Mozzjoni għal riżoluzzjoni konġunta - RC-B7-0727/2011Mozzjoni għal riżoluzzjoni konġunta
RC-B7-0727/2011

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI KONĠUNTA dwar il-moviment liberu tal-ħaddiema fl-Unjoni Ewropea

14.12.2011

imressqa skont l-Artikolu 115(5) tar-Regoli ta' Proċedura
li tieħu post il-mozzjonijiet għal riżoluzzjoni mressqa mill-gruppi:
PPE (B7‑0727/2011)
S&D (B7‑0728/2011)
Verts/ALE (B7‑0729/2011)
ALDE (B7‑0730/2011)

Traian Ungureanu, Csaba Őry, Elena Băsescu, Iliana Ivanova, Marian-Jean Marinescu f’isem il-Grupp PPE
Rovana Plumb, Stephen Hughes, Hannes Swoboda, Kinga Göncz, Vilija Blinkevičiūtė, Ioan Enciu, Iliana Malinova Iotova, Ivailo Kalfin, Cătălin Sorin Ivan, George Sabin Cutaş, Daciana Octavia Sârbu, Victor Boştinaru, Silvia-Adriana Ţicău f’isem il-Grupp S&D
Marian Harkin, Renate Weber, Filiz Hakaeva Hyusmenova f’isem il-Grupp ALDE
Marije Cornelissen f’isem il-Grupp Verts/ALE

Proċedura : 2011/2958(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument :  
RC-B7-0727/2011
Testi mressqa :
RC-B7-0727/2011
Votazzjonijiet :
Testi adottati :

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar il-moviment liberu tal-ħaddiema fl-Unjoni Ewropea

Il-Parlament Ewropew,

–   wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Impjiegi u l-Affarijiet Soċjali (A7-0258/2011),

–   wara li kkunsidra l-Artikoli 21, 45 u 47 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE) u l-Artikoli 15, 21, 29, 34 u 45 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali,

–   wara li kkunsidra l-Artikolu 151 tat-TFUE,

–   wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 1612/68 dwar il-libertà tal-moviment għall-ħaddiema fi ħdan il-Komunità[1],

–   wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tas-6 ta' Diċembru 2007 dwar 'Il-mobilità, strument għal aktar impjiegi u impjiegi aħjar: Il-Pjan ta' Azzjoni Ewropew għall-Mobilità tal-Impjiegi (2007-2010)' (COM(2007)0773),

–   wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-18 ta' Novembru 2008 dwar l-impatt tal-moviment ħieles tal-ħaddiema fil-kuntest tat-tkabbir tal-UE (COM(2008)0765),

–   wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-13 ta' Lulju 2010 'i ttenni l-moviment liberu tal-ħaddiema: drittijiet u żviluppi maġġuri (COM(2010)0373),

–   wara li kkunsidra l-mozzjoni għal riżoluzzjoni tiegħu tal-5 ta’ April 2006 dwar l-arranġamenti ta' tranżizzjoni li jirrestrinġu l-moviment ħieles ta' ħaddiema fis-swieq tax-xogħol tal-UE[2],

–   wara li kkunsidra r-rapport tal-Kummissjoni lill-Kunsill dwar il-Funzjonament tal-Arranġamenti Tranżitorji dwar il-Moviment Ħieles tal-Ħaddiema mill-Bulgarija u r-Rumanija, (COM(2011)0729 finali),

–   wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar l-identifikazzjoni tal-ostakoli li għad hemm għall-mobilità fis-suq intern tax-xogħol,

–   wara li kkunsidra l-Artikolu 115 tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu,

A. billi d-dritt li dak li jkun imur jgħix u jaħdem fi Stat Membriu ieħor tal-Unjoni huwa wieħed mil-libertajiet fundamentali tal-UE, li jiggarantixxi trattament ugwali u protezzjoni kontra diskriminazzjoni abbażi tan-nazzjonalità, element bażiku taċ-ċittadinanza tal-Unjoni rrikonoxxuta mit-Trattati; billi, madankollu, iċ-ċittadini ta’ żewġ Stati Membri għadhom iħabbtu wiċċhom ma’ ostakli għall-eżerċizzju tad-dritt li jieħdu impjieg fit-territorju ta' Stat membru ieħor;

