MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI KONĠUNTA dwar is-sitwazzjoni tal-Insara fil-kuntest tal-libertà reliġjuża
18.1.2011
li tieħu post il-mozzjonijiet għal riżoluzzjoni mressqa mill-gruppi:
EDF (B7‑0039/2011)
S&D (B7‑0040/2011)
ALDE (B7‑0051/2011)
ECR (B7‑0054/2011)
PPE (B7‑0056/2011)
Verts/ALE (B7‑0058/2011)
Elmar Brok, José Ignacio Salafranca Sánchez-Neyra, Ioannis Kasoulides, Joseph Daul, Mario Mauro, Jaime Mayor Oreja, Ernst Strasser, Tunne Kelam, Doris Pack, Mário David, Francisco José Millán Mon, Gay Mitchell, Filip Kaczmarek, Marietta Giannakou, Carlo Casini, Ria Oomen-Ruijten, Hans-Gert Pöttering, Anna Záborská, Traian Ungureanu, Cristiana Muscardini, Andrzej Grzyb, Constance Le Grip, Sari Essayah, Othmar Karas f'isem il-Grupp PPE-DE
Adrian Severin, Hannes Swoboda, Richard Howitt, Kyriakos Mavronikolas, Guido Milana, Vincent Peillon, Gianni Pittella, David-Maria Sassoli, Patrizia Toia f'isem il-Grupp S&D
Marietje Schaake, Vincenzo Iovine, Marielle De Sarnez, Charles Goerens, Frédérique Ries, Kristiina Ojuland, Alexander Graf Lambsdorff, Ramon Tremosa i Balcells f'isem il-Grupp ALDE
Heidi Hautala, Nicole Kiil-Nielsen, Margrete Auken, Raül Romeva i Rueda f'isem il-Grupp Verts/ALE
Charles Tannock, Ryszard Antoni Legutko, Marek Henryk Migalski, Peter van Dalen, Michał Tomasz Kamiński, Adam Bielan, Konrad Szymański, Ryszard Czarnecki, Mirosław Piotrowski, Tomasz Piotr Poręba f'isem il-Grupp ECR
Fiorello Provera f'isem il-Grupp EDF
Cornelis de Jong, Takis Hadjigeorgiou, Kyriacos Triantaphyllides
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar is-sitwazzjoni tal-Insara fil-kuntest tal-libertà reliġjuża
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu, u b'mod partikolari dik tal-15 ta' Novembru 2007 dwar avvenimenti serji li jikkompromettu l-eżistenza tal-komunitajiet Insara u dik ta' komunitajiet reliġjużi oħra, dik tal-21 ta' Jannar 2010 dwar l-attakki li saru fuq il-komunitajiet Insara, dik tas-6 ta' Mejju 2010 dwar l-atroċitajiet tal-massa f'Jos, in-Niġerja, dik tal-20 ta' Mejju 2010 dwar il-libertà reliġjuża fil-Pakistan u dik tal-25 ta' Novembru 2010 dwar l-iraq: il-piena tal-mewt (notevolment il-każ ta' Tariq Aziz) u l-attakki kontra l-komunitajiet Insara,
– wara li kkunsidra r-rapporti annwali tiegħu dwar is-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fid-dinja, u b'mod partikolari r-riżoluzzjoni tiegħu tas-16 ta' Diċembru 2010 dwar ir-Rapport Annwali dwar id-Drittijiet tal-Bniedem fid-Dinja 2009;
– wara li kkunsidra l-Artikolu 18 tad-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem tal-1948,
– wara li kkunsidra l-Artikolu 18 tal-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi tal-1966,
– wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni tan-NU dwar t-Tneħħija tal-Forom Kollha ta' Intolleranza u ta' Diskriminazzjoni bbażata fuq Reliġjon u Twemmin tal-1981,
– wara li kkunsidra r-rapporti tar-Rapporteur Speċjali tan-NU dwar il-libertà tar-reliġjon jew tat-twemmin u b'mod partikolari r-rapporti tagħha tad-29 ta' Diċembru 2009, tas-16 ta' Frar 2010 u tal-29 ta' Lulju 2010,
– wara li kkunsidra l-Artikolu 9 tal-Konvenzjoni Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem tal-1950,
