Mozzjoni għal riżoluzzjoni konġunta - RC-B7-0023/2011Mozzjoni għal riżoluzzjoni konġunta
RC-B7-0023/2011

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI KONĠUNTA dwar is-sitwazzjoni f'Ħaiti sena wara t-terremot: għajnuna umanitarja u rikostruzzjoni

17.1.2011

imressqa skont l-Artikolu 110(4) tar-Regoli ta' Proċedura
li tieħu post il-mozzjonijiet għal riżoluzzjoni mressqa mill-gruppi:
PPE (B7‑0023/2011)
S&D (B7‑0032/2011)
ALDE (B7‑0027/2011)
ECR (B7‑0025/2011)
Verts/ALE (B7‑0024/2011)
GUE/NGL (B7‑0034/2011)

Michèle Striffler, Filip Kaczmarek, Gay Mitchell f'isem il-Grupp PPE-DE
Véronique De Keyser, Thijs Berman, Patrice Tirolien f'isem il-Grupp S&D
Charles Goerens, Niccolò Rinaldi, Marielle De Sarnez f'isem il-Grupp ALDE
Charles Tannock, Emma McClarkin f'isem il-Grupp ECR
Michèle Rivasi f'isem il-Grupp Verts/ALE
Jacky Hénin, Marie-Christine Vergiat f'isem il-Grupp GUE/NGL

Proċedura : 2010/3018(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument :  
RC-B7-0023/2011
Testi mressqa :
RC-B7-0023/2011
Votazzjonijiet :
Testi adottati :

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar is-sitwazzjoni f'Ħaiti sena wara t-terremot: għajnuna umanitarja u rikostruzzjoni

Il-Parlament Ewropew,

–   wara li kkunsidra l-Konferenza Internazzjonali tad-Donaturi għal Futur Ġdid f'Ħaiti, li saret fi New York fil-31 ta' Marzu 2010, kif ukoll ir-rapport tal-missjoni tad-delegazzjoni tal-Kumitat għall-Iżvilupp tal-Parlament Ewropew fi New York,

–   wara li kkunsidra l-Pjan ta' Azzjoni għall-Irkupru u l-Iżvilupp Nazzjonali ta' Ħaiti: Inizjattivi ewlenin għall-futur, ta' Marzu 2010,

–   wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-laqgħa straordinarja tal-Kunsill tal-Ministri tal-Affarijiet Barranin li saret fi Brussell fit-18 ta' Jannar 2010,

–   wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni dwar it-terremot f'Ħaiti mir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika tas-Sigurtà tad-19 ta' Jannar 2010,

–   wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Konferenza Ministerjali preparatorja li saret f'Montreal fil-25 ta' Jannar 2010,

–   wara li kkunsidra l-Kunsens Ewropew dwar l-Għajnuna Umanitarja ffirmat mit-tliet istituzzjonijiet Ewropej f'Diċembru 2007,

–   wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-10 ta' Frar 2010 dwar it-terremot reċenti f'Ħaiti,

–   wara li kkunsidra r-rapport tal-missjoni tal-Kumitat għall-Iżvilupp tal-Parlament Ewropew f'Ħaiti (mill-25 sas-27 ta' Ġunju),

   wara li kkunsidra r-rapport tal-Assemblea Parlamentari Konġunta AKP-UE dwar il-missjoni għall-ġbir ta' informazzjoni f'Ħaiti u fir-Repubblika Dominikana tat-30 ta' Awwissu 2010,

–   wara li kkunsidra d-dokument konġunt ta' Catherine Ashton, Viċi President tal-Kummissjoni/Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, u ta' Kristalina Georgieva, Membru tal-Kummissjoni, dwar it-tagħlimiet mir-reazzjoni tal-Unjoni waqt id-diżastru ta' Ħaiti, ta' Ġunju 2010,

–   wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni Ewropea dwar il-kapaċità ta' reazzjoni Ewropea għall-emerġenzi, tas-26 ta' Ottubru 2010,

–  wara li kkunsidra l-Missjoni ta’ Stabilizzazzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti f’Ħaiti (Minustah),

–   wara li kkunsidra r-rapport ta' Michel Barnier intitolat "Għal Forza Ewropea għall-Protezzjoni Ċivili: għajnuna Ewropea”, li ġie ppubblikat f’Mejju 2006,

–   wara li kkunsidra l-Artikolu 110(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

 

