MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI KONĠUNTA dwar ir-Raba' Konferenza tan-Nazzjonijiet Uniti dwar il-Pajjiżi l-Anqas Żviluppati
5.4.2011
li tieħu post il-mozzjonijiet għal riżoluzzjoni mressqa mill-gruppi:
ECR (B7‑0228/2011)
PPE (B7‑0229/2011)
Verts/ALE (B7‑0230/2011)
GUE/NGL (B7‑0231/2011)
S&D (B7‑0232/2011)
ALDE (B7‑0233/2011)
Eleni Theocharous, Filip Kaczmarek, Gay Mitchell, Michèle Striffler, Maurice Ponga, Alf Svensson f'isem il-Grupp PPE-DE
Thijs Berman, Michael Cashman, Corina Creţu, Patrice Tirolien f'isem il-Grupp S&D
Charles Goerens, Marielle De Sarnez f'isem il-Grupp ALDE
Judith Sargentini, Catherine Grèze f'isem il-Grupp Verts/ALE
Jan Zahradil f'isem il-Grupp ECR
Gabriele Zimmer f'isem il-Grupp GUE/NGL
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar ir-Raba' Konferenza tan-Nazzjonijiet Uniti dwar il-Pajjiżi l-Anqas Żviluppati
Il-Parlament Ewropew,
– billi fl-1971 in-NU għarfu l-Pajjiżi l-Anqas Żviluppati (LDCs) bħala ‘l-iktar parti fqira u dgħajfa’ tal-komunità internazzjonali,
– wara li kkunsidra l-kriterji stabbiliti mill-Kumitat tan-NU għall-Politika tal-Iżvilupp (CDP) biex jidentifikaw l-LDCs,
– wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni ta’ Pariġi dwar il-Pajjiżi l-Anqas Żviluppati adottata f'Settembru 1990,
– wara li kkunsidra r-rapport tas-Segretarju Ġenerali tan-NU dwar "l-Implimentazzjoni tal-Programm ta' Azzjoni għal-LDCs għad-Deċennju 2001-2010" (A/65/80),
– wara li kkunsidra r-riżultati tal-laqgħa ta' livell għoli tan-NU dwar l-Għanijiet ta' Żvilupp tal-Millennju (MDGs) f'Settembru 2010,
– wara li kkunsidra l-Programm ta' Azzjoni ta' Brussell (BPoA) għal-LDCs adottat fit-Tielet Konferenza tan-NU dwar l-LDCs (LDC-III) fi Brussell, f’Mejju 2001,
– wara li kkunsidra d-deċiżjoni meħuda fl-2008 mill-Assemblea Ġenerali tan-NU biex tlaqqa' r-Raba' Konferenza tan-Nazzjonijiet Uniti dwar l-LDCs (LDC-IV),
– billi LDC-IV se tivvaluta r-riżultati tal-BPoA hekk kif dan joqrob lejn tmiemu u tipproponi azzjonijiet ġodda (2011-2020) maħsuba biex jinkoraġġixxu l-iskambju tal-l-aħjar prattiki u tat-tagħlimiet meħuda u jidentifikaw deċiżjonijiet ta' politika u sfidi li l-LDCs se jħabbtu wiċċhom magħhom fid-deċennju li ġej u l-azzjonijiet meħtieġa,
– wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni tan-NU dwar id-Dritt għall-Iżvilupp tal-1986,
– wara li kkunsidra l-MDG li l-faqar jitnaqqas b'nofs sal-2015,
– wara li kkunsidra l-Artikolu 110(4) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
A. billi 48 pajjiż bħalissa huma kklassifikati bħala LDCs, 33 fl-Afrika, 14 fl-Ażja u 1 fl-Amerika Latina; billi 16 minnhom huma mdawrin b'pajjiżi oħra u 12 huma gżejjer żgħar,
B. billi 75% mit-800 miljun abitant tal-LDCs jgħixu b'inqas minn USD 2 kuljum, u billi l-għadd ta' Pajjiżi l-Anqas Żviluppati kiber minn 25 għal 48 mindu n-NU stabbiliet din il-kategorija fl-1971, u billi kienu biss il-Botswana fl-1994, il-Kap Verde fl-2007 u l-Madive f'Jannar 2011 li ħarġu mill-istatus ta' LDC,