– wara li kkunsidra l-Artikolu 10 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea,
– wara li kkunsidra l-Artikolu 3(5) tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (TUE),
– wara li kkunsidraw l-Artikolu 17 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE),
– wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tal-kelliemi ta' Catherine Ashton, Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà / Viċi President tal-Kummissjoni wara l-attakk kontra l-kongregazzjoni fi knisja Kopta f'Lixandra, l-Eġittu, fl-1 ta' Jannar 2011,
– wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tal-President tal-Parlament Ewropew, Jerzy Buzek, dwar l-isplużjoni qattiela fi knisja fl-Eġittu fl-1 ta' Jannar 2011,
– wara li kkunsidra l-Artikolu 110(4) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
A. billi l-Unjoni Ewropea ripetutement esprimiet l-impenn tagħha favur il-libertà tar-reliġjon, il-libertà tal-kuxjenza u l-libertà tal-ħsieb u enfasizzat li l-gvernijiet għandhom dmir jiggarantixxu dawn il-libertajiet madwar id-dinja kollha; billi l-iżvilupp tad-drittijiet tal-bniedem, id-demokrazija u l-libertajiet ċivili huwa l-bażi komuni li fuqha l-Unjoni Ewropea tibni r-relazzjonijiet tagħha ma' pajjiżi terzi, u dwaru tipprovdi l-klawsola dwar id-demokrazija fil-ftehimiet bejn l-UE u l-pajjiżi terzi,
B. billi l-Artikolu 18 tal-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi jistqarr li kulħadd għandu d-dritt għal-libertà tal-ħsieb, tal-kuxjenza u tar-reliġjon; billi dan id-dritt jinkludi l-libertà li wieħed ikollu jew jadotta r-reliġjon jew it-twemmin tal-għażla tiegħu, u l-libertà li, waħdu jew f'komunità ma' oħrajn u fil-pubbliku jew fil-privat, jimmanifesta r-reliġjon jew it-twemmin tiegħu bil-qima, l-osservanza, il-prattika u t-tagħlim,
C. billi l-ibertà tal-ħsieb, tal-kuxjenza u tar-reliġjon tapplika għal dawk li jħaddnu reliġjon, iżda wkoll għall-atei, għall-anjostiċi u għall-persuni li m'għandhomx twemmin,
D. billi fl-2010 kien hemm żieda fin-numru ta' attakki fuq il-komunitajiet Insara madwar id-dinja kif ukoll fin-numru ta' proċessi u sentenzi tal-mewt għall-blasfemija, li spiss jaffettwaw lin-nisa; billi l-istatistika dwar il-libertà reliġjuża f'dawn l-aħħar snin turi li l-parti l-kbira tal-atti vjolenti ta' nisel reliġjuż saru kontra l-Insara, kif indikat fir-rapport tal-2009 dwar il-Libertà Reliġjuża fid-Dinja mħejji mill-organizzazzjoni "Għajnuna għall-Knisja fil-Bżonn"; billi f'xi każijiet il-qagħda li magħha qed iħabbtu wiċċhom il-komunitajiet Insara hija tali li tipperikola l-eżistenza tagħhom fil-ġejjieni, u jekk kellhom jgħibu, dan jimplika t-telf ta' parti sinifikanti mill-wirt reliġjuż tal-pajjiżi kkonċernati,
E. billi għal darb' oħra ħajjiet inqatgħu ħesrem f'attakki atroċi maħsub biex jolqtu lill-komunità Nisranija fin-Niġerja fil-11 ta' Jannar 2011; billi fl-24 ta' Diċembru 2010 saru attakki fuq bosta knejjes f'Maiduguri u billi fil-25 ta' Diċembru 2010 seħħew attakki bil-bombi fil-belt Niġerjana ta' Jos, li fihom inqatlu 38 persuna ċivili u sfaw midruba tużżani ta' persuni oħra; billi fil-21 ta' Diċembru 2010 rġiel armati bis-sjuf u l-machetes ħebbew għal grupp ta' Nsara lokali tal-villaġġi, qatlu 3 min-nies u darbu 2 oħra f'Turu, fin-Niġerja; billi fit-3 ta' Diċembru 2010 nstabu mejta 7 Nsara, fosthom nisa u tfal, filwaqt li 4 persuni oħra tħallew midruba f'attakk fil-belt ta' Jos, fin-Niġerja;