A. billi t-terremot b'qawwa ta' 7.3 fuq l-iskala Richter li laqat lil Ħaiti fit-12 ta' Jannar 2010, wassal għall-mewt ta' 222 750 persuna, affettwa lil 3 miljun persuna u kkawża l-ispostament ta' madwar 1.7 miljun persuna, li ‘l fuq minn miljun fosthom għadhom qed joqogħdu f'kampjiet ta' akkoljenza mhux organizzati li kellhom ikunu temporanji, u billi l-assoċjazzjonijiet tad-difiża tad-drittijiet tal-bniedem jikkundannaw il-kondizzjonijiet ta' għajxien "tal-biża' " fil-kampijiet, u speċjalment "l-istupri u l-vjolenza sesswali" li jiffaċċjaw in-nisa,

B.  billi bejn 2.5 u 3.3 miljun ruħ attwalment huma f'kundizzjonijiet ta' "insigurtà alimentari", f'pajjiż li fih 60% tal-popolazzjoni jgħixu f'żoni rurali u 80% jgħixu fi stat ta' faqar assolut,

C. billi sena wara t-terremot, is-sitwazzjoni f'Ħaiti għadha kaotika, il-pajjiż għadu f'sitwazzjoni ta' emerġenza u r-rikostruzzjoni bilkemm għadha bdiet,

D. billi deċennji ta' faqar, ta' degradazzjoni tal-ambjent, ta' vulnerabilità għal diversi diżastri naturali, ta' vjolenza, ta' instabilità politika u ta' dittatura għamlu lil dan il-pajjiż l-ifqar wieħed fl-Ameriki, fejn qabel il-katastrofi, il-maġġoranza tat-12-il miljun Ħaitjan kienu jgħixu fuq inqas minn żewġ dollari kuljum; u billi l-ħsarat ikkawżati mit-terremot aggravaw ukoll l-inkapaċità tal-Istat li jipprovdi servizzi pubbliċi bażiċi u għaldaqstant li jirreaġixxi attivament għall-isforzi ta' għajnuna u ta' rikostruzzjoni,

E.  billi s’issa ngħataw USD 1.2 biljun mill-USD 10 biljun (b’żewġ skadenzi : 18-il xahar u 3 snin) imwegħda matul il-Konferenza Internazzjonali tad-Donaturi għar-Rikostruzzjoni ta’ Ħaiti fi New York fil-31 ta’ Marzu 2010,

F.  billi t-traġedja reċenti f'Ħaiti wriet il-bżonn li jitjiebu l-istrumenti għad-dispożizzjoni tal-Unjoni biex tegħleb id-diżastri (għajnuna umanitarja u mekkaniżmu Komunitarju ta’ protezzjoni ċivili) f'termini ta' effikaċja, ħeffa, koordinament u viżibilità,

G. billi wara proposta minn Ħaiti twaqqfet Kummissjoni Interim għar-Rikostruzzjoni ta' Ħaiti (IHRC), bl-għan li tiżgura l-koordinament u l-użu effikaċi tar-riżorsi, u bl-għan li timplimenta l-Pjan ta' Azzjoni għall-Iżvilupp ta' Ħaiti; billi l-Kummissjoni Ewropea, bħala donatur ewlieni, hija membru tal-IHRC u għandha dritt għall-vot,

H. billi t-tneħħija tat-tifrik tikkostitwixxi sfida kbira għar-rikostruzzjoni tal-pajjiż – tneħħiet parti minuskola tat-tiġrif –  u billi bir-ritmu attwali, iridu jgħaddu 6 snin biex jitneħħew il-miljuni ta’ metri kubi ta' tifrik,

I.   billi l-epidemija tal-kolera, li bdiet fid-19 ta' Ottubru 2010, sal-lum qatlet ‘il fuq minn 3 000 ruħ u billi ntlaqtu aktar minn 150 000 persuna; billi t-tixrid tal-epidemija jenfasizza n-nuqqasijiet strutturali evidenti tal-Istat ta' Ħaiti u l-limiti tas-sistema tal-għajnuna internazzjonali u tal-Minustah, u billi l-attivitajiet ta' reazzjoni għall-kolera huma partikolarment affettwati mill-kriżi politika attwali li oriġinat mill-elezzjonijiet,

J. billi mill-USD 174 miljun, in-Nazzjonijiet Uniti rċevew biss USD 44 miljun biex tiġi miġġielda l-epidemija tal-kolera,

