MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI KONĠUNTA dwar il-piraterija marittima
7.5.2012 - (2011/2962(RSP))
li tissostitwixxi l-mozzjonijiet għal riżoluzzjoni mressqa mill-gruppi:
ALDE (B7‑0223/2012)
ECR (B7‑0224/2012)
S&D (B7‑0225/2012)
PPE (B7‑0226/2012)
Georgios Koumoutsakos, Mathieu Grosch, Michael Gahler, José Ignacio Salafranca Sánchez-Neyra, Roberta Angelilli, Arnaud Danjean, Carlo Fidanza, Marietta Giannakou, Anna Ibrisagic, Tunne Kelam, Krzysztof Lisek, Mario Mauro, Francisco José Millán Mon, Ria Oomen-Ruijten, Dominique Vlasto f'isem il-Grupp PPE-DE
Saïd El Khadraoui, Ana Gomes, Maria Eleni Koppa, Ricardo Cortés Lastra, Ulrike Rodust f'isem il-Grupp S&D
Izaskun Bilbao Barandica, Marielle de Sarnez, Robert Rochefort, Gesine Meissner f'isem il-Grupp ALDE
Peter van Dalen, Roberts Zīle, Charles Tannock, Paweł Robert Kowal, Jacqueline Foster f'isem il-Grupp ECR
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar il-piraterija marittima
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra r-Riżoluzzjoni tiegħu tal-20 ta' Mejju 2008 dwar politika marittima integrata għall-Unjoni Ewropea,
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet tiegħu dwar il-piraterija marittima, speċjalment ir-riżoluzzjoni tat-23 ta’ Ottubru 2008 dwar il-piraterija fuq il-baħar u r-riżoluzzjoni tas-26 ta’ Novembru 2009 dwar soluzzjoni politika għall-problema tal-piraterija ’l barra mix-xtut tas-Somalja,
– wara li kkunsidra l-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar il-Liġi tal-Baħar (UNCLOS) tal-10 ta' Diċembru 1982,
– wara li kkunsidra l-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti tal-1988 dwar it-Trażżin ta’ Atti Illegali kontra s-Sikurezza tan-Navigazzjoni Marittima,
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU dwar is-sitwazzjoni fis-Somalja, b'mod partikolari r-Riżoluzzjoni 2036(2012) tat-22 ta' Frar 2012,
– wara li kkunsidra l-Azzjoni Konġunta tal-Kunsill 2008/749/PESK tad-19 ta’ Settembru 2008 dwar l-azzjoni militari kkoordinata tal-Unjoni Ewropea b’appoġġ għar-riżoluzzjoni 1816(2008) (EU NAVCO) tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU,
– wara li kkunsidra l-Azzjoni Konġunta tal-Kunsill 2008/851/PESK tal-10 ta' Novembru 2008 dwar operazzjoni militari tal-Unjoni Ewropea biex tikkontribwixxi għad-deterrenza, il-prevenzjoni u r-ripressjoni ta' atti ta' piraterija u serq armat 'il barra mix-xtut tas-Somalja (EU NAVFOR ATALANTA), u d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2010/766/PESK li temenda l-Azzjoni Konġunta 2008/851/PESK,
– wara li kkunsidra d-Deċiżjoni tal-Kunsill tat-23 ta’ Marzu 2012 li ttawwal il-mandat tal-EU NAVFOR ATALANTA sa Diċembru 2014 u testendi ż-żona tal-operazzjonijiet tal-forza,