F. billi l-assassinju ta' Salman Taseer, Gvernatur tal-Punjab, fl-4 ta' Jannar 2011, kif ukoll il-każ ta' Asa Bibi fil-Pakistan, ipprovokaw protesti mill-komunità internazzjonali,
G. billi attakk terroristiku fuq Insara Kopti qatel u darab ċivili innnoċenti f'Lixandra fl-1 ta' Jannar 2011;
H. billi fil-25 ta' Diċembru 2010 qassis u tifla ta' 9 snin kienu fost il-11-il ruħ li sfaw midruba meta splodiet bomba f'kappella f'Jum il-Milied, f'Sulu, fil-Filippini,
I. billi ċ-ċelebrazzjoni tal-Quddiesa tal-Milied fil-knisja lokali ta' San Sinesios fil-villaġġ ta' Rizokarpaso fit-Tramuntana ta' Ċipru sfat interrotta bil-forza fil-25 ta' Diċembru 2010,
J. billi fit-30 ta' Diċembru 2010 attakki terrosirtiċi jihadi kontra familji Nsara Assirjani ħallew tal-anqas żewġ persuni mejta u 14-il persuna midruba f'sensiela ta' attakki koordinati bil-bombi fuq djar tal-Insara f'Bagdad, l-Iraq; billi fis-27 ta' Diċembru 2010 bomba mħollija fil-ġenb ta' triq qatlet mara Nisranija Assirjana u darbet ir-raġel tagħha f'Dujail, fl-Iraq; billi żewġ Insara Iraqini nqatlu f'Mosul fit-22 ta' Novembru 2010; billi sensiela ta' attakki fuq inħawi Nsara qatlu ċivili innoċenti f'Bagdad fl-10 ta' Novembru 2010; billi nqatlu 52 persuna, fosthom nisa u tfal, fil-massakru tal-1 ta' Novembru 2010 fil-Knisja Kattolika Sirjana tal-Madonna tal-Ħelsien f'Bagdad,
K. billi l-gvern Iranjan intensifika l-kampanja tiegħu kontra l-Insara fir-Repubblika Iżlamika, b'aktar minn 100 ruħ arrestati f'dan l-aħħar xahar, bir-riżultat li ħafna ġġiegħlu jaħarbu mill-pajjiż jew jiffaċċaw akkużi kriminali u l-possibbiltà ta' sentenza tal-mewt,
L.
billi anki fil-Vjetnam, l-attivitajiet tal-Knisja Kattolika u ta' komunitajiet reliġjużi oħra ġew ripressi bil-qawwa, kif turi l-qagħda serja li qed jaffrontaw il-komunitajiet tal-'montagnards' Vjetnamiżi; billi, madankollu, nistgħu nilqgħu il-bidla tal-attitudni tar-reġim tal-Vjetnam rigward il-każ tal-qassis Nguyen Van Ly, li wasslet biex inħeles,
M. billi attakki min-naħa ta' estremisti Iżlamisti vjolenti huma wkoll attakki fuq ir-reġim attwali tal-istati kkonċernati, immirati biex joħolqu kunflitt u biex jagħtu bidu għal gwerra ċivili bejn il-gruppi reliġjużi differenti,
N. billi l-Ewropa, bħal partijiet oħra tad-dinja, mhijiex ħielsa minn każijiet ta' ksur tal-libertà reliġjuża, minn attakki fuq membri ta' minoranzi reliġjużi abbażi tat-twemmin tagħhom, u mid-diskriminazzjoni għal raġunijiet ta' reliġjon,
O. billi d-djalogu bejn il-komunitajiet huwa kruċjali għall-promozzjoni tal-paċi u tal-fehim reċiproku bejn il-popli,
1. Jikkundanna l-attakki reċenti kontra minoranzi Nsara f'diversi pajjiżi u jesprimi s-solidarjetà tiegħu mal-familji tal-vittmi; jesprimi t-tħassib profond tiegħu dwar il-proliferazzjoni ta' episodji ta' intolleranza u ripressjoni, u dwar ġrajjiet vjolenti reċenti kontra komunitajiet Insara, partikolarment fil-pajjiżi ta' l-Afrika, ta' l-Ażja u tal-Lvant Nofsani;
