Proċedura : 2011/2514(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : RC-B7-0044/2011

Testi mressqa :

RC-B7-0044/2011

Dibattiti :

PV 19/01/2011 - 12
CRE 19/01/2011 - 12

Votazzjonijiet :

PV 20/01/2011 - 7.3
CRE 20/01/2011 - 7.3
PV 16/02/2012 - 8.5
CRE 16/02/2012 - 8.5

Testi adottati :

P7_TA(2011)0022

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI KONĠUNTA
PDF 144kWORD 90k
18.1.2011
PE455.872v01-00}
PE455.874v01-00}
PE455.875v01-00}
PE455.881v01-00}
PE455.885v01-00} RC1
 
B7-0044/2011}
B7-0046/2011}
B7-0047/2011}
B7-0053/2011}
B7-0057/2011} RC1

imressqa skont l-Artikolu 110(4) tar-Regoli ta' Proċedura

li tieħu post il-mozzjonijiet għal riżoluzzjoni mressqa mill-gruppi:

PPE (B7‑0044/2011)

S&D (B7‑0046/2011)

ALDE (B7‑0047/2011)

ECR (B7‑0053/2011)

Verts/ALE (B7‑0057/2011)


dwar is-sitwazzjoni fil-Bjelorussja


Elmar Brok, José Ignacio Salafranca Sánchez-Neyra, Ioannis Kasoulides, Jacek Protasiewicz, Laima Liucija Andrikienė, Elena Băsescu, Piotr Borys, Michael Gahler, Andrzej Grzyb, Gunnar Hökmark, Tunne Kelam, Krzysztof Lisek, Monica Luisa Macovei, Cristian Dan Preda, Ria Oomen-Ruijten, Jacek Saryusz-Wolski, Peter Šťastný, László Tőkés, Traian Ungureanu, Corien Wortmann-Kool, Paweł Zalewski f'isem il-Grupp PPE-DE
Adrian Severin, Kristian Vigenin, Justas Vincas Paleckis, Marek Siwiec, Richard Howitt f'isem il-Grupp S&D
Kristiina Ojuland, Marietje Schaake, Leonidas Donskis, Johannes Cornelis van Baalen, Alexander Graf Lambsdorff, Gerben-Jan Gerbrandy f'isem il-Grupp ALDE
Rebecca Harms, Heidi Hautala, Elisabeth Schroedter, Werner Schulz f'isem il-Grupp Verts/ALE
Charles Tannock, Michał Tomasz Kamiński, Ryszard Antoni Legutko, Tomasz Piotr Poręba, Adam Bielan, Ryszard Czarnecki, Tadeusz Cymański, Peter van Dalen, Edvard Kožušník, Marek Henryk Migalski, Paweł Robert Kowal, Jacek Olgierd Kurski f'isem il-Grupp ECR
EMENDI

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar is-sitwazzjoni fil-Bjelorussja  

Il-Parlament Ewropew,

–   wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar is-sitwazzjoni fil-Bjelorussja, b'mod partikolari dik tas-17 ta' Diċembru 2009 dwar il-Bjelorussja,

–   wara li kkunsidra d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2010/639/PESK tal-25 ta' Ottubru 2010 dwar miżuri restrittivi kontra ċerti uffiċjali tal-Bjelorussja, li testendi kemm il-miżuri restrittivi kif ukoll is-sospensjoni tagħhom sal-31 ta' Ottubru 2011,

–   wara li kkunsidra l-Konklużjonijiet tal-Kunsill għall-Affarijiet Barranin tal-25 ta' Ottubru 2010,

–   wara li kkunsidra id-Dikjarazzjoni tar-riżultati u l-konklużjonijiet preliminari dwar l-elezzjoni presidenzjali fil-Bjelorussja mill-Uffiċċju tal-OSKE għall-Istituzzjonijiet Demokratiċi u d-Drittijiet tal-Bniedem (OSKE/ODIHR) u l-Assemblea Parlamentari tal-OSKE (AP OSKE) tal-20 ta' Diċembru 2010,

