Mozzjoni għal riżoluzzjoni konġunta - RC-B7-0167/2011Mozzjoni għal riżoluzzjoni konġunta
RC-B7-0167/2011

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI KONĠUNTA dwar il-Bjelorussja (b'mod partikolari dwar il-każijiet ta' Ales Mikhalevic u Natalia Radina)

9.3.2011

imressqa skont l-Artikolu 122(5) tar-Regoli ta' Proċedura
li tieħu post il-mozzjonijiet għal riżoluzzjoni mressqa mill-gruppi:
Verts/ALE (B7‑0167/2011)
ALDE (B7‑0180/2011)
S&D (B7‑0184/2011)
PPE (B7‑0185/2011)
ECR (B7‑0188/2011)

Elmar Brok, José Ignacio Salafranca Sánchez-Neyra, Jacek Protasiewicz, Laima Liucija Andrikienė, Mario Mauro, Cristian Dan Preda, Bernd Posselt, Tunne Kelam, Bogusław Sonik, Jarosław Leszek Wałęsa, Filip Kaczmarek, Lena Kolarska-Bobińska, Eija-Riitta Korhola, Elena Băsescu, Sari Essayah, Monica Luisa Macovei, Krzysztof Lisek, Eduard Kukan f'isem il-Grupp PPE-DE
Véronique De Keyser, Kristian Vigenin, Justas Vincas Paleckis, Marek Siwiec f'isem il-Grupp S&D
Marietje Schaake, Leonidas Donskis, Kristiina Ojuland, Ramon Tremosa i Balcells, Sonia Alfano, Gerben-Jan Gerbrandy f'isem il-Grupp ALDE
Charles Tannock, Michał Tomasz Kamiński, Adam Bielan, Ryszard Antoni Legutko, Marek Henryk Migalski, Tomasz Piotr Poręba, Jacek Olgierd Kurski, Konrad Szymański, Paweł Robert Kowal, Ryszard Czarnecki, Geoffrey Van Orden, Tadeusz Cymański, Mirosław Piotrowski f'isem il-Grupp tal-Konservattivi u Riformisti Ewropej
Werner Schulz, Elisabeth Schroedter, Heidi Hautala, Rebecca Harms, Indrek Tarand f'isem il-Grupp Verts/ALE

Proċedura : 2011/2613(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument :  
RC-B7-0167/2011
Testi mressqa :
RC-B7-0167/2011
Dibattiti :
Votazzjonijiet :
Testi adottati :

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar il-Bjelorussja (b'mod partikolari dwar il-każijiet ta' Ales Mikhalevic u Natalia Radina)

Il-Parlament Ewropew,

–   wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar il-Bjelorussja b'mod partikulari, dawk tal-20 ta' Jannar 2011[1], tas-17 ta' Diċembru 2009[2] u tat-22 ta' Mejju 2008[3],

 

–   wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni tar-Rappreżentant Għoli tal-UE, Catherine Ashton, fit-18 ta' Frar 2011 fi Brussell, dwar il-kundanna u s-sentenzjar tar-rappreżentant tal-oppożizzjoni tal-Bjelorussja,

–   wara li kkunsidra l-Konklużjonijiet tal-Kunsill dwar il-Bjelorussja adottati fit-3065 laqgħa tal-Kunsill tal-Affarijiet Barranin li saret fi Brussell fil-31 ta' Jannar 2011,

–   wara li kkunsidra d-Deċiżjoni tal-Kunsill Nru. 2011/69/PESK tal-31 ta’ Jannar 2011 li temenda d-Deċiżjoni tal-Kunsill Nru.2010/639/PESK dwar miżuri restrittivi kontra ċerti uffiċjali tal-Bjelorussja,

–   wara li kkunsidra l-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti kontra t-Tortura u t-Trattament jew Pieni Krudili, Inumani jew Degradanti oħra (Konvenzjoni kontra t-Tortura) li l-Bjelorussja hi firmatarja tagħhom,

