Mozzjoni għal riżoluzzjoni konġunta - RC-B7-0169/2011Mozzjoni għal riżoluzzjoni konġunta
RC-B7-0169/2011

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI KONĠUNTA dwar il-Viċinat tan-Nofsinhar, u l-Libja b'mod partikolari

7.3.2011

imressqa skont l-Artikolu 110(4) tar-Regoli ta' Proċedura
li tieħu post il-mozzjonijiet għal riżoluzzjoni mressqa mill-gruppi:
ECR (B7‑0169)
S&D (B7‑0170)
ALDE (B7‑0171)
Verts/ALE (B7‑0172)
PPE (B7‑0173)

José Ignacio Salafranca Sánchez-Neyra, Elmar Brok, Ioannis Kasoulides, Cristian Dan Preda, Mario Mauro, Marietta Giannakou, Hans-Gert Pöttering, Gabriele Albertini, Tunne Kelam, Rodi Kratsa-Tsagaropoulou, Lena Kolarska-Bobińska, Elena Băsescu, Michael Gahler, Alf Svensson, Laima Liucija Andrikienė, Inese Vaidere, Vito Bonsignore, Simon Busuttil, Joachim Zeller, Tokia Saïfi, Michèle Striffler, Andrzej Grzyb, Krzysztof Lisek, Vytautas Landsbergis, Salvatore Iacolino, Dominique Vlasto, Alfredo Pallone, Philippe Juvin, Traian Ungureanu, Joanna Katarzyna Skrzydlewska, Roberta Angelilli, Ernst Strasser, Véronique Mathieu, Nadezhda Neynsky, Dominique Baudis f'isem il-Grupp PPE-DE
Ana Gomes, Véronique De Keyser, Kristian Vigenin, Pier Antonio Panzeri, David-Maria Sassoli, Richard Howitt, Roberto Gualtieri, Thijs Berman, Kader Arif, Juan Fernando López Aguilar, Sylvie Guillaume, María Muñiz De Urquiza, Pino Arlacchi, Vincent Peillon, Harlem Désir f'isem il-Grupp S&D
Kristiina Ojuland, Marielle De Sarnez, Marietje Schaake, Sonia Alfano, Leonidas Donskis, Edward McMillan-Scott, Alexandra Thein, Ramon Tremosa i Balcells, Louis Michel, Jelko Kacin f'isem il-Grupp ALDE
Franziska Katharina Brantner, Hélène Flautre, Margrete Auken, Raül Romeva i Rueda, Judith Sargentini, Ulrike Lunacek, Catherine Grèze, Yannick Jadot, Nicole Kiil-Nielsen, Bart Staes, Emilie Turunen, Karima Delli, José Bové, Indrek Tarand, Jean-Paul Besset, François Alfonsi, Heidi Hautala, Isabelle Durant, Rebecca Harms, Daniel Cohn-Bendit f'isem il-Grupp Verts/ALE
Charles Tannock, Timothy Kirkhope f'isem il-Grupp ECR

Proċedura : 2011/2616(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument :  
RC-B7-0169/2011
Testi mressqa :
RC-B7-0169/2011
Dibattiti :
Testi adottati :

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar il-Viċinat tan-Nofsinhar, u l-Libja b'mod partikolari

Il-Parlament Ewropew,

–    wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tal-Assemblea Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti (UNGA) tal-1 ta' Marzu 2011 li bl-unanimità tissospendi s-sħubija tal-Libja fil-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-Nazzjonijiet Uniti (UNHRC),

–    wara li kkunsidra r-Riżoluzzjoni 1970/2011 tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti (UNSC) tat-26 ta' Frar 2011,

–    wara li kkunsidra d-deċiżjoni tal-Kunsill tat-28 ta' Frar 2011 li timplimenta r-riżoluzzjoni tal-UNSC u li timponi miżuri restrittivi addizzjonali fuq dawk responsabbli għar-ripressjoni vjolenti kontra l-popolazzjoni ċivili,

–    wara li kkunsidra r-Riżoluzzjoni S-15/2 tal-UNHRC adottata fil-25 ta' Frar 2011,

–    wara li kkunsidra s-sospensjoni fit-22 ta' Frar 2011 tan-negozjati dwar Ftehim ta' Qafas UE-Libja,

