Mozzjoni għal riżoluzzjoni konġunta - RC-B7-0236/2011Mozzjoni għal riżoluzzjoni konġunta
RC-B7-0236/2011

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI KONĠUNTA dwar it-tagħlimiet li għandna nisiltu għas-sikurezza nukleari fl-Ewropa wara l-inċident nukleari fil-Ġappun

6.4.2011

imressqa skont l-Artikolu 110(4) tar-Regoli ta' Proċedura
li tieħu post il-mozzjonijiet għal riżoluzzjoni mressqa mill-gruppi:
PPE (B7‑0236/2011)
S&D (B7‑0237/2011)
ALDE (B7‑0241/2011)
Verts/ALE (B7‑0242/2011)
GUE/NGL (B7‑0243/2011)

Corien Wortmann-Kool, Pilar del Castillo Vera, Peter Liese f'isem il-Grupp PPE-DE
Marita Ulvskog f'isem il-Grupp S&D
Lena Ek, Fiona Hall, Leonidas Donskis, Jorgo Chatzimarkakis f'isem il-Grupp ALDE
Rebecca Harms, Daniel Cohn-Bendit f'isem il-Grupp Verts/ALE
Marisa Matias, Kartika Tamara Liotard, Bairbre de Brún, Marie-Christine Vergiat f'isem il-Grupp GUE/NGL


Proċedura : 2011/2650(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument :  
RC-B7-0236/2011
Testi mressqa :
RC-B7-0236/2011
Testi adottati :

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar it-tagħlimiet li għandna nisiltu għas-sikurezza nukleari fl-Ewropa wara l-inċident nukleari fil-Ġappun

Il-Parlament Ewropew,

–   wara li kkunsidra t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika u t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 194 tiegħu,

–   wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-10 ta’ Mejju 2007 dwar l-Evalwazzjoni tal-Euratom: 50 sena ta’ politika tal-enerġija nukleari Ewropea[1],

–   wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-24 ta' Marzu 2011 dwar is-sitwazzjoni fil-Ġappun, partikolarment l-istat ta' allarm fl-impjanti tal-enerġija nukleari[2] u r-riżoluzzjoni tiegħu tas-7 ta' Ottubru 1999 dwar l-inċident nukleari fil-Ġappun (Tokaimura)[3],

–   wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu fl-okkażjoni tal-10 u l-15-il anniversarju tad-diżastru nukleari fis-sit ta' Chernobyl,

–   wara li kkunsidra l-Artikolu 110(4) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A. billi l-inċident nukleari maġġuri li seħħ fl-impjant tal-enerġija ta' Fukushima Daiichi, li seħħ wara t-terremot devastanti u t-tsunami sussegwenti tal-11 ta' Marzu 2011 li kkaġuna l-mewt jew l-għajbien ta' eluf ta' persuni, kellu implikazzjonijiet qawwija għas-saħħa, l-ambjent u l-kontaminazzjoni ta' prodotti tal-ikel, flimkien mal-ħsara materjali li kkawża, li l-effetti sħaħ tiegħu għad iridu jiġu determinati,

B.  billi l-inċident nukleari, u inċidenti preċedenti oħrajn fil-Ġappun u madwar id-dinja, enfasizzaw il-fatt li issa aktar minn qatt qabel jeħtieġ rieżami tal-approċċ meħud għas-sikurezza nukleari fil-livell tal-UE u f'dak dinji,

C. billi l-kawżi multipli, b'mod partikolari t-telfien tal-provvista tal-enerġija fl-inċident ta' Fukushima Daiichi li rriżultat f'nuqqas ta' kapaċità ta' tkessiħ li wassal għat-tisħin żejjed ta' xi elementi ta' materjal nukleari u għat-tidwib ta' partijiet tal-qalba tar-reattur nukleari;

D. billi fis-26 ta' April 2011 nikkommemoraw il-25 anniversarju tad-diżastru nukleari fis-sit ta' Chernobyl, li l-konsegwenzi tiegħu għadhom jinħassu sal-lum,

E.  billi t-Trattat Euratom ilu fis-seħħ għal aktar minn 50 sena mingħajr reviżjoni sostanzjali,

F.  billi l-Aġenzija Internazzjonali tal-Enerġija Atomika (IAEA), tard fl-2008 wissiet li r-regoli tas-sikurezza għall-impjanti tal-enerġija nukleari fil-Ġappun ma kinux għadhom validi u li terremot ta' aktar minn 7.0 fuq l-iskala Richter seta' jippreżenta problema serja,

G. billi l-konsegwenzi ta' inċident nukleari jmorru lil hinn mill-fruntieri nazzjonali, u għalhekk joħloq il-ħtieġa għall-promozzjoni tal-kooperazzjoni mill-qrib, il-koordinament u l-iskambju ta' informazzjoni fi ħdan l-Unjoni Ewropea u ma' pajjiżi terzi ġirien, sabiex tissaħħaħ is-sikurezza nukleari u biex jiġu żgurati t-trasparenza u l-koordinament fl-eventwalità ta' inċident nukleari,

H. billi d-Direttiva dwar is-Sikurezza Nukleari tipprovdi biss qafas limitat għal azzjoni tal-UE f'dan il-qasam; billi, fid-dawl ta' dawn l-iżviluppi, l-istandards ta' sikurezza nukleari Ewropej u internazzjonali għandhom ikunu tal-ogħla livell possibbli,

I.   billi l-iżvilupp tal-proġetti nukleari ġodda fil-Bjelorussja u r-Russja (ir-Reġjun ta' Kaliningrad) iqajjem tħassib serju dwar l-istandards ta' sikurezza nukleari u l-konformità mal-obbligi relevanti taħt konvenzjonijiet internazzjonali (bħall-Konvenzjonijiet ta' Espoo u Aarhus); billi dan it-tħassib hu relevanti mhux biss għall-Istati Membri li għandhom fruntiera diretta mal-Bjelorussja u mar-reġjun ta' Kaliningrad, iżda wkoll għall-Ewropa kollha kemm hi, u joħloq il-ħtieġa li l-UE taħdem flimkien b'sens ta' solidarjetà, inklużi atturi relevanti fil-Kummissjoni Ewropea,

J.   billi r-riżoluzzjoni tiegħu tas-6 ta' Lulju 2010 dwar l-Istrateġija tal-Unjoni Ewropea għar-Reġjun tal-Baħar Baltiku u r-rwol tal-makroreġjuni fil-politika ta' koeżjoni tal-ġejjieni tiddikjara li "fid-dawl tal-espansjoni ppjanata tal-enerġija nukleari fir-reġjun tal-Baħar Baltiku, il-pajjiżi tal-UE jridu jsegwu l-aktar standards stretti ta’ sikurezza u ambjentali u l-Kummissjoni Ewropea għandha tissorvelja u timmoniterja jekk l-istess approċċ u l-konvenzjonijiet internazzjonali humiex jiġu segwiti fil-pajjiżi ġirien, speċjalment f’dawk li qed jippjanaw li jibnu impjanti tal-enerġija nukleari viċin il-konfini esterni tal-UE"[4],

K. billi hemm bżonn ċar ta’ djalogu pubbliku miftuħ dwar l-enerġija nukleari f'kull Stat Membru sabiex tikber il-kuxjenza pubblika dwar l-effetti tal-enerġija nukleari qabel ma tittieħed kull deċiżjoni politika;

L.  billi l-organizzazzjoni tax-xogħol fl-industrija nukleari fl-Ewropa, li attwalment spiss tieħu l-forma ta' sottokuntrattar, u billi għandu jingħata taħriġ adegwat, b'mod partikolari rigward il-livelli ta' espożizzjoni perikolużi għall-ħaddiema u l-kontroll aħħari fuq l-affidabilità fl-iktar stadji kritiċi tal-proċedura,

