-Artikoli 7 u 8 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, li jeħtieġ jiġu rispettati fil-politiki u r-regoli kollha adottati mill-UE, skont l-Artikolu 16 TFUE;
18. Jistieden lill-Kummissjoni biex tippreżenta lill-Parlament, qabel ma jiġi ffirmat il-Ftehim, analiżi ġuridika tat-tifsira, il-legalità u l-infurzar tal-politiki mixtieqa tal-ACTA rigward il-koperazzjoni bejn il-fornituri tas-servizzi u d-detenturi tad-drittijiet, kif propost fl-Artikolu 2.18.3, partikolarment b'referenza għal kif l-isforzi koperattivi fil-komunità tan-negozju mhumiex se jillimitaw id-drittijiet fundamentali taċ-ċittadini, inklużi d-dritt għall-privatezza, id-dritt għal-libertà tal-espressjoni u d-dritt għal proċess xieraq;
19. Jistieden għal darb'oħra lill-Kummissjoni twettaq, fi żmien xieraq qabel ma jiġi ffirmat il-Ftehim, valutazzjoi tal-impatt tal-implimentazzjoni tal-ACTA fuq id-drittijiet fundamentali u l-protezzjoni tad-dejta, fuq l-isforzi kontinwi tal-UE biex tarmonizza l-miżuri ta' infurzar tal-IPR u fuq id-Direttiva dwar il-Kummerċ elettroniku;
20. Jikkonkludi li l-Kummissjoni trid tinforma lill-Parlament fi żmien xieraq dwar ir-riżultati ta' dawn il-valutazzjonijiet;
21. Huwa mħasseb bil-kontenut tal-Artikolu 2.X ta' Taqsima 3, li jirreferi għall-fatt li, anke meta l-oġġetti li jinġarru jkunu ta' natura mhux kummerċjali, il-bagalji personali tal-vjaġġaturi huma koperti mill-ftehim sakemm il-partijiet ma jiddeċidux li jeskluduhom; iqis li dan l-artikolu jikkostitwixxi inċentiv biex il-partijiet jadottaw regoli aktar stretti rigward il-kontrolli tal-bagalji personali tal-vjaġġaturi fil-fruntieri, filwaqt li minflok, il-Kummissjoni kellha tiddefendi l-fatt li d-drittijiet fundamentali tal-persuni ħaqqhom aktar ħarsien, b'mod partikolari d-dritt għall-privatezza, f'livell internazzjonali;
22. Jinsisti li l-Kummissjoni taġixxi bil-ħeffa f'konformità mal-Komunikazzjoni tagħha tad-19 ta' Ottubru 2010 dwar valutazzjoni tal-impatt rigward id-drittijiet fundamentali;
L-indikazzjonijiet ġeografiċi
23. Iħeġġeġ lill-Kummissjoni taħdem attivament biex tiżgura l-inklużjoni ta' prattiki effikaċi ta' infurzar għall-GIs gl-ACTA; jenfasizza l-importanza tal-ħarsien tal-GIs għall-kumpaniji Ewropej u għall-impjieg fl-UE; jiddeplora l-fatt li li l-Ftehim ma jiddefinixxix "indikazzjonijiet ġeografiċi ffalsifikati" fl-Artikolu 1.X tiegħu, billi din l-ommissjoni tista' toħloq taħwid jew talinqas tikkomplika l-ħidma tal-awtoritajiet amministrattivi u ġudizzjarji fl-interpretazzzjoni u fl-infurzar tal-ACTA;
24. Ma jaqbilx mal-pożizzjoni tal-Kummissjoni, li tgħid li kisbet titjib sinifikanti ħafna rigward tal-ħarsien tal-GIs; iqis li, billi l-GIs se jibqgħu bla ħarsien fil-pajjiżi kollha li ma jirrikonoxxuhomx fil-leġiżlazzjoni nazzjonali tagħhom, il-progress f'dan il-qasam mhuwiex sodisfaċenti;
L-iskala kummerċjali
