MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI KONĠUNTA dwar il-ftehim bejn l-UE u l-Marokk dwar il-miżuri reċiproċi ta' liberalizzazzjoni fir-rigward tal-prodotti agrikoli u l-prodotti tas-sajd
13.2.2012
li tieħu post il-mozzjonijiet għal riżoluzzjoni mressqa mill-gruppi:
Verts/ALE (B7‑0047/2012)
GUE/NGL (B7‑0055/2012)
José Bové, Yannick Jadot, Raül Romeva i Rueda f'isem il-Grupp Verts/ALE
Paul Murphy, Willy Meyer, Jacky Hénin, Patrick Le Hyaric, Younous Omarjee, Kartika Tamara Liotard, Marisa Matias, Takis Hadjigeorgiou, Søren Bo Søndergaard, Marie-Christine Vergiat, Miguel Portas, Helmut Scholz, Kyriacos Triantaphyllides, Sabine Lösing f'isem il-Grupp GUE/NGL
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar il-ftehim bejn l-UE u l-Marokk dwar il-miżuri reċiproċi ta' liberalizzazzjoni fir-rigward tal-prodotti agrikoli u l-prodotti tas-sajd
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra l-abbozz ta' deċiżjoni tal-Kunsill (15975/2010),
– wara li kkunsidra l-abbozz ta’ Ftehim fil-forma ta’ skambju ta’ ittri bejn l-Unjoni Ewropea u r-Renju tal-Marokk li jittratta miżuri reċiproċi ta’ liberalizzazzjoni fuq il-prodotti agrikoli, il-prodotti agrikoli pproċessati, il-ħut u l-prodotti tas-sajd, is-sostituzzjoni tal-Protokolli Nri 1, 2 u 3 u tal-Annessi tagħhom u l-emendi għall-Ftehim Ewro-Mediterranju li jistabbilixxi assoċjazzjoni bejn il-Komunitajiet Ewropej u l-Istati Membri tagħhom, minn naħa, u r-Renju tal-Marokk, min-naħa l-oħra (15974/2010),
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti 1754, 1783, 1813, 1920 kif ukoll kull riżoluzzjoni preċedenti oħra tan-NU li tirreferi għall-kunflitt fis-Saħara tal-Punent bħala kwistjoni ta’ dekolonizzazzjoni, li s-soluzzjoni għalih għandha tkun imsejsa fuq il-jedd għall-awtodeterminazzjoni tal-poplu Saħarawi,
– wara li kkunsidra l-Artikolu 110(4) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
A. billi l-proċess ta' Barċellona, li tnieda fl-1995, wassal għal Ftehimiet ta' Assoċjazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u madwar tnax-il pajjiż tan-Nofsinhar tal-Mediterran;
B. billi l-Proċess ta' Barċelona sar bil-pretensjoni li huwa mmirat biex isaħħaħ id-dijalogu u l-kooperazzjoni u b'hekk jistabbilixxi żona ta' paċi, sikurezza u stabbiltà;
C. billi l-pjan direzzjonali Rabat, stabbilit fl-2005, iffoka fuq it-tisħiħ tal-adozzjoni ta' ftehimiet ta' kummerċ ħieles u liberalizzazzjoni ulterjuri aktar milli l-iżvilupp ibbilanċjat tar-reġjun fl-interess tal-poplu ħaddiem, tal-azjendi agrikoli żgħar u tal-foqra;
D. billi s-Saħara tal-Punent mhijiex parti mill-Marokk u la għandha tiġi inkluża b'mod espliċitu jew impliċitu fi kwalunkwe ftehim li l-UE tiffirma mar-Renju tal-Marokk, billi l-Qorti tal-Ġustizzja tal-UE affermat li l-Unjoni hija marbuta bil-liġi internazzjonali fl-azzjonijiet kollha tagħha, u billi l-inklużjoni tas-Saħara tal-Punent fil-ftehim tkun fi ksur tal-liġi internazzjonali;
E. billi l-Ftehim ta' Kummerċ Ħieles tal-Istati Uniti mal-Marokk ma jinkludix is-Saħara tal-Punent, kif ikkonfermat mir-Rappreżentant tal-Kummerċ tal-Istati Uniti Robert Zoellick fl-ittra tiegħu tal-20 ta' Lulju, 2004 lill-Kamra tar-Rappreżentanti;
F. billi l-iżviluppi reċenti fl-Afrika ta' Fuq u fil-Lvant Nofsani esponew il-falliment fundamentali tal-politika tal-UE lejn il-pajjiżi tal-Mediterran tan-Nofsinhar;
G. billi l-linji gwida ewlenin tal-politika kummerċjali tal-UE lejn in-Nofsinhar tal-Mediterran għandhom ikunu l-promozzjoni tal-paċi, is-sigurtà soċjali u l-istabbiltà soċjali permezz tal-integrazzjoni reġjonali, u l-iżvilupp sostenibbli u d-diversifikazzjoni tal-ekonomiji tal-pajjiżi tan-Nofsinhar tal-Mediterran sabiex jittejbu l-istandards ta' għajxien tal-popolazzjoni tar-reġjun;
H. billi r-revoluzzjonijiet "Rebbiegħa Għarbija" wrew li nuqqasijiet demokratiċi għandhom jiġu indirizzati l-ewwel fi kwalunkwe qasam ta' politika bejn l-UE u l-pajjiżi tan-Nofsinhar tal-Mediterran;
I. billi s-sovranità u s-sikurezza tal-ikel, il-preservazzjoni tal-ekosistemi u t-tisħiħ tan-nisġa ekonomika u soċjali fis-settur primarju fil-pajjiżi tal-UE jew fil-pajjiżi terzi, jeħtieġu li l-orjentament tal-kummerċ internazzjonali jabbanduna l-loġika tal-kompetizzjoni li twassal għad-dominazzjoni ekonomika minn multinazzjonali u l-konċentrazzjoni tal-ġid f'idejhom.
