Mozzjoni għal riżoluzzjoni konġunta - RC-B7-0542/2011Mozzjoni għal riżoluzzjoni konġunta
RC-B7-0542/2011

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI KONĠUNTA dwar is-sitwazzjoni fl-Eġittu u s-Sirja, b'mod parikolari dik tal-Komunitajiet Insara

25.10.2011

imressqa skont l-Artikolu 110(4) tar-Regoli ta' Proċedura
li tieħu post il-mozzjonijiet għal riżoluzzjoni mressqa mill-gruppi:
S&D (B7‑0542/2011)
EFD (B7‑0545/2011)
ECR (B7‑0548/2011)
ALDE (B7‑0549/2011)
Verts/ALE (B7‑0551/2011)
PPE (B7‑0555/2011)

Elmar Brok, Mario Mauro, Ioannis Kasoulides, Cristian Dan Preda, Tokia Saïfi, Hans-Gert Pöttering, Magdi Cristiano Allam, Othmar Karas, Ria Oomen-Ruijten, Gabriele Albertini, Inese Vaidere, Elena Băsescu, Elisabeth Jeggle, Monica Luisa Macovei, Zuzana Roithová, Nadezhda Neynsky, Roberta Angelilli, Thomas Mann, Constance Le Grip, Salvatore Iacolino, Bernd Posselt, Elżbieta Katarzyna Łukacijewska, Sari Essayah, Anne Delvaux, Radvilė Morkūnaitė-Mikulėnienė, Franck Proust, Rodi Kratsa-Tsagaropoulou f'isem il-Grupp PPE
Véronique De Keyser f'isem il-Grupp S&D
Marietje Schaake, Marielle De Sarnez, Kristiina Ojuland, Ramon Tremosa i Balcells, Ivo Vajgl, Edward McMillan-Scott, Frédérique Ries, Alexandra Thein, Izaskun Bilbao Barandica, Louis Michel, Sarah Ludford f'isem il-Grupp ALDE
Charles Tannock, Ryszard Antoni Legutko, Peter van Dalen, Tomasz Piotr Poręba f'isem il-Grupp ECR
Hélène Flautre, Franziska Katharina Brantner, Judith Sargentini, Ulrike Lunacek, Raül Romeva i Rueda f'isem il-Grupp Verts/ALE
Fiorello Provera f'isem il-Grupp EFD


Proċedura : 2011/2881(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument :  
RC-B7-0542/2011
Testi mressqa :
RC-B7-0542/2011
Dibattiti :
Testi adottati :

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar is-sitwazzjoni fl-Eġittu u s-Sirja, b'mod parikolari dik tal-Komunitajiet Insara

Il-Parlament Ewropew,

–   wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar l-Eġittu u s-Sirja, b'mod partikolari tal-15 ta' Settembru 2011 dwar is-sitwazzjoni fis-Sirja, tas-7 ta' Lulju 2011 dwar is-sitwazzjoni fis-Sirja, il-Jemen u l-Baħrejn fil-kuntest tas-sitwazzjoni fid-dinja Għarbija u l-Afrika ta' Fuq, u tas-17 ta' Frar 2011 dwar is-sitwazzjoni fl-Eġittu,

–   wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-20 ta' Jannar 2011 dwar is-sitwazzjoni tal-Insara fil-kuntest tal-libertà tar-reliġjon,

–   wara li kkunsidra d-dikjarazzjonijiet tal-Viċi President tal-Kummissjoni/Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà (VP/RGħ) dwar is-Sirja tat-8 ta' Ottubru 2011 u dwar l-Eġittu tal-10 ta' Ottubru 2011,

–   wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill tal-Affarijiet Barranin tal-20 ta' Frar 2011,

–   wara li kkunsidra l-konklużjonijiet dwar is-Sirja tal-Kunsill tal-Affarijiet Barranin tal-10 ta' Ottubru 2011 u l-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew tat-23 ta' Ottubru 2011,

–   wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem tal-1948,

–   wara li kkunsidra l-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi tal-1966, li l-Eġittu u s-Sirja huma firmatarji tiegħu,

–   wara li kkunsidra d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2011/522/PESK li temenda d-Deċiżjoni 2011/273/PESK dwar miżuri restrittivi kontra s-Sirja, id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2011/523/UE li parzjalment tissospendi l-applikazzjoni tal-Ftehim ta' Kooperazzjoni bejn il-Komunità Ekonomika Ewropea u r-Repubblika Għarbija Sirjana, ir-Regolament tal-Kunsill Nru 878/2011 li jemenda r-Regolament (UE) Nru 442/2011 dwar miżuri restrittivi fid-dawl tas-sitwazzjoni fis-Sirja, u r-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 1011/2011 tat-13 ta' Ottubru 2011 li jemenda r-Regolament (UE) Nru 442/2011 dwar miżuri restrittivi fid-dawl tas-sitwazzjoni fis-Sirja,

–   wara li kkunsidra l-Artikolu 110(4) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A. billi l-libertajiet tar-reliġjon, tat-twemmin, tal-kuxjenza u tal-ħsieb huma valuri fundamentali u universali u huma elementi essenzjali tad-demokrazija; billi l-Unjoni Ewropea ripetutament esprimiet l-impenn tagħha favur il-libertajiet tar-reliġjon, tat-twemmin, tal-kuxjenza u tal-ħsieb u enfasizzat li l-gvernijiet għandhom dmir li jiggarantixxu dawn il-libertajiet madwar id-dinja kollha,

L-Eġittu

 

B.  billi l-Eġittu għaddej minn perjodu kritiku ta' tranżizzjoni demokratika u qed jaffaċċja ħafna sfidi u diffikultajiet f'dan il-proċess; billi l-iżvilupp ekonomiku u standard ta' għajxien ogħla tal-popolazzjoni huma essenzjali għall-istabilità politika u soċjali fuq perjodu twil ta' żmien fil-pajjiż,

C. billi fid-9 ta' Ottubru mill-inqas 25 ċittadin Eġizzjan inqatlu u aktar minn 300 ndarbu fil-Kajr waqt dimostrazzjoni paċifika organizzata mill-Insara Kopti, li bdiet fid-distrett ta' Shubra fit-Tramuntana tal-Kajr u mxiet lejn il-bini tat-televiżjoni tal-istat f'Maspero, biex jipprotestaw kontra attakk fuq knisja Kopta f'Aswan, biex tiġi miġġielda b'mod effikaċi d-diskriminazzjoni reliġjuża, u biex tintalab l-adozzjoni ta' liġi unifikata dwar il-bini ta' postijiet ta' qima, biex id-diskriminazzjoni reliġjuża tiġi kriminalizzata b'mod effikaċi u biex terġa' tinbena l-knisja li ġiet attakkata,

D. billi l-awtoritajiet Eġizzjani rrispondew għal dan l-avveniment traġiku billi taw bidu għal spezzjoni taż-żona ta' Maspero mill-uffiċċju tal-Prosekutur Ġenerali, li wettaq investigazzjoni taħt l-awtorità ġudizzjarja militari u waqqaf missjoni ta' ġbir tal-fatti magħmula minn membri tal-ġudikatura biex tinvestiga dawk l-inċidenti bl-għan li jinżammu responsabbli dawk li inċitaw il-vjolenza u li wettqu azzjonijiet vjolenti; taw bidu għall-kunsiderazzjoni immedjata ta' abbozz ta' digriet bl-għan li jillegalizza l-istatus ta' postijiet ta' qima mibnija mingħajr awtorizzazzjoni xierqa; taw bidu, abbażi ta' talba mill-mexxejja ta' diversi gruppi reliġjużi, għal dibattitu soċjali dwar l-abbozz ta' kodiċi unifikat għall-bini ta' postijiet ta' qima bl-għan li jiġi adottat; u ddeċidew li jintroduċu emendi għall-Kodiċi Penali biex tiġi miġġielda d-diskriminazzjoni kemm fis-settur pubbliku kif ukoll f'dak privat,

E.  billi minn Marzu tal-2011 'l hawn, ġie rrappurtat li għexieren ta' eluf ta' Kopti telqu mill-Eġittu,

F.  billi l-persuni ċivili arrestati skont il-liġi ta' emerġenza ttellgħu quddiem qrati militari li jiksru d-dritt għal proċess ġust u jċaħħdu lill-akkużati mid-dritt għall-appell; billi l-organizzazzjonijiet tad-drittijiet tal-bniedem irrappurtaw li minn Marzu tal-2011 'l hawn aktar minn 12 000 ċivili ttellgħu quddiem dawn il-qrati speċjali,

G. billi Maikel Nabil Sanad kien arrestat mill-pulizija militari fit-28 ta' Marzu 2011 f'daru fil-Kajr talli esprima l-opinjoni tiegħu onlajn, li inkludiet kritika tar-rwol tal-militar Eġizzjan matul u wara r-rivoluzzjoni tal-poplu; billi ngħata sentenza ta' tliet snin ħabs fl-10 ta' April 2011 fuq akkużi li "insulta l-militar" wara proċess mgħaġġel u inġust f'qorti militari fin-nuqqas tal-avukat, tal-familja u tal-ħbieb tiegħu,

H. billi t-theddid kontra l-NGOs, speċjalment dawk involuti fid-difiża tad-drittijiet tal-bniedem, f'kampanja intensiva ta' malafama mnedija mill-istampa tal-istat, serva biex jiddeleġittimizzahom u jistigmatizzahom f'għajnejn il-pubbliku bħala li qed jaġixxu kontra l-interessi tal-Eġittu,

I.   billi x-xandir televiżiv statali tal-Eġittu kompla jinċita għall-vjolenza meta xandar sejħa biex in-nies “jipproteġu l-armata”,

 

J.   billi l-perjodu tranżitorju wara r-rivoluzzjoni tal-25 ta' Jannar fl-Eġittu kien karatterizzat minn tendenza lejn il-marġinalizzazjzoni tan-nisa, li kienu esklużi mill-Kumitat Kostituzzjonali, u billi, bħala parti mir-rieżami tal-liġi dwar id-drittijiet politiċi, il-kwota tan-nisa ġiet abolita,

K. billi huwa preokkupat dwar il-ħtif ta' tfajliet Kopti li ġew sfurzati jikkonvertu għall-Iżlam,

 

Is-Sirja

L.  billi, sa mill-bidu tat-trażżin vjolenti tad-dimostranti paċifiċi fis-Sirja f'Marzu 2011, il-qtil sistematiku, il-vjolenza u t-tortura kienu qed jiżdiedu b'mod drammatiku u l-armata Sirjana u l-forzi tas-sigurtà qed ikomplu bir-rispons tagħhom ta' qtil immirat, tortura u arresti tal-massa; billi, skont l-istimi tan-NU, 'il fuq minn 3 000 persuna tilfu ħajjithom, ħafna aktar korrew u eluf ġew detenuti; billi bosta Sirjani qegħdin jiffaċċjaw sitwazzjoni umanitarja li kull ma jmur sejra għall-agħar, kaġun tal-vjolenza u tal-ispostamenti,

M. billi għadu l-każ li l-ebda ġurnalist u osservatur internazzjonali ma jista' jidħol fil-pajjiż; billi r-rapporti mill-attivisti tad-drittijiet tal-bniedem Sirjani u l-immaġini mill-mowbajls huma l-uniku mezz ta' dokumentazzjoni tal-ksur mifrux tad-drittijiet tal-bniedem u l-attakki sistematiċi, kemm immirati u każwali, kontra d-dimostranti u ċ-ċittadini paċifiċi inġenerali fis-Sirja,

N. billi l-avvenimenti li għaddejjin fis-Sirja huma akkumpanjati minn azzjonijiet immirati għall-inċitament ta' kunflitti interetniċi u inter-reliġjużi u għaż-żieda ta' tensjonijiet settarji; billi hemm rapporti li jistmaw li l-popolazzjoni Nisranija fis-Sirja jista' jkun li naqset minn 10 fil-mija għal 8 fil-mija; billi eluf ta' Nsara mill-Iraq marru s-Sirja biex jaħarbu minn vjolenza mmirata fl-Iraq; billi ħafna Nsara fis-Sirja jibżgħu li sejrin jispiċċaw vittmi ta' vjolenza settarja fil-pajjiż; billi l-Komunitajiet Insara għandhom rwol importanti fid-demokratizzazzjoni tal-pajjiż,

O. billi, fil-konklużjonijiet tiegħu tal-10 ta' Ottubru 2011, il-Kunsill laqa' l-isforzi tal-oppożizzjoni politika Sirjana biex tistabbilixxi pjattaforma unita, stieden ukoll lill-komunità internazzjonali biex tilqa' dawn l-isforzi, u nnota l-ħolqien tal-Kunsill Nazzjonali Sirjan (SNC) bħala pass pożittiv 'il quddiem; billi fis-Sirja nħoloq ukoll il-Kumitat Nazzjonali għall-Bidla Demokratika,

L-Eġittu

1.  Jerġa' jesprimi s-solidarjetà tiegħu mal-poplu Eġizzjan f'dan il-perjodu kritiku u diffiċli tat-tranżizzjoni demokratika fil-pajjiż u jkompli jappoġġja l-aspirazzjonijiet demokratiċi tagħhom; iħeġġeġ lill-UE u l-Istati Membri tagħha biex ikomplu jappoġġjaw l-isforzi mmirati għall-aċċellerazzjoni tar-riformi demokratiċi, ekonomiċi u soċjali fl-Eġittu;

2.  Jikkundanna bil-qawwa l-qtil ta' dimostranti fl-Eġittu; jesprimi l-kondoljanzi sinċieri tiegħu mal-familji tal-vittmi kollha; jistieden lill-awtoritajiet jiżguraw li l-forzi ta' sigurtà ma jużawx forza sproporzjonata; jisħaq fuq id-dritt taċ-ċittadini kollha li jipprotestaw liberament u paċifikament, taħt protezzjoni xierqa mill-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi; jistieden lill-awtoritajiet Eġizzjani jeħilsu t-28 Nisrani li jinsabu arrestati f'Maspero kif ukoll lil persuni oħra li ġew arrestati;

3.  Jilqa' l-isforzi li saru mill-awtoritajiet Eġizzjani biex jidentifikaw lil dawk li ppjanaw u wettqu l-attakki fuq il-Komunitajiet Insara; jenfasizza li huwa importanti li investigazzjoni indipendenti, trasparenti u bir-reqqa dwar l-avvenimenti f'Maspero għandha titmexxa minn ġudikatura ċivili indipendenti, sabiex kull min kien involut jinżamm responsabbli; jenfasizza li r-rwol tal-midja għandu jiġi indirizzat bis-sħiħ; jieħu nota tal-avviżi tal-gvern dwar il-kunsiderazzjoni immedjata ta' abbozz ta' digriet li jfittex li jillegalizza l-istatus tal-postijiet ta' qima mibnija mingħajr l-awtorizzazzjoni xierqa kif ukoll dwar it-tisħiħ tal-istrumenti legali li jfittxu li jiġġieldu d-diskriminazzjoni kemm f'oqsma pubbliċi kif ukoll f'dawk privati; jisħaq madankollu fuq ir-responsabilità tal-Gvern u l-awtoritajiet Eġizzjani biex jiżguraw is-sikurezza taċ-ċittadini kollha fil-pajjiż u biex dawk responsabbli għall-vjolenza jitressqu quddiem il-ġustizzja;

4.  Jistieden lill-awtoritajiet Eġizzjani jiżguraw ir-rispett sħiħ għal-libertajiet fundamentali kollha, inklużi l-libertà tal-assoċjazzjoni, il-libertà tal-għaqda paċifika, il-libertà tal-espressjoni u l-libertà tar-reliġjon, tal-kuxjenza u tal-ħsieb għaċ-ċittadini kollha fl-Eġittu, inklużi l-Insara Kopti, u li l-Komunitajiet tal-Insara Kopti ma jisfawx vittmi ta' attakki vjolenti u jkunu jistgħu jgħixu fil-paċi u jesprimu t-twemmin tagħhom b'mod ħieles madwar il-pajjiż; jitlob protezzjoni adegwata tal-knejjes sabiex tintemm l-aggressjoni u l-qerda kontinwa ta' knejjes minn estremisti Iżlamiċi; jilqa' l-isforzi kontinwi biex jiġi adottat "Kodiċi Komuni għall-bini ta' postijiet ta' qima"; jenfasizza li d-dritt għal-libertà tal-ħsieb, tal-kuxjenza u tar-reliġjon huwa dritt fundamentali li huwa garantit minn strumenti legali; iħeġġeġ lill-awtoritajiet Eġizzjani jwaqqfu d-diskriminazzjoni kontra l-Insara Kopti, pereżempju billi jħassru referenzi għar-reliġjon mid-dokumenti uffiċjali kollha, u jiżguraw dinjità u opportunitajiet indaqs għaċ-ċittadini kollha fl-Eġittu biex ikollhom aċċess għall-impjiegi pubbliċi u politiċi kollha, inkluża rappreżentanza fil-forzi armati, fil-Parlament u fil-Gvern;

5.  Jistieden lill-Istati Membri jirrispettaw b'mod strett il-Kodiċi ta' Kondotta tal-UE dwar l-esportazzjoni tal-armi; iħeġġeġ lill-Viċi President tal-Kummissjoni/Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, Catherine Ashton, tiżgura l-implimentazzjoni ta', u l-konformità ma', dawn ir-rekwiżiti;

6.  Huwa tal-fehma li Kostituzzjoni ġdida għandha tipprevedi espliċitament il-protezzjoni tad-drittijiet fundamentali kollha, inklużi l-libertà tal-assoċjazzjoni, il-libertà tal-għaqda paċifika, il-libertà tal-espressjoni u l-libertà tar-reliġjon, tal-kuxjenza u tal-ħsieb, u l-protezzjoni tal-minoranzi; jistieden lill-awtoritajiet Eġizzjani jiżguraw li kwalunkwe dispożizzjoni kostituzzjonali tkun inklussiva u ma tħalli l-ebda possibbiltà ta' diskriminazzjoni kontra xi ħadd fis-soċjetà Eġizzjana;

7.  Jisħaq fuq l-importanza li jsiru elezzjonijiet ħielsa, ġusti u trasparenti għall-Assemblea tal-Poplu u għall-Kunsill Shoura fl-aħħar tal-2011 u l-bidu tal-2012, u l-elezzjonijiet presidenzjali fl-2012, fl-Eġittu; iħeġġeġ lill-UE u l-Istati Membri tagħha biex ikomplu jappoġġjaw u jgħinu lill-awtoritajiet, il-partiti politiċi u s-soċjetà ċivili Eġizzjani fl-isforzi bl-għan li jintlaħaq dan l-objettiv; iħeġġeġ lill-awtoritajiet Eġizzjani biex jiffaċilitaw ix-xogħol tal-organizzazzjonijiet barranin li bi ħsiebhom isegwu l-proċess elettorali fuq il-post; jitlob il-bdil tal-gvern interim tal-Eġittu, malajr kemm jista' jkun, bi gvern stabbilit skont ir-riżultati ta' elezzjonijiet ħielsa;

8.  Jistieden lill-Kunsill Suprem tal-Forzi Armati (SCAF) jirrevoka minnufih il-liġi ta' emerġenza, billi tikser id-drittijiet tal-libertà tal-espressjoni, tal-assoċjazzjoni u tal-għaqda, sabiex ikun evitat li l-elezzjonijiet parlamentari skedati għal tmiem is-sena jsiru fi stat ta' emerġenza;

9.  Jilqa' f'dan ir-rigward l-emenda tal-Kodiċi Penali biex jiġu kriminalizzati atti ta' diskriminazzjoni għal raġunijiet ta' sess, razza, lingwa, reliġjon jew twemmin;

10. Iqis li l-UE għandha tadotta miżuri fil-każ ta' ksur serju tad-drittijiet tal-bniedem ta' kwalunkwe ċittadin fl-Eġittu; jenfasizza l-ħtieġa li l-UE tkun lesta li tadotta miżuri ulterjuri sabiex tgħin liċ-ċittadini Eġizzjani li qegħdin jistinkaw għal futur demokratiku permezz ta' mezzi paċifiċi;