–    wara li kkunsidra d-dikjarazzjonijiet reċenti dwar il-Libja u dwar l-Afrika ta' Fuq mir-Rappreżentant Għoli Catherine Ashton

–    wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar il-Libja, b'mod partikolari r-riżoluzzjoni tiegħu tas-17 ta' Ġunju 2010 dwar l-eżekuzzjonijiet fil-Libja[1], u r-rakkomandazzjoni tiegħu tal-20 ta' Jannar 2011 li tippreċiża kundizzjonijiet kritiċi rigward in-negozjati dwar il-Ftehim ta' Qafas UE-Libja (2010/2268(INI)),

–    wara li kkunsidra l-Konvenzjoni ta' Ġinevra tat-28 ta' Lulju 1951 u l-Protokoll tal-31 ta' Jannar 1967 dwar l-Istatus tar-Refuġjati,

–    wara li kkunsidra l-Karta Afrikana dwar id-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Popli u l-protokoll tagħha dwar it-twaqqif ta' Qorti Afrikana tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Popli, ratifikati mil-Libja fis-26 ta' Marzu 1987 u fid-19 ta' Novembru 2003 rispettivament,

–    wara li kkunsidra l-Artikolu 110(4) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.  billi dimostrazzjonijiet ta' dan l-aħħar f'bosta pajjiżi Għarab tal-Afrika ta' Fuq u tal-Lvant Nofsani sejħu għal tmiem tar-reġimi awtoritarji u għal riformi politiċi, ekonomiċi u soċjali, libertà, demokrazija u kundizzjonijiet tal-għajxien aħjar għan-nies ordinarji; billi l-protesti massivi f'bosta pajjiżi Għarab urew li reġimi mhux demokratiċi u awtoritarji ma jistgħux jiggarantixxu stabbiltà kredibbli u li l-valuri demokratiċi huma ċentrali għas-sħubijiet ekonomiċi u politiċi,

B.   billi protesti kontra r-reġim Libjan bdew fil-belt ta' Benghazi fil-15 ta' Frar 2011 u nfirxu mal-pajjiż kollu, sa ma waslu Al-Bayda, Al-Quba, Darnah u Az-Zintan, filwaqt li d-dimostranti ħadu f'idejhom il-kontroll ta' bosta bliet, b'mod partikolari fil-Lvant tal-Libja,

C.  billi d-dimostranti sfaw attakkati bi vjolenza liema bħalha mir-reġim ta' Gaddafi, li uża l-forzi armati Libjani, milizji, merċenarji u ġellieda barranin biex ixejjen il-protesti bil-vjolenza, inkluż bl-użu indiskriminat ta' maxingans, tiraturi magħżula, ajruplani u elikotteri tal-gwerra kontra ċ-ċivili; billi dan wassal għal żieda qawwija ħafna tal-għadd ta' mwiet u għal għadd kbir ta' nies li sfaw miġruħa u arrestati,

D.  billi r-reazzjoni vjolenti u brutali tar-reġim kontra l-popolazzjoni Libjana wasslet mhux biss biex bosta suldati fil-pajjiż għaddew għan-naħa l-oħra fil-ġlieda, imma wkoll għar-riżenja ta' membri tar-reġim,

E.   billi skont l-UNHRC aktar minn 200 000 ruħ ħarbu mil-Libja lejn it-Tuneżija, l-Eġittu u n-Niġer f'dawn l-aħħar ġranet u mijiet ta' eluf ta' rifuġjati u ħaddiema barranin oħra qed iħabbtu wiċċhom ma' taqbida ddisprata biex jaħarbu l-kunflitt jew joħorġu mil-Libja; billi dan qed joħloq emerġenza umanitarja li tirrikjedi reazzjoni rapida tal-UE,

F.   billi wara l-adozzjoni mill-UNHRC, bi qbil komuni, ta' riżoluzzjoni dwar is-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fil-Libja fil-15-il Sessjoni Speċjali fil-25 ta' Frar 2011, li tikkundanna vjolazzjonijiet gravi u sistematiċi tad-drittijiet tal-bniedem fil-Libja u tinnota li wħud minnhom jistgħu jitqiesu bħala delitti kontra l-umanità, l-UNGA fit-2 ta' Marzu 2011 iddeċidiet li tissospendi s-sħubija tal-Libja fil-UNHRC, kif irrakkomanda l-istess UNHRC,

