Mozzjoni għal riżoluzzjoni konġunta - RC-B7-0624/2010Mozzjoni għal riżoluzzjoni konġunta
RC-B7-0624/2010

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI KONĠUNTA dwar l-10 Anniversarju tar-Riżoluzzjoni 1325 (2000) tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU dwar in-Nisa, il-Paċi u s-Sigurtà

23.11.2010

imressqa skont l-Artikolu 110(4) tar-Regoli ta' Proċedura
li tieħu post il-mozzjonijiet għal riżoluzzjoni mressqa mill-gruppi:
PPE (B7‑0624/2010)
S&D (B7‑0625/2010)
ALDE (B7‑0626/2010)
ECR (B7‑0627/2010)
Verts/ALE (B7‑0649/2010)

Edit Bauer, Philippe Juvin, Lena Kolarska-Bobińska, Elisabeth Jeggle, Mariya Nedelcheva, Eleni Theocharous, Elisabeth Morin-Chartier f'isem il-Grupp PPE-DE
Véronique De Keyser, Maria Eleni Koppa, Ana Gomes, Richard Howitt, Roberto Gualtieri f'isem il-Grupp S&D
Norica Nicolai, Marielle De Sarnez f'isem il-Grupp ALDE
Barbara Lochbihler, Franziska Katharina Brantner, Ulrike Lunacek, Heidi Hautala, Raül Romeva i Rueda, Jean Lambert, Indrek Tarand, Bart Staes, Nicole Kiil-Nielsen, Eva Lichtenberger, Frieda Brepoels, Catherine Grèze, Marije Cornelissen, Judith Sargentini f'isem il-Grupp Verts/ALE
Charles Tannock f'isem il-Grupp ECR


Proċedura : 2010/2968(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument :  
RC-B7-0624/2010
Testi mressqa :
RC-B7-0624/2010
Dibattiti :
Testi adottati :

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar l-10 Anniversarju tar-Riżoluzzjoni 1325 (2000) tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU dwar in-Nisa, il-Paċi u s-Sigurtà

Il-Parlament Ewropew,

–   wara li kkunsidra r-Riżoluzzjonijiet 1325 (2000) u 1820 (2008) tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU dwar in-nisa, il-paċi u s-sigurtà u r-Riżoluzzjoni 1888 (2009) tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU dwar il-vjolenza sesswali fuq in-nisa u t-tfal f'sitwazzjonijiet ta' kunflitti armati, li tenfasizza r-responsabbiltà tal-istati kollha biex itemmu l-impunità u biex jipprosegwixxu kontra dawk responsabbli għal delitti kontra l-umanità u delitti tal-gwerra, fosthom dawk marbuta ma' vjolenza sesswali u vjolenza oħra fuq in-nisa u l-bniet,

–   wara li kkunsidra r-Riżoluzzjoni 54/134 tal-Assemblea Ġenerali tan-NU tas-7 ta' Frar 2000, li stabbiliet il-25 ta' Novembru bħala l-Jum Internazzjonali għall-Eliminazzjoni tal-Vjolenza fuq in-Nisa,

–   wara li kkunsidra l-Pjan ta' Azzjoni tal-Kunsill tal-UE dwar l-Ugwaljanza bejn is-Sessi fil-Kooperazzjoni għall-Iżvilupp, li għandu jiżgura l-integrazzjoni tal-ugwaljanza bejn is-sessi fil-ħidma kollha tal-UE ma' pajjiżi sħab fil-livelli kollha,

–   wara li kkunsidra l-ħatra f'Marzu 2010 ta' Rappreżentant Speċjali tas-Segretarju Ġenerali tan-NU dwar il-Vjolenza Sesswali f'Kunflitti Armati,

–   wara li kkunsidra d-dokument tal-Kunsill bit-titolu 'Approċċ Komprensiv għall-Implimentazzjoni tal-UE tal-UNSCR 1325 u 1820' u d-dokument ta' ħidma dwar 'l-Implimentazzjoni tal-UNSCR 1325 kif imsaħħa mill-UNSCR 1820 fil-kuntest tal-ESDP', adottati t-tnejn f'Diċembru 2008, u d-dokument tal-Kunsill dwar 'L-Integrazzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem fl-ESDP' ta' Settembru 2006,

–   wara li kkunsidra l-Linji gwida tal-UE dwar il-vjolenza u d-diskriminazzjoni kontra n-nisa u l-bniet u l-Linji gwida tal-UE dwar it-tfal u l-kunflitti armati,

–   wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-3 ta' April 2009 dwar l-integrazzjoni tal-ugwaljanza bejn is-sessi fir-relazzjonijiet barranin tal-UE u fil-konsolidazzjoni tal-paċi u tal-istrutturi tal-Istat[1],

–   wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-1 ta' Ġunju 2006 dwar in-nisa f'kunflitti armati u dwar ir-rwol tagħhom fir-rikostruzzjoni wara l-kunflitti[2],

–   wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-17 ta' Ottubru 2006 dwar in-nisa fil-politika internazzjonali[3],

–   wara li kkunsidra l-pjan ta' azzjoni 2007 dwar l-integrazzjoni tas-sessi tas-Sottokumitat tiegħu għas-Sigurtà u d-Difiża,

–   wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-7 ta' Ottubru 2010 dwar in-nuqqasijiet fil-protezzjoni tad-drittijiet tal-bniedem u tal-ġustizzja fir-Repubblika Demokratika tal-Kongo[4],

–   wara li kkunsidra l-Entità l-ġdida tan-NU dwar il-ġeneru (UN Women),

–   wara li kkunsidra l-Artikolu 110(4) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A. billi l-vjolenza fuq in-nisa f'żoni ta' kunflitti bosta drabi hija estensjoni tad-diskriminazzjoni bbażata fuq il-ġeneru diġà eżistenti fi żmien il-paċi; billi din is-sena l-Jum Internazzjonali għall-Eliminazzjoni tal-Vjolenza fuq in-Nisa jikkoinċidi mal-10 Anniversarju tar-Riżoluzzjoni 1325 tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU, li kienet l-ewwel riżoluzzjoni li tindirizza l-impatt sproporzjonat u uniku li jkollu kunflitt armat fuq in-nisa u jorbot l-esperjenzi ta' kunflitt tan-nisa maż-żamma tal-paċi u s-sigurtà internazzjonali, li tkopri l-oqsma tematiċi interkonnessi tal-parteċipazzjoni, il-protezzjoni, il-prevenzjoni, l-għajnuna u l-irkupru,

B.  wara li kkunsidra l-Jum Internazzjonali kontra l-Vjolenza fuq in-Nisa li jitfakkar fil-25 ta' Novembru,

C. billi r-Riżoluzzjonijiet 1820, 1888 u 1889 tal-Kunsill tas-Sigurtà saħħew u kkumplementaw ir-Riżoluzzjoni 1325, u billi l-erba' riżoluzzjonijiet jridu jitqiesu bħala s-sett ta' impenji tal-Kunsill tas-Sigurtà dwar in-nisa, il-paċi u s-sigurtà,

D. billi l-implimentazzjoni ta' dawn l-impenji hija preokkupazzjoni u responsabilità komuni ta' kull Stat Membru tan-NU, kemm jekk ikun milqut minn kunflitt, kif ukoll jekk ikun donatur jew xorta oħra; wara li kkunsidra l-adozzjoni f'Diċembru 2008 tal-Linji gwida tal-UE dwar il-vjolenza fuq in-nisa u l-bniet u l-Linji gwida tal-UE dwar it-tfal u l-kunflitti armati u l-ġlieda kontra l-forom kollha ta' diskriminazzjoni kontrihom, li jirrappreżentaw sinjal politiku b'saħħtu li dawn huma prijoritajiet għall-Unjoni,