–   wara li kkunsidra l-Artikolu 110 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A. billi d-Dikjarazzjoni ta' Praga tas-Samit dwar is-Sħubija tal-Lvant ittenni l-impenji, inter alia tal-Bjelorussja, favur il-prinċipji tal-liġi internazzjonali u l-valuri fundamentali, fosthom id-demokrazija, l-istat tad-dritt u r-rispett għad-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet fundamentali,

B.  billi fil-25 ta' Ottubru 2010, il-Kunsill "appella lill-awtoritajiet Bjelorussi biex jiżguraw li l-elezzjonijiet (presidenzjali) isiru f'konformità man-normi u l-istandards internazzjonali għal elezzjonijiet demokratiċi u mal-impenji tal-Bjelorussja fl-OSKE u n-NU",

C. billi l-Bjelorussja impenjat ruħha li tikkunsidra r-rakkomandazzjonijiet li saru mill-OSKE u l-Uffiċċju għall-Istituzzjonijiet Demokratiċi u d-Drittijiet tal-Bniedem (ODIHR) rigward titjib fil-liġi elettorali tagħha sabiex issir konformi mal-istandards internazzjonali għal elezzjonijiet demokratiċi u li tikkonsulta mal-OSKE rigward l-emendi proposti; billi l-Assemblea Nazzjonali tal-Bjelorussja għaddiet riforma tal-Kodiċi Elettorali mingħajr ma l-ewwel ikkonsultat lill-OSKE,

D. billi l-Kunsill tenna "d-disponibilità tiegħu li japprofondixxi r-relazzjonijiet tiegħu mal-Bjelorussja skont l-iżviluppi fil-Bjelorussja favur id-demokrazija, id-drittijiet tal-bniedem u l-istat tad-dritt kif ukoll id-disponibilità tiegħu li jgħin lill-pajjiż jilħaq dawn l-objettivi. Skont il-progress li jkun sar fil-Bjelorussja f'dawn l-oqsma, qal li huwa lest li jieħu l-passi meħtieġa biex jittejbu r-relazzjonijiet kuntrattwali mal-Bjelorussja",

E.  billi l-Kunsill, wara li evalwa l-iżviluppi fil-Bjelorussja, iddeċieda li jestendi l-miżuri restrittivi kontra ċerti uffiċjali Bjelorussi iżda li jissospendi l-applikazzjoni tar-restrizzjonijiet fuq l-ivvjaġġar lejn l-UE, it-tnejn li huma sal-31 ta' Ottubru 2011,

F.  billi skont 'id-Dikjarazzjoni tar-riżultati u l-konklużjonijiet preliminari tal-elezzjoni presidenzjali fil-Bjelorussja' tal-AP OSKE u l-OSKE/ODIHR sar xi titjib qabel l-elezzjonijiet iżda ma baqax evidenti minħabba l-irregolaritajiet serji fil-jum tal-votazzjoni u l-vjolenza li faqqgħet fil-lejl tad-19 ta Diċembru,

G. billi aktar minn 700 persuna ġew detenuti minħabba li ħadu sehem fid-dimostrazzjoni fid-19 ta' Diċembru f'Minsk, li l-biċċa l-kbira minnhom inħelsu wara li għamlu żmien qasir il-ħabs filwaqt li 24 attivist u ġurnalist tal-oppożizzjoni, fosthom 6 kandidati presidenzjali, ġew akkużati bl-'organizzazzjoni ta' diżordni tal-massa' kif ukoll b'attakki vjolenti u reżistenza armata, akkużi li jistgħu jwasslu għal sentenzi ta' ħabs ta' massimu ta' 15-il sena; billi 14-il persuna oħra jistgħu jiġu akkużati dalwaqt,