M. billi t-Trattat tal-Euratom kien iffirmat fl-1957 u l-istennijiet espressi mit-Trattat tal-Euratom ħamsin sena ilu rigward l-enerġija nukleari jeħtieġ li jiġu rieżaminati,

1.  Jesprimi s-solidarjetà tiegħu mal-vittmi tad-diżastru naturali u l-inċident nukleari li seħħ warajh u l-ammirazzjoni tiegħu lejn dawk kollha li qed jissograw ħajjithom biex jevitaw diżastru nukleari, kif ukoll għas-solidarjetà, il-kuraġġ u d-determinazzjoni murija mill-poplu Ġappuniż u tal-awtoritajiet b'reazzjoni għal dan id-diżastru; jistieden lill-Unjoni u lill-Istati Membri tagħha jkomplu jagħtu l-għajnuna u l-appoġġ umanitarju, tekniku u finanzjarju kollha meħtieġ lill-Ġappun u r-reġjuni tad-diżastru;

2.  Jistieden lill-awtoritajiet Ġappuniżi, lill-IAEA u lill-operatur tal-impjant nukleari ta' Fukushima, it-Tokyo Electric Power Company (TEPCO), ikunu trasparenti u jipprovdu tagħrif f'ħin reali dwar l-iżviluppi f'Fukushima, b'mod partikolari rigward il-livelli ta' radjoattività fiż-żona ta' esklużjoni u barra minnha;

3.  Jesprimi t-tħassib tiegħu dwar rapporti li l-kumpanija li topera l-installazzjoni infurmat lill-awtoritajiet regolatorji dwar bosta nuqqasijiet ta’ spezzjoni ftit qabel ma seħħ l-inċident nukleari ta’ Fukushima; jitlob lill-Kummissjoni, fid-dawl ta’ nuqqasijiet regolatorji potenzjali bħal dawn, biex tanalizza l-effikaċja, il-kompetenza u l-indipendenza tas-superviżjoni regolatorja fl-Ewropa u biex tissuġġerixxi titjib fejn ikun meħtieġ;

4.  Jitlob lill-Kummissjoni tiċċara d-dikjarazzjoni tal-President Barroso, magħmul lill-Parlament fil-5 ta' April 2011, li l-Kummissjoni biħsiebha tbaxxi l-livelli massimi permissibli ta' kontaminazzjoni radjoattiva ta' prodotti tal-ikel u prodotti tal-għalf; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri, filwaqt li jaġixxu skont ir-regolament xieraq tal-UE, biex jadottaw minnufih il-livelli massimi universali permissibli ta' kontaminazzjoni radjoattiva tal-ikel fl-UE f'każ ta' inċident nukleari li ma għandhomx jeċċedu l-livell iffissat għas-sezzjoni l-iktar vulnerabbli tal-popolazzjoni; jitlob lill-Kummissjoni, barra minn hekk, biex tirtira d-dispożizzjonijiet tal-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 297/2011 tal-25 ta' Marzu 2011[5] li jippermettu l-importazzjoni ta' prodotti tal-ikel li joriġinaw minn ċerti provinċji Ġappuniżi b'kontaminazzjoni fil-livelli massimi stipulati fir-Regolament (KE) Nru 3954/87;

5.  Iqis li l-Unjoni Ewropea jeħtiġilha mill-ġdid tagħmel evalwazzjoni komprensiva tal-approċċ tagħha rigward is-sikurezza nukleari, meta jitqies li l-enerġija nukleari se tkompli tagħmel parti mit-taħlita ta' enerġija ta' diversi Stati Membri għal ħafna snin u li reatturi ġodda huma ppjanati jew diġà qed jinbnew; jistieden, sadanittant, lill-Istati Membri jimponu moratorju fuq l-iżvilupp u l-ikkummisjonar ta' reatturi nukleari ġodda, tal-inqas għall-perjodu tat-twettiq u l-evalwazzjoni tal-istress tests;