E.  billi l-implimentazzjoni tar-Riżoluzzjonijiet 1820 u 1325 tal-KSNU għandhom jingħataw prijorità fir-rigward tal-użu tal-istrumenti finanzjarji esterni tal-UE biex jingħata appoġġ xieraq lill-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili li jaħdmu f'kunflitti armati u f'pajjiżi u reġjuni milquta minn kunflitti,

F.  billi l-Parlament Ewropew għandu josserva l-approċċ wiesa' adottat u l-implimentazzjoni tal-Pjan ta' Azzjoni prospettiv dwar l-Ugwaljanza bejn is-Sessi u u t-Tisħiħ tar-Rwol tan-Nisa fl-Azzjoni Esterna tal-UE, kif ukoll l-implimentazzjoni tal-linji gwida dwar il-vjolenza fuq in-nisa u t-tfal,

G. billi l-preżenza ta' perspettiva dwar il-ġeneru f'missjonijiet ċivili jew militari żżid ħafna l-effikaċja operazzjonali, li fir-rigward tagħha l-UE tista' tikkontribwixxi valur miżjud konsiderevoli billi tinvolvi ruħha attivament fil-qasam tan-nisa u l-kunflitti armati,

H. billi l-UE għandha tagħmilha possibbli għan-nisa li jipparteċipaw fil-prevenzjoni tal-kunflitti, fl-immaniġġjar tal-kriżijiet, fit-taħditiet dwar il-paċi u fil-fażijiet ta' wara l-kunflitti bħall-ippjanar tar-rikostruzzjoni wara t-tiġrif tal-gwerra,

I.   billi, il-Konvenzjoni ta' Ġinevra tikkunsidra l-istupru u l-iskjavitù sesswali, meta dawn jiffurmaw parti minn prattika sistematika u ġenerali, bħala delitti kontra l-umanità u bħala delitti tal-gwerra; billi l-istupru issa huwa rikonoxxut ukoll bħala element tad-delitt tal-ġenoċidju meta jitwettaq bil-ħsieb li jeqred, kompletament jew parzjalment, grupp partikulari; billi l-UE għandha tappoġġja sforzi biex tintemm l-impunità għal dawk li wettqu vjolenza sesswali fuq in-nisa u t-tfal,

J.   billi l-istabbiliment tas-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna (SEAE) għandu jikkontribwixxi b'mod sinifikanti għall-implimentazzjoni ulterjuri tar-Riżoluzzjonijiet 1325 u 1820 tal-KSNU fir-rigward kemm tal-istruttura interna tiegħu kif ukoll tal-azzjonijiet u l-politiki esterni tiegħu,

K. billi l-UE adottat għadd ta' dokumenti importanti dwar kif għandhom jiġu implimentati r-Riżoluzzjonijiet 1820 u 1325 tal-KSNU,

L.  billi l-2010 hija wkoll is-sena tar-rieżami tal-'MDG plus 10',

M. billi hija biss minoranza tal-Istati Membri tal-UE li fasslu pjanijiet ta' azzjoni nazzjonali biex jimplimentaw ir-Riżoluzzjoni 1325 tal-KSNU; billi l-Awstrija, il-Belġju, id-Danimarka, il-Finlandja, Franza, il-Pajjiżi l-Baxxi, il-Portugall, Spanja, l-Isveżja u r-Renju Unit adottaw pjanijiet ta' azzjoni nazzjonali,

1.  Jenfasizza li l-10 Anniversarju tar-Riżoluzzjoni  1325 tal-KSNU għandu jindika l-bidu ta' aġenda msaħħa għall-implimentazzjoni ta' dik ir-riżoluzzjoni, li ma jista' jsir l-ebda progress dwarha jekk ma jkunx hemm tmexxija politika fl-ogħla livelli u riżorsi addizzjonali; jirrakkomanda bil-qawwa li din il-kwistjoni tiġi indirizzata kif dovut fir-rieżami li qed isir tal-politika għad-drittijiet tal-bniedem tal-UE meta din tasal għall-elaborazzjoni ta' Strateġija għad-Drittijiet tal-Bniedem għall-Pajjiżi u għall-evalwazzjoni tal-Linji gwida tal-UE dwar il-vjolenza fuq in-nisa u l-bniet u l-Linji gwida tal UE dwar it-tfal u l-kunflitti armati u l-ġlieda kontra kull għamla ta' diskriminazzjoni kontrihom;

2.  Jappella għall-allokazzjoni ta' riżorsi finanzjarji, umani u organizzattivi speċifiċi u sinifikanti għall-parteċipazjoni tan-nisa u l-integrazzjoni tal-ugwaljanza bejn is-sessi fil-qasam tal-politika barranija u ta' sigurtà; jappella sabiex jintbagħtu aktar nisa fil-missjonijiet tal-pulizija, militari, ġudizzjarji u favur l-istat tad-dritt, u f'operazzjonijiet għaż-żamma tal-paċi; jistieden lill-Istati Membri tal-UE biex jippromwovu attivament il-parteċipazzjoni tan-nisa fir-relazzjonijiet bilaterali u multilaterali tagħhom ma' stati u organizzazzjonijiet barra l-UE;

3.  Iħeġġeġ lir-RGħ/VP Ashton, f'rieżami ta' nofs il-perjodu wara ħames snin, biex timmonitorja l-implimentazzjoni tal-impenji u tiffaċilita l-iskambju tal-aħjar prattiki;

4.  Iħeġġeġ bil-qawwa lir-RGħ/VP sabiex issaħħaħ ukoll il-Grupp ta' Ħidma tal-UE dwar in-nisa, il-paċi u s-sigurtà u jittama li jagħmel evalwazzjoni bejn il-pari tal-adozzjoni u l-implimentazzjoni ta' pjanijiet ta' azzjoni nazzjonali dwar ir-Riżoluzzjonijiet 1325 u 1820 tal-KSNU, iwettaq analiżi sistematika rigward ġeneru ta' missjonijiet tal-Politika ta' Sigurtà u ta' Difiża Komuni (PSDK) u jimmoniterja u jagħti pariri lid-delegazzjonijiet tal-UE f'pajjiżi u reġjuni milquta minn kunflitti;

5.  Iqis it-twaqqif ta' Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna (SEAE) bħala opportunità unika għat-tisħiħ tar-rwol tal-UE fir-rigward tal-implimentazzjoni tar-Riżoluzzjonijiet 1820 u 1325 tal-KSNU;

6.  Iħeġġeġ għalhekk lir-RGħ/VP sabiex tirrinforza u ssaħħaħ il-prattika tal-integrazzjoni tal-ugwaljanza bejn is-sessi u tieħu impenji sostanzjali u viżibbli ħafna rigward persunal, riżorsi finanzjarji u ġerarkija organizzattiva; iħeġġeġ lir-RGħ/VP biex issawwar, fi ħdan is-SEAE, unità organizzattiva dwar in-nisa, il-paċi u s-sigurtà, fid-dipartiment tematiku rilevanti, u biex tassigura li f'kull dipartiment ġeografiku u delegazzjoni tal-UE tal-anqas kariga waħda full-time tiġi ddedikata lin-nisa, il-paċi u s-sigurtà u li dawn il-persuni jkunu jiffurmaw parti mill-Grupp ta' Ħidma tal-UE, jew ikunu marbuta mill-qrib miegħu;

7.  Jilqa' bi pjaċir is-serje ta' avvenimenti pubbliċi bħall-jiem miftuħa implimentati tal-anqas mit-tliet missjonijiet tal-PSDK, EUPM, EULEX u EUMM sabiex jiċċelebraw l-10 Anniversarju tar-Riżoluzzjoni 1325 tal-KSNU; jilqa' l-input tal-Kapaċità Ċivili tal-Ippjanar u t-Tmexxija (CPCC) tal-UE f'dan ir-rigward; ifakkar li missjonijiet tal-PSDK huma fost l-aktar għodda importanti tal-EU sabiex juru l-impenn tagħha favur l-objettivi tar-Riżoluzzjonijiet 1820 u 1325 tal-KSNU f'pajjiżi u reġjuni milquta minn kriżijiet;