H. billi r-repressjoni mill-pulizija tad-dimostrazzjoni tad-19 ta' Diċembru 2010 u iktar miżuri li ttieħdu mill-aġenziji tal-infurzar tal-liġi kontra l-oppożizzjoni demokratika, il-midja ħielsa u l-attivisti tas-soċjetà ċivili ġew ikkundannati mill-President tal-Parlament Ewropew, mir-Rappreżentant Għoli tal-UE u mis-Segretarju Ġenerali tan-NU,

I.   billi l-avukati li jirrappreżentaw lid-dimostranti, lill-oppożizzjoni politika jew lill-familji tagħhom huma mhedda li titneħħielhom il-liċenzja jew li ma jitħallewx jeżerċitaw il-professjoni tagħhom fil-qrati,

1.  Iqis, skont ir-riżultati tal-Konklużjonijiet Preliminari tal-AP OSKE u l-OSKE/ODIHR, li l-elezzjonijiet presidenzjali tad-19 ta' Diċembru 2010 ma laħqux l-istandards internazzjonali ta' elezzjonijiet ħielsa, ġusti u trasparenti; iqis din il-votazzjoni bħala opportunità oħra li ma ġietx sfruttata għal tranżizzjoni demokratika fil-Bjelorussja u jitlob, fid-dawl tal-irregolaritajiet numerużi u serji rrappurtati mill-OSKE/ODIHR, li l-elezzjonijiet jerġgħu jsiru b'kundizzjonijiet ħielsa u demokratiċi skont l-istandards tal-OSKE;

2.  Jikkundanna l-użu ta' forza brutali mill-pulizija u s-servizzi tal-KGB kontra dawk id-dimostranti fil-Jum tal-Elezzjoni, u b'mod partikolari jesprimi l-għadab tiegħu dwar attakk brutali fuq is-Sur Niakliayeu, billi ż-żewġ każijiet huma eżempji ta' ksur serju tal-prinċipji bażiċi tad-demokrazija, bħal-libertà tal-għaqda u l-libertà tal-espressjoni, kif ukoll tad-drittijiet tal-bniedem, u jesprimi l-preokkupazzjoni tiegħu dwar it-tentattivi tal-awtoritajiet Bjelorussi li jieħdu fil-kustodja tal-istat lil Danil Sannikov, it-tifel ta' tliet snin tal-kandidat presidenzajli Andrei Sannikov, u lil Irina Khalip, ġurnalista investigattiva, li t-tnejn li huma ilhom arrestati mill-elezzjoni tad-19 ta' Diċembru;

3.  Jikkundanna bil-qawwa l-arrest u d-detenzjoni ta' dimostranti paċifiċi u tal-biċċa l-kbira tal-kandidati presidenzjali, il-kapijiet tal-oppożizzjoni demokratika kif ukoll ta' għadd kbir ta' attivisti tas-soċjetà ċivili, ġurnalisti, għalliema u studenti li qed jaffaċċjaw sentenzi ta' massimu ta' 15-il sena ħabs; jitlob li ssir investigazzjoni internazzjonali indipendenti u imparzjali dwar l-avvenimenti taħt il-patroċinju tal-OSKE; jitlob li l-akkużi għal raġunijiet politiċi jiġu rtirati minnufih;

4.  Jikkundanna r-repressjonijiet u jħeġġeġ lill-awtoritajiet Bjelorussi biex iwaqqfu minnufih kull forma ta' fastidju, intimidazzjoni jew theddid kontra l-attivisti tas-soċjetà ċivili inklużi razziji, tfittxijiet u konfiska ta' materjal f'appartamenti privati, binjiet ta' midja indipendenti u uffiċċji ta' organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili kif ukoll tkeċċijiet mill-universitajiet u minn postijiet tax-xogħol;

5.  Jitlob b'insistenza li jinħeles minnufih u inkundizzjonatament kull min ġie detenut matul Jum l-Elezzjoni u warajh, fosthom il-priġunieri tal-kuxjenza rikonoxxuti minn Amnesty International; jistieden lill-awtoritajiet Bjelorussi jagħtu aċċess bla xkiel lid-detenuti għall-qraba, l-assistenza legali u l-kura medika;

6.  Jiddispjaċih dwar id-deċiżjoni tal-awtoritajiet Bjelorussi li jwaqqfu l-missjoni tal-Uffiċċju tal-OSKE fil-Bjelorussja u jistieden lill-awtoritajiet Bjelorussi biex jirtiraw din id-deċiżjoni;

7.  Jikkundanna l-imblukkar ta' għadd ta' websajts ewlenin tal-Internet, inklużi kanali ta' netwerking u websajts tal-oppożizzjoni, f'Jum l-Elezzjoni fil-Bjelorussja; jenfasizza li l-leġiżlazzjoni attwali dwar il-midja fil-Bjelorussja ma tikkonformax mal-istandards internazzjonali u għalhekk jitlob lill-awtoritajiet Bjelorussi biex jirreveduha u jemendawha;

8.  Jistieden lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lir-Rappreżentant Għoli tal-UE biex jeżaminaw mill-ġdid il-politika tal-UE dwar il-Bjelorussja u biex jikkunsidraw sanzjonijiet ekonomiċi mmirati u l-iffriżar tal-għajnuna makrofinanzjarja kollha mogħtija permezz ta' self mill-FMI kif ukoll l-operazzjonijiet ta' self minn programmi tal-BEI u tal-BERŻ; jenfasizza l-ħtieġa li l-PEV u l-għajnuna nazzjonali għall-Bjelorussja jiġu orjentati mill-ġdid biex ikun żgurat appoġġ xieraq għas-soċjetà ċivili; itenni l-importanza tal-użu effikaċi tal-Istrument Ewropew għad-Demokrazija u d-Drittijiet tal-Bniedem;

9.  Jistieden lill-Kummissjoni biex tappoġġja, bil-mezzi finanzjarji u politiċi kollha, l-isforzi tas-soċjetà ċivili Bjelorussa, il-midja indipendenti (fosthom TV Belsat, ir-Radju Ewropew għall-Bjelorussja, Radio Racja u oħrajn) u l-organizzazzjonijiet mhux governattivi fil-Bjelorussja biex jippromwovu d-demokrazija u jopponu r-reġim; jara l-ħtieġa li jittejbu u jiġu ffaċilitati r-relazzjonijiet tal-NGOs Bjelorussi mal-komunità internazzjonali tal-NGOs; fl-istess ħin jistieden lill-Kummissjoni biex twaqqaf il-kooperazzjoni attwali u biex tirtira l-għajnuna tagħha għall-midja tal-istat fil-Bjelorussja;

10. Jistieden lill-Kummissjoni Ewropea biex tiżviluppa mekkaniżmu ta' reġistrazzjoni tal-NGOs li tinċaħdilhom ir-reġistrazzjoni fil-Bjelorussja għal raġunijiet politiċi, sabiex ikunu jistgħu jibbenefikaw mill-programmi tal-UE;

11. Iħeġġeġ lill-Kummissjoni biex tkompli u żżid l-għajnuna finanzjarja lill-Università Ewropea tal-Istudji Umanistiċi (EHU) ibbażata f’Vilnjus, il-Litwanja, biex iżżid l-għadd ta' boroż ta' studju għall-istudenti Bjelorussi, li ġew repressi minħabba l-attivitajiet ċiviċi tagħhom u li tkeċċew mill-universitajiet u biex tikkontribwixxi għall-konferenza tad-donaturi tal-organizzazzjoni 'Solidarjetà mal-Bjelorussja' li se ssir f'Varsavja fit-2 ta' Frar 2011 u l-konferenza sussegwenti f'Vilnjus mit-3 sal-4 ta' Frar 2011;

12. Jistieden lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lir-Rappreżentant Għoli tal-UE biex jerġgħu japplikaw minnufih il-projbizzjoni tal-ħruġ ta' viżi għall-awtoritajiet Bjelorussi ewlenin filwaqt li jestenduha għall-uffiċjali tal-istat, il-membri tal-ġudikatura u l-uffiċjali tas-sigurtà li jistgħu jitqiesu responsabbli għat-tbagħbis tal-votazzjoni u għar-repressjonijiet brutali u l-arresti postelettorali ta' membri tal-oppożizzjoni, kif ukoll biex jiffriżawlhom l-assi; jiġbed l-attenzjoni għall-fatt li s-sanzjonijiet għandhom jibqgħu fis-seħħ tal-anqas sakemm il-priġunieri u d-detenuti politiċi kollha jinħelsu u jiġu rtirati l-akkużi kontrihom; jilqa' l-eżempju tajjeb tal-Gvern Pollakk u tal-Parlament Litwan, li imponew ir-restrizzjoni tagħhom stess fuq l-ivvjaġġar għar-rappreżentanti tar-reġim ta' Minsk u li fl-istess ħin issimplifikaw l-aċċess għall-Unjoni Ewropea għaċ-ċittadini Bjelorussi;

13. Jistieden lill-Kunsill biex jikkunsidra l-possibbiltà li jissospendi l-parteċipazzjoni tal-Bjelorussja fl-attivitajiet tas-Sħubija tal-Lvant fis-Samit dwar is-Sħubija tal-Lvant f'Budapest jekk ma tingħatax spjegazzjoni aċċettabbli u jekk is-sitwazzjoni fil-Bjelorussja ma titjiebx b'mod sinifikanti; din is-sospensjoni m'għandhiex tapplika għall-NGOs u s-soċjetà ċivili;

14. Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Kunsill biex jintensifikaw il-ħidma fuq id-direttivi tan-negozjati għall-ftehim ta' riammissjoni u għall-faċilitazzjoni tal-ħruġ ta' viżi, li jinkludu ħlasijiet raġonevoli għall-viżi sabiex jittejbu l-kuntatti interpersonali;

15. Jistenna li l-Istati Membri tal-UE ma jdgħajfux l-azzjoni tal-UE b'inizjattivi bilaterali mar-reġim Bjelorussu li jikkompromettu l-kredibilità u l-effikaċja tal-politika barranija Ewropea;

16. Huwa tal-fehma li avvenimenti sportivi, bħall-Kampjonati Dinjija tal-Hockey fuq is-Silġ fl-2014, m'għandhomx isiru fil-Bjelorussja waqt li jkun għad hemm priġunieri politiċi f'dak il-pajjiż;

17. Jiddispjaċih rigward id-deċiżjoni min-naħa tal-Federazzjoni Russa li tirrikonoxxi l-elezzjonijiet kif ukoll li tiddeskrivi r-repressjoni bħala "kwistjoni interna"; jirrakkomanda li l-Kummissjoni Ewropea tniedi djalogu, konsultazzjonijiet u koordinazzjoni politika mal-ġirien tal-Bjelorussja li mhumiex fl-UE, li tradizzjonalment għandhom relazzjonijiet speċjali ma' dak il-pajjiż u huma wkoll sħab tal-UE, partikolarment ir-Russja u l-Ukraina, sabiex timmassimizza l-effiċjenza tal-politika tal-UE għall-Bjelorussja u biex tikkoopera fil-bilanċ xieraq għar-reazzjoni kontra d-defiċit demokratiku u l-ksur tad-drittijiet tal-bniedem fil-Bjelorussja bil-ħtieġa li tiġi evitata l-iżolazzjoni internazzjonali tal-Bjelorussja;

18. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lir-Rappreżentant Għoli tal-UE, lill-Istati Membri tal-UE, lill-President, lill-Gvern u lill-Parlament tal-Bjelorussja u lill-Assemblej Parlamentari tal-Kunsill tal-Ewropa u tal-OSKE.

 

Avviż legali - Politika tal-privatezza