11. Jistieden lill-awtoritajiet Eġizzjani jadottaw liġi ta' assoċjazzjoni ġdida skont l-istandards internazzjonali tad-drittijiet tal-bniedem u f'konsultazzjoni mill-qrib ma' NGOs u gruppi tad-drittijiet tal-bniedem; jenfasizza li r-rispett għad-drittijiet tan-nisa, l-ugwaljanza bejn is-sessi u l-parteċipazzjoni politika tan-nisa huwa kruċjali għal żvilupp demokratiku veru fl-Eġittu;

12. Jesprimi t-tħassib kbir tiegħu dwar il-kundizzjoni tas-saħħa tal-blogger Maikel Nabil Sanad li qed jinżamm fil-ħabs u jitlob li jinħeles minnufih; iħeġġeġ lill-Gvern u l-awtoritajiet Eġizzjani biex itemmu mingħajr dewmien il-proċessi militari ta' ċivili; iħeġġeġ lill-awtoritajiet Eġizzjani biex jiżguraw li l-ebda organizzazzjoni tas-soċjetà ċivili ma tkun suġġetta għal intimidazzjoni diretta jew indiretta fil-pajjiż u biex jiffaċilitaw il-parteċipazzjoni ta' dawn l-organizzazzjonijiet fil-proċess ta' tranżizzjoni demokratika, inkluż il-proċess elettorali;

 

Is-Sirja

13. Jikkundanna bil-qawwa l-użu sproporzjonat u brutali tal-forza kontra d-dimostranti paċifiċi u l-persekuzzjoni sistematika tal-attivisti favur id-demokrazija, id-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem, il-ġurnalisti, it-tobba u l-persunal mediku; jesprimi l-preokkupazzjoni kbira tiegħu dwar il-gravità tal-ksur tad-drittijiet tal-bniedem imwettaq mill-awtoritajiet Sirjani, inklużi arresti tal-massa, qtil extraġudizzjarju, detenzjoni arbitrarja, għajbien u tortura, anke tat-tfal, li jistgħu jammontaw għal reati kontra l-umanità; itenni t-talba tiegħu lill-President Bashar al-Assad u r-reġim tiegħu biex iċedu l-poter minnufih sabiex jippermettu li sseħħ tranżizzjoni politika fis-Sirja bl-għan li jitnieda proċess ta' riformi demokratiċi kbar;

14. Jesprimi l-kondoljanzi sinċieri tiegħu lill-familji tal-vittmi; ifaħħar il-kuraġġ u d-determinazzjoni tal-poplu Sirjan u jappoġġja bil-qawwa l-aspirazzjonijiet tiegħu biex jikseb ir-rispett sħiħ tal-istat tad-dritt, tad-drittijiet tal-bniedem u tal-libertajiet fundamentali u l-garanzija ta' kundizzjonijiet ekonomiċi u soċjali aħjar;

15. Itenni s-sejħa għal investigazzjoni indipendenti, trasparenti u effikaċi dwar il-qtil, l-arresti, id-detenzjoni arbitrarja, u l-allegat għajbien sfurzat u l-każi ta' tortura mill-forzi tas-sigurtà Sirjani sabiex jiżguraw min wettaq dawn l-atti jinżamm responsabbli mill-komunità internazzjonali; huwa tal-fehma li l-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU għandu jirreferi lis-Sirja quddiem il-Qorti Kriminali Internazzjoni (QKI) bil-għan li ssir ġustizzja mal-poplu Sirjan u li jiġi evitat li aktar nies jisfaw vittmi ta' dawn il-prattiki; jitlob aċċess sħiħ għall-pajjiż tal-organizzazzjonijiet umanitarji internazzjonali u l-organizzazzjonijiet internazzjonali għad-drittijiet tal-bniedem kif ukoll il-midja internazzjonali u jenfasizza t-talba mill-forzi tal-oppożizzjoni u d-dimostranti Sirjani biex jintbagħtu osservaturi internazzjonali;

16. Huwa preokkupat ħafna dwar is-sitwazzjoni tal-Insara fis-Sirja, b'mod partikolari dwar is-sikurezza tagħhom; jikkundanna l-azzjonijiet li għandhom l-għan li jinċitaw kunflitt inter-reliġjuż; iħeġġeġ lill-awtoritajiet Sirjani attwali u futuri biex jipprovdu protezzjoni affidabbli u effikaċi għall-Komunitajiet Insara;

17. Jisħaq fuq l-importanza tar-rispett għad-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet fundamentali fis-Sirja, u b'mod partikolari l-libertajiet tar-reliġjon, tat-twemmin, tal-kuxjenza u tal-ħsieb; jesprimi, f'dan il-kuntest, l-appoġġ tiegħu għall-Komunità Nisranija fil-pajjiż u, fl-istess ħin, iħeġġeġ lil din il-Komunità biex ikollha rwol pożittiv u kostruttiv fl-avvenimenti li għaddejjin fis-Sirja; iħeġġeġ ukoll lill-forzi tal-oppożizzjoni Sirjani biex jiddikjaraw jew jerġgħu jikkonfermaw l-impenn tagħhom favur id-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet fundamentali, u b'mod partikolari l-libertajiet tar-reliġjon, tat-twemmin, tal-kuxjenza u tal-ħsieb;

18. Jilqa' d-dikjarazzjoni pożittiva magħmula mill-Kunsill dwar l-isforzi tal-oppożizzjoni politika Sirjana biex tiġi stabbilita pjattaforma unita; itenni t-talba tiegħu lill-VP/RGħ Ashton, lill-Kunsill u lill-Kummissjoni biex iħeġġu u jappoġġjaw ulterjorment il-feġġa ta' forzi tal-oppożizzjoni demokratika Sirjana organizzati kemm ġewwa l-pajjiż kif ukoll lil hinn minnu;

19. Jilqa' l-impenn tal-UE biex tkompli tħeġġeġ azzjoni b'saħħitha tan-NU biex tiżdied il-pressjoni internazzjonali; itenni t-talba tiegħu lill-membri permanenti tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU, u b'mod partikolari r-Russja u ċ-Ċina, biex ma jimblukkawx riżoluzzjoni li tikkundanna l-użu tal-forza letali mir-reġim Sirjan u li tħeġġeġ il-waqfien tal-użu tal-forza, u biex jistabbilixxu sanzjonijiet jekk dan ma jsirx; jappoġġja bil-qawwa d-deċiżjoni tal-UE tat-23 ta' Settembru 2011 li tadotta sanzjonijiet addizzjonali kontra r-reġim Sirjan; jenfasizza l-ħtieġa li l-UE tkun lesta li tadotta miżuri ulterjuri sabiex tgħin liċ-ċittadini Sirjani li qegħdin jitħabtu għal futur demokratiku permezz ta' mezzi paċifiċi;

20. Jilqa' l-fatt li t-Turkija u l-Arabja Sawdija kkundannaw lir-reġim Sirjan, u juri l-għoġba tiegħu għar-rwol tat-Turkija fl-ilqigħ tar-rifuġjati;

21. Jikkundanna bil-qawwa l-atti ta' vjolenza, fastidju jew intimidazzjoni ta' xi ċittadini Sirjani li qed iseħħu fit-territorju tal-UE u jfakkar li d-dritt li wieħed jipprotesta liberament u paċifikament fis-sikurezza huwa garantit bis-sħiħ fl-Istati Membri tal-UE, anke għal min jipprotesta kontra t-tmexxija tal-President Bashar al-Assad;

22. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Viċi President tal-Kummissjoni/Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, lill-gvernijiet u l-parlamenti tal-Istati Membri, lill-Gvern u l-Parlament tal-Federazzjoni Russa, lill-Gvern u l-Parlament tar-Repubblika Popolari taċ-Ċina, lill-Amministrazzjoni u l-Kungress tal-Istati Uniti, lis-Segretarju Ġenerali tal-Lega Għarbija, lill-Gvern tar-Repubblika Għarbija tal-Eġittu u lill-Gvern u l-Parlament tar-Repubblika Għarbija Sirjana.