–   wara li kkunsidra r-Regoli Standard Minimi tan-NU għat-Trattament tal-Priġunieri,

–   wara li kkunsidra l-Linjigwida għall-politika tal-UE fir-rigward ta' pajjiżi terzi dwar it-tortura u trattament jew pieni krudili, inumani jew degradanti oħra, adottati fl-2001 u riveduti fl-2008,

–   wara li kkunsidra r-Riżoluzzjoni Nru 1790(2011) tas-27 ta' Jannar 2011 tal-Assemblea Parlamentari tal-Kunsill tal-Ewropa dwar is-sitwazzjoni fil-Bjelorussja wara l-elezzjoni Presidenzjali

–   wara li kkunsidra r-Rapport ta' Amnesty International tat-2 ta' Frar 2011, bl-isem ta' "Sigurtà, Paċi u Ordni? Ksur tad-drittijiet wara l-elezzjonijiet fil-Bjelorussja",

–   wara li kkunsidra l-Artikolu 122(5) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A. billi numru kbir ta' membri tal-oppożizzjoni, inkluż ex kandidati Presidenzjali, ġurnalisti u difensuri tad-drittijiet tal-bniedem kienu arrestati wara l-avvenimenti tad-19 ta' Diċembru 2010 f'Minsk u li għadhom miżmuma bħala prinġunieri fiċ-ċentru ta' detenzjoni tal-KGB; billi l-atti ta' ripressjoni u l-proċessi b'motivazzjoni politika kontra l-membri tal-oppożizzjoni u d-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem għadhom għaddejjin sal-lum, b'aktar minn 40 persuna tkun akkużata u b'riskju ta' sentenzi ta' priġunerija sa 15-il sena;

B.   billi l-uffiċċju tal-Prosekutur tal-Belt ta' Minsk estenda l-perjodu ta' investigazzjoni b'ħames xhur, għall-każ tal-hekk imsejħa "rewwixta tal-massa" b'konnessjoni mal-avvenimenti tad-19 ta' Diċembru 2010; billi l-proċessi kontra l-kandidati presidenzjali, l-attivisti tal-oppożizzjoni, id-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem u l-ġurnalisti b'rabta ma' dan il-każ kienu istigati minn motivazzjoni politika;

C.  billi Aliaksandr Atroshchankau, Aliaksandr Malchanau, Dzmitry Novik, Vasil Parfiankou, membri tat-timijiet tal-kampanja elettorali tal-kandidati tal-oppożizzjoni demokratika Uladzimir Niakliayeu u Andrei Sannikau kienu kkundannati minn tliet sa erba' snin priġunerija f'kolonja ta' sigurtà għolja b'konnessjoni mad-dimostrazzjonijiet tad-19 ta' Diċembru; billi kif dikjarat mill-avukati tagħhom, l-awtoritajiet naqsu milli jippruvaw il-ħtijiet tagħhom;

D.  billi l-avukati tagħhom ġew miċħuda ripetutament milli jiltaqgħu magħhom; billi, minħabba t-theddid tal-KGB, l-avukati kienu sfurzati jirtiraw mill-każijiet tagħhom, u billi l-Ministeru tal-Ġustizzja sussegwentement irrevoka l-liċenzji tagħhom,

E.   billi Ales Mikhalevic, ex kandidat Presidenzjali arrestat wara l-protesti ta' wara l-elezzjoni, inħeles biss fis-26 ta' Frar 2011, wara li ffirma impenn li jikkollabora mal-KGB tal-Bjelorussja, impenn li aktar tard ċaħad pubblikament,

F.   billi fit-28 ta' Frar 2011, Ales Mikhalevic ħareġ stqarrija fejn ta rendikont tat-tortura mentali u fiżika li għaliha kienu soġġetti l-priġunieri politiċi sabiex jiġu mġiegħla jammettu u jaċċettaw il-prova tal-ħtija tagħhom;