– wara li kkunsidra d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2010/96/PESK tal-15 ta' Frar 2010 u d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2010/197/PESK tal-31 ta’ Marzu 2010 dwar il-varar ta' missjoni militari tal-Unjoni Ewropea biex tikkontribwixxi għat-taħriġ tal-forzi tas-sigurtà tas-Somalja (EUTM Somalja),
– wara li kkunsidra l-Kunċett għall-Ġestjoni tal-Kriżijiet maqbul mill-Kunsill tal-Affarijiet Barranin fis-16 ta' Diċembru 2011 għall-missjoni tal-Bini tal-Kapaċitajiet tal-Kunsill Reġjonali Marittimu (RMCB), bħala missjoni ċivili tas-PSDK flimkien ma' esperti militari li qiegħda titħejja,
– wara li kkunsidra l-Qafas Strateġiku għall-Qarn tal-Afrika biex jiggwida l-involviment tal-UE fir-reġjun, li ġie adottat mill-Kunsill fl-14 ta’ Novembru 2011,
– wara li kkunsidra l-ftehim ta’ qsim ta’ poter iffirmat f’Ġibuti fid-9 ta' Ġunju 2008, li kellu l-għan li jagħti bidu għal rikonċiljazzjoni nazzjonali wiesgħa u joħloq alleanza politika b'saħħitha u inklussiva li tkun tista’ tiżgura l-paċi, tirrikonċilja l-pajjiż u tistabbilixxi mill-ġdid awtorità statali ċentrali,
– wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-konferenza ta' Londra dwar is-Somalja, tat-23 ta’ Frar 2012,
– wara li kkonsidra l-Artikolu 110(2) u (4) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
A. billi t-trasport marittimu jirrappreżenta wieħed mill-passi fundamentali għat-tkabbir ekonomiku u l-prosperità fl-Ewropa matul l-istorja tagħha u billi aktar minn 80% tal-kummerċ dinji jinġarr fuq il-baħar; billi l-piraterija tirrappreżenta theddida għas-sigurtà internazzjonali u għall-istabbiltà reġjonali u billi l-UE, għaldaqstant, għandha interess ġenwin f’li tikkontribwixxi għas-sigurtà marittima internazzjonali u għall-ġlieda kontra l-piraterija u l-kawżi aħħarin tagħha bħala azzjoni prijoritarja tal-UE;
B. billi l-piraterija titqies bħala reat internazzjonali; billi l-piraterija u s-serq bl-armi fuq il-baħar jeħtieġu rispons koordinat fil-qafas legali globali pprovdut mill-UNCLOS; billi l-Artikolu 100 tal-Konvenzjoni jipprovdi li l-istati kollha għandhom id-dmir li jikkooperaw biex irażżnu l-piraterija;
C. billi l-piraterija marittima tibqa’ problema, minkejja l-fatt li l-għadd ta’ attakki li rnexxew nqas b’mod sinifikanti s-sena li għaddiet, l-aktar minħabba l-attaivitajiet ta’ ATALANTA u l-użu ta’ Stakkamenti għall-Protezzjoni tal-Bastimenti, sew militari kif ukoll privati; billi l-piraterija għadha qed tinfirex bil-ħeffa fl-Oċean Indjan, partikolarment 'il barra mix-xtut tas-Somalja u l-Qarn tal-Afrika, iżda wkoll f'xi żoni oħra, fosthom ix-Xlokk tal-Asja u l-Afrika tal-Punent, u tikkostitwixxi theddida dejjem akbar għall-ħajja tal-persuni, għas-sikurezza tal-baħħara u ta’ persuni oħra, kif ukoll għall-iżvilupp reġjonali u għall-istabilità, l-ambjent tal-baħar, il-kummerċ dinji u kull-forma ta' trasport marittimu u bastimenti ta’ kull tip, inklużi bastimenti tas-sajd, kif ukoll għat-twassil tal-għajnuna umanitarja;