K. billi d-WHO tbassar 400 000 każ ġdid ta' kolera matul it-12-il xahar li jmiss jekk l-epidemija ma tinqeridx,

L.  billi l-elezzjonijiet tat-28 ta' Novembru, li r-riżultati proviżorji tagħhom tħabbru fil-bidu ta' Diċembru, wasslu għal dimostrazzjonijiet vjolenti f'Ħaiti kif ukoll għal diversi denunzji ta' frodi; billi l-komunità internazzjonali trid tappoġġa proċess elettorali trasparenti u leġittimu biex tiżgura ma jkunx hemm tbagħbis fl-elezzjonijiet, fatt li huwa indispensabbli għar-rikostruzzjoni tal-pajjiż; u billi l-protezzjoni tal-popolazzjoni ċivili tikkostitwixxi prijorità ,

1.  Itenni s-solidarjetà tiegħu mal-abitanti ta' Ħaiti vittmi tat-terremot u tal-kolera u jenfasizza li r-rikostruzzjoni għandha ssir billi jiġu kkonsultati u involuti l-popolazzjoni u s-soċjetà ċivili Ħaitjani ;

2.  Jinsisti dwar impenn qawwi u fit-tul min-naħa tal-komunità internazzjonali, inkluża l-Unjoni Ewropea, bil-għan li jinżammu l-wegħdiet kollha li saru matul il-Konferenza internazzjonali tad-Donaturi fi New York, u biex il-komunità internazzjonali taġixxi mill-aktar fis; ikompli jisħaq li kull assistenza umanitarja u ta' rikostruzzjoni min-naħa tal-Unjoni trid tkun ipprovduta f’forma ta' għotjiet u mhux f’forma ta' self li jiġġenera d-dejn;

3.  Ifakkar fil-mobilizzazzjoni kbira tal-komunità internazzjonali wara t-terremot qerriedi f'Ħaiti kif ukoll fir-rieda politika reali tagħha li tagħti appoġġ għar-rikostruzzjoni ta' Ħaiti b'mod differenti, filwaqt li ma tagħmilx l-iżbalji tal-passat, kif ukoll li tittratta darba għal dejjem il-kawżi profondi tal-faqar f'Ħaiti;

4.  Jiddeplora d-daqs kbir tal-katastrofi f’Ħaiti, li l-effetti tagħha għadhom viżibbli sew, sena wara t-terremot ; jilqa' l-ammont ta' għajnuna umanitarja mogħtija lil Ħaiti mill-Kummissjoni Ewropea, li ta’ EUR 120 miljun (li EUR 12-il miljun minnhom marru għall-ġlieda kontra l-kolera) u dak tal-Istati Membri tal-Unjoni li jammonta għal madwar EUR 200 miljun, kif ukoll l-impenn tal-Kummissarju Ewropew għall-Kooperazzjoni Internazzjonali, l-Għajnuna Umanitarja u l-Protezzjoni Ċivili kif ukoll tad-DĠ ECHO u l-esperti tiegħu ;

5.  Jenfasizza li l-implimentazzjoni tal-"clusters" ippermettiet il-koordinament fuq l-art tal-interventi umanitarji iżda li dan il-metodu sadattant wera l-limiti tiegħu minħabba l-multipliċità kbira tal-protagonisti umanitarji u l-kumplessità tal-emerġenza minħabba l-konċentrazzjoni urbana qawwija;

6.  Jilqa' l-isforzi li saru u l-ħidma li twettqet mill-organizzazzjonijiet umanitarji (is-Salib l-Aħmar, l-NGOs, in-Nazzjonijiet Uniti) u mill-Istati Membri u jinsisti dwar konnessjoni neċessarja tal-effetti li ma jidhrux tal-interventi umanitarji u dwar il-fatt li s-sitwazzjoni setgħet tiġi kkontrollata partikolarment billi ttieħdet responsabilità għall-persuni midruba, billi ġew ipprovduti ilma għax-xorb u prodotti tal-ikel u billi ngħataw postijiet ta' kenn temporanji;

