Mozzjoni għal riżoluzzjoni konġunta - RC-B7-0178/2012Mozzjoni għal riżoluzzjoni konġunta
RC-B7-0178/2012

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI KONĠUNTA dwar is-sitwazzjoni fil-Bjelorussja (2012/2581(RSP))

14.3.2012

imressqa skont l-Artikolu 110(4) tar-Regoli ta' Proċedura
li tieħu post il-mozzjonijiet għal riżoluzzjoni mressqa mill-gruppi:
S&D (B7‑0178/2012)
ALDE (B7‑0179/52)
PPE (B7‑0181/2012)
Verts/ALE (B7‑0182/2012)
ECR (B7‑0183/2012)

José Ignacio Salafranca Sánchez-Neyra, Vytautas Landsbergis, Jacek Protasiewicz, Jacek Saryusz-Wolski, Peter Šťastný, Arnaud Danjean, Krzysztof Lisek, Ioannis Kasoulides, Cristian Dan Preda, Andrzej Grzyb, Tunne Kelam, Filip Kaczmarek, Lena Kolarska-Bobińska, Alojz Peterle, Ria Oomen-Ruijten f'isem il-Grupp PPE-DE
Véronique De Keyser, Libor Rouček, Justas Vincas Paleckis, Kristian Vigenin, Marek Siwiec f'isem il-Grupp S&D
Kristiina Ojuland, Ivo Vajgl, Ivars Godmanis, Sonia Alfano, Gerben-Jan Gerbrandy, Marietje Schaake, Annemie Neyts-Uyttebroeck f'isem il-Grupp ALDE
Werner Schulz f'isem il-Grupp Verts/ALE
Charles Tannock, Marek Henryk Migalski, Paweł Robert Kowal, Ryszard Antoni Legutko, Tomasz Piotr Poręba, Ryszard Czarnecki, Michał Tomasz Kamiński f'isem il-Grupp ECR


Proċedura : 2012/2581(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument :  
RC-B7-0178/2012

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar is-sitwazzjoni fil-Bjelorussja (2012/2581(RSP))

Il-Parlament Ewropew,

–   wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar il-Bjelorussja, b'mod partikolari dawk tal-14 ta’ Frar 2012[1], tal-15 ta’ Settembru 2011[2], tat-12 ta’ Mejju 2011[3], tal-10 ta’ Marzu 2011[4], tal-20 ta’ Jannar 2011[5], tal-10 ta’ Marzu 2010[6] u tas-17 ta’ Diċembru 2009[7],

–   wara li kkunsidra l-Konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew tal-1 u t-2 ta' Marzu 2012 li jesprimu t-tħassib profond tiegħu dwar id-deterjorament ulterjuri tas-sitwazzjoni fil-Bjelorussja,

–   wara li kkunsidra d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2012/126/PESK tat-28 ta’ Frar 2012 li timplimenta d-Deċiżjoni 2010/639/PESK dwar miżuri restrittivi kontra l-Bjelorussja[8],

–   wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tat-28 ta’ Frar 2012 tar-Rappreżentant Għoli tal-UE Catherine Ashton dwar id-deċiżjoni tagħha u dil tal-Gvern Pollakk li jsejħu lura lill-Kap tad-Delegazzjoni għall-UE f’Minsk u lill-Ambaxxatur Pollakk għall-Bjelorussja rispettivament,

–   wara li kkunsidra d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2012/36/PESK tat-23 ta’ Jannar 2012 li temenda d-Deċiżjoni 2010/639/PESK dwar miżuri restrittivi kontra l-Bjelorussja,

–   wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni Nru 1857(2012) tal-Assemblea Parlamentari tal-Kunsill tal-Ewropa tal-25 ta' Jannar 2012 dwar is-sitwazzjoni fil-Bjelorussja, li tikkundanna l-persekuzzjoni kontinwa ta' membri tal-oppożizzjoni u l-vessazzjonijiet fil-konfront ta' attivisti tas-soċjetà ċivili, midja indipendenti u difensuri tad-drittijiet tal-bniedem fil-Bjelorussja,

–   wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni 17/24 tal-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-Nazzjonijiet Uniti tas-17 ta' Ġunju 2011 dwar is-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fil-Bjelorussja, li kkundannat il-ksur tad-drittijiet tal-bniedem qabel, waqt u wara l-elezzjonijiet presidenzjali fil-Bjelorussja, u tistieden lill-gvern Bjelorussu jtemm il-'persekuzzjoni' tal-mexxejja tal-oppożizzjoni,

–   wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tas-Samit tas-Sħubija tal-Lvant adottata fi Praga fis-7-9 ta' Mejju 2009 u d-Dikjarazzjoni dwar is-sitwazzjoni fil-Bjelorussja adottata fl-okkażjoni tas-Samit tas-Sħubija tal-Lvant f'Varsavja fit-30 ta' Settembru 2011,

–   wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni konġunta tal-Ministri għall-Affarijiet Barranin tal-Grupp Visegrad, l-Estonja, il-Latvja u l-Litwanja fi Praga fil-5 ta’ Marzu 2012;

–   wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tal-Pjattaforma Nazzjonali Bjelorussa tal-Forum tas-Soċjetà Ċivili tas-Sħubija tal-Lvant f’Minsk fit-2 ta' Marzu 2012;

–   wara li kkunsidra d-deċiżjoni meħuda fil-Kungress Annwali tal-Federazzjoni Internazzjonali tal-Ice Hockey f’Berna f'Mejju 2009 li l-Kampjonat tad-Dinja tal-IIHF tal-2014 isiru fil-Bjelorussja, minkejja l-persekuzzjoni tal-oppożituri politiċi ta' Alyaksandr Lukashenka u l-abbuż mifrux tad-drittijiet tal-bniedem fil-Bjelorussja,

–   wara li kkunsidra l-Artikolu 110(4) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A. billi d-Dikjarazzjoni ta' Praga tas-Samit tas-Sħubija tal-Lvant terġa' tafferma l-impenji, anki tal-Bjelorussja, favur il-prinċipji tad-dritt internazzjonali u l-valuri fundamentali, fosthom id-demokrazija, l-istat tad-dritt u r-rispett tad-drittijiet tal-bniedem u tal-libertajiet fundamentali;

B.  billi s-sitwazzjoni politika fil-Bjelorussja bdiet tmur serjament għall-agħar mill-elezzjonijiet presidenzjali tad-19 ta' Diċembru 2010, b'miżuri ripressivi meħuda kontra membri tal-oppożizzjoni demokratika, il-midja ħielsa, l-attivisti tas-soċjetà ċivili u d-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem, minkejja diversi appelli mill-komunità internazzjonali sabiex dawn il-miżuri jieqfu immedjatament;

C. billi fit-28 ta' Frar 2012, filwaqt li enfasizzaw id-deterjorament ulterjuri tas-sitwazzjoni fil-Bjelorussja, il-Ministri għall-Affarijiet Barranin tal-UE ddeċidew li jżidu 21 uffiċjal mill-Bjelorussja, responsabbli mir-repressjoni tas-soċjetà ċivili u l-oppożizzjoni demokratika, mal-lista tal-persuni suġġetti għal iffriżar tal-assi u projbizzjoni tal-viża;

D. billi l-kunflitt diplomatiku b'ambitu mingħajr preċedent bejn l-UE u l-Bjelorussja intensifika ruħu wara li l-awtoritajiet tal-Bjelorussja talbu li l-ambaxxatur tal-UE u l-ambaxxatur tal-Polonja jħallu l-pajjiż u rtiraw l-ambaxxaturi tagħhom minn Brussell u minn Varsavja b'reazzjoni għad-deċiżjoni tal-Kunsill Ewropew tat-28 ta' Frar 2012;

E.  billi, f'dan il-kuntest, Aleksandr Lukashenka rrisponda b'attakk personali offensiv dwar il-Ministru għall-Affarijiet Barranin tal-Ġermanja, bla ebda kunsiderazzjoni għall-etikett diplomatiku;

F.  billi l-ambaxxaturi kollha tal-Istati Membri tal-UE f'Minsk issejħu lura fl-ibliet kapitali tagħhom għal konsultazzjonijiet, u l-Istati Membri kollha tal-UE sejħu lill-ambaxxaturi tal-Bjelorussja fil-ministeri tal-affarijiet barranin rispettivi tagħhom;

G. billi kwalunkwe titjib tar-relazzjonijiet bilaterali mal-Unjoni Ewropea huwa kundizzjonat ukoll mill-ħelsien tal-priġunieri politiċi kollha kif ukoll mill-progress tal-Gvern tal-Bjelorussja lejn l-ilħuq tal-impenji tiegħu mal-OSKE u r-rispett tad-drittijiet fundamentali tal-bniedem, l-istat tad-dritt u l-prinċipji demokratiċi;

H. billi numru kbir ta' rappreżentanti tal-oppożizzjoni demokratika u ta' attivisti tas-soċjetà ċivili Bjelorussa, inklużi kandidati presidenzjali preċedenti, kif ukoll difensuri prominenti tad-drittijiet tal-bniedem, għadhom il-ħabs għal raġunijiet politiċi;

I.   billi attivisti żgħażagħ u membri tal-organizzazzjonijiet taż-żgħażagħ kienu taħt pressjoni kostanti jew esperjenzaw vessazzjonijiet f’diversi modi differenti, bħal Ivan Shyla, membru ta’ ‘Young Front’, li qatta’ 22 jum il-ħabs għall-kampanja ta’ solidarjetà ma’ Dzmitrij Dashkevich is-sena l-oħra;

J.   billi fl-24 ta' Frar 2012, l-imħallef distrettwali f'Vitsyebsk ta sentenza ta' sentejn u xahar f'istituzzjoni korrettiva b'sigurtà baxxa lill-attivist tal-oppożizzjoni Syarhey Kavalenka wara li dan kien akkużat bi ksur tar-regoli tal-"probation"; billi Kavalenka ġie arrestat fid-19 ta' Diċembru 2011, fl-anniversarju tal-elezzjoni presidenzjali problematika; billi issa ilu fuq strajk tal-ġuħ kontra s-sentenza inġusta kontrih għal 86 jum, u l-kundizzjoni ta’ saħħtu hija kritika;

K. billi l-awtoritajiet Bjelorussi qegħdin jiksru l-Artikolu 30 tal-kostituzzjoni Bjelorussa u qed jirrestrinġu d-dritt tal-moviment liberu taċ-ċittadini; billi fl-1 ta' Marzu 2012, l-Uffiċju tal-Prosekutur Ġenerali tal-Bjelorussja ħabbar li l-Bjelorussi li appoġġaw is-sanzjonijiet barranin il-ġodda kontra l-Bjelorussja jistgħu jitwaqqfu milli jivvjaġġaw barra mill-pajjiż; billi tliet mexxejja u attivisti tal-oppożizzjoni - Anatol Lyabedzka, Alyaksandr Dabravolski u Viktar Karnyayenka – u d-difensur tad-drittijiet tal-bniedem Valyantsin Stefanovich ma tħallewx jaqsmu l-fruntiera bejn il-Bjelorussja u l-Litwanja bejn is-7 u l-11 ta' Marzu;

L.  billi l-Ministru tal-Ġustizzja tal-Bjelorussja ddeċieda fl-14 ta' Frar 2012 li jirrifjuta li jirreġistra tal-Partit Demokristjan tal-Bjelorussja (BCD) għar-raba’ darba, mingħajr raġunijiet legali għal dan; billi skont ir-rapporti, membri tal-BCD kienu għall-ewwel darba mhedda b’attakk fiżiċi jekk ma kinux se jirtiraw il-firem tagħhom bħala fundaturi tal-partit;

M. billi fl-Att dwar id-Demokrazija u d-Drittijiet tal-Bniedem tal-Bjelorussja tal-2011, ippromulgat mill-President Barack Obama fit-3 ta' Jannar, l-Istati Uniti stiednet lill-IIHF tissospendi l-pjan tagħha li torganizza l-kampjonat tal-2014 fil-Bjelorussja sakemm il-Gvern tal-Bjelorussja jeħles il-priġunieri politiċi kollha;

1.  Ikompli jikkundanna bil-qawwa s-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet fundamentali li qed tiddeterjora, flimkien man-nuqqas ta' riformi demokratiċi u ekonomiċi profondi fil-Bjelorussja, u se jkompli jopponi r-repressjoni tal-opponenti tar-reġim f'Minsk;

2.  Jikkundanna l-persekuzzjoni kontinwa tad-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem u l-membri tal-oppożizzjoni demokratika u l-vessazzjonijiet fil-konfront tal-attivisti tas-soċjetà ċivili u l-midja indipendenti fil-Bjelorussja għal raġunijiet politiċi;

3.  Jeżiġi l-ħelsien mingħajr kundizzjoni u immedjat tal-priġunieri politiċi kollha; itenni li ma jistax ikun hemm progress fid-djalogu UE-Bjelorussja mingħajr progress min-naħa tal-Bjelorussja f’termini ta’ demokrazija, drittijiet tal-bniedem u l-istat tad-dritt u sakemm jinħelsu inkundizzjonatament il-priġunieri politiċi kollha, fosthom Ales Bialiatski, President taċ-Ċentru tad-Drittijiet tal-Bniedem 'Viasna' u Viċi President tal-FIDH, żewġ ex-kandidati presidenzjali, Mikalai Statkevich u Andrei Sannikau, kapijiet tal-kampaniji presidenzjali tal-kandidati tal-oppożizzjoni demokratika Pavel Seviarynets u Dzmitry Bandarenka kif ukoll Syarhey Kavalenka, priġunier politiku detenut minħabba allegat ksur tal-arrest domiċiljari, li ilu fuq strajk tal-ġuħ imtawwal, li wassal għal deterjorament kritiku ta' saħħtu u qed jheddidlu ħajtu direttament, u d-drittijiet ċivili ta' dawn kollha jiġu riabilitati bis-sħiħ;