C. billi l-medja tal-Indiċi tal-Iżvilupp Uman għal-LDCs telgħet minn 0.34 għal biss 0.39 bejn l-2000 u l-2010; billi fil-medja l-LDCs mistennijin jilħqu biss tnejn minn seba' MDGs,
D. billi mil-LDC-III 'l hawn u mill-adozzjoni tal-BPoA ittieħdu xi passi pożittivi, pereżempju l-inizjattiva 'Kollox Għajr l-Armi' (EBA) u ż-żidiet fl-Għajnuna Uffiċjali għall-Iżvilupp (ODA), li rduppjat bejn l-2000 u l-2008, u l-investiment dirett barrani li żdied minn USD 6 biljun għal USD 33 biljun, bir-riżultat li 19-il pajjiż laħquu rata ta' tkabbir ta' 3%,
E. billi r-rakkomandazzjoni tal-LDC-IV tista' tintlaħaq biss jekk jiġu indirizzati sewwa kwistjonijiet kruċjali li jaffettwaw lil-LDCs bħall-koerenza tal-politiki bejn il-kummerċ, l-iżvilupp, l-agrikolatura, is-sajd, l-investiment u t-tibdil fil-klima, u jekk jitqiegħdu fl-aġenda temi importanti, bħall-governanza u l-ġlieda kontra l-korruzzjoni, partikolarment il-kunċett ta' "kuntratt ta' governanza" (li jinkorpora b'mod partikolari livell ta' limitu soċjali) bejn pajjiżi sħab u dawk donaturi, flimkien mal-bini ta' kapaċità umana,
F. billi l-LDC-IV se terġa' tafferma l-impenn globali favur is-sħubija biex jiġu indirizzati l-ħtiġijiet tal-LDCs; billi l-proċess li għaddej bħalissa ta' tħejjija għal-LDC-IV jinkludi konsultazzjonijiet nazzjonali, laqgħat reġjonali li jinvolvu firxa wiesgħa ta' partijiet interessati, bħal parlamentari, is-soċjetà ċivili u s-settur privat,
G. billi l-appoġġ għall-iżvilupp sostenibbli jimplika appoġġ għas-saħħa, l-edukazzjoni u t-taħriġ, il-promozzjoni tad-demokrazija u l-istat tad-dritt, ir-rispett tad-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet fundamentali li huma komponenti essenzjali tal-politika tal-iżvilupp tal-UE,
H. billi l-qagħda fl-LDCs kompliet sejra għall-agħar minħabba l-kriżijiet dinjija reċenti tal-finanzi, tal-ikel, tat-tibdil fil-klima u tal-enerġija,
I. billi, minkejja li l-agrikoltura tifforma l-bażi ta' bosta mill-ekonomiji tal-LDCs u tipprovdi sa 90% tal-impjiegi, is-sigurtà tal-ikel hija mhedda,
J. billi ma jista' jkun hemm l-ebda żvilupp sinifikanti mingħajr rwol snifikanti tal-Istati abbażi ta' kapaċità mtejba għall-iżvilupp ekonomiku, il-ħolqien tal-għana, is-sħubijiet bejn il-privat u l-pubbliku u investimenti barrani ppjanat sewwa,
K. billi kull LDC jeħtieġlu jidentifika prijoritajiet u soluzzjonijiet f'lokhom fil-kuntest nazzjonali tiegħu, abbażi tal-parteċipazzjoni demokratika tal-popolazzjoni fil-proċessi deċiżjonali,
L. billi s-suċċess tal-konferenza ta' Istanbul jiddependi fuq riżultati konkreti (eż. kuntratt ta' governanza, livell ta' limitu soċjali, tnaqqis tad-dejn, għajnuna għall-iżvilupp, finanzjament innovattiv) u l-kwalità tal-kontributi mill-parteċipanti,