G.  billi Natalia Radina, l-editur tas-sit elettroniku tal-oppożizzjoni Charter 97, ukoll kienet arrestata f'Diċembru 2010, u akkużata bl-organizzazzjoni u l-parteċipazzjoni fl-irvelli tal-massa li seħħew wara l-elezzjonijiet Presidenzjali; billi s-Sa Radina nħelset miċ-ċentru pre-proċesswali tal-KGB u nżammet milli tħalli belt twelida sa tmiem l-investigazzjoni tal-każ tagħha;

H.  billi wara l-ħelsien tagħha Natalia Radina ddikjarat li tul id-detenzjoni tagħha, kienet soġġetta għal pressjoni psikoloġika mill-uffiċjali tal-KGB u li dawn ippruvaw jirreklutawha bħala informatriċi tal-KGB; billi d-dikjarazzjoni tagħha tikkonferma r-rapporti ta' tortura ta' priġunieri politiċi fiċ-ċentru ta' detenzjoni tal-KGB f'Minsk;

I.    billi l-Kumitat għas-Sigurtà tal-Istat tal-Bjelorussja ċaħad kull użu ta' tortura kontra l-priġunieri fiċ-ċentru ta' detenzjoni tal-KGB;

1.   Jikkundanna n-nuqqas ta' rispett għad-drittijiet fundamentali ta' libertà ta' assemblea u ta' espressjoni mill-awtoritajiet tal-Bjelorussja u jitlob għall-ħelsien immedjat u mingħajr kundizzjoni ta' kull dimostrant arrestat u għat-twaqqigħ tal-akkużi kollha b'motivazzjoni politika kontrihom;

2.   Jikkundanna bl-iktar mod qawwi l-użu tat-tortura kontra priġunieri bħala forma ta' trattament inuman li hu pprojbit bl-iktar mod ċar mil-liġi internazzjonali u li assolutament mhuwiex aċċettabbli f'pajjiż Ewropew u f'wieħed mill-eqreb ġirien tal-UE;

3.   Jikkundanna s-sentenzi severi reċenti imposti fuq attivisti żgħażagħ tal-oppożizzjoni għas-sempliċi fatt li pparteċipaw fid-dimostrazzjonijiet tad-19 ta' Diċembru bħala ksur flagranti u serju tad-drittijiet politiċi u ċivili tagħhom u għall-ksur flagranti tal-konvenzjonijiet internazzjonali li l-Bjelorussja hi firmatarja tagħhom;

4.   Jiddenunzja l-klima ta' biża’ u intimidazzjoni fil-konfront ta' avversarji politiċi fil-Bjelorussja jikkundanna r-ripressjoni u l-abbuż tal-attivisti tas-soċjetà ċivili u tal-midja indipendenti, ta' wara jum l-elezzjoni, inklużi tfittxijiet tal-massa f’appartamenti privati, uffiċċji tal-midja u l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili, espulsjonijiet mill-universitajiet u l-postijiet tax-xogħol; jitlob lill-awtoritajiet jirrispettaw il-libertà tal-espressjoni u l-pluraliżmu tal-midja fil-Bjelorussja,

5.   Iħeġġeġ lill-Bjelorussja tirrispetta l-istat tad-dritt, il-konvenzjonijiet internazzjonali u l-liġijiet nazzjonali li jiżguraw it-trattament ugwali tal-priġunieri u l-aċċess mingħajr xkiel għall-familjari tagħhom, għal pariri legali u l-kura medika u biex jintemm l-abbuż kontinwu tal-avversarji politiċi, tal-attivisti tad-drittijiet tal-bniedem u tal-midja indipendenti;

