Mozzjoni għal riżoluzzjoni konġunta - RC-B7-0543/2011Mozzjoni għal riżoluzzjoni konġunta
RC-B7-0543/2011

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI KONĠUNTA dwar l-iżviluppi attwali fl-Ukraina

25.10.2011

skont l-Artikolu 110(4) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu
li tieħu post il-mozzjonijiet għal riżoluzzjoni mressqa mill-gruppi:
ALDE (B7‑0543/2011)
Verts/ALE (B7‑0550/2011)
S&D (B7‑0552/2011)
ECR (B7‑0553/2011)
PPE (B7‑0554/2011)

Elmar Brok, José Ignacio Salafranca Sánchez-Neyra, Ioannis Kasoulides, Gabriele Albertini, Elena Băsescu, Michael Gahler, Andrzej Grzyb, Andrey Kovatchev, Jan Kozłowski, Krzysztof Lisek, Elżbieta Katarzyna Łukacijewska, Monica Luisa Macovei, Mario Mauro, Nadezhda Neynsky, Cristian Dan Preda, Jacek Protasiewicz, Inese Vaidere, Jacek Saryusz-Wolski, Eduard Kukan, Anna Ibrisagic, Daniel Caspary, Thomas Mann, Bernd Posselt, Roberta Angelilli, Tunne Kelam, Arnaud Danjean, Franck Proust, Laima Liucija Andrikienė, Traian Ungureanu f’isem il-grupp PPE
Hannes Swoboda, Marek Siwiec, Kristian Vigenin f’isem il-grupp S&D
Johannes Cornelis van Baalen, Marietje Schaake, Jelko Kacin, Leonidas Donskis, Gerben-Jan Gerbrandy, Silvana Koch-Mehrin, Kristiina Ojuland f’isem il-grupp ALDE
Charles Tannock, Ryszard Antoni Legutko, Michał Tomasz Kamiński, Tomasz Piotr Poręba, Janusz Wojciechowski, Adam Bielan, Geoffrey Van Orden, Marek Henryk Migalski, Ryszard Czarnecki, Konrad Szymański f’isem il-grupp ECR
Werner Schulz, Rebecca Harms, Indrek Tarand, Raül Romeva i Rueda, Nicole Kiil-Nielsen f’isem il-grupp Verts/ALE

Proċedura : 2011/2865(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument :  
RC-B7-0543/2011
Testi mressqa :
RC-B7-0543/2011
Dibattiti :
Testi adottati :

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar l-iżviluppi attwali fl-Ukraina

Il-Parlament Ewropew,

wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar l-Ukraina,

–   wara li kkunsidra r-Rapport ta' Progress tal-Pajjiżi tal-2010 dwar l-Ukraina u r-Rieżami tal-Politika Ewropea tal-Viċinat (PEV) tal-25 ta' Mejju 2011,

–   wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni mill-President tiegħu dwar is-sentenza ta’ kundanna tal-ex Prim Ministru Ukrain, Yulia Tymoshenko, fil-11 ta' Ottubru 2011,

–   wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tal-5 ta' Awwissu u tal-11 ta' Ottubru 2011 mir-Rappreżentant Għoli, Catherine Ashton, f'isem l-Unjoni Ewropea, dwar il-verdett fil-kawża ta' Yulia Tymoskenko,

–   wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Konġunta tas-Summit tas-Sħubija tal-Lvant li sar f'Varsavja fid-29 u t-30 ta' Settembru 2011,

–   wara li kkunsidra l-Ftehim ta' Sħubija u Kooperazzjoni (FSK) bejn l-Unjoni Ewropea u l-Ukraina, li daħal fis-seħħ fl-1 ta' Marzu 1998, u n-negozjati għaddejjin dwar il-Ftehim ta' Assoċjazzjoni (AA), inkluż Ftehim ta' Kummerċ Ħieles Profond u Komprensiv, imfassal sabiex jieħu post l-FSK,

–   wara li kkunsidra l-Programm Indikattiv Nazzjonali 2011-2013 għall-Ukraina,

–   wara li kkunsidra l-Artikolu 110(4) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A. billi l-UE hija favur Ukraina stabbli u demokratika li tirrispetta l-prinċipji tal-ekonomija tas-suq soċjali, l-istat tad-dritt u d-drittijiet tal-bniedem, tipproteġi l-minoranzi u li tiggarantixxi d-drittijiet fundamentali; billi l-istabilità politika domestika tal-Ukraina, inkluża enfasi fuq ir-riforma interna u r-rispett tal-istat tad-dritt, u l-inkorporazzjoni ta' proċessi legali ġusti, imparzjali u indipendenti hija prerekwiżit għall-iżvilupp ulterjuri tar-relazzjonijiet bejn l-UE u l-Ukraina;