1. Iqis li l-LDC-IV għandha tkun orjentata lejn ir-riżultati, abbażi ta' indikaturi ċari u bl-objettiv li l-LDCs jitnaqqsu bin-nofs sal-2020, flimkien ma' monitoraġġ effiċjenti u trasparenti u mekkaniżmi ta' segwitu;
2. Jemmen li LDC-IV għandha tiffoka fuq il-Koerenza tal-Politiki għall-Iżvilupp bħala fattur importanti fit-tibdil tal-politiki, fil-livell nazzjonali u f'dak internazzjonali; jitlob għalhekk li t-tfassil tal-politiki fl-oqsma kollha – bħall-kummerċ, is-sajd, l-ambjent, l-agrikoltrua, it-tibdil fil-klima, l-enerġija, l-investiment u l-finanzi – isir b'tali mod li jirfdu l-ħtiġijiet tal-LDCs biex ikunu jistgħu jiġġieldu kontra l-faqar u jiggarantixxu dħul u għajxien deċenti;
3. Iħeġġeġ lill-UE tirrispetta l-impenji tagħha f'dak li jirrigwarda l-aċċess għas-swieq u t-taffija tad-djun; jerġa’ jafferma l-importanza li tintlaħaq il-mira li l-ODA tikber għal 0.15 - 0.20% sabiex l-LDCs jimmobilizzaw, għal dan il-għan, ir-riżorsi domestiċi u, bħala miżura komplementarja, mekkaniżmi ta’ finanzjament innovattivi;
4. Ifakkar fil-mira tal-ħruġ mill-kategorija ta’ LDC, u jiġbed l-attenzjoni għall-qafas stabbilit mis-Samit tal-MDG f’Settembru 2010 bil-għan jħaffef l-eradikazzjoni tal-faqar, joħloq tkabbir ekonomiku sostenibbli u inklussiv, jistabbilixxi governanza tajba u jrawwem il-bini tal-kapaċitajiet;
5. Jenfasizza l-bżonn ta’ miżuri ġodda biex jintegraw l-LDCs fl-ekonomija globali u jetjbulhom l-aċċess għas-swieq Ewropej; jistieden lill-Kummissjoni żżid l-għajnuna tagħha relatata mal-kummerċ sabiex tgħin il-pajjiżi l-aktar fqar jindirizzaw il-kompetizzjoni li tirriżulta mil-liberalizzazzjoni tas-suq;
6. Ifakkar li l-paċi u s-sigurtà huma vitali għall-effikaċja ta’ politiki tal-iżvilupp u li l-UE għandha tikkoordina l-approċċ tagħha aħjar sabiex tindirizza kwistjonijiet ta’ stabbilità f'LDCs u tappoġġja sforzi sabiex jinkisbu l-kapaċitajiet għall-bini ta' stati paċifiċi, demokratici u inklussivi;
7. Ifakkar fil-ħtieġa li jingħataw prijorità s-sigurtà tal-ikel, l-agrikultura, l-infrastrutturi, il-bini tal-kapaċità, it-tkabbir ekonomiku inklussiv, l-aċċess għat-teknoloġiji kif ukoll l-iżvilupp uman u soċjali fl-LDCs;
8. Jitlob l-istabbiliment ta' regoli kummerċjali ġusti u ekwi u l-implimentazzjoni ta' politiki integrati f'firxa wiesgħa ta' kwistjonijiet ekonomiċi, soċjali u ambjentali biex jitrawwem l-iżvilupp sostenibbli;
9. Ifakkar fil-ħtieġa li jittieħdu miżuri affikaċi dwar il-volatilità tal-prezzijiet, it-trasparenza. kif ukoll dwar swieq finanzjarji rregolati aħjar, għall-protezzjoni tal-LDCs għat-tnaqqis tal-vunerabbilta tagħhom;
10. Ifakkar fil-ħtieġa li jingħata kontribut għall-iżvilupp tas-sistemi nazzjonali tat-taxxa u ta' governanza tajba fi kwistjonijiet tat-taxxa, u jistieden lin-NU jistabbilixxu mekkaniżmi adegwati f'dan ir-rigward;