G.  billi b'reazzjoni għar-Riżoluzzjoni tal-UNSC tas-26 ta' Frar 2011 dwar il-Libja, li ddikjarat li l-każ għandu jitressaq quddiem il-Qorti Kriminali Internazzjonali (ICC), il-Prosekutur tal-ICC fit-3 ta' Marzu 2011 vara investigazzjoni dwar l-allegati delitti kontra l-umanità li twettqu fil-Libja, fost oħrajn minn Muammar al-Gaddafi u membri tar-reġim; billi r-Riżoluzzjoni 1970 tal-UNSC timponi embargo tal-armi fuq il-pajjiż, projbizzjoni tal-ivvjaġġar u ffriżar tal-assi fuq il-familja Gaddafi u r-reġim u fl-istess ħin tawtorizza lill-Istati Membri kollha tan-NU li jieħdu taħt idejhom u jiddisponu minn materjal relatat mal-miltar,

H.  billi d-deċiżjoni tal-Kunsill tat-28 ta' Frar 2011 timponi miżuri restrittivi addizzjonali, b'mod partikolari projbizzjoni tal-viża u ffriżar tal-assi, kontra dawk li huma responsabbli għar-ripressjoni vjolenti kontra l-popolazzjoni ċivili fil-Libja, u b'hekk timplimenta r-Riżoluzzjoni tal-UNSC tas-26 ta' Frar 2011 dwar il-Libja,

I.    billi bosta mexxejja dinjija mindu beda l-irvell ripetutement talbu lill-Kurunell Gaddafi biex jirriżenja,

J.    billi fit-22 ta' Frar 2011 il-Lega Għarbija ssospendiet il-Libja u fit-3 ta' Marzu s-Segretarju Ġenerali tagħha ddikjara li l-Lega, jekk ikompli għaddej il-ġlied fil-Libja, tista' tappoġġa żona ta' projbizzjoni tat-titjir fuq il-Libja b'koordinazzjoni mal-Unjoni Afrikana,

K.  billi, fi stqarrija bid-data tal-5 ta'  Marzu 2011, il-Kunsill Nazzjonali Tranżizzjonali ad Interim (ITNC) jitlob lill-komunità internazzjonali "taqdi l-obbligi tagħha li tipproteġi l-poplu Libjan min kull ġenoċidju u delitti kontra l-umanità ulterjuri u dan bla intervent militari dirett fuq it-territorju Libjan",

L.   billi, b'effett mit-22 ta' Frar 2011, l-UE ssospendiet in-negozjati li kienu għaddejjin dwar il-Ftehim ta' Qafas UE-Libja flimkien ma' kull kuntratt ta' kooperazzjoni mal-Libja,

M.  billi l-UE għandha interess vitali f'Afrika ta' Fuq ta' demokrazija, prosperità, stabbiltà u paċi; billi l-avvenimenti li seħħew dan l-aħħar fil-Libja, l-Eġittu u t-Tuneżija enfasizzaw il-ħtieġa urġenti ta' riforma tal-politika barranija tal-UE rigward ir-reġjun tal-Meditterran,

N.  billi l-Kunsill Ewropew straordinarju li se jiltaqa' l-Ġimgħa 11 ta' Marzu 2011 mistenni jeżamina bir-reqqa r-rapport tar-Rappreżentant Għoli u dak tal-Kummissjoni dwar l-adattament rapidu tal-istrumenti tal-UE kif ukoll ir-rapport tar-Rappreżentant Għoli dwar l-appoġġ għall-proċessi ta' tranżizzjoni u trasformazzjoni,

1.   Jesprimi s-solidaretà tiegħu mal-poplu Libjan, u b'mod partikolari maż-żgħażagħ Libjani li kienu huma li taw spinta favur id-demokrazija u t-tibdil tar-reġim, juri r-rispett tiegħu quddiem il-kuraġġ u d-determinazzjoni tagħhom u jappoġġa bil-qawwa l-aspirazzjonijiet demokratċii, ekonomiċi u soċjali leġittimi tagħhom;

