Mozzjoni għal riżoluzzjoni konġunta - RC-B7-0525/2011Mozzjoni għal riżoluzzjoni konġunta
RC-B7-0525/2011

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI KONĠUNTA dwar is-sitwazzjoni fil-Palestina

28.9.2011

imressqa skont l-Artikolu 110(4) tar-Regoli ta' Proċedura
li tieħu post il-mozzjonijiet għal riżoluzzjoni mressqa mill-gruppi:
Verts/ALE (B7‑0525/2011)
PPE (B7‑0526/2011)
S&D (B7‑0527/2011)
ALDE (B7‑0528/2011)
GUE/NGL (B7‑0529/2011)

José Ignacio Salafranca Sánchez-Neyra, Elmar Brok, Ioannis Kasoulides, Tokia Saïfi, Hans-Gert Pöttering, Mario Mauro, Othmar Karas, Rodi Kratsa-Tsagaropoulou, Roberta Angelilli, Mário David, Arnaud Danjean, Ria Oomen-Ruijten, Eduard Kukan, Laima Liucija Andrikienė, Nadezhda Neynsky, Salvatore Iacolino, Dominique Vlasto, Monica Luisa Macovei f'isem il-Grupp PPE-DE
Véronique De Keyser, Hannes Swoboda, Kader Arif, Pino Arlacchi, Emine Bozkurt, Proinsias De Rossa, Roberto Gualtieri, Richard Howitt, Maria Eleni Koppa, Wolfgang Kreissl-Dörfler, Kyriakos Mavronikolas, María Muñiz De Urquiza, Raimon Obiols, Pier Antonio Panzeri, Kristian Vigenin, Boris Zala, Carmen Romero López f'isem il-Grupp S&D
Annemie Neyts-Uyttebroeck, Alexander Graf Lambsdorff, Alexandra Thein, Jelko Kacin f'isem il-Grupp ALDE
Daniel Cohn-Bendit, Rebecca Harms f'isem il-Grupp Verts/ALE
Lothar Bisky, Patrick Le Hyaric, Kyriacos Triantaphyllides, Bairbre de Brún, Willy Meyer, Jean-Luc Mélenchon, Marisa Matias, Miguel Portas, Helmut Scholz f'isem il-Grupp GUE/NGL

Proċedura : 2011/2828(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument :  
RC-B7-0525/2011
Testi mressqa :
RC-B7-0525/2011
Votazzjonijiet :
Testi adottati :

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar is-sitwazzjoni fil-Palestina

Il-Parlament Ewropew,

–   wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar il-Lvant Nofsani,

–   wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill dwar il-Proċess ta' Paċi fil-Lvant Nofsani tat-8 ta' Diċembru 2009, tat-13 ta' Diċembru 2010, u tat-18 ta' Lulju 2011,

–   wara li kkunsidra l-Karta tan-Nazzjonijiet Uniti,

–   wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet relevanti tan-NU, ir-Riżoluzzjonijiet 181 (1947) u 194 (1948) tal-Assemblea Ġenerali tan-NU, u r-riżoluzzjonijiet 242 (1967), 338 (1973), 1397 (2002), 1515 (2003), u 1850 (2008) tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU,

–   wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tal-Kwartett tal-Lvant Nofsani, u b'mod partikolari dik tat-23 ta' Settembru 2011,

–   wara li kkunsidra l-Artikolu 110(4) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A. billi fl-okkażjoni tas-66 Sessjoni tal-Assemblea Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti, il-President tal-Awtorità Nazzjonali Palestinjana, Mahmoud Abbas, talab rikonoxximent tal-istatus ta' Stat Palestinjan u sħubija fin-NU,

B.  billi l-Palestina hija entità osservatriċi permanenti iżda mhux membru fl-Assemblea Ġenerali tan-NU,

C. billi, fir-Riżoluzzjoni 181 tagħha tad-29 ta' Novembru 1947, l-Assemblea Ġenerali tan-NU talbet li jinħolqu żewġ stati fit-territorju ta' dak li kien il-Mandat għall-Palestina,

D. billi l-UE b'mod ripetut ikkonfermat l-appoġġ tagħha għal soluzzjoni ta' żewġ stati bl-Istat tal-Iżrael u Stat tal-Palestina indipendenti, demokratiku, kontigwu u vijabbli jgħixu maġenb xulxin fil-paċi u s-sigurtà, talbet li jerġgħu jinbdew it-taħditiet diretti dwar il-paċi bejn l-Iżrael u l-Palestinjani, u ddikjarat li m'għandhomx jiġu rikonoxxuti bidliet tal-fruntieri ta' qabel l-1967, anke fir-rigward ta' Ġerusalemm, ħlief dawk li diġà ntlaħaq ftehim dwarhom bejn il-partijiet,

E.  billi, skont il-valutazzjonijiet tal-Bank Dinji, il-FMI, u n-NU, l-Awtorità Palestinjana qabżet il-livell limitu ta' stat funzjonanti fis-setturi ewlenin li eżaminaw, u l-istituzzjonijiet Palestinjani m'għandhom xejn inqas minn dawk fi stati stabbiliti,

F.  billi d-dritt tal-Palestinjani għall-awtodeterminazzjoni u d-dritt li jkollhom l-istat tagħhom huwa inkontestabbli, daqs kemm huwa inkontestabbli d-dritt tal-Iżrael li jeżisti fi fruntieri sikuri,

G. billi r-"Rebbiegħa Għarbija" żiedet l-urġenza li tinstab soluzzjoni għall-kunflitt bejn l-Iżrael u l-Palestinjani, li hija fl-interess fundamentali tal-partijiet involuti, tal-popli kollha fir-reġjun u tal-komunità internazzjonali,

H. billi waqt il-laqgħa informali fit-2 u t-3 ta' Settembru 2011, il-Ministri tal-Affarijiet Barranin tal-UE ppreżentaw pożizzjonijiet differenti meta ddiskutew il-proċess tal-paċi fil-Lvant Nofsani u l-inizjattivi diplomatiċi relevanti previsti waqt is-Sessjoni ta' Settembru tal-Assemblea Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti,

1.  Jistieden lir-Rappreżentant Għoli/lill-Viċi President tal-Kummissjoniu u lill-Gvernijiet tal-Istati Membri tal-UE jibqgħu jagħmlu ħilithom biex tinstab pożizzjoni komuni tal-UE dwar it-talba tal-Awtorità Palestinjana għal sħubija fin-NU, u jkunu evitati d-diviżjonijiet bejn l-Istati Membri;

2.  Jappoġġja u jistieden lill-Istati Membri jkunu magħquda fl-indirizzar tat-talba leġittima tal-Palestinjani li jkunu rappreżentati bħala stat fin-Nazzjonijiet Uniti b'riżultat tan-negozjati li għandhom jiġu konklużi matul is-66 Sessjoni tal-Assemblea Ġenerali tan-NU;

3.  Jistieden, fl-istess ħin, lill-komunità internazzjonali, inklużi l-UE u l-Istati Membri tagħha, biex jerġgħu jikkonfermaw l-impenn sod tagħhom favur is-sigurtà tal-Istat tal-Iżrael;

4.  Itenni l-appoġġ qawwi tiegħu għas-soluzzjoni ta' żewġ stati abbażi tal-fruntieri tal-1967 b'Ġerusalemm bħala l-kapitali taż-żewġ stati, bl-Istat tal-Iżrael u Stat tal-Palestina indipendenti, demokratiku, kontigwu u vijabbli jgħixu maġenb xulxin fil-paċi u s-sigurtà;

5.  Jirrikonoxxi u jilqa' s-suċċess tal-isforzi ta' bini tal-istat tal-President Palestinjan Mahmoud Abbas u tal-Prim Ministru Salam Fayyad, li ġew appoġġjati mill-UEu approvati mid-diversi atturi internazzjonali;

6.  Jerġa' jenfasizza l-fatt li l-mezzi paċifiċi u mhux vjolenti huma l-uniku mod kif tista' tinkiseb soluzzjoni sostenibbli għall-kunflitt bejn l-Iżrael u l-Palestinjani;

7.  Jenfasizza li għandhom jitkomplew bla dewmien in-negozjati diretti li jwasslu għal soluzzjoni ta' żewġ stati bejn l-Iżraeljani u l-Palestinjani, u skont l-iskadenzi mitluba mill-Kwartett, biex jingħeleb l-istatus quo inaċċettabbli; jerġa' jenfasizza li l-passi kollha li jistgħu jipperikolaw il-prospetti ta' ftehim negozjat għandhom ikunu evitati u li m'għandhomx jiġu aċċettati bidliet tal-fruntieri ta' qabel l-1967, anke fir-rigward ta' Ġerusalemm, ħlief dawk li diġà ġew miftiehma miż-żewġ partijiet; jinsisti fuq il-fatt li kwalunke soluzzjoni li tirriżulta m'għandhiex taffettwa d-dinjità ta' xi waħda mill-partijiet; jistieden lill-Gvern Iżraeljan iwaqqaf il-kostruzzjoni u l-estensjoni ta' insedjamenti fix-Xatt tal-Punent u fil-Lvant ta' Ġerusalemm; jitlob li jieqfu l-attakki bil-missili fuq l-Iżrael mill-Istrixxa ta' Gaża u jinsisti fuq il-ħtieġa ta' tregwa permanenti;

8.  Iħeġġeġ lill-UE u lill-Istati Membri tagħha jkollhom pożizzjoni magħquda u jibqa' jkollhom rwol aktar attiv, anke fi ħdan il-Kwartett, fl-isforzi bl-għan li tinkiseb paċi ġusta u dejjiema bejn l-Iżraeljani u l-Palestinjani; jenfasizza r-rwol ċentrali tal-Kwartett u jappoġġja bis-sħiħ ir-Rappreżentant Għoli fl-isforzi tagħha biex il-Kwartett joħloq perspettiva kredibbli għat-tnedija mill-ġdid tal-proċess ta' paċi;

9.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Viċi President tal-Kummissjoni/lir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, lill-Gvernijiet u l-Parlamenti tal-Istati Membri, lill-President tal-Assemblea Ġenerali tan-NU, lill-Gvernijiet u l-Parlamenti tal-Membri tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU, lill-Mibgħut tal-Kwartett tal-Lvant Nofsani, lill-Knesset u l-Gvern tal-Iżrael, lill-President tal-Awtorità Palestinjana u lill-Kunsill Leġiżlattiv Palestinjan.