6.  Hu tal-fehma li biex l-istress tests ikunu kredibbli, dawn għandhom ikunu obbligatorji u bbażati fuq kriterji komuni u trasparenti li għandhom jiġu żviluppati mill-Kummissjoni flimkien mal-Grupp ta' Regolaturi Ewropew dwar is-Sikurezza Nukleari (ENSREG) u ma' esperti indipendenti; iqis li dawn it-testijiet għandhom jitwettqu taħt is-superviżjoni tal-UE u b'monitoraġġ minn esperti indipendenti u li l-valutazzjonijiet finali għandhom ikunu lesti għall-pubblikazzjoni sal-aħħar tal-2011;

7.  Jitlob lill-Kummissjoni, f'dan ir-rigward, biex sal-15 ta' April, tressaq skeda ta' żmien konkreta u preċiża flimkien mal-ismijiet ta' korpi u esperti indipendenti li se jipparteċipaw fl-iżvilupp ta' kriterji preċiżi applikabbli għall-"istress tests";

8.  Iqis li l-istress tests għandhom ikopru b'mod partikolari:

· kull faċilità nukleari eżistenti u ppjanata, inklużi l-iskart radjoattiv u t-tankijiet għall-ħżin ta' fjuwil nukleari wżat;

· ir-reviżjoni tal-'kultura tas-sikurezza nukleari' ġenerali (pereżempju, l-akkwist pubbliku, l-espansjoni tal-perimetru tas-sikurezza, rapport ta' sikurezza annwali u l-għoti ta' tagħrif lill-pubbliku),

· ir-riskji kkawżati minn azzjonijiet tal-bniedem (pereżempju, attakk terroristiku jew ċibernetiku u t-tiġrif ta' ajruplan), l-impatt ta' avvenimenti naturali straordinarji (terremot, għargħar, nixfa jew riskji oħrajn speċifiċi għar-reġjun), inkluża l-protezzjoni kontra l-effetti tat-tibdil fil-klima biex jitqiesu l-frekwenza u s-severità dejjem akbar ta' avvenimenti ta' temp estrem;

· l-impatt ġeneralizzat ta' diżastru ewlieni u possibilment mhux relatat, bħat-telfien tal-provvista tal-elettriku u tal-ilma, it-telfien tat-telekomunikazzjoni, it-telfien tal-aċċess fiżiku għas-sit, in-nuqqas ta' ħaddiema u l-affidabilità tal-faċilitajiet ta' riżerva;

· is-sigurtà tar-rotot tal-provvista tal-fjuwil;

· il-ġbir flimkien ta' avvenimenti mhux frekwenti bħal dawn u t-tħejjija ta' reazzjoni għalihom u l-impatt kumulattiv tagħhom (xenarju ta' diżastru multidimensjonali);

· kwistjonijiet oħrajjn li jistgħu jqajmu l-esperti;

 

9.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jipprijoritizzaw l-istress tests għal dawn il-faċilitajiet nukleari li huma intrinsikament aktar perikolużi minħabba, pereżempju, is-sitwazzjoni ġeografika tagħhom (pereżempju f'żona siżmika), u hu tal-fehma li dawn għandhom jiġu mmonitorati malajr u, fejn jenħtieġ, għandu jittejjeb id-disinn strutturali tagħhom jew inkella dawn għandhom jiġu dekommissjonati skont skeda ta' żmien ċara;

10. Jinsisti li eżitu negattiv għall-istress test f'impjant speċifiku għandu jwassal għal reazzjoni gradwatorja li jista' jkun li tirrikjedi l-għeluq immedjat tal-impjant;

