Proċedura : 2010/2963(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : RC-B7-0073/2011

Testi mressqa :

RC-B7-0073/2011

Dibattiti :

Votazzjonijiet :

PV 03/02/2011 - 8.16
CRE 03/02/2011 - 8.16
Spjegazzjoni tal-votazzjoni
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :

P7_TA(2011)0041

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI KONĠUNTA
PDF 148kWORD 99k
31.1.2011
PE455.901v01-00}
PE455.911v01-00}
PE455.913v01-00}
PE455.914v01-00} RC1
 
B7-0073/2011}
B7-0082/2011}
B7-0084/2011}
B7-0085/2011} RC1

imressqa skont l-Artikolu 115(5) tar-Regoli ta' Proċedura

li tieħu post il-mozzjonijiet għal riżoluzzjoni mressqa mill-gruppi:

ALDE (B7‑0073/2011)

GUE/NGL (B7‑0082/2011)

S&D (B7‑0084/2011)

Verts/ALE (B7‑0085/2011)


dwar il-kriżi tal-iskart fir-reġjun ta' Campania


Judith A. Merkies, Victor Boştinaru, David-Maria Sassoli, Andrea Cozzolino, Mario Pirillo f'isem il-Grupp S&D
Luigi de Magistris, Sonia Alfano, Niccolò Rinaldi, Giommaria Uggias, Adina-Ioana Vălean f'isem il-Grupp ALDE
Margrete Auken, Eva Lichtenberger f'isem il-Grupp Verts/ALE
Bairbre de Brún, Willy Meyer, Marisa Matias, Nikolaos Chountis, Søren Bo Søndergaard, Patrick Le Hyaric, Sabine Wils f'isem il-Grupp GUE/NGL
EMENDI

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar il-kriżi tal-iskart fir-reġjun ta’ Campania  

Il-Parlament Ewropew,

–   wara li kkunsidra d-Direttiva tal-Kunsill 75/442/KEE tal-15 Lulju 1975 dwar l-iskart(1), b’mod partikolari l-Artikolu 4 tagħha,

–   wara li kkunsidra d-Direttiva tal-Kunsill 91/689/KEE tat-12 ta’ Diċembru 1991 fuq skart perikoluż(2), b’mod partikolari l-Artikolu 2 tagħha,

–   wara li kkunsidra d-Direttiva tal-Kunsill 99/31/KE tas-26 ta’ April 1999 dwar ir-rimi ta’ skart f’terraferma(3), b’mod aprtikolari l-Artikolu 11 u l-Anness II tiegħu,

–   wara li kkunsidra l-Qafas rivedut tad-Direttiva dwar l-iskart (2008/98/KE)(4), b'mod partikulari l-Artikoli 17 u 18 tagħha,

–   wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tad-19 ta’ Novembru 2003 dwar ir-rapport ta' segwitu rigward id-Direttiva tal-Kunsill 75/442/KEE (Direttiva Qafas dwar l-Iskart)(5),

–   wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-16 ta’ Settembru 1998 dwar il-komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar l-applikazzjoni tad-direttivi dwar l-immaniġġjar tal-iskart(6),

–   wara li kkunsidra d-Dokument ta' Ħidma dwar il-missjoni għall-ġbir ta’ fatti li l-Kumitat għall-Petizzjonijiet tiegħu għamel fir-reġjun ta’ Campania, fl-Italja, bejn it-28 u t-30 ta’ April 2010(7),

–   wara li kkunsidra l-liġi 123/2008 tar-Repubblika Taljana li ġiet promulgata fl-14 ta' Lulju 2008,

–   wara li kkunsidra d-Directive 2008/99/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-19 ta’ Novembru 2008 dwar il-protezzjoni tal-ambjent permezz tal-liġi kriminali(8),

–   wara li kkunsidra s-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja Ewropea fil-Kawża C-135/05 tas-26 ta' April 2007,

–   wara li kkunsidra s-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja Ewropea fil-Kawża C-297/08 tal-4 ta' Marzu 2010,

–   wara li kkunsidra l-Artikoli 191 u 260 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE),

–   wara li kkunsidra d-Direttiva 2003/35/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Mejju 2003 li tipprovdi għall-parteċipazzjoni pubblika rigward it-tfassil ta’ ċerti pjani u programmi li għandhom x’jaqsmu mal-ambjent(9) partikolarment l-Artikolu 2 tagħha,