4.  Jenfasizza li d-deċiżjoni ta' rtirar tal-ambaxxaturi kollha tal-Istati Membri tal-UE mill-Bjelorussja turi li t-tentattivi tal-awtoritajiet Bjelorussi intiżi li jifirdu l-Unjoni Ewropea f'dawk li huma deċiżjonijiet dwar sanzjonijiet ma rnexxewx;

5.  Jenfasizza li impenn sod min-naħa tal-Istati Membri kollha tal-UE u ta' pajjiżi demokratiċi oħra biex jaġixxu b’mod unit fi żminijiet ta' bżonn jista' jgħin il-promozzjoni ta' valuri universali f'pajjiżi bħall-Bjelorussja, u jqarribhom lejn it-triq ta’ tranżizzjoni demokratika;

6.  Jikkundanna r-retorika offensiva ta’ Aliaksandr Lukashenka fil-konfront tal-Minsitru tal-Affarijiet Barranin Ġermaniż;

7.  Jisħaq li r-reġim ta’ Minsk, minflok ma jagħżel awtoiżolament dejjem akbar għandu jagħmel l-għażla korretta għall-poplu tiegħu u jħaddan id-demokrazija;

8.  Jistieden lill-Federazzjonijiet Nazzjonali tal-Ice Hockey tal-Istati Membri tal-UE u tal-pajjiżi demokratiċi l-oħra kollha jħeġġu lill-IIHF, anke waqt il-Kungress tagħha li jmiss li se jsir f'Mejju f'Ħelsinki, il-Finlandja, biex tiddiskuti mill-ġdid id-deċiżjoni li kienet ħadet u tikkunsidra l-possibilità li tippjana li torganizza f'pajjiż ieħor il-Kampjonat tad-Dinja tal-Ice Hockey tal-2014 flok fil-Bjelorussja sakemm il-priġunieri politiċi kollha, rikonoxxuti minn organizzazzjonijiet internazzjonali tad-drittijiet tal-bniedem bħala “priġunieri ta’ kuxjenza”, jiġu lliberati u sakemm ir-reġim juri sinjali ċari tal-impenn tiegħu li jirrispetta d-drittijiet tal-bniedem u l-istat ta' dritt;

9.  Jilqa' d-deċiżjoni tal-Kunsill tat-28 ta' Frar 2012 li jissaħħu l-miżuri restrittivi u li jiżdiedu 21 persuna responsabbli għar-repressjoni tas-soċjetà ċivili u l-oppożizzjoni demokratika fil-Bjelorussja mal-lista ta' dawk suġġetti għal projbizzjoni tal-ivvjaġġar u għal iffriżar tal-assi;

10. Jistieden lill-Kunsill jagħmel rendikont tal-aħħar żviluppi fir-relazzjonijiet diplomatiċi UE-Bjelorussja kif ukoll tad-deterjorament ulterjuri tal-qagħda tad-drittijiet tal-bniedem u tal-libertajiet bażiċi fil-pajjiż, u abbażi ta’ dan, jadotta deċiżjoni dwar miżuri restrittivi ulterjuri, inklużi xi sanzjonijiet ekonomiċi mmirati;

11. Jenfasizza li l-Unjoni Ewropea u l-Bjelorussja għandu jkollhom relazzjonijiet tal-viċinat tajbin, u li dawn għandhom ikunu appoġġati bis-saħħa permezz tal-impenn mill-qrib tal-UE mas-soċjetà ċivili u mal-oppożizzjoni demokratika Bjelorussi u l-appoġġ tagħha għall-aspirazzjonijiet demokratiċi tal-poplu tal-Bjelorussja;

12. Itenni t-talba tiegħu lill-Kummissjoni biex tappoġġja, b’mezzi finanzjarji u politiċi, l-isforzi tas-soċjetà ċivili tal-Bjelorussja, il-midja indipendenti (inkluż TV Belsat, European Radio for Belarus, Radio Racja u oħrajn) u l-organizzazzjonijiet nongovernattivi fil-Bjelorussja għall-promozzjoni tad-demokrazija;

13. Jefasizza l-ħtieġa għal aktar kooperazzjoni bejn l-UE u l-ġirien tal-lvant tagħha fil-qafas tas-Sħubija tal-Lvant, inkluża d-dimensjoni parlamentari tagħha – l-Assemblea Parlamentari Euronest – bl-għan komuni li jingħata bidu għal proċess ġenwin ta’ demokratizzazzjoni fil-Bjelorussja;

14. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-parlamenti u l-gvernijiet tal-Istati Membri, lis-Segretarju Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti, lill-Assemblej Parlamentari tal-OSKE u l-Kunsill tal-Ewropa, lis-Segretarjat tal-Komunità tal-Istati Indipendenti u lill-Parlament u l-Gvern tal-Bjelorussja.