11. Iħeġġeġ lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jagħmlu kull sforz biex jiżguraw li dawn l-istress tests kif ukoll l-istandards ta’ sikurezza nukleari, sigurtà nukleari u ġestjoni tal-iskart nukleari sussegwenti ma jiġux applikati biss fi ħdan l-UE, iżda għal impjanti tal-enerġija nukleari mibnija jew ippjanati fil-pajjiżi terzi ġirien tal-UE; hu tal-fehma li dawn l-istress tests għandhom ikopru l-katina ta' produzzjoni kollha, inklużi t-trasport, it-trattament tal-iskart u l-ħżin;

12. Jinnota li fil-proposta tagħha tal-2008 li twaqqaf qafas Komunitarju għas-sikurezza nukleari[6], il-Kummissjoni tilfet opportunità ċara li tipproponi l-ħolqien ta' standards komuni li jiżguraw livell għoli ta' sikurezza nukleari; ifakkar li f’April 2009 l-Parlament ivvota favur it-tisħiħ tad-direttiva dwar is-Sikurezza Nukleari, jiġifieri, billi l-konformità mal-prinċipji ta’ sigurtà tal-IAEA għamilha rekwiżit legali aktar milli volontarju; jiddeplora l-fatt li l-Istati Membri ma kkunsidrawx it-tħassib tal-Parlament Ewropew; jafferma l-importanza ta' kooperazzjoni reali dwar id-direttiva dwar l-iskart nukleari u l-ġestjoni tal-fjuwil nukleari użat, u jitlob lill-Kunsill tadotta t-talbiet ewlenin tal-Parlament;

13. Jistenna bil-ħerqa r-reviżjoni komprensiva mill-Kummissjoni tal-leġiżlazzjoni tal-UE dwar is-sikurezza nukleari u sa tmiem l-2011 u l-proposti leġiżlattivi relatati, li għandhom jibdlu l-Prinċipji Fundamentali ta' Sikurezza tal-IAEA f'rekwiżiti aktar dettaljati jew stretti fil-livell tal-UE għall-ilħiq tal-ogħla standards ta' sikurezza, kif ukoll mekkaniżmu obbligatorju għal reviżjoni regolari tal-applikazzjoni ta' standards tas-sikurezza fl-Istati Membri, permezz ta' reviżjoni tal-pari u ta' kumitat indipendenti ta' esperti nukleari ggwidati mill-Kummissjoni;

14. Iqis li s-sikurezza nukleari hi qasam li tikkonċerna lill-Unjoni Ewropea kollha u li l-prinċipju tas-sussidjarjetà japplika biss parzjalment; jitlob, għaldaqstant, li jkun hemm reviżjoni tat-Trattat EURATOM sabiex jissaħħu l-kompetenzi tal-UE f'dan il-qasam, li l-Parlament Ewropew jiġi involut permezz tal-proċedura leġiżlattiva ordinarja sabiex ikun hemm aktar trasparenza, u jitqiesu l-għanijiet tal-politika tal-enerġija komuni stipulati fit-Trattat ta' Lisbona;

15. Jistieden lill-Kummissjoni, lill-Kunsill u lill-Istati Membri jieħdu kull miżura meħtieġa sabiex jiżguraw li ma jinbnewx impjanti nukleari f'żoni ta' riskju siżmiku u ta' għargħar qawwi fl-UE u fil-pajjiżi ġirien; hu tal-fehma li l-kostruzzjoni ta’ impjanti tal-enerġija nukleari mal-fruntieri esterni tal-UE għandhom ikunu konformi mal-istandards ambjentali internazzjonali għas-sikurezza nukleari;

16. Jistieden lill-Istati Membri jżommu u jsaħħu r-riżorsi umani u l-ħiliet u l-kundizzjonijiet ta' xogħol meħtieġa tul il-ħajja operattiva tal-impjanti tal-enerġija nukleari, għall-fażi ta' dekommissjonar tagħhom u għall-ġestjoni tal-iskart nukleari;