11. Iħeġġeġ lin-NU u lill-UE jindirizzaw bis-serjetà l-impatti ħżiena tal-akkwist tal-artijiet agrikoli, bħalma huma l-esproprju tal-bdiewa ż-żgħar u użu mhux sostenibbli tal-art u tal-ilma;
12. Ifakkar li l-għan fit-tul tal-kooperazzjoni fl-iżvilupp għandu jkun li jinħolqu l-kundizzjonijiet għall-iżvilupp ekonmiku sostenibbli; jenfasizza għalhekk il-bżonn tal-identifikazzjoni tal-ħtiġijiet u l-istrateġiji, tad-diversifikazzjoni u l-preparazzjoni għal-liberalizzazzjoni billi tisseddaq il-produzzjoni, il-kapaċità ta’ forniment u kummerċ, u titqawwa l-kapaċità tal-LDCs li jattiraw l-investiment;
13. Jagħraf li l-EBA ma’ laħqitx għalkollox il-miri oriġinali tagħha u, għalhekk, il-kwalità u l-volum ta’ kummerċ minn LDCs għas-suq tal-UE baqa' ma laħaqx il-livell mistenni, b’mod partikolari minħabba n-nuqqas ta’ infrastutturi adegwati portijiet f'konnessjoni mal-kummerċ; huwa favur l-iżvilupp ta’ tali infrastrutturi, li jibqa' l-muftieħ għat-tkattir tal-kapaċitajiet kummerċjali;
14. Jenfasizza l-ħtieġa li tittejjeb l-effikaċja tal-għajnuna għall-iżvilupp, skont id-Dikjarazzjoni ta' Pariġi u l-Aġenda ta’ Accra;
15. Iqis li l-adozzjoni tal-Liġi ġdida tal-Istati Uniti ‘Minerali ta' Kunflitt’ hija pass enormi 'l quddiem fil-ġlieda kontra l-estrazzjoni u l-kummerċ illegali tal-minerali fl-Afrika, li jitma' l-gwerer ċivili u l-kunflitti; huwa tal-fehma li n-NU għandhom joħroġu bi proposta simili biex tiżgura t-traċċabbiltà tal-minerali importati fis-suq dinji;
16. Jitlob li ssir valutazzjoni sistematika tar-riskju tat-tibdil fil-klima rigward l-aspetti rilevanti kollha tal-pjanifikazzjoni tal-politika tal-iżvilupp, inklużi l-kummerċ, l-agrikoltura u s-sigurtà tal-ikel, u jitlob li l-eżitu ta' din il-valutazzjoni jintuża għat-tfassil ta' linji gwida ċari għall-politika ta' kooperazzjoni għall-iżvilupp;
17. Jesprimi t-tħassib tiegħu dwar il-possibilità dejjem ikbar ta' diżastri ambjentali li jikkawżaw migrazzjonijiet tal-massa, li tagħmilha essenzjali li din il-kategorija l-ġdida ta' persuni spustati tingħata għajnuna ta' emerġenza;
18. Jisħaq fuq l-importanza ta' kooperazzjoni u integrazzjoni reġjonali, u jitlob li jissaħħu l-oqfsa reġjonali li primarjament iħallu lill-pajjiżi ż-żgħar jiġbru riżorsi, għarfien u kompetenzi;
19. Jenfasizza li n-nuqqas ta' progress fir-rigward tal-ġestjoni tal-finanzi pubbliċi għadu jiskwalifika l-parti l-kbira ta' dawn il-pajjiżi milli jirċievu għajnuna baġitjarja, fattur essenzjali fil-proċess tal-bini tal-kapaċità ta' kull pajjiż;
20. Jisħaq fuq l-importanza għal-LCDs li jiżviluppaw il-kooperazzjoni trilaterali, b'mod partikolari ma' pajjiżi emerġenti, bil-għan li jimxu fid-direzzjoni ta' kooperazzjoni komprensiva għall-ilħiq ta' benefiċċji reċiproċi u żvilupp komuni;
21. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lis-Segretarju Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti.