Proċedura : 2011/2510(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : RC-B7-0103/2011

Testi mressqa :

RC-B7-0103/2011

Dibattiti :

PV 16/02/2011 - 13
CRE 16/02/2011 - 13

Votazzjonijiet :

Testi adottati :


MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI KONĠUNTA
PDF 155kWORD 92k
14.2.2011
PE459.635v01-00}
PE459.636v01-00}
PE459.639v01-00}
PE459.644v01-00} RC1
 
B7-0103/2011}
B7-0104/2011}
B7-0107/2011}
B7-0112/2011}RC1

imressqa skont l-Artikolu 110(4) tar-Regoli ta' Proċedura

li tieħu post il-mozzjonijiet għal riżoluzzjoni mressqa mill-gruppi:

Verts/ALE (B7‑0103/2011)

ALDE (B7‑0104/2011)

GUE/NGL (B7‑0107/2011)

S&D (B7‑0112/2011)


dwar il-liġi dwar il-midja fl-Ungerija


Martin Schulz, Hannes Swoboda, Maria Badia i Cutchet, Claude Moraes, Juan Fernando López Aguilar, Csaba Sándor Tabajdi f’isem il-Grupp S&D
Renate Weber, Sophia in 't Veld, Sonia Alfano, Alexander Alvaro, Louis Michel, Cecilia Wikström, Jens Rohde, Norica Nicolai, Marielle De Sarnez, Alexander Graf Lambsdorff, Ramon Tremosa i Balcells, Charles Goerens, Marietje Schaake, Frédérique Ries, Gianni Vattimo, Nathalie Griesbeck, Luigi de Magistris f’isem il-Grupp ALDE
Daniel Cohn-Bendit, Rebecca Harms, Judith Sargentini, Helga Trüpel, Christian Engström, Hélène Flautre, Raül Romeva i Rueda, Eva Lichtenberger f'isem il-Grupp Verts/ALE
Lothar Bisky, Rui Tavares, Eva-Britt Svensson, Patrick Le Hyaric, Willy Meyer, Jean-Luc Mélenchon, Jürgen Klute, Marie-Christine Vergiat f'isem il-Grupp GUE/NGL

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar il-liġi dwar il-midja fl-Ungerija  

Il-Parlament Ewropew,

–   wara li kkunsidra l-Artikoli 2, 3, 6 u 7 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (TUE), l-Artikoli 49, 56, 114, 167 u 258 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE), l-Artikolu 11 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea u l-Artikolu 10 tal-Konvenzjoni Ewropea dwar id-Drittijiet tal-Bniedem (KEDB) relatata mar-rispett għad-drittijiet fundamentali u l-promozzjoni u l-protezzjoni tagħhom, b’mod partikolari l-libertà tal-espressjoni u l-informazzjoni u d-dritt tal-pluraliżmu tal-midja,

–   wara li kkunsidra d-Direttiva 2010/13/UE tal-10 ta' Marzu 2010 dwar il-koordinazzjoni ta’ ċerti dispożizzjonijiet stabbiliti bil-liġi, b’regolament jew b’azzjoni amministrattiva fl-Istati Membri dwar il-forniment ta’ servizzi tal-midja awdjoviżiva (Direttiva dwar is-Servizzi tal-Media Awdjoviżiva - AMSD) (1),

–   wara li kkunsidra l-Karta Ewropea dwar il-Libertà tal-Istampa tal-25 ta’ Mejju 2009, id-dokument ta’ ħidma tal-Kummissjoni dwar il-pluraliżmu tal-midja fl-Istati Membri tal-UE (SEC(2007)0032), l-“Approċċ għall-Pluraliżmu tal-Midja fi Tliet Stadji” kif definit mill-Kummissjoni, u l-istudju indipendenti mwettaq f’isem il-Kummissjoni u ffinalizzat fl-2009,

–   wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet tiegħu tat-22 ta' April 2004 dwar ir-riskji ta' ksur tal-libertà tal-espressjoni u tal-informazzjoni fl-Unjoni Ewropea u b'mod partikolari fl-Italja (Artikolu 11(2) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali) (2), tal-25 ta' Settembru 2008 dwar il-konċentrazzjoni u l-pluraliżmu fil-midja fl-Unjoni Ewropea(3), u tas-7 ta’ Settembru 2010 dwar il-ġurnaliżmu u l-midja l-ġdida – għall-ħolqien ta’ sfera pubblika fl-Ewropa(4),

–   wara li kkunsidra d-dikjarazzjonijiet tal-Kummissjoni, il-mistoqsijiet parlamentari mressqa u d-dibattiti magħmula fil-Parlament Ewropew fit-8 ta’ Ottubru 2009, rigward il-libertà tal-informazzjoni fl-Italja, u fit-8 ta’ Settembru 2010, u d-diskussjonijiet li saru fil-Kumitat għal-Libertajiet Ċivili, il-Ġustizzja u l-Intern fis-17 ta’ Jannar 2011 rigward il-liġi dwar il-midja Ungeriża,

   wara li kkunsidra d-deċiżjoni mill-Kumitat għal-Libertajiet Ċivili, il-Ġustizzja u l-Intern li l-Aġenzija għad-Drittijiet Fundamentali tintalab toħroġ rapport komparattiv annwali dwar is-sitwazzjoni tal-libertà, il-pluraliżmu u l-governanza indipendenti tal-midja fl-Istati Membri tal-UE, inklużi l-indikaturi,

–   wara li kkunsidra l-Konvenzjoni tal-UNESCO dwar il-Protezzjoni u l-Promozzjoni tad-Diversità tal-Espressjonijiet Kulturali, b’mod partikolari l-Artikoli 5(2), 7 u 11 tagħha,

–   wara li kkunsidra l-Artikolu 110(4) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A. billi l-Unjoni Ewropea hija msejsa fuq il-valuri tad-demokrazija u l-istat tad-dritt, kif stipulat fl-Artikolu 2 TUE, u konsegwentement tiggarantixxi u tippromwovi l-libertà tal-espressjoni u tal-informazzjoni, kif imnaqqxi fl-Artikolu 11 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali u fl-Artikou 10 tal-KEDB, u tirrikonoxxi l-valur legali tad-drittijiet, il-libertajiet u l-prinċipji kif imfissra fil- Karta tad-Drittijiet Fundamentali, li wriet ukoll billi aderixxiet ruħha mal-KEDB, li għaliha l-libertà u l-pluraliżmu tal-midja huma prerekwiżiti essenzjali, u billi dawn id-drittijiet jinkludu l-libertà li persuna tesprimi fehmiet u l-libertà li persuna tirċievi u tikkomunika informazzjoni mingħajr kontroll, indħil jew pressjoni minn awtoritajiet pubbliċi,

B.  billi l-pluraliżmu u l-libertà tal-midja għadhom kwistjoni ta’ tħassib serju fl-UE u fl-Istati Membri tagħha, partikolarment fl-Italja, il-Bulgarija, ir-Rumanija, ir-Repubblika Ċeka u l-Estonja, kif ġie enfasizzat mill-kritika riċenti tal-liġi dwar il-midja u l-bidliet kostituzzjonali li ġew ippromulgati fl-Ungerija bejn Ġunju u Diċembru 2010 li ġiet espressa minn organizzazzjonijiet internazzjonali, bħalma huma l-OSKE u l-Kummissarju għad-Drittijiet tal-Bniedem tal-Kunsill tal-Ewropa, minn għadd kbir ta’ organizzazzjonijiet internazzjonali u nazzjonali tal-ġurnalisti, minn edituri u pubblikatur, minn NĠOs attivi fil-qasam tad-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet ċivili, u mill-Istati Membri u l-Kummissjoni,

C. billi l-Kummissjoni qajmet tħassib u talbet informazzjoni mill-Gvern tal-Ungerija rigward il-konformità tal-liġi tal-midja tal-Ungerija mal-AVMSD u mal-acquis communautaire b’mod ġenerali, b’mod partikolari rigward l-obbligi li jkun offrut rappurtaġġ ibbilanċjat applikabbli għall-fornituri kollha ta’ servizzi tal-midja awdjoviżiva, u ddubitat ukoll dwar jekk dik il-liġi hix konformi mal-prinċipju tal-proporzjonalità u r-rispett għad-dritt fundamentali għal-libertà tal-espressjoni u tal-informazzjoni kif imnaqqxa fl-Artikolu 11 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali, il-prinċipju tal-pajjiż tal-oriġini u r-rekwiżiti ta’ reġistrazzjoni, u billi l-Gvern tal-Ungerija wieġeb billi pprovda informazzjoni ulterjuri u billi ddikjara id-disponibilità tiegħu li jirrieżamina l-liġi u jemendaha,