8.  Iħeġġeġ lir-RGħ/VP u lill-Istati Membri tal-UE sabiex jinkludu referenzi għar-Riżoluzzjonijiet 1325 u 1820 tal-KSNU fid-Deċiżjonijiet tal-Kunsill u fil-mandati ta' missjonijiet li jirrigwardaw il-PSDK u sabiex jiżguraw li l-missjonijiet kollha tal-PSDK ikollhom tal-anqas Konsulent wieħed dwar il-Ġeneru u Pjan ta' Azzjoni dwar kif għandhom jintlaħqu l-objettivi tar-Riżoluzzjonijiet 1325 u 1820; iħeġġeġ lir-RGħ/VP, lill-Istati Membri u lill-Kapijiet ta' Missjoni tal-UE sabiex jagħmlu l-kooperazzjoni u l-konsultazzjoni ma' organizzazzjonijiet lokali tan-nisa element standard ta' kull missjoni;

9.  Jitlob li jitwaqqfu proċeduri ta' lment pubbliċi xierqa fil-kuntest tal-missjonijiet tal-PSDK, li b'mod partikolari jiffavorixxu r-rappurtar ta' vjolenza bbażata fuq is-sess u l-ġeneru; jistieden lir-RGħ/VP sabiex tinkludi rapport dettaljat dwar in-nisa, il-paċi u s-sigurtà fl-evalazzjoni ta' kull sitt xhur tal-missjonijiet tal-PSDK;

10. Ifakkar fl-istupri tal-massa minn gruppi li seħħew mit-30 ta' Lulju sal-4 ta' Awwissu fid-distrett tal-minjieri fil-Lvant tal-Kongo, li tal-anqas 8 300 stupru ġew irrappurtati s-sena li għaddiet fil-Lvant tal-Kongo u li tal-anqas 1 244 mara rrappurtaw li ġew stuprati fl-ewwel tliet xhur tal-2010, li hija medja ta' 14-il stupru kuljum; iħeġġeġ liż-żewġ missjonijiet tal-UE fir-Repubblika Demokratika tal-Kongo – EUPOL RD Kongo u EUSEC RD Kongo – sabiex jagħmlu l-ġlieda kontra l-vjolenza sesswali u l-parteċipazzjoni tan-nisa l-prijoritajiet ewlenin fil-kuntest tal-isforzi favur ir-riforma tas-settur tas-sigurtà Kongoliż;

11. Jenfasizza li huwa importanti li l-UE taħtar iktar uffiċjali tal-pulizija u suldati nisa għall-missjonijiet tal-PSDK, li b'rabta magħhom il-kontinġent tal-uffiċjali tal-pulizija nisa fil-forza għaż-żamma tal-paċi tan-NU fil-Liberja jista' jintuża bħala mudell;

12. Jiġbed l-attenzjoni għall-ħtieġa li jiġi stabbilit kodiċi tal-kondotta għall-persunal tal-UE li jservi f'missjonijiet militari u ċivili li jagħmilha ċara li l-isfruttament sesswali jikkostitwixxi mġiba mhux ġustifikabbli u kriminali;

13. Jitlob l-implimentazzjoni tar-Riżoluzzjonijiet 1325 u 1820 tal-KSNU fid-dokumenti ta' strateġija għall-pajjiżi tal-UE u l-mobilizzazzjoni ta' aktar appoġġ finanzjajrju għall-parteċipazzjoni ta' nisa minn pajjiżi milquta mill-kunflitti fi proċessi Ewropej; jistieden lir-RGħ/VP u lill-Kummissarji għall-Iżvilupp, it-Tkabbir u l-Għajnuna Umanitarja sabiex jagħmlu l-aspetti tan-nisa, il-paċi u s-sigurtà parti integrali mill-ippjanar u l-programmazzjoni tal-istrumenti finanzjarji esterni bħall-EIDHR, l-ICI, IPA u speċjalment id-DCI u l-IfS;