–   wara li kkunsidra l-Konvenzjoni ta' Aarhus,

–   wara li kkunsidra l-Artikolu 115(5) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A. billi l-kriżi tal-iskart fir-reġjun ta' Campania hi l-aktar kapitolu kumpless ta' storja ta' ġestjoni problematika tal-iskart f'ħafna partijiet tal-Italja, inkluż ir-reġjuni ta’ Lazio, Calabria u Sqallija, billi fis-snin disgħin ġiet iddikjarata emerġenza tal-iskart u billi nħatru Kummissarji tal-Gvern b'setgħat u fondi speċjali,

B.  billi d-digriet ta' liġi Taljan nru 195 tal-31 ta' Diċembru 2009 jiddikjara uffiċjalment li l-istat ta' emerġenza ntemm u jiddelega r-responsabbiltà għall-ġestjoni tal-iskart lill-Awtoritajiet Provinċjali minn dakinhar ’il quddiem,

C. billi, fil-5 ta' Ottubru 2010, dokument ta' ħidma li rrapporta dwar il-missjoni għall-ġbir ta’ fatti fir-reġjun ta’ Campania, fl-Italja, bejn it-28 u t-30 ta’ April 2010, bħala riżultat tad-diversi petizzjonijiet li tressqu rigward il-problemi tal-ġestjoni tal-iskart fir-reġjun, ġie adottat mill-Kumitat għall-Petizzjonijiet tal-Parlament,

D. billi, ftit wara l-adozzjoni tar-rapport dwar il-missjoni tal-ġbir ta’ fatti tal-Kumitat għall-Petizzjonijiet, faqqgħet kriżi ġdida wara dik tas-sajf tal-2007; billi, wara li tħabbru l-miżuri eċċezzjonali konsegwenti, bħall-ftuħ ta' landfills ġodda, kien hemm protesti massivi,

E.  billi s-soluzzjoni inizjali li kienet tinvolvu l-produzzjoni ta’ "ekobalal" u skart organiku, saret b'mod inkorrett u b'hekk ikkawżat sitwazzjoni fejn il-balal tal-iskart ma setgħux jiġu eliminati; u billi, minħabba n-nuqqas ta' filtraġġ jew proċeduri ta’ għażla tal-iskart, hu stmat li ġew prodotti aktar minn seba’ miljun tunnellati “ekobalal” ta' kwalità inferjuri,

F.  billi l-ewwel inċineratur f'Acerra beda jiffunzjona biss f'Marzu 2010, u billi t-tħaddim tiegħu bata minħabba n-nuqqas ta' infrastruttura xierqa għas-separazzjoni u t-trattament tal-iskart u għad fadal tħassib dwar l-eliminazzjoni tal-irmied prodott mill-proċess tal-inċinerazzjoni,

G. billi l-progress li sar f’termini ta’ tnaqqis tal-iskart u r-riċiklaġġ tal-iskart domestiku kien minimu u l-iskart domestiku u ta' tip ieħor għadu jasal fil-landfills b'mod indiskriminat u f'xi każi jidher li qed ikun imħallat ma' tipi differenti ta' skart industrijali,

H. billi ħafna landfills ġew iddikjarati żoni ta’ interess strateġiku, u għaldaqstant membri tal-pubbliku, sindki u l-awtoritajiet lokali, inkluż il-pulizija twaqqfu milli jivverifikaw dak li tabilħaqq jasal hemm,

I.   billi l-karatteristika l-aktar importanti tat-tmexxija tal-kriżi tal-iskarti hija l-prattika ssir deroga mir-regolamenti u l-kontrolli, inkluż pereżempju, l-eżenzjoni mill-valutazzjoni ta’ impatt ambjentali u l-leġiżlazzjoni tal-akkwist pubbliku; billi il-kummissarji nħatru billi ngħataw is-setgħa li jiddeċiedu l-post tal-impjanti, il-landfills u l-inċineraturi, u l-kumpanija mqabbda, mingħajr konsultazzjoni xierqa ta’ jew l-għoti ta' informazzjoni lill-awtoritajiet lokali u lir-residenti lokali bid-deċiżjonijiet li jittieħdu; billi s-sistema li tinvolvi l-ġestjoni tal-iskart minn Kummissarji ta' emerġenza qalgħet ħafna kritika u qed isiru bosta inkjesti ġudizzjarji u billi fil-fatt titqies mill-biċċa l-kbira tal-popolazzjoni bħala parti mill-problema, iktar milli s-soluzzjoni, minħabba n-nuqqas ta’ trasparenza u n-nuqqas ta’ superviżjoni istituzzjonali,