2.   Jikkundanna bil-qawwa kollha l-vjolazzjonijiet sfaċċati u sistematiċi tad-drittijiet tal-bniedem fil-Libja, u b'mod partikolari r-ripressjoni vjolenti ta' dimostranti paċifiċi favur id-demokrazija, ġurnalisti, u difensuri tad-drittijiet tal-bniedem mir-reġim ta' Gaddafi; jiddeplora bil-kbir il-ħafna qtil li rriżulta u l-għadd kbir ta' miġruħa; jestendi l-kondoljanzi tiegħu lill-familji tal-vittmi; jikkundanna l-inċitament espliċitu għall-ostilità kontra l-popolazzjoni ċivili fl-istqarrijiet magħmula minn Muammar al-Gaddafi u ibnu Saif al-Islam, l-ogħla rappreżentanti tar-reġim;

3.   Jitlob it-tmiem immedjat tar-reġim dittatorjali brutali tal-Kurunell Gaddafi u jistiednu jirriżenja minnufih biex ma jħallix li jixtered aktar demm u jħalli sseħħ fis-sliem tranżizzjoni politika; jistieden lill-awtoritajiet Libjani jwaqqfu l-vjolenza minnufih u jippermettu riżoluzzjoni paċifika tas-sitwazzjoni, bi qbil ma' dak li jistenna leġittimament il-poplu Libjan; jistieden lill-awtoritajiet Libjani jirrispettaw id-drittijiet tal-bniedem u l-liġi internazzjonali umanitarja, itemmu kull restrizzjoni tal-libertà tal-espressjoni, inkluż permezz l-internet, u jagħtu aċċess immedjat għall-pajjiż lil osservaturi indipendenti tad-drittijiet tal-bniedem u lill-midja barranin;

4.   Jappoġġa bis-sħiħ ir-Riżoluzzjoni 1970 tal-UNSC li tikkundanna l-vjolazzjonijiet gravi u sistematiċi tad-drittijiet tal-bniedem fil-Libja u jitlob li l-kwistjoni tinġieb quddiem l-ICC, filwaqt li jimponi embargo tal-armi fuq il-pajjiż u projbizzjoni tal-ivvjaġġar u ffriżar tal-beni għall-familja ta' Muammar al-Gaddafi; jenfasizza li dawk li jwettqu attakki kontra n-nies ċivili huma individwalment kriminalment responsabbli skont il-liġi internazzjonali, li jeħtiġilhom jinġiebu quddiem il-ġustizzja u li ma jista' jkun hemm l-ebda impunità; jappoġġa bil-qawwa l-varar mill-Prosekutur tal-ICC ta' investigazzjoni dwar l-allegati delitti kontra l-umanità mwettqa minn Muammar al-Gaddafi u membri tar-reġim tiegħu;

5.   Jinnota li l-UE kienet l-ewwel li implimentat is-sanzjonjiet imposti mill-UNSC u li l-miżuri tal-UE jisbqu dawn is-sanzjonijiet, minħabba li jimponu oħrajn separati; jilqa' d-deċiżjoni tal-Kunsill li tipprojbixxi l-kummerċ mal-Libja f'tagħmir li jista' jintuża għar-ripressjoni interna, kif ukoll l-estensjoni tal-lista ta' persuni koperti bl-iffriżar tal-assi u l-projbizzjoni tal-viża; jitlob li l-effikaċja tas-sanzjonijiet tkun ivvalutata bla waqfien;

6.   Jenfasizza li l-miżuri kollha għandhom iħaddnu l-assi Libjani kollha, inklużi l-fondi sovrani ġestiti mill-Awtorità Libjana tal-Investimenti; jitlob li l-iffriżar tal-assi jinkludi d-dħul mill- bejgħ taż-żejt u l-gass; jitlob lill-Kunsill u lill-Istati membri jikxfu d-dettalji kollha tal-assi kollha li jiġu ffriżati; jilqa' f'dan il-kuntest, diskussjonijiet dwar sanzjonijiet ulterjuri tal-UE, inkluż l-iffriżar tal-assi ta' kumpaniji Libjani b'rabtiet mar-reġim ta' Gaddafi;

7.   Jilqa' d-deċiżjoni tal-Kunsill tat-28 ta' Frar 2011 li tipprojbixxi l-forniment ta' armi, munizzjon u materjal relatat lil-Libja; jitlob lill-Kunsill jivverifika, f'dak ir-rigward, jekk inkisirx il-Kodiċi tal-Kondotta tal-UE dwar l-esportazzjoni tal-armi u jadotta miżuri stretti bil-għan li dan il-kodiċi jiġi rrispettat bis-sħiħ mill-Istati Membri kollha; jitlob lir-Rappreżentant Għoli tesplora l-possibiltà li l-embargo jiġi infurzat bl-użu ta' assi tal-avjazzjoni u navali tal-PSDK;

8.  Jappoġġa bis-sħiħ id-deċiżjoni tal-UNHRC li jibgħat kummissjoni ta' inkjesta internazzjonali u indipendenti fil-Libja biex tinvestiga vjolazzjonijiet tal-liġi internazzjonali tad-drittijiet tal-bniedem kif ukoll id-deċiżjoni tal-UNGA tat-2 ta' Marzu 2011 li tissospendi s-sħubija tal-Libja fil-UNHRC;

9.  Jistieden lill-UE u lill-komunità internazzjonali jieħdu kull miżura possibbli biex jiżolaw għalkollox lil Gaddafi u r-reġim tiegħu, sew nazzjonalment kif ukoll internazzjonalment;

10. Jenfasizza li l-UE u l-Istati Membri tagħha jeħtiġilhom jaqdu r-Responsabbiltà ta' Protezzjoni tagħhom, biex isalvaw in-nies ċivili Libjani minn attakki armati fuq skala kbira; jirrimarka li għaldaqstant l-ebda possibbiltà pprovduta fil-Karta tan-NU ma tista' tkun eliminata; jistieden lir-Rappreżentant Għoli u lill-Istati Membri jkunu lesti għal deċiżjoni tal-UNSC dwar miżuri ulterjuri, inkluża l-possibbiltà ta' żona ta' projbizzjoni tat-titjir bil-għan li r-reġim ma jitħalliex jieħu fil-mira l-popolazzjoni ċivili; jenfasizza li kwalunkwe miżura deċiża mill-UE u l-Istati Membri tagħha għandha tkun f'konformità ma' mandat tan-NU u tissejjes fuq koordinament mal-Lega Għarbija u mal-Unjoni Afrikana, u b'hekk tinkoraġġixxi liż-żewġ organizzazzjonijiet biex imexxu l-isforzi internazzjonali;

11. Jistieden lill-UE tistabbilixxi relazzjonijiet mal-ITNC Libjan bil-għan li tinkoraġġixxi t- tranżizzjoni lejn id-demokrazija, tiżgura l-involviment ta' spettru wiesa' ta' rappreżentanti tas-soċjetà Libjana u tagħti aktar setgħa lin-nisa u lill-minoranzi fil-proċess ta' tranżizzjoni, u jistedinha tappoġġa l-ITNC fiż-żona lliberata ħalli tnaqqas il-pressjoni fuq il-popolazzjoni lokali u taqdi l-ħtiġijiet umanitarji bażiċi ta' dawk in-nies, inkluża l-assistenza medika;

12.  Iħeġġeġ lill-UE tikkontribwixxi għar-riformi demokratiċi u għat-twaqqif ta' istituzzjonijiet tal-istat ta' dritt fil-Libja billi tipprovdi appoġġ għall-iżvilupp ta' midja ħielsa u ta' organizzazzjonijiet indipendenti tas-soċjetà ċivili; b'mod partikolari partiti politiċi demokratiċi, sabiex ikunu jistgħu jsiru elezzjonijiet demokratiċi fil-ġejjieni;

13. Huwa mħasseb ħafna dwar il-kriżi umanitarja li qed tikber, hekk kif 200 000 migrant qed jaħarbu l-vjolenza fil-Libja, filwaqt li bosta minnhom jibqgħu weqfin fil-fruntiera bejn il-Libja u t-Tuneżija u oħrajn ma jistgħux jitħallew f'kampijiet tar-refuġjati fit-Tuneżija, l-Eġittu u n-Niġer; jistieden lill-awtoritajiet Libjani tal-lum u tal-ġejjieni biex jagħtu aċċess għall-pajjiż lil organizzazzjonijiet umanitarji u jiggarantixxu s-sikurezza ta' persunal umanitarju;

14. Iħeġġeġ lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lir-Rappreżentant Għoli biex iqiegħdu għad-dispożizzjoni r-riżorsi finanzjarji u umani kollha meħtieġa biex jappoġġaw operazzjoni umanitarja internazzjonali soda, filwaqt li jgħinu lill-UNHCR u aġenziji umanitarji rilevanti oħra biex jipprovdu l-protezzjoni u l-assistenza ta' emerġenza lil dawk kollha li jeħtiġuhom; jilqa' l-miżuri meħuda u l-fondi li nħarġu s'issa mill-Kummissarju Georgieva u mill-ECHO kif ukoll l-għajnuna umanitarja pprovduta minn xi Stati Membri biex jilqgħu għal din l-isfida; jappella lill-UE u lill-Istati Membri biex jipprovdu trasport bl-ajru u bil-baħar biex jgħinu lill-migranti, lill-persuni li qed ifittxu ażil u lir-refuġjati mil-Libja jerġgħu lura f'pajjiżhom jew imorru joqogħdu f'pajjiż ġdid, skont il-liġi internazzjonali u l-leġiżlazzjoni rilevanti tal-Unjoni Ewropea, u biex jipprovdu appoġġ finanzjarju b'risposta għall-appell konġunt tal-UNHCR-IOM (Organizzazzjoni Internazzjonali għall-Migrazzjoni), li nħareġ fit-3 ta' Marzu 2011;

15. Jitlob lill-Kummissjoni tiżgura li l-miżuri kollha meħtieġa, inlużi riżorsi finanzjarji, umani u tekniċi adegwati, ikunu implimentati biex jiggarantixxu lil l-UE tkun tista' tirreaġixxi adegwatament fil-każ ta' kwalunkwe ċaqliq migratorju tal-massa, skont l-Artikolu 80 tat-TFUE;

16. Ifakkar li fl-Istrateġija Konġunta UE-Afrika tal-2007, mexxejja tal-UE u tal-Afrika wiegħdu li jieħdu l-miżuri neċessarji biex jiżguraw li assi miksuba illegalment, inklużi fondi, jiġu investigati u jintbagħtu lura lejn il-pajjiżi tal-oriġini tagħhom; iħeġġeġ lill-Istati Membri jaġixxu skont il-Konvenzjoni Kontra l-Korruzzjoni u f'konformità magħha, sabiex jiżguraw li l-assi ffriżati jingħataw lura lill-poplu Libjan fil-futur; jenfasizza li azzjoni koordinata min-naħa tal-UE hija meħtieġa biex timplimenta l-iffriżar tal-assi miżmuma mill-familja Gaddafi u assoċjati magħrufa fl-Ewropa jew f'istituzzjonijiet finanzjarji Ewropej li joperaw fi kwalunkwe rifuġju fiskali, u b'hekk tiżgura li l-banek tal-UE josservaw ir-rekwiżiti ta' diliġenza dovuta fir-rigward ta' kwalunkwe fondi potenzjalment illeċiti trasferiti mil-Libja;

17. Jenfasizza li attivitajiet merċenarji huma theddida għall-paċi internazzjonali u s-sigurtà u delitt kontra l-umanità u għaldaqstant għandhom jitwaqqfu; jitlob lill-Kunsill u lir-Rappreżentat Għoli biex joħorġu twissijiet sodi li jiskoraġġixxu lil kwalunkwe gvern milli jibgħat merċenarji, persunal militari jew tagħmir militari b'appoġġ għar-ripressjoni tal-poplu Libjan mir-reġim ta' Gaddafi;

18. Jilqa' t-tlaqqigħ ta' Kunsill Ewropew straordinarju dwar l-iżviluppi fil-Libja u fil-Viċinat tan-Nofsinhar fil-11 ta'  Marzu 2011; jitlob lir-Rappreżentant Għoli u lill-Istati Membri jfasslu strateġija komprensiva u koerenti għar-risposta umanitarja u politika għas-       sitwazzjoni fil-Libja;