D. billi l-Kunsill iddeċieda li jestendi l-operazzjoni tal-UE kontra l-piraterija (EU NAVFOR ATALANTA) b'sentejn oħra sa Diċembru 2014 biex jikkontribwixxi għall-protezzjoni tal-bastimenti tal-Programm Dinji tal-Ikel (WFP) li jwasslu l-għajnuniet tal-ikel lil persuni spostati fis-Somalja, għall-protezzjoni tal-bastimenti tal-Missjoni tal-Unjoni Afrikana fis-Somalja (AMISOM), għad-deterrenza, il-prevenzjoni u r-ripressjoni ta' atti ta' piraterija u serq armat 'il barra mix-xtut tas-Somalja u għall-protezzjoni tal-bastimentivulnerabbli ‘l barra mix-xtut tas-Somalja, każ b’każ; billi l-EU NAVFOR ATALANTA tikkontribwixxi wkoll għall-monitoraġġ tal-attivitajiet tas-sajd 'il barra mix-xtut tas-Somalja;
E. billi kull sena 10 000 bastiment Ewropew ibaħħru minn żoni marittimi perikolużi u billi, għalhekk, il-piraterija mhux biss għandha impatt fuq il-ħajja u s-sikurezza tal-persuni imma tikkostitwixxi wkoll problema ekonomika għaliex thedded il-linji tal-kummerċ marittimu internazzjonali u tħalli impatt negattiv sinifikanti fuq il-kummerċ internazzjonali;
F. billi l-għadd ta’ attentati ta’ attakk fuq il-bastimenti qed jikber; fl-2011 kienu rrappurtati 28 ħtif ta’ bastimenti, inħatfu 470 baħħar u nqatlu 15 oħra, u fil-preżent aktar minn seba’ bastimenti qed jinżammu għar-rahan u madwar 191 baħħar qegħdin jinżammu ostaġġi fis-Somalja, spiss f’kundizzjonijiet terribbli u inumani u għal perjodi li kulma jmur dejjem qed jitwalu;
G. billi l-pirati l-ħin kollu qed jadattaw it-tattiki u l-metodi tagħhom, u espandew iż-żona operattiva tagħhom bl-użu ta' bastimenti mdaqqsa maħtufa bħala l-hekk imsejħa 'motherships';
H. billi l-istabilità politika fis-Somalja hija waħda mill-kawżi tal-piraterija u tikkontribwixxi għal din il-problema, u billi wħud mis-Somaljani għadhom iqisu l-piraterija bħala sors ta’ dħul profittabbli u vijabbli;
I. billi l-ġlieda kontra l-piraterija ma tistax tintrebaħ permezz ta' mezzi militari biss, iżda tiddependi l-aktar mis-suċċess fil-promozzjoni tal-paċi, l-iżvilupp u l-bini ta’ stat fis-Somalja;
J. billi l-EMSA għandha għad-dispożizzjoni tagħha strumenti u dejta li jistgħu jgħinu biex l-operazzjoni EU NAVFOR ATALANTA ttejjeb is-sikurezza tal-bastimenti u tal-baħħara fiż-żona;
K. billi l-problema tal-piraterija għandha wkoll effetti negattivi fir-reġjun kollu, fejn l-operazzjonijiet huma rregolati minn għadd ta’ ftehimiet bilaterali u multilaterali tas-sajd u saru attività perikoluża, mhux biss għall-bastimenti tas-sajd tal-UE, pereżempju dawk li jistadu fl-ibħra tas-Seychelles fuq il-bażi ta' Ftehim ta' Sħubija dwar is-Sajd bejn l-UE u r-Repubblika tas-Seychelles, imma wkoll għas-sajjieda lokali li l-UE tagħtihom appoġġ settorjali u li għalhekk tassumi responsabilità soċjali; billi s-sajjieda lokali m’għandhomx l-istess mezzi, la finanzjarji u lanqas f’termini ta’ kapaċità umana, biex ikunu jistgħu jipproteġu lilhom infushom kontra l-piraterija;
L. billi l-UE hi l-akbar donatur fid-dinja ta' għajnuna għas-Somalja, billi sal-lum impenjat EUR 215.4 miljun permezz tal-Fond Ewropew ta' Żvilupp (FEŻ) għall-perjodu 2008-2013; billi l-għan ewlieni ta’ dan il-finanzjament huwa li joħroġ il-persuni mill-faqar u jgħinhom jidħlu fi tkabbir ekonomiku awtosuffiċjenti u li jipprovdi soluzzjoni dejjiema għall-istabilità fil-pajjiż billi jindirizza l-kawżi aħħarin tal-piraterija permezz ta’ fondi għal proġetti maħsuba biex itejbu l-governanza u l-istat tad-dritt, l-edukazzjoni u t-tkabbir ekonomiku u jappoġġja s-setturi mhux fokali (is-saħħa, l-ambjent, l-ilma u s-servizzi sanitarji); billi s-somma addizzjonali ta' EUR 175 miljun għall-perjodu 2011-2013 ingħatat permezz tal-FEŻ sabiex l-UE tkun tista' saħħaħ l-impenn tagħha u tappoġġja attivitajiet ġodda fl-oqsma msemmija hawn fuq; billi l-ebda waħda minn dawn il-miri ma tista’ tintlaħaq bla istituzzjonijiet effikaċi ta’ governanza fis-Somalja;
M. billi approċċ effikaċi għall-ġlieda kontra l-piraterija marittima jeħtieġlu jinkludi strateġija usa’ u aktar komprensiva biex is-Somalja u r-reġjun kollu tal-Qarn tal-Afrika jinħarġu mill-faqar u mill-falliment tal-istati, minħabba li tal-anqas parti mis-Somalja tibbenefika ekonomikament minn atti ta’ piraterija u mill-flejjes li jitħallsu bħala rahan;
N. billi, filwaqt li l-isforzi tal-UE fil-ġlieda kontra l-piraterija rnexxielhom jipproteġu l-bastimenti tal-Programm Dinji tal-Ikel (WFP) u tal-Missjoni tal-Unjoni Afrikana fis-Somalja (AMISOM), dawk il-missjonijiet jeħtieġu impenn sostnut li jiżgura livelli ta' forza adegwati, u billi jissugraw li jisfaw imdgħajfa fil-ġejjieni minħabba nuqqas ta' forzi navali;
O. billi bosta Stati Membri attwalment qed jiżviluppaw ir-regoli tagħhom dwar l-użu ta' gwardji armati abbord bastimenti tal-merkanzija;
1. Itenni t-tħassib serju tiegħu dwar it-theddida, li hija kontinwa u li dejjem qed tiżdied, tal-piraterija marittima u s-serq armat fuq il-baħar kontra l-bastimenti internazzjonali li jwasslu l-għajnuna lis-Somalja u kontra l-bastimenti tal-UE tas-sajd, tal-merkanzija u tal-passiġġieri fl-Oċean Indjan, partikolarment fl-ibħra lil hinn mix-xtut tas-Somalja u l-Qarn tal-Afrika, kontra s-sikurezza tal-baħħara u ta’ persuni oħra u kontra l-istabilità reġjonali;
2. Jistieden lir-Rappreżentat Għoli u lill-Istati Membri sabiex b'urġenza jikkunsidraw modi li bihom jinħelsu l-191 baħħar li attwalment qed jinżammu ostaġġi, ħalli b'hekk tintemm il-priġunerija estiża u tal-waħx tagħhom f'idejn dawk li ħatfuhom u biex dawn il-baħħara jkunu jistgħu jirritornaw lejn djarhom u, fl-istess ħin, biex ma jibqgħux jinżammu s-seba’ bastimenti maħtufa;
3. Jilqa' l-kontribuzzjoni li tat l-Operazzjoni EU NAVFOR ATALANTA għas-sigurtà marittima 'l barra mix-xtut tas-Somalja billi pproteġiet il-bastimenti mikrija tal-Programm Dinji tal-Ikel li qed iwasslu l-għajnuna lis-Somalja u bastimenti vulnerabbli oħra, għad-deterrenza, il-prevenzjoni u t-trażżin ta' atti ta' piraterija u serq armat lil hinn mix-xtut tas-Somalja u għall-iżgurar tal-effikaċja tar-reazzjoni tal-UE għall-piraterija marittima;
4. Jilqa’ d-Deċiżjoni tal-Kunsill tat-23 ta’ Marzu 2012 li tttawal il-mandat tal-EU NAVFOR ATALANTA sa Diċembru 2014 u testendi ż-żona tal-operazzjonijiet tal-forza;
5. Jiddeplora l-fatt li l-għadd ta' bastimenti li l-Istati Membri pprovdew għall-operazzjoni EU NAVFOR ATALANTA naqas minn tmienja għal biss tnejn/tlieta fil-bidu tal-2012, u għalhekk jappella lill-Istati Membri biex jipprovdu aktar riżorsi navali ħalli l-operazzjoni ATALANTA tkun tista’ tirnexxi;
6. Jitlob li jkun hemm aktar koordinazzjoni skont il-mekkaniżmu SHADE bejn l-UE, in-NATO u t-tmexxija tat-tliet missjonijiet navali ewlenin kontra l-piraterija fir-reġjun (EU NAVFOR, CTF–150/151 u TF–508 fi ħdan l-operazzjoni Ocean Shield tan-NATO) u d-diversi forzi navali internazzjonali, sabiex ma jkunx hemm dupplikazzjoni żejda, minħabba li ż-żewġ organizzazzjonijiet, l-UE u n-NATO, joperaw fl-istess żona fuq il-bażi tal-awtonomija deċiżjonali rispettiva tagħhom iżda għandhom l-istess interessi u ġeneralment jinvolvu l-istess nazzjonijiet Ewropej;
7. Iħeġġeġ bil-qawwa lir-Rappreżentant Għoli biex titlob aktar koordinazzjoni u kooperazzjoni fost l-atturi internazzjonali kollha fis-Somalja u fil-Qarn tal-Afrika usa', jiġifieri l-UE, in-NATO, l-Istati Uniti tal-Amerika, in-NU u l-pajjiżi relevanti, bħala mezz kif jintlaħaq approċċ komprensiv reali u ffukat fil-ġlieda kontra l-piraterija u kontra, l-aktar importanti, il-kawżi aħħarin u l-konsegwenzi tagħha fil-livelli kollha;
8. Jissottolinja, fl-istess ħin, il-ħtieġa li tissaħħaħ il-koordinazzjoni strateġika bejn l-EU NAVFOR ATALANTA, EUTM Somalja u azzjonijiet oħra tal-PDSK (eż. l-RMCB meta tibda) fir-reġjun usa' tal-Qarn tal-Afrika; jilqa', f'dan ir-rigward, id-deċiżjoni tal-Kunsill tat-23 ta' Marzu 2012 li tattiva Ċentru tal-Operazzjonijiet tal-UE b’sostenn għall-missjonijiet tal-Politika ta' Sigurtà u ta' Difiża Komuni (PSDK) fil-Qarn tal-Afrika; jitlob, f'dan ir-rigward, li jsir rieżami tal-arranġamenti tal-kmand tal-EU NAVFOR ATALANTA u EUTM Somalja;
9. Jilqa’ l-konferenza ta’ Londra dwar is-Somalja tat-23 ta' Frar 2012, li wriet id-determinazzjoni tal-komunità internazzjonali li teqred il-piraterija, u jappella biex tiġi żviluppata aktar kapaċità ġudizzjarja għall-prosekuzzjoni u d-detenzjoni ta’ dawk responsabbli għall-piraterija;