25. Huwa preokkupat li d-definizzjoni ta' skala kummerċjali fl-ACTA (Artikolu 2.14.1) tmur lilhinn minn dik adottata fil-25 ta' April 2007 fil-votazzjoni tiegħu dwar il-proposta emendata għal direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar miżuri kriminali bil-għan li jiżguraw l-infurzar tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali – 2005/0127(COD);
26. Iqis il-fatt li l-Presidenza tal-Kunsill innegozjat it-taqsima dwar l-Infurzar Kriminali fl-ACTA f'isem l-Istati Membri; jitlob lill-Kummissjoni u lill-Kunsill jippreżentaw lill-Parlament interpretazzjoni preċiża ta' 'skala kummerċjali', kif imsemmi fl-Artikolu 2.14.1 tal-Ftehim, jitlob lill-Kummissjoni u lill-Kunsill jirriaffermaw li l-Artikolu 2.14.1 mhu se jirrikjedi l-ebda tibdil għall-acquis communautaire, b'mod partikulari fir-rigward tal-votazzjonijiet tal-Parlament dwar il-proposta emendata għal direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar miżuri kriminali bil-għan li jiżguraw l-infurzar tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali – 2005/0127(COD); jitlob lill-Kunsill u lill-Kummissjoni biex jipprovdu, qabel ma jiġi ffirmat il-Ftehim, valutazzjoni ġuridika tal-modi li bihom id-definizjoni tal-ACTA ta' 'skala kummerċjali' hija koerenti mad-deċiżjoni tad-WTO dwar iċ-Ċina u konformi għalkollox mal-prinċipji tal-UE ta' proporzjonalità u sussidjarjetà u mhijiex se tillimita r-rikors min-naħa tal-Istati Membri għall-eċċezzjonijiet nazzjonali fis-settur tal-miżuri ta' infurzar kriminali;
27. Iqis li l-partijiet m'għandhomx jiġu obbligati jikkriminalizzaw il-'camcording' u għalhekk jilqa' l-fatt li l-partijiet qablu, wara insistenza min-naħa tal-UE, li l-kriminalizzazzjoni tal-'camcording' m'għandhiex tkun obbligatorja (Artikoli 2.14.3 u 2.15);
L-infurzar kriminali u s-sanzjonijiet
28. Juwa preokkupat li l-ACTA jippermetti lill-awtoritajiet ġudizzjarji li joħorġu ordni (jiġifieri, twissija b'awtorità fl-Artikolu 2.X) kontra waħda mill-partijiet, jew parti terza; jinnota li din is-setgħa ta' projbizzjoni tmur kontra d-Direttiva dwar l-Infurzar tad-Drittijiet tal-Proprjetà Intellettwali, li tippermetti projbizzjonijiet biss "biex tipprevjeni kwalunkwe ksur imminenti"; barra minn hekk, skont din id-Direttiva partijiet terzi jridu jkunu involuti fil-ksur biex potenzjalment ikunu suġġetti għal ordni ta' awtorità ġudizzjarja;
29. Jitlob lill-KEPD jippreżenta opinjoni dwar it-test tal-ACTA l-aktar reċenti;
Id-Drittijiet tal-Proprjetà Intellettwali fl-ambjent diġitali
30. Jiddeplora l-fatt li l-Artikolu 2.18.3 jagħti istruzzjonijiet espliċiti lill-partijiet (i.e. "għandhom jagħmlu ħilithom") biex jikkoperaw mal-komunità kummerċjali biex "jindirizzaw b'mod effikaċi" l-ksur; ifakkar lill-Kummissjoni li fil-Ftehim Interistituzzjonali 2003 ġie miftiehem li biex "ikun żgurat li kull użu tal-koregolamentazzjoni jew tal-awtoregolamentazzjoni dejjem ikun konformi mal-liġi Komunitarja (...) u ma jkunx japplika meta d-drittijiet fundamentali jkunu fil-periklu"; jitlob lill-Kummissjoni tivvaluta jekk, kumplessivament, l-ACTA jistax ibiddel il-bilanċ attwali fil-leġiżlazzjoni tal-UE bejn l-obbligi legali tal-fornituri tas-servizz tal-internet li jipproteġu d-data personali tal-utenti finali u li jfornu din id-data lid-detenturi ta' drittijiet ta' proprjetà intellettwali jew lil awtoritajiet amministrattivi u ġudizzjarji;