J.   billi, skont il-Konvenzjoni ta' Aarhus, iċ-ċittadini għandhom id-dritt li jkunu infurmati dwar is-sitwazzjoni fit-territorju tagħhom u hu d-dmir tal-awtoritajiet li jipprovdu l-informazzjoni u li jimmotivaw liċ-ċittadin biex jiżviluppa attitudni u forom ta’ mġiba responsabbli; billi, f'konformità mad-Direttiva 2003/35/KE, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-pubbliku jingħata opportunitajiet bikrin u effikaċi biex jieħu sehem fit-tħejjija u l-modifika jew ir-rieżami tal-pjanijiet jew il-programmi li hemm bżonn jitfasslu,

K. billi ma ngħatatx importanza xierqa lill-membri tal-pubbliku li pprotestaw dwar is-sitwazzjoni jew li ppruvaw jipproponu approċċi alternattivi; billi l-awtoritajiet politiċi nazzjonali qiegħdu s-siti tal-iskarti u l-inċineratur ta’ Acerra taħt kontroll strett; billi dan l-aħħar saru xi arresti waqt dimostrazzjonijiet pubbliċi dwar il-kwistjoni, li juri b’mod ċar li saret ħsara għar-relazzjoni bejn il-pubbliku u l-awtoritajiet peress li l-iskuntentizza ċivili tiżdied biż-żmien,

L.  billi, fl-2007, il-Kummissjoni ddeċidiet tissospendi l-ħlas ta' €135 miljun f'kontribuzzjonijiet mill-perjodu ta' finanzjament 2006-2013 għal proġetti relatati mal-iskart u ta' €10.5 miljun oħra mill-perjodu ta' finanzjament 2000-2006 sa meta tiġi abolita l-istruttura tal-kummissarji,

M. billi f’bosta mill-bliet il-progress li sar f’termini ta’ tnaqqis tal-iskart u r-riċiklaġġ tal-iskart domestiku kien minimu; billi, b’mod notevoli, sar progress sinifikanti f’xi bliet fit-tqassim u l-ġbir tal-iskart domestiku, minkejja li ċ-ċiklu tal-iskart għadu jiddependi ħafna fuq landfills u l-inċinerazzjoni, kuntrarju għal-linji gwida stabbiliti fid-Direttiva Qafas dwar l-Iskart il-ġdida (2008/98/KE); billi bħalissa qed jiġi valutat pjan ta’ ġestjoni tal-iskart f’termini tal-konformità tiegħu mal-prinċipji stabbiliti fil-leġiżlazzjoni dwar l-iskart tal-UE rigward il-ġerarkija tat-trattament u l-użu sikur tal-landfills jew l-inċinerazzjoni,

N. billi ma jitwettqu l-ebda kontrolli tal-kwalità tal-iskart domestiku u tar-rimi ta' skart perikoluż f'siti illegali, u billi l-fatt li l-fatturi ġeoloġiċi u idroloġiċi ma tqisux kif jixraq meta ġie deċiż li l-landfills jitqiegħdu f'siti bħal Chiaiano wassal għal riskji għoljin ta' kontaminazzjoni tal-ħamrija u tas-sorsi tal-ilma minn taħt l-art tal-madwar; billi dan jikser l-Artikoli 17 u 18 tad-Direttiva Qafas dwar l-Iskart, kif ukoll tad-Direttiva dwar il-Landfills,

O. billi l-Qorti tal-Ġustizzja, fis-sentenza tagħha tas-26 ta' April 2007 għall-kawża C-135/05, iddikjarat li, meta naqset milli tadotta l-miżuri kollha meħtieġa biex tiżgura, b'mod partikulari, li l-iskart jiġi rkuprat jew eliminat mingħajr periklu għas-saħħa umana u mingħajr ma jintużaw proċessi jew metodi li jistgħu jkunu ta' ħsara għall-ambjent u wkoll milli tipprojbixxi l-abbandun, ir-rimi jew l-eliminazzjoni bla rażan tal-iskart, ir-Repubblika Taljana naqset milli tissodisfa l-obbligi tagħha skont il-leġiżlazzjoni Komunitarja; billi, fis-sentenza riċenti tagħha tal-4 ta' Marzu 2010 fil-kawża C-297/08, iddikjarat li, meta naqset milli tadotta l-miżuri kollha meħtieġa għar-reġjun ta' Campania, ir-Repubblika Taljana naqset milli tissodisfa l-obbligi tagħha skont l-Artikoli 4 u 5 tad-Direttiva 2006/12/KE,