2. Jilqa' l-isforzi li saru mill-awtoritajiet tal-pajjiżi kkonċernati biex jidentifikaw lil dawk li ppjanaw u wettqu l-attakki fuq il-komunitajiet Insara; iħeġġeġ lill-gvernijiet biex jiżguraw li dawk li wettqu dawn ir-reati u dawk kollha responsabbli għall-attakki, kif ukoll għal atti vjolenti oħra kontra l-Insara jew kontra reliġjonijiet jew minoranzi oħra, jinġiebu quddiem il-ġustizzja u jgħaddu mill-qrati;
3. Jikkundanna bil-qawwa l-atti kollha ta' vjolenza kontra l-Insara u kontra komunitajiet reliġjużi oħra kif ukoll kull tip ta' diskriminazzjoni u intolleranza bbażati fuq ir-reliġjon u t-twemmin kontra persuni reliġjużi, apostati u persuni bla twemmin; jenfasizza mill-ġdid li d-dritt tal-libertà tal-ħsieb, tal-kuxjenza u tar-reliġjon huwa dritt fundamentali tal-bniedem;
4. Jinsab imħasseb dwar l-eżodu tal-Insara minn diversi pajjiżi, b'mod speċjali mill-pajjiżi tal-Lvant Nofsani, f'dawn l-aħħar snin;
5. Jesprimi t-tħassib tiegħu dwar il-fatt li l-liġi Pakistana kontra l-blasfemija, li opponieha pubblikament il-Gvernatur Salam Taseer li safa maqtul, għadha qed tintuża biex tippersegwita denominazzjonijiet reliġjużi, fosthom Insara bħal Asia Noreen, omm Nisranija b'ħamest itfal li ġiet ikkundannata għall-mewt, u li l-qattiel tal-Gvernatur Salam Taseer huwa ttrattat bħala eroj minn partijiet kbar tas-soċjetà Pakistana;
6. Jilqa' r-reazzjoni tal-opinjoni pubblika fl-Eġittu li kkundannat bil-qawwi l-att terroristiku u li fehmet mill-ewwel li l-attakk sar biex jipperikola r-rabtiet soċjali b'saħħithom u fil-fond bejn l-Insara u l-Musulmani fl-Eġittu; jilqa' d-dimostrazzjonijiet konġunti min-naħa tal-Insara Koptiċi u l-Musulmani fl-Eġittu bi protesta kontra l-attakk; jilqa' wkoll il-kundanna pubblika tal-attakk mill-President tal-Eġittu Hosni Mubarak u x-Xejk il-Kbir ta' Al-Azhar u l-Mufti l-Kbir tal-Eġittu;
7. Jikkundanna l-interruzzjoni bil-forza, min-naħa tal-awtoritajiet Torok, tal-Quddiesa tal-Milied iċċelebrata f'Jum il-Milied mit-300 Nisrani li għad fadal fil-parti tat-Tramuntana ta' Ċipru;
8. Jesprimi t-tħassib gravi tiegħu dwar l-abbuż tar-reliġjon minn dawk li jwettqu attakki terroristċi f'diversi nħawi tad-dinja; jikkundanna l-istrumentalizzazzjoni tar-reliġjon f'diversi kunflitti politiċi;
9. Iħeġġeġ lill-awtoritajiet ta' stati li fihom qegħdin jitwettqu livelli għoljin ta' attakki kontra denominazzjonijiet reliġjużi biex jieħdu responsabbiltà jiżguraw l-issuktar ta' prattiki reliġjużi pubbliċi u normali għad-denominazzjonijiet reliġjużi kollha, biex iżidu fl-isforzi tagħhom ħalli jipprovdu protezzjoni affidabbli u effiċjenti għad-denominazzjonijiet reliġjużi f'pajjiżhom u jiżguraw is-sikurezza personali u l-integrità fiżika tal-membri tad-denominazzjonijiet reliġjużi fil-pajjiż biex b'hekk ikunu konformi mal-obbligi tagħhom fi ħdan l-arena internazzjonali;
10. Jerġa' jenfasizza li r-rispett tad-drittijiet tal-bniedem u tal-libertajiet ċivili huma prinċipji u għanijiet fundamentali tal-Unjoni Ewropea u jikkostitwixxu bażi komuni għar-relazzjonijiet tagħha ma' pajjiżi terzi;