J. billi relazzjonijiet kummerċjali mal-Marokk għandhom iqisu l-bżonnijiet ekonomiċi u rurali tal-pajjiż, b'mod partikolari l-bżonnijiet ta' produtturi żgħar u ta' daqs medju kemm fil-Marokk kif ukoll fl-UE, jirrikonoxxi għalhekk ir-rwol importanti tal-biedja tal-familja u ta' impriżi tas-sajd żgħar, il-ħtieġa li jiġu promossi attivitajiet agrikoli u tas-sajd sostenibbli, il-preservazzjoni ta' riżorsi naturali, l-ambjent rurali, l-ambjent marittimu u tal-istokkijiet tas-sajd, b'mod partikolari permezz tal-ġestjoni fis-sod tal-ilma u l-evitar ta' pjantaġġuni monokulturali kbar.
K. billi l-ħtif ta' artijiet minn investituri barranin żdied b'mod konsiderevoli matul dawn l-aħħar snin, u dan għandu konsegwenzi negattivi għall-komunitajiet lokali;
L. billi l-opportunitajiet ta' impjieg sostenibbli għandhom jiġu msaħħa fis-setturi agrikoli u tas-sajd u f'setturi relatati tal-Marokk, filwaqt li ssir enfasi fuq ir-rwol importanti tal-biedja fil-familja u tal-bdiewa, jiġu rispettati d-drittijiet tal-ħaddiema u jsir sforz biex titwessa l-industrija għall-ipproċessar tal-ikel u b'hekk jiżdiedu l-opportunitajiet ta' impjieg li għandhom jirriżultaw f'impjiegi kkwalifikati, sikuri, imħallsa tajjeb u bi protezzjoni sindikalista;
M. billi attenzjoni speċjali għandha tingħata għall-aspett tal-ġeneru, fejn għandhom jiġu pprovduti aktar impjiegi deċenti għan-nisa, il-promozzjoni ta' soluzzjonijiet li jikkombinaw il-ħajja tal-familja u tax-xogħol għall-irġiel u n-nisa;
N. billi s-settur tal-ħaxix u tal-frott hu ta' importanza konsiderevoli f'ħafna reġjuni rurali tal-pajjiżi tan-Nofsinhar fl-Unjoni Ewropea, b'mod partikolari fi Spanja, il-Portugall, il-Greċja u Franza, fejn il-kriżi ekonomika u soċjali laħqet dimesjonijiet allarmanti;
O. billi Valutazzjoni tal-Impatt għas-Sostenibbiltà (VIS) li d-DĠ Kummerċ ikkummissjonat lill-Università ta' Manchester twettaq dwar is-suġġett ta' Żona ta' Kummerċ Ħieles żviluppata bis-sħiħ fil-Mediterran tbassar żieda fid-diffikultajiet soċjali u stress ambjentali mhux sostenibbli fl-ewwel għaxar snin tal-eżistenza tagħha;
P. billi l-estensjoni tal-protokoll għall-ftehim tas-sajd tal-UE mal-Marokk inċaħad mill-Parlament Ewropew fl-14 ta' Diċembru 2011;
1. Jopponi l-ftehim bejn l-UE u l-Marokk dwar miżuri reċiproċi ta' liberalizzazzjoni fuq il-prodotti agrikoli u prodotti tas-sajd kif ukoll kwalunkwe pass lejn il-konklużjoni ta' ftehimiet ta' kummerċ ħieles mal-pajjiżi tal-Mediterran; huwa tal-fehma li l-konklużjoni ta' ftehimiet ta' kummerċ ħieles se taffettwa ħażin il-bdiewa ż-żgħar, il-persuni li jaħdmu u liż-żgħażagħ, kif ukoll l-ambjent, kemm fil-Mediterran tan-Nofsinhar kif ukoll fl-UE;
2. Iħeġġeġ lill-Kummissjoni tagħti bidu għal negozjati ġodda bil-ħsieb li jintlaħqu l-ħtiġijiet ta' żvilupp ekonomiku u soċjali sostenibbli, is-sovranità tal-ikel u s-sigurtà alimentari kemm fil-Marokk kif ukoll fil-pajjiżi tal-UE, filwaqt li jiġu żgurati benefiċċji reċiproċi u tiġi evitata il-kompetizzjoni fost il-produtturi fuq iż-żewġ naħat tal-Mediterran;