D. billi l-OSKE esprimiet riservazzjonijiet serji rigward l-ambitu tal-liġijiet Ungeriżi (ambitu materjali u territorjali), il-libertà tal-espressjoni u r-regolamentazzjoni tal-kontenut, il-ħatra ta’ persuna waħda biex taġixxi bħala l-awtorità nazzjonali tal-midja u t-telekomunikazzjonijiet, u l-konformità mal-prinċipji li jirregolaw ix-xandir tas-servizz pubbliku(5), filwaqt li indikat li l-leġiżlazzjoni l-ġdida ddgħajjef il-pluraliżmu tal-midja, tabolixxi l-indipendenza politika u finanzjarja tal-midja tas-servizz pubbliku u tikkonsolida l-karatteristiċi negattivi għall-midja ħielsa fit-tul, u li l-Awtorità tal-Midja u l-Kunsill tal-Midja huma politikament omoġenji(6) u jeżerċitaw kontroll governattiv u politiku mifrux u ċentralizzat fuq il-midja kollha; billi preokkupazzjonijiet oħra jinkludu l-pieni sproporzjonati u estremi imposti għal raġunijiet dibattibbli u mhux definiti, in-nuqqas ta' proċedura awtomatika għas-sospensjoni tal-pieni f'każ ta' appell lill-qrati kontra deċiżjoni tal-Awtorità tal-Midja, il-ksur tal-prinċipju tal-kunfidenzjalità tas-sorsi ġurnalistiċi u l-ħarsien tal-valuri tal-familja,

E.  filwaqt li għandu l-istess riservazzjonijiet serji bħal dawk espressi mill-OSKE rigward l-Awtorità tal-Midja u l-Kunsill tal-Midja, il-fatt li l-karatteristiċi l-aktar problematiċi tal-leġiżlazzjoni jiksru l-istandards tal-OSKE u dawk internazzjonali dwar il-libertà tal-espressjoni, pereżempju billi tneħħiet l-indipendenza politika u finanzjarja tal-midja tas-servizz pubbliku, l-ambitu tar-regolament (materjali u territorjali), u d-deċiżjoni li t-termini ewlenin ma jiġux definiti, ħaġa li tagħmilha impossibbli għall-ġurnalisti li jkunu jafu meta jista' jkun li qed jiksru l-liġi,

F.  billi l-Kummissarju għad-Drittijiet tal-Bniedem tal-Kunsill tal-Ewropa stieden lill-awtoritajiet tal-Ungerija jqisu l-istandards tal-Kunsill tal-Ewropa dwar il-libertà tal-espressjoni u l-pluraliżmu tal-midja, ir-rakkomandazzjonijiet rilevanti tal-Kumitat tal-Ministri u tal-Assemblea Parlamentaru tal-Kunsill tal-Ewropa, u, b’mod partikolari l-istandards vinkolanti spjegati fl-KEDB u fil-każistika tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem meta jkunu qed jeżaminaw mill-ġdid il-liġi Ungeriża dwar il-midja; billi rrefera għall-użu ta’ definizzjonijiet mhux ċari li huma miftuħa għall-miżinterpretazzjoni, l-istabbiliment ta’ makkinarju regolatorju li hu politikament żbilanċjat b'poteri sproporzjonati li mhux soġġett għal superviżjoni ġudizzjarja sħiħa, it-theddid għall-indipendenza tal-mezzi tax-xandir tas-servizz pubbliku, u l-erożjoni tal-ħarsien tas-sorsi tal-ġurnalisti; billi enfasizza wkoll il-ħtieġa li l-partijiet interessati relevanti kollha, inklużi l-partiti tal-oppożizzjoni u s-soċjetà ċivili, jitħallew jipparteċipaw b'mod sinifikanti fir-rieżami ta’ din il-leġiżlazzjoni, li tirregola aspett daqstant fundamentali tal-funzjonament ta' soċjetà demokratika(7),