17. Jenfasizza l-ħtieġa li l-UE tiżviluppa strateġija li tmur lil hinn mill-fruntieri tagħha li tinkludi azzjoni konsistenti fl-ogħla livell politika, sabiex jiġu żgurati is-sikurezza u s-sigurtà nukleari u tagħmel sforzi favur projbizzjoni globali ta' impjanti tal-enerġija nukleari f'reġjuni ta' perikolu għoli, li fl-aħħar mill-aħħar għandhom iwasslu għal konvenzjoni vinkolanti tan-NU;

18. Iħeġġeġ lill-Istati Membri u lill-Kummissjoni jerfgħu responsabilità konġunta għat-tisħiħ tal-istandards internazzjonali għas-sikurezza nukleari u l-implimentazzjoni adegwata tagħhom, b'kooperazzjoni mill-qrib mal-IAEA, is-segretarjat tal-Konvenzjoni tal-Espoo u ma' organizzazzjonijiet internazzjonali rilevanti oħrajn; jistieden lill-Kummissjoni tressaq pjan ta' azzjoni inklussiv, b'arranġamenti konkreti għall-implimentazzjoni tiegħu sa Ġunju 2011; iħeġġeġ lill-Kummissjoni, b'kooperazzjoni mal-IAEA, sabiex tagħmel pressjoni kostruttiva fuq il-Bjelorussja u r-Russja billi tħeġġiġhom jaderixxu mal-istandards internazzjonali tas-sikurezza u jikkoperaw mal-esperti internazzjonali waqt l-istadji kollha tat-tħejjija, tal-bini u tal-operat tal-impjanti nukleari; jemmen, f'dan ir-rigward li l-UE għandha tagħmel użu sħiħ tal-għarfien espert pprovdut mill-organizzazzjonijiet u mill-korpi internazzjonali;

19. Jistieden lill-Kummissjoni twettaq studju dwar l-ekonomiji ġenerali tal-bini, l-operat u dekummissjonar tal-impjanti nukleari fl-Ewropa, inklużi l-aspetti relatati mal-intervenzjoni tal-Istat f'każ ta' inċidenti/emerġenzi, l-aspetti tal-assikurazzjoni u dwar l-għajnuna mill-Istat u aspetti tal-kompetizzjoni fil-kuntest tas-suq waħdieni Ewropew tal-Enerġija;

20. Ifakkar, f'dan il-kuntest, l-importanza dejjem akbar tal-effiċjenza tal-enerġija u tal-iffrankar tal-enerġija u l-ħtieġa li jinħoloq qafas leġiżlattiv adegwat u li jingħata l-appoġġ meħtieġ għall-investiment fl-enerġija li tiġġedded u sostenibbli, fil-ħżin tal-enerġija u f'netwerk tal-elettriku mifrux mal-Ewropa kollha; hu tal-fehma li, biex ikunu minimizzati r-riskji ta' qtugħ fil-provvista, huwa essenzjali li jkun hemm netwerk intelliġenti modern għad-distribuzzjoni tal-elettriku li jippermetti kontribuzzjonijiet minn faċilitajiet diċentralizzati tal-produzzjoni tal-enerġija;

21. Jenfasizza, b'mod partikolari, li l-avvenimenti internazzjonali riċenti għamluha ċara li l-ilħiq tal-mira ta' 20% effiċjenza fl-enerġija sal-2020 hija aktar importanti minn qatt qabel, anke fid-dawl tat-tnaqqis fl-emissjonijiet ta' CO2; jinnota li miri għat-tul għall-effiċjenza tal-enerġija u għall-enerġija li tiġġedded għandhom importanza kruċjali għall-atturi ekonomiċi, u jitlob li l-Pjan Direzzjonali 2050 jinkludi miri ambizzjużi ta' dan it-tip kemm għall-2030 kif ukoll għall-2050;

22. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-gvernijiet u l-parlamenti tal-Istati Membri, lill-Euratom u lill-ENSREG.