11. Jistieden lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà / Viċi President tal-Kummissjoni Ewropea biex jagħtu aktar attenzjoni għas-suġġett tal-libertà tar-reliġjon u għas-sitwazzjoni tal-minoranzi reliġjużi, inklużi l-Insara, fil-ftehimiet u fil-kooperazzjoni ma' pajjiżi terzi kif ukoll fir-rapporti dwar id-drittijiet tal-bniedem;
12. Jistieden lill-Kunsill Affarijiet Barranin li ġej tal-31 ta' Jannar 2011 biex jiddiskuti l-kwestjoni tal-persekuzzjoni tal-Insara u r-rispett tal-libertà tar-reliġjon jew tat-twemmin, liema diskussjoni għandha twassal għal riżultati konkreti, speċjalment rigward l-istrumenti li jistgħu jintużaw ħalli jipprovdu sigurtà u protezzjoni għall-komunitajiet Insara mhedda, ikunu fejn ikunu fid-dinja;
13. Jistieden lir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà / Viċi President tal-Kummissjoni Ewropea biex tiżviluppa b'urġenza strateġija tal-UE dwar l-infurzar tad-dritt tal-bniedem tal-libertà reliġjuża, inkluża lista ta' miżuri kontra stati li konxjament jonqsu milli jipproteġu denominazzjonijiet reliġjużi;
14. Jitlob lir-Rappreżentant Għoli, fid-dawl tal-ġrajjiet ta' dan l-aħħar u tal-ħtieġa dejjem tkber li tiġi analizzata u mifhuma l-evoluzzjoni ta' żviluppi kulturali u reliġjużi fir-relazzjonijiet internazzjonali u fis-soċjetajiet kontemporanji, biex tiżviluppa sistema permamenti fi ħdan id-direttorat għad-drittijiet tal-bniedem tas-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna għall-monitoraġġ tar-restrizzjonijiet governamentali u soċjetali fuq il-libertà reliġjuża u drittijiet relatati, u biex tirrapporta kull sena lill-Parlament;
15. Jistieden lill-Kunsill, lir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà / Viċi President tal-Kummissjoni Ewropea u lill-Parlament biex jinkludu kapitlu dwar il-libertà reliġjuża fir-Rapport Annwali tagħhom dwar id-Drittijiet tal-Bniedem;
16. Iħeġġeġ lill-istituzzjonijiet tal-UE biex jimxu skont l-obbligu tagħhom skont l-Artikolu 17 tat-TFUE li żżomm djalogu miftuħ, trasparenti u regolari mal-knejjes u organizzazzjonijiet reliġjużi, filosofiċi u mhux konfessjonali, biex jiżguraw li l-kwestjoni tal-persekuzzjoni tal-Insara u ta' komunitajiet reliġjużi oħra tkun waħda prijoritarja li tiġi diskussa fuq bażi sistematika;
17. Jistieden lill-mexxejja tal-komunitajiet reliġjużi kollha fl-Ewropa biex jikkundannaw l-attakki fuq i-komunitajiet Insara u fuq gruppi oħra ta' fidi fuq il-bażi ta' rispett ugwali għal kull denominazzjoni;
18. Jerġa' jsostni l-appoġġ tiegħu għall-inizjattivi kollha li jfittxu jippromwovu d-djalogu u r-rispett reċiproku bejn ir-reliġjonijiet u bejn komunitajiet oħra; jistieden lill-awtoritajiet reliġjużi kollha jippromwovu t-tolleranza u jieħdu inizjattivi kontra l-mibegħda u r-radikalizzazzjoni vjolenta u estremista;
19. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà / Viċi President tal-Kummissjoni Ewropea, lill-parlamenti u lill-gvernijiet tal-Istati Membri, lill-parlament u lill-gvern tal-Eġittu, lill-parlament u lill-gvern tal-Iraq, lill-parlament u lill-gvern tan-Niġerja, lill-parlament u lill-gvern tal-Pakistan, lill-parlament u lill-gvern tal-Filippini, lill-parlament u lill-gvern tal-Vjetnam u lill-Organizzazzjoni tal-Konferenza Iżlamika.