3. Jinsisti li l-isforzi għandhom jiġu konċentrati fuq it-tisħiħ tal-kooperazzjoni għall-iżvilupp u l-integrazzjoni reġjonali bejn it-Tramuntana u n-Nofsinhar u fin-Nofsinhar stess fit-teħid ta' deċiżjonijiet kummerċjali u ekonomiċi; u fuq it-titjib tal-ktajjen ta' valur miżjud ġewwa l-pajjiżi differenti b'tali mod li jiġi ffaċilitat l-iżvilupp ta' xejriet ta’ produzzjoni u ta’ konsum deċenti;
4. Iqis li negozjati fuq l-istess livell u bl-involviment tal-partijiet interessati ewlenin kollha, it-trejdjunjins, l-organizzazzjonijiet tal-bdiewa żgħar u medja u l-organizzazzjonijiet tas-sajd fuq skala żgħira jikkostitwixxu elementi ewlenin ta' relazzjonijiet kummerċjali ta' suċċess fl-interess tal-ħaddiema, il-bdiewa żgħar, is-sajjieda u ż-żgħażagħ; jinsisti għalhekk li l-protezzjoni tar-riżorsi naturali, il-ħlas adegwat għall-produtturi, pagi deċenti, il-ħolqien ta' impjiegi sostenibbli li se jġibu stabbiltà lis-swieq lokali u jippreservaw l-ambjent huma elementi ewlenin li magħhom għandu jitqabbel ir-riżultat ta' kwalunkwe negozjar kummerċjali;
5. Jesprimi t-tħassib tiegħu li, skont l-aħħar rapporti UNICEF 1.5 miljun tifel u tifla ta' età tal-iskola għadhom miċħuda mid-dritt tagħhom għall-edukazzjoni u li t-tħaddim tat-tfal b'mod partikolari f'żoni rurali għadu jsir, u li l-produzzjoni orjentata lejn l-esportazzjoni li dejjem qed tikber tista' ddgħajjef kwalunkwe sforz biex titwaqqaf din il-prattika illegali;
6. Jenfasizza l-ħtieġa għal aktar Valutazzjonijiet tal-Impatt għas-Sostenibbiltà independenti li jinvolvu l-partijiet interessati ewlenin kollha, it-trejdjunjins, l-organizzazzjonijiet tal-bdiewa ż-żgħar u medja u l-organizzazzjonijiet tas-sajd fuq skala żgħira, sabiex jiġi evitat kwalunkwe effett ħażin għall-poplu tan-Nofsinhar tal-Mediterran u l-poplu tal-ekonomiji l-aktar fraġli tal-UE;
7. Huwa konvint li skont il-liġi internazzjonali, is-Saħara tal-Punent ma tista' tiġi inkluża fl-ebda ftehim li l-UE tikkonkludi mar-Renju tal-Marokk, filwaqt li għandu jkun hemm il-possibbiltà li jiġu konklużi ftehimiet separati mal-poplu tas-Saħara tal-Punent, permezz tar-rappreżentanti leġittimi tagħhom, jekk jixtiequ jagħmlu dan;
8. Itenni li s-sovranità tal-Marokk fuq is-Saħara tal-Punent qatt ma ġiet rikonoxxuta mid-Dritt Internazzjonali, kif ġie nnutat fl-opinjoni tal-Qorti Internazzjonali tal-Ġustizzja fl-Aja f’Ottubru 1975; jiddikjara li l-Marokk qiegħed jokkupa illegalment it-territorju tas-Saħara tal-Punent u, għalhekk, ma għandu l-ebda sovranità fuq ir-riżorsi naturali tagħha; jistieden lill-UE titlob li r-Renju tal-Marokk jirrispetta l-liġi internazzjonali rigward l-esplojtazzjoni tar-riżorsi naturali tas-Saħara tal-Punent
9. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kummissjoni, lill-Istati Membri u lill-Kumitat tan-Nazzjonijiet Uniti ta' 24 (Kumitat Speċjali dwar id-Dikolonizzazzjoni) lill-Gvern tal-Marokk u lill-Gvern tar-Repubblika Domokratika Għarbija tas-Saħrawi (SADR).