7.  Jinnota li l-epidemija tal-kolera wriet biċ-ċar l-inkapaċità kważi totali tal-Istat Ħaitjan, quddiem marda li faċli li wieħed jipprevjeniha u jfejjaqha, u jinnota l-limiti tas-sistema tal-għajnuna internazzjonali f'pajjiż li jibbenefika minn skjerament umanitarju enormi (12 000 NGO); jenfasizza li l-protagonisti umanitarji ma jistgħux u m’għandhomx jibqgħu jikkumpensaw għad-dgħufijiet tal-Istat Ħaitjan jew jirrimpjazzawh, u li huwa urġenti li fl-aħħar tittieħed azzjoni fl-iżvilupp għall-futur imbiegħed, partikolarment fir-rigward tal-aċċess għall-kura tas-saħħa, għall-ilma għax-xorb u għal kundizzjonijiet sanitarji;

8.  Jilqa’ l-impenn, li ttieħed b'mod konġunt mill-Kummissjoni u mill-Istati Membri, ta' ammont ta' EUR 1.2 biljun – li EUR 460 miljun minnhom huma għajnuna mhux umanitarja mill-Kummissjoni Ewropea – waqt il-Konferenza Internazzjonali tad-Donaturi għar-Rikostruzzjoni ta' Ħaiti; itenni t-talba tiegħu biex l-Unjoni Ewropea, bħala donatur ewlieni, ikollha rwol importanti ta' tmexxija politika fl-isforzi ta' rikostruzzjoni;

9.  Jitlob lill-Kummissjoni Ewropea u lill-Istati Membri biex jintegraw il-produzzjoni alimentari lokali u s-sikurezza alimentari fl-isforzi ta' rikostruzzjoni ta' Ħaiti, permezz ta’ żvilupp ta' infrastruttura rurali u għajnuna lill-agrikolturi ż-żgħar, fil-qafas tal-approċċ konġunt tagħhom fil-programmazzjoni tar-riżorsi tagħhom għar-rikostruzzjoni ta' Ħaiti u fir-rieżami ta' nofs il-perjodu tal-programmazzjoni tal-fondi li jkun fadal tal-Kummissjoni, jiġifieri EUR 169 miljun li għadhom disponibbli mill-EUR 460 miljun imħabbra fi New York; jitlob li jiġi implimentat il-qafas ta’ azzjoni l-ġdid dwar is-sikurezza alimentari mħabbar mill-Kummissjoni f’Marzu 2010 ;

10. Jiddeplora l-fatt li l-Kummissjoni interim għar-rikostruzzjoni ta' Ħaiti, li għandu jkollha rwol ewlieni fil-koordinament tar-rikostruzzjoni, bdiet il-ħidma tagħha tard; jiddispjaċih rigward in-nuqqas ta' informazzjoni dwar il-funzjonament u l-effikaċja tagħha, u jitlob lill-Kummissjoni , bħala membru tal-IHRC, biex tintervjeni biex tħaffef l-implimentazzjoni tal-mandat tal-IHRC u tirrevedi l-operat tagħha, u biex tippreżenta lill-Parlament Ewropew rapport dwar l-attivitajiet tal-IHRC, dwar l-użu tar-riżorsi u dwar il-fondi, imwiegħda fil-Konferenza ta' New York, effettivament allokati għar-rikostruzzjoni;

11. Jirrikonoxxi li l-IHCR, li hija struttura ewlenija ta’ ġestjoni tar-rikostruzzjoni, tista’ taħdem b'mod effikaċi biss permezz tal-istabbiliment mill-ġdid tal-kapaċitajiet tal-Istat Ħaitjan, billi jinbidlu l-mexxejja Ħaitjani - li jridu jiġu eletti wara elezzjonijiet trasparenti u leġittimi - u permezz ta’ rieda politika reali li jittieħdu deċiżjonijiet indispensabbli biex jiġi affrontat dan il-proġett enormi;

12. Iħeġġeġ lill-gvern Ħaitjan ikompli u jimplimenta l-impenji li daħal għalihom skont il-Pjan ta’ Rikostruzzjoni Nazzjonali biex isaħħaħ l-awtorità tal-Istat, biex b'hekk il-gvern lokali jsir aktar effikaċi, jibni kapaċità tal-istituzzjonijiet lokali u nazzjonali kif ukoll jinkorpora l-kunċett ta' deċentralizzazzjoni politika, ekonomika u istituzzjonali;

13. Iqis li l-awtoritajiet lokali kif ukoll ir-rappreżentanti tas-soċjetà ċivili għandhom ikunu sostnuti u involuti aktar fil-proċess tat-teħid tad-deċiżjonijiet;

14. Jiddeplora l-fatt li l-Ħaitjani għandhom biss pali, bqaqen u karretti biex ineħħu t-tunnellati ta' tifrik li jimblukkaw il-kapitali, fatt li huwa redikolu meta jitqies id-daqs enormi tas-sitwazzjoni; jenfasizza li t-tneħħija tat-tifrik hija indispensabbli għar-rikostruzzjoni ta’ Ħaiti ; jiddispjaċih li, prattikament, l-ebda fond ma ntuża biex jitneħħa t-tifrik; u jistieden lill-Kummissjoni biex tagħti għajnuna finanzjarja u assistenza teknika għat-tneħħija tat-tifrik ;

15. Jistieden lin-Nazzjonijiet Uniti jeżaminaw mill-ġdid il-mandat tal-Minustah billi jagħtu attenzjoni partikolari lill-kwistjonijiet ta’ sigurtà, u jinkwieta dwar l-effikaċja tal-Minustah fir-rigward tal-aħħar avvenimenti, l-epidemija tal-kolera u l-elezzjonijiet li qed isiru bħalissa;

16. Jiddeplora l-kriżi kbira tal-akkomodazzjoni f'Ħaiti; jenfasizza li r-rilokazzjoni tal-persuni bla dar, li l-biċċa l-kbira fosthom tqiegħdu f'kampijiet temporanji prinċipalment fil-kapitali Port-au-Prince, qed tkun mxekkla minħabba nuqqas ta' art disponibbli, nuqqas ta' reġistru tal-artijiet u minħabba l-fatt li ħafna biċċiet ta' art huma l-proprjetà ta' Ħaitjani li telqu mill-pajjiż; jappella lir-rieda politika tal-awtoritajiet Ħaitjani biex dawn jieħdu miżuri proattivi, partikolarment ta' esproprjazzjoni;

17. Jesprimi l-preokkupazzjoni dejjem tikber tiegħu rigward is-sitwazzjoni tal-iktar persuni vulnerabbli, partikolarment in-nisa u t-tfal, wara t-terremot li laqat bil-kbir lil aktar minn 800 000 tifel u tifla, li ġew esposti għall-perikli tal-vjolenza, tal-abbużi sesswali, tat-traffikar tal-bnedmin, tal-isfruttament u tal-abbandun, u jitlob lill-Unjoni Ewropea (lill-Kummissjoni ) biex timpenja ruħha reżolutament biex tistabbilixxi mill-ġdid il-protezzjoni u s-sigurtà għal dawn it-tfal, sabiex tappoġġa l-proċess ta' implimentazzjoni ta' sistema ta' protezzjoni soċjali f'Ħaiti u sabiex tappoġġa l-inkoraġġiment tar-riforma tal-edukazzjoni; u jitlob li jittejbu l-kundizzjonijiet ta’ għajxien u ta’ sigurtà fil-kampijiet;

18. Jitlob lill-Unjoni Ewropea biex tikkollabora mal-Gvern tal-gżira biex titfassal leġiżlazzjoni globali li tħares id-drittijiet tat-tfal, biex jiġu implimentati fid-dritt nazzjonali l-obbligi li joriġinaw minn diversi strumenti nazzjonali, ratifikati minn Ħaiti, fil-qasam tad-drittijiet tat-tfal, tad-drittijiet tal-bniedem, dwar il-qerda tal-jasar u dwar il-ħarsien tad-drittijiet tat-tfal;

19. Iqis li huwa importanti ferm li l-Kummissjoni Ewropea tappoġġa l-implimentazzjoni tal-proċess ta' identifikazzjoni, ta' reġistrazzjoni u ta' tfittxija tal-familji tat-tfal li nfirdu minn magħhom u li tiġi identifikata s-sorveljanza speċjali fil-fruntieri bl-għan li jiġu miġġielda t-traffikar u l-adozzjoni illegali tat-tfal;

20. Jinsisti dwar il-fatt li huwa essenzjali li jinbnew minnufih il-kapaċitajiet tal-Istat Ħaitjan li jħaddem id-demokrazija u l-governanza tajba tal-pajjiż, li huma indispensabbli għall-pajjiż, kif ukoll li jiżgura l-involviment tas-soċjetà ċivili u tal-popolazzjoni Ħaitjani;

21. Jesprimi l-preokkupazzjoni kbira tiegħu rigward il-kriżi politika attwali wara r-riżultati tal-elezzjonijiet presidenzjali u leġiżlattivi li ġew ikkontestati b'mod qawwi u li ngħataw biss appoġġ parzjali mill-missjonijiet ta' osservaturi barranin, u li bħalissa qed jerġgħu jingħaddu l-voti tagħhom minn esperti mibgħuta mill-Organizzazzjoni tal-Istati Amerikani (OAS), li fir-rapport tagħhom li tressaq fit-13 ta’ Jannar 2011, irrakkomandaw li jitneħħa l-kandidat fil-poter, Jude Célestin, u floku jittella' Michel Martelly, minħabba raġunijiet ta’ frodi bil-provi ;

22. Jitlob lill-Unjoni Ewropea tagħmel kull ma tista' biex tappoġġa bil-qawwa proċess elettorali leġittimu u trasparenti u t-twettiq tajjeb tat-tieni ċiklu li ġie pospost għal Frar, biex ikun evitat li Ħaiti jaqa' fi kriżi aktar gravi; iqis li huma biss president elett u leġittimu u deputati leġittimi li jistgħu jieħdu d-deċiżjonijiet meħtieġa u li r-rikostruzzjoni teħtieġ l-istabilità u r-rieda politika;

23. Jitlob lill-Komunità Internazzjonali u lill-Unjoni Ewropea biex jikkooperaw mill-qrib mal-awtoritajiet Ħaitjani futuri u biex jakkumpanjawhom fl-organizzazzjoni tal-istituzzjonijiet u tal-karigi statali tagħhom, lejn ekwilibriju ġdid fil-livelli kollha, lejn demokrazija operattiva għalkollox, u matul il-proċess kollu ta' rikostruzzjoni,

24. Jisħaq fuq l-importanza fundamentali tal-flus mibgħuta mid-dijaspora Ħaitjana billi l-kapital jgħaddi direttament f'idejn il-popolazzjoni Ħaitjana, li tista' tuża b'mod rapidu dawn il-flus għall-bżonnijiet urġenti; jitlob lill-Istati Membri u lill-Gvern Ħaitjan biex jiffaċilitaw it-twassil tal-flus mibgħuta u biex jaħdmu favur it-tnaqqis tal-ispejjeż tagħhom;

25. Iħeġġeġ lill-Unjoni u lill-Istati Membri tagħha jibqgħu jagħtu prijorità fl-aġenda tagħhom lill-irkupru u lir-riabilitazzjoni ta' Ħaiti; jenfasizza li issa huwa l-waqt li Ħaiti tiġi megħjuna ssir ekonomikament u politikament b’saħħitha u awtonoma; u jitlob lill-komunità internazzjonali tuża din l-opportunità biex tegħleb ir-raġunijiet bażiċi għall-faqar sottostanti f’Ħaiti darba għal dejjem;

26. Jitlob lill-Kummissjoni biex, fl-ispirtu tal-kunsens Ewropew dwar l-għajnuna umanitarja, isir sforz sinifikanti bl-għan li d-dimensjoni tat-tħejjija għall-katastrofijiet u tat-tnaqqis tar-riskji tal-katastrofijiet, b'kollaborazzjoni mal-Gvern, l-awtoritajiet lokali u s-soċjetà ċivili, tiġi integrata fil-fażi ta' emerġenza u ta' żvilupp fuq medda twila ta’ żmien;

27. Jitlob lill-Kummissjoni Ewropea biex tressaq immedjatament proposti biex tistabbilixxi forza ta' protezzjoni ċivili Ewropea bbażata fuq il-mekkaniżmu Ewropew għall-protezzjoni ċivili;

28. Jinnota li l-għajnuna umanitarja ilha preżenti f'Ħaiti għal deċennji u li l-importanza tar-rabta bejn l-għajnuna ta' emerġenza, ir-riabilitazzjoni u l-iżvilupp dehret aktar fil-kuntest ta’ din il-kriżi; jinsisti dwar il-fatt li huwa ta’ importanza fundamentali li l-Organizzazzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti tkun u tibqa' minn ta' quddiemnett fil-koordinament tal-operazzjoni ċivili u militari kollha, kemm f'dak li jikkonċerna l-istabbiliment mill-ġdid tas-sigurtà u tal-għajnuna umanitarja kif ukoll ir-rikostruzzjoni u l-iżvilupp;

29. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri, lill-President u lill-Gvern ta' Ħaiti, lid-Deputat Segretarju Ġenerali għall-Affarijiet Barranin u Koordinatur tal-Għajnuna ta' Emerġenza tan-Nazzjonijiet Uniti, kif ukoll lill-Bank Dinji u lill-FMI.