19. Jistieden lir-Rappreżentant Għoli tibda t-tħejjijiet għall-involviment tal-UE fil-Viċinat tan-Nofsinhar u għall-appoġġ favurih, b'referenza speċifika għall-iżvilupp tal-istat tad-dritt, governanza tajba u prerekwiżiti kostituzzjonali u elettorali għal demokrazija stabbli, pluralistika u paċifika fir-reġjun; jistieden lir-Rappreżentant Għoli tagħmel użu sħiħ mill-istrumenti rilevanti kollha ta' finanzjament estern;

20. Huwa tal-fehma li l-bidliet revoluzzjonarji fl-Afrika ta' Fuq u fil-Lvant Nofasni għamluha ċara li l-impatt pożittiv tal-UE u l-kredibbiltà tagħha fit-tul f'dak ir-reġjun se jiddependu mill-kapaċità tagħha li twettaq politika barranija komuni koerenti li tkun imsejsa fuq il-valuri u żżomm biċ-ċar mal-forzi demokratiċi l-ġodda; itenni t-talba tiegħu biex l-UE tirrivedi l-politika tagħha ta' appoġġ tad-demokrazija u tad-drittijiet tal-bniedem sabiex toħloq mekkaniżmu ta' implimentazzjoni għall-klawsola dwar id-drittijiet tal-bniedem f'kull ftehim ma' pajjiżi terzi;

21. Jerġa' jtenni t-talba tiegħu li jkun involut mill-qrib fix-xogħol tat-task force stabbilita biex tikkoordina r-reazzjoni tal-UE għall-kriżi fil-Libja u fi mkejjen oħra tar-reġjun tal-Mediterran;

22. Jenfasizza mill-ġdid li l-avvenimenti fil-Libja, u f'pajjiżi oħra tar-reġjun, ħarġu fid-dieher il-ħtieġa urġenti tal-iżvilupp ta' politiki u strumenti aktar ambizzjużi u effikaċi, u tat-tisħiħ tal-bażi baġitarja tagħhom, b'tali mod li jinkoraġġixxu u jappoġġaw riformi politiċi, ekonomiċi u soċjali fil-Viċinat tan-Nofsinhar tal-UE; jenfasizza li r-rieżami strateġiku tal-Politika Ewropea tal-Viċinat (ENP) li jinsab għaddej jeħtieġlu jirrifletti żviluppi attwali fl-Afrika ta' Fuq u joħroġ b'metodi ġodda u mtejba biex jinqdew il-ħtiġijiet u l-aspirazzjonijiet tal-popli tar-reġjun; jinsisti li r-rieżami tal-ENP jeħtieġlu jipprijoritizza kriterji relatati mal-indipendenza tal-ġudikatura, ir-rispett għal-libertajiet fundamentali, il-pluraliżmu u l-libertà tal-istampa kif ukoll il-ġlieda kontra l-korruzzjoni; jitlob li jkun hemm koordinament aħjar mal-politiki oħra tal-Unjoni fir-rigward tal-pajjiżi involuti;

23. Japprova l-fehma li l-Unjoni Għall-Mediterran jeħtiġilha tadatta ruħha għall-era l-ġdida u ċ-ċirkostanzi l-ġodda u tirrifletti u taġixxi fuq l-avvenimenti ta' dan l-aħħar, biex tressaq proposti dwar kif tippromwovi bl-aħjar mod id-demokrazija u d-drittijiet tal-bniedem fl-Istati Membri tagħha u fir-reġjun, inkluż fil-Libja, kif ukoll dwar riformi possibbli ħalli tqawwi r-rwol tagħha u tagħmlu aktar koerenti u effikaċi;

24. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Viċi President tal-Kummissjoni / Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà, lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri, lill-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU u lill-Assemblea Ġenerali tan-NU, lill-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-NU, lil-Lega tal-Istati Għarab, lill-Unjoni Afrikana, lill-Unjoni għall-Mediterran, lill-gvernijiet tal-pajjiżi ġirien tal-Libja u lill-Kunsill Nazzjonali Tranżizzjonali ad Interim.