P.  billi l-Kummissjoni ma rċevietx il-verżjoni finali tal-pjan ta’ ġestjoni tal-iskart għar-Reġjun ta’ Campania, b’konformità mas-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja; billi l-Parlament, madankollu, innota abbozz ta’ pjan ta’ ġestjoni tal-iskart li tressaq wara l-iskadenza tal-31 ta’ Diċembru 2010,

Q. billi fir-riżoluzzjoni tiegħu tas-16 ta' Settembru 1998 dwar l-applikazzjoni tad-direttivi dwar l-immaniġġjar tal-iskart, diġà talab li jinbdew b'mod sistematiku proċedimenti ta' ksur kontra l-Istati Membri li jonqsu milli jikkonformaw mad-dispożizzjonijiet kollha ta' dawn id-direttivi u li kull tliet xhur tiġi pprovduta lista ta' kawżi kontra Stati Membri li tressqu quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, inkluża lista tal-kawżi diġà deċiżi mill-Qorti u lista tal-multi imposti mill-Qorti; u billi, fir-riżoluzzjoni tiegħu tad-19 ta' Novembru 2003 dwar ir-rapport ta' segwitu dwar id-Direttiva Qafas dwar l-Iskart, talab li jkun hemm monitoraġġ u koordinazzjoni bir-reqqa u konsistenti tal-implimentazzjoni tal-leġiżlazzjoni fis-seħħ dwar l-iskart,

1.  Jappella biex tiġi identifikata b'mod urġenti soluzzjoni sostenibbli li tissodisfa l-kriterji tal-UE, b'mod partikolari l-implimentazzjoni ta’ pjan għall-ġestjoni tal-skart fejn, skont id-Direttiva 2008/98/KE, ir-rispett għall-ġerarkija taċ-ċiklu tal-iskart ikun fundamentali; jitlob lill-Kummissjoni żżommu infurmat dwar l-iżviluppi, inkluża l-implimentazzjoni ta’ pjan ta’ ġestjoni tal-iskart, u l-konformità mas-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-4 ta’ Marzu 2010 u r-regoli tal-UE;

2.  Jindika li l-konformità mal-leġiżlazzjoni tal-UE dwar l-iskart fir-reġjun ta' Campania tirrikjedi sforz enerġetiku ħafna biex jitnaqqas il-volum tal-skart u jkun hemm xaqliba lejn il-prevenzjoni, it-tnaqqis, l-użu mill-ġdid u r-riċiklaġġ tal-iskart, billi tiġi pprovduta l-infrastruttura adegwata u jinnota li għandha titqiegħed enfasi ikbar fuq l-irkupru tal-iskart organiku, partikolarment f’dan ir-reġjun li fil-biċċa l-kbira tiegħu hu agrikolu; jirrakkomanda li d-data tiġi vverifikata u li tiġi stabbilita sistema ta' skambji tal-aħjar prattiki;

3.  Iqis li l-miżuri dejjiema ta’ eċċezzjonalità meħuda mill-awtoritajiet Taljani, inkluża l-ħatra ta’ kummissarji speċjali jew l-identifikazzjoni ta’ siti tal-iskart bħala ‘ta’ interess strateġiku’ taħt il-kontroll tal-armata kienu kontraproduttivi u jibża' li n-nuqqas ta’ trasparenza stabbilit fil-ġestjoni tal-iskart mill-awtoritajiet pubbliċi ffaċilita iktar milli waqqaf iż-żieda fl-involviment ta’ gruppi ta’ kriminalità organizzata, kemm fil-ġestjoni uffiċjali tal-iskart fir-reġjun kif ukoll fl-eliminazzjoni illegali tal-iskart industrijali; jitlob għalhekk għal ħafna iktar trasparenza min-naħa tad-diversi awtoritajiet responsabbli;