6.   Jikkundanna d-deċiżjoni meħuda mill-Kulleġġ tal-Avukati tal-Belt ta' Minsk li jirtira l-liċenzji ta' wħud mill-avukati ta' dawk akkużati fil-każ kriminali b'akkuża ta' irvell tal-massa inklużi, Aleh Ahiejev, Pavel Sapelko, Tatiana Ahijeva, Uladzimir Touscik u Tamata Harajeva, u jistieden lill-Kulleġġ tal-Avukati tal-Belt ta' Minsk jannulla din id-deċiżjoni;

7.   Jikkundanna t-tkeċċija ta' Alyaksandr Pylchanka, il-President tal-Assoċjazzjoni tal-Avukati tal-Belt ta' Minsk, mill-Ministru tal-Ġustizzja, talli esprima t-tħassib tiegħu għad-deċiżjoni tal-Ministeru li jirrevoka l-liċenzji ta' erba' avukati involuti fl-hekk imsejjaħ każ ta' rewwixta bħala wieħed mingħajr bażi u bla provi ta' theddida reali għall-indipendenza tal-ġudikatura u għall-indipendenza ta' kull avukat individwali;

8.   Iħeġġeġ lill-awtoritajiet tal-Bjelorussja jwettqu investigazzjoni bir-reqqa u imparzjali tal-allegazzjonijiet ta' tortura fuq priġunieri politiċi u biex jidentifikaw u jtellgħu l-qorti lill-individwi involuti f'dawn il-prattiki;

9.   Jistieden lill-awtoritajiet tal-Bjelorussja jirrevedu l-Liġi dwar l-avvenimenti Pubbliċi biex din tkun konformi mar-rekwiżti tal-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi

10. Jistieden lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lir-Rappreżentant Għoli tal-UE u lill pajjiżi sieħba oħrajn tal-UE biex jikkunsidraw l-estensjoni ta' miżuri ta' restrizzjoni fuq prosekuturi, imħallfin u rappreżentanti tal-KGB konnessi mal-abbużi tad-drittijiet tal-bniedem fil-Bjelorussja sakemm ma tintemmx minnufih ir-repressjoni f'dan il-pajjiż u sakemm ma jsirx progress konsiderevoli fil-qasam tad-drittijiet tal-bniedem u tal-libertajiet fundamentali; iqis li l-kunsill għandu jeżamina l-possibilità li jintroduċi sanzjonijiet ekonomiċi intelliġenti u mmirati fuq il-kumpaniji b'sieda tal-Gvern tal-Bjelorussja;

11. Jilqa' l-impenn meħud minn disa' pajjiżi – b'mod partikolari l-Kroazja, dik li kienet ir-Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja, il-Montenegro, l-Albanija, il-Bosnja-Ħerżegovina, is-Serbja, l-Islanda, il-Liechtenstein u n-Norveġja – li japplikaw miżuri restrittivi kontra ċerti uffiċjali tal-Bjelorussja;

12. Itenni li sakemm il-Gvern tal-Bjelorussja ma jiħux passi immedjati lejn id-   demokratizzazzjoni u l-promozzjoni tad-drittijiet tal-bniedem, il-proċess ta'   parteċipazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Bjelorussja ser ikun iffriżat, inkluż il-  parteċipazzjoni tal-Bjelorussja fis-Sħubija tal-Lvant;

13. Jenfasizza, li minkejja l-konsegwenzi politiċi fuq ir-relazzjonijiet bejn l-UE u l-Bjelorussja tal-infurzar strett fuq l-oppożizzjoni wara l-elezzjoni, l-UE teħtieġ tintensifika l-assistenza tagħha lis-soċjetà ċivili fil-Bjelorussja, inkluż fil-forma ta' faċilitar tal-viżi;

14. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Viċi President tal-Kummissjoni/ ir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Parlamenti u l-Gvernijiet tal-Istati Membri, lill-Assemblej Parlamentari tal-OSKE u tal-Kunsill tal-Ewropa, u lill-Parlament u l-Gvern tal-Bjelorussja.