G. billi l-liġi Ungeriża dwar il-midja għandha konsegwentement tiġi sospiża b'urġenza u rieżaminata abbażi tal-kummenti u l-proposti tal-Kummissjoni, l-OSKE u l-Kunsill tal-Ewropa, bil-għan li jiġi żgurat li hi konformi għalkollox mad-Dritt tal-UE u l-valuri u l-istandards Ewropej dwar il-libertà u l-pluraliżmu tal-midja u l-governanza indipendenti tal-midja,

H. billi, minkejja t-talbiet ripetuti mill-Parlament għal direttiva dwar il-libertà, il-pluraliżmu u l-governanza indipendenti tal-midja, il-Kummissjoni s’issa dewmet din il-proposta, li issa kulma jmur saret aktar urġenti u meħtieġa,

I.   billi l-kriterju ta' Kopenħagen għal sħubija mal-UE, kif stabiliti f'Ġunju 1993 waqt il-Kunsill Ewropew ta' Kopenħagen, rigward il-libertà tal-istampa u l-libertà tal-espressjoni, għandhom jiġu sostnuti mill-Istati Membri kollha fl-UE u infurzati permezz ta’ leġiżlazzjoni tal-UE relevanti,

J.   billi fil-paragrafi 45 u 46 tas-sentenza tagħha fil-Każi magħquda C-39/05 P u C-52/05 P l-Qorti tal-Ġustizzja sostniet li l-aċċess għall-informazzjoni jippermetti liċ-ċittadini jipparteċipaw aktar mill-qrib fil-proċess tat-teħid tad-deċiżjonijiet u jiggarantixxi li l-amministrazzjoni tgawdi leġittimità akbar u tkun aktar effettiva u tkun aktar obbligata tagħti rendikont liċ-ċittadini f'sistema demokratika u li ‘huwa prekundizzjoni għall-eżerċizzju effettiv tad-drittijiet demokratiċi taċ-ċittadini’,

1.  Jistieden lill-awtoritajiet Ungeriżi ireġġgħu għal li kienet l-indipendenza tal-governanza tal-midja u jwaqqfu l-indħil min-naħa tal-istat fil-libertà tal-espressjoni u f'rappurtar ibbilanċjat mill-midja, u jemmen li r-regolamentazzjoni żejta tal-midja hija kontroproduttiva, filwaqt li tipperikola l-pluraliżmu effettiv fl-isfera pubblika;

2.  Jilqa' b'sodisfazzjon l-inizjattiva tal-Kummissjoni li titlob kjarifiki dwar il-liġi tal-midja Ungeriża u dwar il-konformità tagħha mat-Trattati u d-Dritt tal-UE u t-tħabbira magħmula mill-awtoritajiet Ungeriżi fir-rigward tad-disponibilità tagħhom li jemendaw il-liġi;

3. Jiddeplora d-deċiżjoni tal-Kummissjoni li timmira għal tliet punti biss f’konnessjoni mal-implimentazzjoni tal-acquis communautaire mill-Ungerija u n-nuqqas ta’ kwalunkwe referenza għall-Artikolu 30 tal-AVMSD, li għandha l-effett li tillimita l-kompetenza tal-Kummissjoni stess li tiskrutinizza l-konformità tal-Ungerija mal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali meta tkunu qed tiġi implimentata l-liġi tal-UE; iħeġġeġ lill-Kummissjoni teżamina l-konformità tal-Ungerija mal-arranġamenti tar-responsabilità stabbiliti fid-Direttiva 2000/31/KE dwar il-kummerċ elettroniku u t-transpożizzjoni min-naħa tal-Ungerija tad-deċiżjonijiet qafas tal-UE dwar il-ġlieda kontra ċerti forom u espressjonijiet ta’ razziżmu u ksenofobija permezz tal-liġi kriminali (2008/913/ĠAI) u dwar il-ġlieda kontra t-terroriżmu (2008/919/ĠAI), li jinkludu referenzi għal-libertà tal-espressjoni u għat-tidwir mar-regoli tal-libertà tal-midja;