4.  Jenfasizza l-importanza tal-bini mill-ġdid tal-fiduċja permezz ta’ djalogu strutturat bejn il-pubbliku u d-diversi awtoritajiet involuti u bejn il-livelli differenti tal-gvern; jiddeplora l-akkużi kriminali li tressqu mill-awtoritajiet kontra xi membri tal-pubbliku li pprotestaw b’mod paċifiku kontra l-ftuħ ta’ landfills ġodda u l-vjolenza li saret mill-forzi tas-sigurtà kontra d-dimostraturi; huwa konvint huwa biss permezz tal-involviment attiv taċ-ċittadini u l-infurmar tal-pubbliku tul il-proċess kollu li biż-żmien tista’ tinsab soluzzjoni sostenibbli għall-problemi tal-iskart tar-reġjun;

5.  Itenni l-fatt li l-Kummissjoni bħalissa qed iżżomm il-fondi strutturali tal-UE maħsuba għar-reġjun ta’ Campania, fondi li ser jingħataw biss wara li pjan ta’ ġestjoni tal-iskart ikun konsistenti mal-liġi tal-UE;

6.  Jiġbed l-attenzjoni lejn is-7 miljun tunnellata ta' “ekobalal”, li attwalment qed jiġi eżaminat il-kontenut tagħhom, akkumulati f’siti tal-ħażna, partikolarment fis-sit Taverna del Ré, u jenfasizza l-importanza tal-prijoritizzazzjoni tat-tneħħija u l-eliminazzjoni tagħhom meta l-kontenut preċiż tagħhom ikun ġie evalwat sew; jinsisti li l-eliminazzjoni tal-“ekobalal” għandha titwettaq bl-użu ta’ forom xierqa ta’ trattament u tiġi indirizzata fil-kuntest ta’ pjan ta’ ġestjoni tal-iskart, b’siti stabbiliti b’mod ċar għal kull trattament u bl-użu ta’ prattiki legali;

7.  Jinnota li hemm bżonn ta' attenzjoni urġenti għar-rimi bil-miftuħ u illegali ta' skart imħallat u mhux identifikat ħdejn is-sit ta' Ferandelle, u jitlob li jiġu infurzati kontrolli stretti fuq il-ġestjoni; ifakkar lill-awtoritajiet kompetenti li, sabiex ikun hemm konformità sħiħa mad-Direttiva dwar il-prevenzjoni u l-kontroll integrati tat-tniġġiż (id-Direttiva 2010/75/UE), iridu jistabbilixxu kontroll strett fuq l-ittrattar tat-tipi speċifiċi ta' skart industrijali, hi x'inhi l-oriġini tiegħu; jirrimarka wkoll li jridu jiġu stabbiliti siti indikati apposta li jkunu konformi mad-dispożizzjonijiet tad-Direttivi tal-UE rilevanti, waqt li jiġi żgurat li tiġi żviluppata infrastruttura xierqa għall-iskart industrijali, speċjali u tossiku; jitlob spjegazzjoni għan-nuqqas ta' użu tas-sit ippjanat biex jirċievi l-iskart organiku u jirrikjedi li jibda jiffunzjona, sakemm jissodisfa l-kriterji stabbiliti mid-Direttiva dwar l-Immaniġġjar tal-Iskart; jitlob għall-monitoraġġ ta’ landfills mmexxija privatament mingħajr liċenzja u għal azzjoni xierqa biex tiġi żgurata konformità mar-regoli tal-UE;

8.  Jiddispjaċih dwar id-deċiżjoni preċedenti li jinfetħu landfills f'żoni naturali protetti fil-Park Nazzjonali tal-Vessuvju, bħal f'Terzigno; jopponi bis-saħħa kull pjan għall-estensjoni ta' dawn is-siti ta' landfills u jilqa' d-deċiżjoni li ma tinfetaħx it-tieni landfill f'Terzigno (Cava Vitiello);

9.  Jinnota li l-Kummissjoni ddikjarat li t-tqegħid ta' landfills fis-siti ta' Natura 2000 mhuwiex minnu nnifsu ksur tal-leġiżlazzjoni tal-UE u jinnota wkoll li ż-żoni li ġew identifikati jew li diġà qed jintużaw bħala landfills fil-parkijiet nazzjonali, fis-siti ta' Natura 2000, kif ukoll fiż-żoni ta' patrimonju tal-UNESCO huma konformi mal-leġiżlazzjoni tal-UE; iqajjem il-kwistjoni dwar jekk dan iwassal għal riskji ekoloġiċi jew tas-saħħa; huwa tal-opinjoni li l-għażla ta’ żoni naturali protetti jew kulturali bħala siti ta’ landfills mhijiex kompatibbli mal-liġi ambjentali; jitlob lill-Kummissjoni temenda l-leġiżlazzjoni tal-UE dwar l-iskart sabiex il-landfills fis-siti ta' Natura 2000 ikunu kategorikament ipprojbiti; jipproponi li l-Kummissjoni tapplika lill-Qorti tal-Ġustizzja għal inġunzjoni jekk jiġu estiżi l-landfills eżistenti f’żoni naturali protetti jew jekk jinfetħu oħrajn ġodda fis-siti ta’ Natura 2000;