B.  billi, skont il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-11 ta' Novembru 2011, il-ħaddiema mobbli mir-Rumanija u l-Bulgarija kellhom impatt pożittiv fuq l-ekonomiji tal-Istati Membri li jospitaw ħaddiema mobbli;

C. billi ma ġie rrappurtat l-ebda effett negattiv f’dawk l-Istati membri li ma applikawx il-miżuri tranżitorji rigward il-moviment liberu tal-ħaddiema li joriġinaw minn Stati Membri li daħlu fl-UE fl-2004 u l-2007; billi għadd ta’ Stati membri ddeċidew li jkomplu japplikaw restrizzjonijiet tas-suq tax-xogħol għal ċittadini tar-Rumanija u tal-Bulgarja, aktar minħabba pressjoni politika milli bħala sforz ġustifikat biex jipprevjenu effetti negattivi possibbli fuq l-ekonomiji u s-swieq tax-xogħol tagħhom;

D. billi, skont statistika reċenti, fi tmiem l-2010 l-ħaddiema mobbli mir-Rumanija u l-Bulgarija li jirrisjedu fit-territorju ta' Stat Membru ieħor kienu jirrappreżentaw 0.6% tal-popolazzjoni totali tal-UE;

E.  billi l-influssi ta' ħaddiema Rumeni u Bulgari kellhom effetti pożittivi fis-swieq tal-pajjiżi ospitanti, minħabba li dawk il-ħaddiema daħlu f’impjiegi jew setturi bi skarsezzi ta' ħaddiema;

F.  billi l-Kummissjoni, fl-aħħar Komunikazzjoni tagħha, iddikjarat li l-ħaddiema mobbli Rumeni u Bulgari x'aktarx li aktar ikunu fil-perjodu ekonomikament produttiv ta' ħajjithom miċ-ċittadini tal-pajjiżi ospitanti, abbażi tal-fatt li l-ħaddiema mobbli tal-UE-2 li għandhom anqas minn 35 sena jirrappreżentaw 65% tal-migranti totali fl-età tax-xogħol, meta mqabbla ma' 34% fl-UE-15;

G. billi data reċenti tal-Eurostat turi li l-ħaddiema mobbli mir-Rumanija u l-Bulgarija m'għandhomx effetti sinifikanti fuq il-pagi u r-rati tal-qgħad tal-pajjiżi ospitanti;

H. billi l-flussi tal-mobilità huma dterminati l-aktar mid-domanda għax-xogħol, u billi fi żminijiet ta' diverġenzi bejn id-domanda u l-offerta ta' xogħol fil-livell Ewropew, ostakli tranżitorji jistgħu jxekklu l-iżvilupp ekonomiku tal-kumpaniji Ewropej u jipperikolaw id-dritt tax-xogħol u tar-residenza fit-territorju ta' Stat Membru ieħor;

I.   billi l-ħaddiema Rumeni u Bulgari jaffaċċjaw restrizzjonijiet totali jew parzjali tal-libertà fundamentali tagħhom ta’ moviment, li jgawdu abbażi tal-prinċipju tat-trattament ugwali kif rikonoxxut mit-Trattati; u billi, fl-istess ħin, il-mobiità transkonfinai tal-ħaddiema fil-qafas tas-“servizzi” kulma jmur qed tieħu post il-moviment liberu tal-ħaddiema u tista' twassal għal kompetizzjoni inġusta rigward il-pagi u l-kundizzjonijiet tax-xogħol;