14. Jenfasizza li l-Kummissjoni għandha tiffaċilita l-aċċess tal-NGOs żgħar għas-sussidji mill-Istrument Ewropew għad-Demokrazija u għad-Drittijiet tal-Bniedem (EIDHR); ifakkar li attwalment bosta organizzazzjonijiet żgħar tan-nisa ma jirnexxilhomx jaqbżu l-ostakoli burokratiċi għat-tressiq tal-applikazzjonijiet;

15. Jistieden lill-Kummissarju għall-Iżvilupp sabiex jagħti prijorità lill-appoġġ tal-ħidma minn organizzazjonijiet tan-nisa f'żoni milquta minn kunflitti; jistieden lir-RGħ/VP biex tuża l-komponent għal perjodu twil ta' żmien tal-Istrument għall-Istabbiltà (IfS) biex talloka fondi ta' appoġġ għall-parteċipazzjoni tan-nisa fi proċessi rigward paċi, sigurtà u rikonċiljazzjoni u sabiex tiddetermina sistematikament allokazzjonijiet għan-nisa, il-paċi u s-sigurtà fil-miżuri kollha għal perjodu qasir ta' żmien skont l-Artikolu 3 tal-Istrument għall-Istabbiltà;

16. Huwa tal-fehma li d-delegazzjonijiet tal-UE għandhom jinfurmaw lill-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili, bħalma huma l-organizzazzjonijiet lokali tan-nisa, dwar l-impenn tagħhom f'reġjuni fejn hemm kunflitti u sabiex jikkonsultaw lill-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili fil-proċess tal-ippjanar tal-politiki;

17. Jitlob li tiżdied b'mod sostanzjali l-parteċipazzjoni tan-nisa f'kull qasam tal-operazzjonijiet, inklużi l-ħidma ta' rikonċiljazzjoni, in-negozjati għall-paċi, il-ħolqien tal-paċi, l-infurzar tal-paċi, iż-żamma tal-paċi u l-prevenzjoni tal-kunflitti;

18. Jitlob żieda immedjata fil-parteċipazzjoni tan-nisa fl-inizjattivi kollha li l-għan tagħhom hu li jinstabu soluzzjonijiet għall-kunflitti, anke bħala medjaturi u negozjaturi u fl-implimentazzjoni ta' miżuri ta' soluzzjoni għall-kunflitti;

19. Jistieden lir-RGħ/VP biex tagħti bidu għal ġimgħa annwali li fiha mexxejja nisa jiġu kkonsultati u li tista' tkun kumplimentari għall-Jum Miftuħ Globali tan-NU għan-Nisa u l-Paċi, segwita minn rapporti u attivitajiet ta' segwitu ta' delegazzjonijiet tal-UE;

20. Jisħaq fuq il-ħtieġa ta' pjanijiet ta' azzjoni nazzjonali, li għandhom jipprovdu informazzjoni dwar il-perjodu ta' żmien tal-istrateġija nazzjonali, jistabbilixxu objettivi realistiċi, jiżviluppaw mekkaniżmi ta' superviżjoni u jikonkoraġġixxu parteċipazzjoni akbar tan-nisa fil-monitoraġġ, l-evalwazzjoni u l-mekkaniżmi ta' superviżjoni;

21. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Viċi President tal-Kummissjoni/Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, lill-Gvernijiet u l-Parlamenti tal-Istati Membri, lir-Rappreżentant Speċjali tan-NU dwar il-vjolenza sesswali f'kunflitti armati u lill-Kap tal-Entità tan-NU dwar il-Ġeneru (UN Women) li għadha kemm inħatret.