4.  Jistieden lill-Kummissjoni tipproċedi malajr u meta jkun il-waqt bl-eżami bir-reqqa tagħha tal-kwistjoni li l-liġi tal-midja Ungeriża tinġieb konformi mal-leġiżlazzjoni Ewropea, partikolarment il-Karta dwar id-Drittijiet Fundamentali, sabiex tiffissa skadenza stretta għall-awtoritajiet Ungeriżi biex ibiddlu l-liġi, u jekk l-iskadenza ma tiġix irrispettata, tagħti bidu għal proċeduri ta’ ksur;

5.  Jistieden lill-awtoritajiet Ungeriżi jinvolvu l-partijiet interessati kollha fir- reviżjoni tal-liġi tal-midja u tal-Kostituzzjoni, li hija l-bażi għal soċjetà demokratika bbażata fuq l-istat tad-dritt, b’kontrolli u bilanċi xierqa biex jissalvagwardjaw id-drittijiet fundamentali tal-minoranza kontra r-riskju tat-tirannija tal-maġġoranza;

6.  Jistieden lill-Kummissjoni taġixxi, fuq il-bażi tal-Artikolu 265 tat-TFUE, billi tipproponi inizjattiva leġiżlazzjoni skont l-artikolu 225 tat-TFUE dwar il-libertà, il-pluraliżmu u l-governanza indipendenti tal-midja qabel tmiem is-sena, biex b’hekk jingħelbu l-inadegwatezzi tal-qafas leġiżlattiv tal-UE dwar il-midja, filwaqt li tagħmel użu tal-kompetenzi tagħha fl-oqsma tas-suq intern, il-politika awdjoviżiva, il-kompetizzjoni, it-telekomunikazzjonijiet, is-sussidji mill-Istat, l-obbligu tas-servizz pubbliku u d-drittijiet fundamentali ta’ kull persuna residenti fuq territorju tal-UE, bil-ħsieb li jġu ddefiniti tal-anqas l-istandards essenzjali minimi li l-Istati Membri kollha jridu jissodisfaw u jirrispettaw fil-leġiżlazzjoni nazzjonali biex jiżguraw, jiggarantixxu u jippromwovi l-libertà tal-informazzjoni u livell adegwat ta' pluraliżmu tal-midja u governanza indipendenti tal-midja;

7.  Jitlob lill-awtoritajiet Ungeriżi li, fil-każ li l-liġi tal-midja tinstab li tkun inkompatibbli mal-forma u s-sustanza tat-Trattati jew tad-Dritt tal-UE, b’mod partikolari l-Karta tad-Drittijiet Fundamentali, jirrevokaw u mhux japplikaw il-liġi jew dawk l-elementi tagħha li jinstabu li huma inkompatibbli, skont il-kummenti u l-proposti magħmula mill-Parlament Ewropew, il-Kummissjoni, l-OSKE u l-Kummissarju għad-Drittijiet tal-Bniedem tal-Kunsill tal-Ewropa, ir-rakkomandazzjonijiet tal-Kumitat tal-Ministri u l-Assemblea Parlamentari tal-Kunsill tal-Ewropa, u l-każistika tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea u tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem;

8.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Kunsill tal-Ewropa, lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri, lill-Aġenzija tad-Drittijiet Fundamentali, lill-OSKE u lill-Kunsill tal-Ewropa.

 

 

(1)

ĠU L 95, 15.4.2010, p. 1.

(2)

ĠU C 104 E, 30.4.2004, p. 1026.

(3)

Testi adottati, P6_TA(2008)0459.

(4)

Testi adottati, P7_TA-PROV(2010)0307.

(5)

Analiżi u valutazzjoni ta' pakkett ta' leġiżlazzjoni Ungeriża u ta' abbozz ta' leġiżlazzjoni dwar il-midja u t-telekomunikazzjonijiet, imħejjija minn Dr Karol Jakubowicz għall-OSKE.

(6)

Ittra tal-14 ta’ Jannar 2010 mir-Rappreżentant tal-OSKE dwar il-Libertà tal-Midja lill-President tal-Kumitat għal-Libertajiet Ċivili, il-Ġustizzja u l-Intern.

(7)

http://www.coe.int/t/commissioner/News/2011/110201Hungary_en.asp

Avviż legali - Politika tal-privatezza