J.   billi l-moviment liberu tal-ħaddiema jirrapreżenta eżempju soċjoekonomiku pożittiv, kemm għall-UE kif ukoll għall-Istati Membri, bħala pass importanti għall-integrazzjoni tal-UE, l-iżvilupp ekonomiku, il-koeżjoni soċjali, il-progress tal-individwi fix-xogħol, ipatti għall-effetti negattivi tal-kriżi ekonomika u lill-Ewropa jagħmilha setgħa ekonomika aktar b'saħħitha lesta tilqa’ għall-isfidi tal-bidliet globali;

K. billi l-iżviluppi reċenti tas-soċjetajiet tagħna, partikolarment minħabba l-bidla industrijali, il-globalizzazzjoni, xejriet ġodda tax-xogħol, il-bidla demografika u l-iżvilupp ta' mezzi tat-trasport, jirrikjedu livell ogħla ta' mobilità fost il-ħaddiema;

L.  billi l-mobilità fi ħdan l-UE hija vitali biex ikun żgurat li ċ-ċittadini Ewropej kollha jkollhom l-istess drittijiet u responsabbiltajiet;

M. billi l-komunikazzjoni l-aktar riċenti tal-Kummissjoni Ewropea tiddikjara li d-disturbi fis-swieq tax-xogħol nazzjonali huma riżultat ta' diversi fatturi, bħalma huma l-kriżi ekonomika u finanzjarja u l-problemi strutturali tas-suq tax-xogħol, u mhumiex dovuti għall-influssi ta' ħaddiema Rumeni u Bulgari;

N. billi fl-2010 l-ħaddiema Rumeni u Bulgari rrappreżentaw biss 1% ta’ dawk kollha qiegħda (ta’ etajiet bejn 15-il sena u 64 sena) fl-UE meta mqabbla ma' 4.1% taċ-ċittadini ta' pajjiżi terzi, b’tali mod li huwa ċar li ma kellhom l-ebda impatt fuq il-kriżi tas-suq tax-xogħol f’pajjiżi individwali;

O. billi, fil-kuntest tat-tnaqqis fir-ritmu ekonomiku attwali fil-livell Ewropew, l-ammonti ta’ flus mibgħuta minn ħaddiema mobbli lejn il-pajjiż ta' oriġini tagħhom jistgħu jkollhom effett nett pożittiv fuq il-bilanċ tal-pagamenti tal-pajjiżi minn fejn jintbagħtu;

P.  billi xi Stati membri ħabbru li biħsiebhom iżommu restrizzjonijiet fuq ħaddiema Bulgari u Rumeni sal-2014, u oħrajn ħabbru li se jiftħu s-swieq tax-xogħol tagħhom għall-ħaddiema kollha tal-UE;

1.  Huwa tal-fehma li l-mobilità tal-ħaddiema fl-UE ma tista' qatt titqies bħala theddida għas-swieq tax-xogħol nazzjonali;

2.  Jistieden lill-Istati Membri jabolixxu l-miżuri tranżitorji kollha li huma fis-seħħ, peress li m'hemm l-ebda ġustifikazzjoni ekonomika reali għar-restrizzjoni tad-dritt tax-xogħol u tar-residenza fit-territorju ta' Stat Membru ieħor għar-Rumeni u l-Bulgari; huwa tal-fehma li dawn l-ostakli huma kontrproduċenti għaċ-ċittadini tal-UE; jitlob li l-klawsola ta’ preferenza tkun infurzata b’mod effikaċi fl-Unjoni kollha kemm hi;

3.  Jitlob lill-Kunsill japprova l-aktar rapport reċenti mill-Kummissjoni lill-Kunsill dwar il-Funzjonament tal-Arranġamenti Tranżitorji dwar il-Moviment Liberu tal-Ħaddiema mill-Bulgarija u mir-Rumanija (COM (2011)729 finali) u jitolbu jimxi fuq il-linja proposta huwa u jivvaluta jekk l-ostakli tranżitorji humiex miżura vallapena u meħtieġa;

4.  Jitlob lill-Kummissjoni tipproponi definizzjoni ċara tat-terminu “disturbi serji fis-swieq tax-xogħol jew theddida ta' tali disturbi”;