10. Iħeġġeġ lill-Gvern Taljan biex f'din il-kwistjoni jaġixxi b'osservanza tal-leġiżlazzjoni tal-UE, u b'mod iktar partikolari biex josserva l-aħħar żewġ sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja, biex jirrispetta l-iskadenzi għall-konformità stabbiliti mill-Kummissjoni u biex jikkoreġi l-każi kollha msemmija ta' ksur tal-liġi tal-UE, filwaqt li jfakkar fl-obbligu tiegħu li jieħu miżuri biex ikun żgurat li l-acquis communautaire jiġi osservat fil-livelli kollha;

11. Jitlob lill-Kummissjoni biex tagħmel dak kollu fis-setgħa tagħha biex timmonitorja l-isforzi li jsiru mill-awtoritajiet kompetenti fl-Italja biex jiġi żgurat li l-iskart jinġabar, jitqassam u jiġi ttrattat kif suppost, pereżempju permezz ta’ spezzjonijiet sistematiċi, u biex tħeġġeġ lill-awtoritajiet reġjonali biex jippreżentaw pjan ta’ ġestjoni tal-iskart kredibbli; jitlob lill-Kummissjoni tistieden lid-delegazzjoni tal-Parlament Ewropew biex tipparteċipa fl-ispezzjonijiet;

12. Jisħaq fuq il-fatt li d-disinn u l-implimentazzjoni taċ-ċiklu tal-iskart huma r-responsabbiltà tal-awtoritajiet Taljani; jikkunsidra li l-piż tat-tindif tas-siti f’Campania li ġew kkontaminati bit-tniġġis mid-diversi forom ta' skart m'għandux jiġġarrab minn min iħallas it-taxxi imma minflok, f'konformità mal-prinċipju li min iniġġes iħallas, minn dawk responsabbli għat-tniġġis;

13. Jinnota li l-Italja ma nnotifikatx it-traspożizzjoni tagħha tad-Direttiva 2008/99/KE dwar il-protezzjoni tal-ambjent permezz tal-liġi kriminali fi żmien l-iskadenza tas-26 ta' Diċembru 2010 imma jistenna li l-Italja tikkonforma kompletament mad-direttiva u tapplika s-sanzjonijiet xierqa għar-reati relatati mal-iskart elenkati fid-direttiva, inkluż lill-persuni ġuridiċi meta jiġu ssodisfati l-kundizzjonijiet rilevanti;

14. Jitlob lill-Kummissjoni timmonitorja l-iżviluppi u tuża s-setgħat tagħha, inkluż billi tieħu iktar azzjonijiet f’dak li għandu x’jaqsam mas-sanzjonijiet finanzjarji (l-Artikolu 260 TFUE), biex tiżgura li l-awtoritajiet tal-Campania jikkonformaw mingħajr dewmien mas-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, skont id-deċiżjoni li ġiet deċiża fis-sentenza tal-Qorti tat-12 ta’ Lulju 2005 fil-Kawża C-304/02 il-Kummissjoni v Franza [2005] ECR I-6263, partikolarment billi tiżgura li l-landfills eżistenti jikkonformaw mal-liġi tal-UE;

15. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi il-pożizzjoni tiegħu lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-Gvern u l-Parlament tal-Italja.

(1)

ĠU L 194, 25.7.1975, p. 39.

(2)

ĠU L 377, 31.12.1991, p. 20.

(3)

ĠU L 182, 16.7.1999, p. 1.

(4)

ĠU L 312, 22.11.2008, p. 3.

(5)

Testi adottati, P5_TA(2003)0508.

(6)

ĠU C 313, 12.10.1998, p. 53.

(7)

PETI_DT(2010)442870.

(8)

ĠU L 328, 6.12.2008, p. 28.

(9)

Avviż legali - Politika tal-privatezza