31. Iħeġġeġ lill-Kummissjoni tiżgura li l-ambitu tal-Ftehim ikun limitat għas-sistema Ewropea ta' infurzar tad-drittijiet tal-propjetà intellettwali kontra l-falsifikazzjoni; il-frażi 'b'mod mhux ġustifikabbli' għandha għalhekk titneħħa mill-Artikolu 2.X;
32. Huwa preokkupat li definizzjoni wiesgħa ħafna ta' atti fuq 'skala kummerċjali' (Artikolu 2.14.1), flimkien mal-obbligu li jittejbu sanzjonijiet għall-infurzar kriminali fil-każ ta' ksur tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali fl-ambjent diġitali (Artikolu 2.18.1), fosthom għall-"għajnuna f'xi attività kriminali" (Artikolu 2.14.4), tista' tinkoraġġixxi l-partijiet fil-ftehim jadottaw leġiżlazzjoni li fil-prattika twassal għall-kriminalizzazzjoni ta' utenti privati u intermedjarji;
Il-Kumitat tal-ACTA
33. Hu tal-fehma li l-Kumitat tal-ACTA għandu jaħdem b’mod miftuħ, inklużiv u trasparenti; jitlob lill-Kummissjoni biex tippreżenta, fi żmien xieraq qabel ma l-Parlament ikollu jqis l-opinjoni tiegħu dwar l-approvazzjoni, ir-rakkomandazzjonijiet għat-tmexxija tal-Kumitat tal-ACTA, partikolarment rigward il-parteċipazzjoni tal-Parlament Ewropew u l-proċess tal-emendar tal-Ftehim;
34. Jenfasizza li kull bidla f'dan il-ftehim trid tgħaddi minn skrutinju pubbliku min-naħa tal-partijiet kollha interessati u għandu jkollha l-approvazzjoni tal-Parlament; jitlob lill-Kummissjoni tikkonsulta lill-Kunsill u l-Parlament Ewropew qabel ma taċċetta jew tipproponi kwalunkwe emenda għat-test attwali fil-Kumitat tal-ACTA, fi proċess li jiggarantixxi t-trasparenza, l-iskrutinju parlamentari u l-parteċipazzjoni pubblika;
Il-kundizzjonijiet tal-PE biex jagħti l-approvazzjoni
35. Ifakkar li l-ACTA jirrikjedi l-approvazzjoni tal-PE u, possibilment, ir-ratifika mill-Istati Membri sabiex jidħol fis-seħħ; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Kunsill biex ma jipproponu l-ebda applikazzjoni proviżorja tal-ftehim qabel ma l-Parlament ikun ta l-approvazzjoni tiegħu; ifakkar lill-Kummissjoni u lill-Kunsill li l-Parlament jirriżerva d-dritt li ma jagħtix l-approvazzjoni għall-ACTA; jagħmilha kundizzjoni li kwalunkwe approvazzjoni għall-ACTA trid issir bil-koperazzjoni sħiħa rigward din ir-riżoluzzjoni;
36. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-Gvernijiet u l-Parlamenti tal-Istati li huma partijiet fin-negozjati dwar l-ACTA.
- [1] Testi adottati, P6_TA(2008)0634.
- [2] Testi adottati, P7_TA(2010)0058.
- [3] ĠU L 178, 17.7.2000, p. 1.
- [4] ĠU L 201, 31.7.2002, p. 37.
- [5] ĠU L 337, 18.12.2009, p. 11.