B.  billi wieħed mill-objettivi ewlenin tal-politika barranija tal-Parlament Ewropew huwa li jsaħħaħ u jrawwem ir-relazzjonijiet mal-Ukraina u jsaħħaħ il-PEV, bl-għan li jitħeġġu r-relazzjonijiet politiċi, ekonomiċi u kulturali tal-pajjiżi kkonċernati mal-UE u mal-Istati Membri;

C. billi d-deċiżjoni meħuda mill-Qorti Distrettwali ta' Pechersk fil-11 ta' Ottubru 2011 li tikkundanna l-eks Prim Ministru Yulia Tymoshenko għal seba' snin ħabs, tliet snin projbizzjoni mill-attività politika, penali ta' 200 miljun dollaru Amerikan u l-konfiska tal-proprjetà kollha titqies b'mod ġenerali jew att ta' vendetta jew tentattiv sabiex membri tal-oppożizzjoni jiġu kriminalment arrestati u mibgħuta l-ħabs bil-ħsieb li jitwaqqfu milli jkunu kandidati jew imexxu kampanja għall-elezzjoni parlamentari tas-sena d-dieħla u għall-elezzjoni presidenzjali tal-2015;

 

D. billi fit-12 ta' Ottubru 2011, is-Servizz ta' Sigurtà Ukrain fetaħ kawża kriminali ġdida kontra Yulia Tymoshenko u kontra l-eks Prim Ministru Pavlo Lazarenko, li huma akkużati li, meta kienu rispettivament jokkupaw il-karigi ta' President u ta' proprjetarju tal-United Energy Systems tal-Ukraina, ikkospiraw biex jagħmlu użu ħażin ta' fondi pubbliċi Ukraini fuq skala enormi;

E.  billi jitqies in-numru dejjem jiżdied ta’ uffiċjali li qed jiffaċċjaw responsabilità kriminali għall-azzjonijiet tagħhom, inklużi ex ministri tal-gvern, iżda l-iktar (viċi) kapijiet ta’ dipartimenti tal-istat u ispettorati, kapijiet ta’ subunitajiet ta’ aġenziji għall-infurzar tal-liġi, imħallfin ta’ qrati distrettwali u kapijiet ta’ awtoritajiet lokali;

F.  billi l-Gvern tal-Ukraina intrabat li jagħmel għadd ta' riformi legali li jagħmlu l-liġi privata u pubblika Ukraina konformi mal-istandards Ewropej u internazzjonali;

G. billi l-UE tibqa' tenfasizza l-ħtieġa tar-rispett għall-istat tad-dritt, inkluż permezz tat-twaqqif ta' proċessi legali ġusti, imparzjali u indipendenti, biex b'hekk jiġi evitat il-periklu li tinħoloq il-perċezzjoni li l-miżuri ġudizzjarji qed jintużaw b’mod selettiv; billi l-UE tikkunsidra dawn il-prinċipji partikularment importanti f'pajjiż li jaspira li jidħol f'relazzjonijiet kuntrattwali aktar profondi u li jsaħħaħ l-assoċjazzjoni politika mal-Unjoni;

1.  Huwa tal-fehma li l-approfondiment tar-relazzjonijiet bejn l-UE u l-Ukraina u l-fatt li l-Ukraina tingħata perspettiva Ewropea huma sinifikanti ħafna u ta' interess għaż-żewġ partijiet; jirrikonoxxi l-apirazzjonijiet tal-Ukraina skont l-Artikolu 49 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, għal sakemm jiġu ssodisfati l-kriterji kollha, inkluż ir-rispett għall-prinċipji tad-demokrazija, tad-drittijiet tal-bniedem u tal-libertajiet fundamentali u l-istat tad-dritt;

2.  Jiddeplora l-kundanna tal-ex Prim Ministru Yulia Tymoshenko, bħala vjolazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem u abbuż tal-ġudikatura għall-iskop ta’ trażżin politiku tal-mexxej tal-oppożizzjoni tal-Ukraina; jenfasizza li l-liġi applikata b'mod selettiv kontra Tymoshenko inħolqot fi żminijiet Sovjetiċi u tipprevedi prosekuzzjoni kriminali għal deċiżjonijiet politiċi; billi l-Artikoli 364 u 365 ta' dik il-liġi, li attwalment qed jiġu valutati mill-Verhovna Rada mhumiex konformi mal-istandards Ewropej u tan-NU;

3.  Iħeġġeġ lill-awtoritajiet Ukraini jiżguraw proċess ġust, trasparenti u imparzjali fil-każ ta' kull appell minn Yulia Tymoshenko u waqt proċessi oħra kontra l-membri tal-gvern preċedenti; jinsisti li Yulia Tymoshenko għandha titħalla teżerċta d-dritt tagħha li tipparteċipa bis-sħiħ fil-proċess politiku sa minn issa stess u fl-elezzjonijiet li jmiss fl-Ukraina;

4.  Jinsab imħasseb li l-proċess kontra Tymoshenko imur kontra l-impenn meħud mill-Gvern Ukrain lejn id-demokrazija u l-valuri Ewropej;