5.  Jitlob lill-Kummissjoni tħejji ġabra ta' indikaturi ċari u metodoloġija aħjar imsejsa fuq indikaturi ekonomiċi u soċjali, li jistgħu jintużaw biex jiġi vvalutat hemmx ġustifikazzjoni ċara għal estensjoni tar-restrizzjonijiet totali jew parzjali imposti minn Stati Membri biex jilqgħu għad-disturbi negattivi fis-swieq tax-xogħol nazzjonali tagħhom li jistgħu jiġu kkawżati mill-ħaddiema Rumeni u Bulgari, u jitlobha tapplika dan l-approċċ anke meta Stat Membru jitlob awtorizzazzjoni biex jimplimenta l-klawsola ta' salvagwardja;

6.  Jitlob li l-Kummissjoni tagħmel disponibbli għall-pubbliku, bl-aktar mod trasparenti, il-kriterji li skonthom Stat Membru jitħalla jżomm l-ostakli tranżitorji, fil-qies tal-effetti ta' deċiżjoni bħal din fuq l-ekonomija tal-UE u l-ġustifikazzjonijiet aċċettati mill-Qorti Ewropea tal-Ġustizzja fir-rigward tal-interpretazzjoni stretta ta' derogi mil-libertajiet fundamentali;

7.  Huwa tal-fehma li l-Istati Membri li jżommu restrizzjonijiet bla ma jipprovdu ġustifikazzjoni ċara u trasparenti marbutin ma’ disturbi serji tas-suq tax-xogħol, bi qbil mas-sentenzi rilevanti tal-Qorti tal-Ġustizzja Ewropea, qed jiksru t-Trattati; jitlob lill-Kummissjoni, bħala l-gwardjan tat-trattati, tiżgura l-ottemperanza mal-prinċipju tal-moviment liberu;

8.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jneħħu l-perjodi tranżitorji restrittivi, b’tali mod li ċ-ċittadini Bulgari u Rumeni jkunu jistgħu jgawdu trattament ugwali kif rikonoxxut mit-Trattati, biex b'hekk tkun żgurata kompetizzjoni ġusta bejn l-impriżi u ma jitħalliex iseħħ dumping soċjali u ekonomiku;

9.  Jinnota li l-miżuri tranżitorji huma kontroproduċenti f’dak li jirrigwarda l-ġlieda kontra min taparsi jaħdem għal rasu, ix-xogħol mhux dikjarat u l-impjieg irregolari, billi ħaddiema li ma jkollhomx dritt li jidħlu liberament fis-suq tax-xogħol regolari xi drabi jagħżlu li jaħdmu taparsi għal rashom jew f’xogħol irregolari, bir-riżultat li jbatu abbużi tad-drittijiet tax-xogħol tagħhom;

10. Jistieden lill-UE-25 jikkonsultaw lill-organizzazzjonijiet ta’ min iħaddem u tal-ħaddiema qabel ma jiddeċiedu jtemmux jew jestendux ir-restrizzjonijiet totali jew parzjali tal-moviment liberu ta' ħaddiema mir-Rumanija u l-Bulgarija;

11. Jistieden lill-Istati Membri li biħsiebhom iżommu r-restrizzjonijiet fuq is-suq tax-xogħol għal ħaddiema Rumeni u Bulgari biex jippreżentaw, b'mod ċar u trasparenti, ġustifikazzjoni sħiħa, bi qbil mal-kriterji u l-metodoloġija mfassla mill-Kummissjoni u sostanzjati b'argumenti u data konvinċenti, inklużi l-indikaturi soċjoekonomiċi rilevanti kollha, li jkunu wasslu għall-konklużjoni li l-mobilità ġeografika tagħti lok għal disturb kbir fis-suq nazzjonali tax-xogħol tagħhom;

12. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-Gvernijiet u lill-Parlamenti tal-Istati Membri.