5.  Jesprimi tħassib ġenwin rigward id-detenzjoni kontinwa tal-eks Ministru tal-Intern, Yuri Lutsenko, li kontrih għadha ma nħarġet l-ebda sentenza fil-proċess tiegħu, u dwar każijiet oħra simili;

6.  Jinsisti li l-proċeduri ġudizzjarji kollha kontra ex uffiċjali għolja tal-gvern u dawk attwali għandhom iseħħu skont l-istandards Ewropej ta’ ġustizzja, imparzjalità, trasparenza u indipendenza;

7.  Huwa tal-fehma li jekk il-kundanna ta' Yulia Tymoshenko ma tkunx riveduta, il-konklużjoni tal-Ftehim ta' Assoċjazzjoni u r-ratifika tiegħu se jiġu pperikolati, filwaqt li l-implimentazzjoni tal-perspettiva Ewropea tal-pajjiż se titbiegħed aktar; jesprimi tħassib dwar xi sinjali ta' deterjorazzjoni fil-libertajiet demokratiċi u dwar l-istrumentalizzazzjoni possibbli tal-istituzzjonijiet statali għal skopijiet partiġjani u biex titwettaq tpattija politika;

8.  Jenfasizza li t-tisħiħ tal-istat tad-dritt u r-riforma interna, inkluża ġlieda kredibbli kontra l-korruzzjoni hija essenzjali mhux biss għall-konklużjoni u r-ratifika tal-Ftehim ta' Assoċjazzjoni u l-approfondiment tar-relazzjonijiet UE-Ukraina, iżda wkoll sabiex tkun ikkonsolidata d-demokrazija fl-Ukraina;

9.  Jilqa’ l-ftehim li ntlaħaq dwar il-konklużjoni ta’ Ftehim ta' Kummerċ Ħieles Profond u Komprensiv; iqis dan il-ftehim bħala bażi solida għall-finalizzazzjoni possibbli tan-negozjati dwar Ftehim ta’ Assoċjazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Ukraina;

10. Jinsab imbeżża' dwar rapporti rigward id-deterjorazzjoni fil-libertà tal-midja u fil-pluraliżmu fl-Ukraina; Jitlob lill-awtoritajiet biex jieħdu l-miżuri kollha meħtieġa sabiex jipproteġu l-aspetti essenzjali ta' soċjetà demokratika u biex ma jwettqu l-ebda kontroll, la dirett u lanqas indirett, tal-kontenut imxandar fil-midja nazzjonali;

11. Jappoġġa bis-saħħa r-rakkomandazzjonijiet imressqa fl-opinjoni konġunta tal-Kummissjoni ta' Venezja u tal-OSKE/ODIHR dwar l-abbozz preliminari tal-liġi elettorali; iqis li huwa essenzjali li dawn ir-rakkomandazzjonijiet jiġu adottati u implimentati b'mod mgħaġġel, inklussiv u komprensiv li jinvolvi kemm lill-oppożizzjoni kif ukoll lis-soċjetà ċivili;

12. Iħeġġeġ lill-forzi politiċi kollha fl-Ukraina jmexxu dibattitu ġust u trasparenti dwar il-proċess tat-teħid ta’ deċiżjoni politiku; jinsisti li investigazzjonijiet dwar nuqqasijiet possibbli f'dak il-proċess għandhom jitwettqu minn kumitat ta’ stħarriġ parlamentari;

13. Iqis li l-laqgħa reċentement posposta mal-President Yanukovych kienet se toffri opportunità eċċellenti biex jiġi trattat tħassib serju li ġie indirizzat lill-Gvern Ukrain u twaqqif mill-ġdid ta' djalogu kostruttiv li jista' jwassal biex jinbeda Ftehim ta' Assoċjazzjoni, sakemm isir progress sinifikanti kemm fir-rigward ta' ostakoli tekniċi u politiċi li għadhom jeżistu; jitlob lill-Kunsill u lill-Kummissjoni biex jiskedaw mill-ġdid il-laqgħa mal-President Yanukovych sabiex issir qabel is-Samit UE-Ukraina f'Diċembru 2011;

14. Jistieden lill-Kummissjoni tappoġġa riforma ġudizzjarja fl-Ukraina billi tagħmel użu aħjar mill-programm tal-bini ta’ kapaċitajiet tal-UE u tikkunsidra l-ħolqien ta’ Grupp Konsultattiv ta’ Livell Għoli tal-UE għall-Ukraina biex jgħin lill-Ukraina fl-isforzi tiegħu biex jikkonforma mal-leġiżlazzjoni tal-UE, inkluża l-isfera ġudizzjarja;

 

15. Jagħti istruzzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Viċi President tal-Kummissjoni/Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri, lill-Gvern u lill-Parlament tal-Ukraina u lill-Assemblej Parlamentari tal-Kunsill tal-Ewropa u tal-OSKE.