10. Jenfasizza li l-issuktar tal-piraterija bl-impunità tkun ostakolu għad-deterrenza; jiddeplora li minkejja l-ftehimiet ta' trasferiment tal-UE ma' pajjiżi terzi (il-Kenja, is-Seychelles, il-Mawrizju), ftehimiet bilaterali ta' ripatrijazzjoni għal dawk ħatja ta’ atti ta’ piraterija bejn is-Seychelles u sew Puntland kif ukoll is-Somaliland, u d-diversi oqfsa legali internazzjonali, ħafna pirati u kriminali oħra għadhom ma ġewx arrestati jew, meta jiġu arrestati, spiss jinħelsu minħabba nuqqas ta' evidenza legali solida jew nuqqas ta' rieda politika fil-prosekuzzjoni tagħhom; jinnota, ukoll, li xi Stati Membri tal-UE għandhom salvagwardji inadegwati fil-liġi kriminali kontra l-piraterija marittima;
11. F'dan ir-rigward jitlob li jittieħdu miżuri immedjati u effikaċi għall-prosekuzzjoni u s-sanzjoni ta’ dawk suspettati li wettqu atti ta' piraterija u jħeġġeġ lill-pajjiżi terzi u lill-Istati Membri tal-UE li għadhom ma għamlux dan sabiex jittrasponu fil-liġi nazzjonali tagħhom id-dispożizzjonijiet kollha tal-Konvenzjoni tan-NU dwar il-Liġi tal-Baħar u l-Konvenzjoni tan-NU dwar it-Trażżin ta' Atti Illegali kontra s-Sikurezza tan-Navigazzjoni Marittima, sabiex jindirizzaw l-impunità tal-pirati, u jistieden lill-Kunsill u lill-Kummissjoni biex ikomplu jeżaminaw opportunitajiet li l-proċessi jsiru fil-pajjiżi tar-reġjun u biex jaħdmu fuq il-ħolqien ta’ qrati speċjalizzati kontra l-piraterija fis-Somalja u fi Stati oħra tar-reġjun bħala soluzzjoni ġudizzjarja sostenibbli għall-prosekuzzjoni tal-pirati fis-Somalja;
12. Jinnota r-rakkomandazzjonijiet tas-Segretarju Ġenerali tan-NU lill-Kunsill tas-Sigurtà biex jiffaċilita l-qbid u l-prosekuzzjoni ta’ pirati ssuspettati; jenfasizza, fl-istess ħin, il-bżonn li jkunu żgurati proċedimenti ġusti u effiċjenti permezz tal-qrati lokali eżistenti, kif ukoll priġunerija umana u sikura fil-faċilitajiet reġjonali;
13. Iħeġġeġ lill-Istati Membri, f'kooperazzjoni mal-Europol u l-Interpol, biex jinvestigaw u jintraċċaw flussi tal-flus u jikkonfiskaw il-flejjes li jitħallsu lill-pirati b’rahan, għaliex hemm indikazzjonijiet li dawn is-somom jiġu ttrasferiti f'kontijiet bankarji mad-dinja kollha, inklużi banek fl-Ewropa, kif ukoll biex jidentifikaw u jżarmaw in-netwerks tal-kriminalità organizzata li jibbenefikaw mill-profitti ta' atti bħal dawn; jitlob lill-Kunsill biex jiffaċilita kooperazzjoni ulterjuti bejn l-EU NAVFOR minn naħa u l-Europol u l-Interpol min-naħa l-oħra;
14. Jinkoraġġixxi lill-EU NAVFOR, lin-NATO u lill-Forzi Marittimi ta' Koalizzjoni (CMF) biex jindirizzaw b’mod effikaċi ż-żieda fl-użu ta' bastimenti tal-merkanzija maħtufa bħala 'motherships', żvilupp li jikkostitwixxi tqawwija sinifikanti tal-kapaċità operazzjonali tal-pirati u li tippermettilhom iwettqu l-attakki tagħhom b'aktar saħħa, determinazzjoni u flessibilità fl-Oċean Indjan kollu kemm hu;
15. Jenfasizza li l-EMSA għandha tkompli tikkoopera mal-EU NAVFOR ATALANTA, fejn dan ikun f’loku, billi tgħaddi lill-operazzjoni, wara l-kunsens tal-Istat tal-bandiera, id-data dettaljata tal-LRIT u tal-immaġni satellitari tal-bastimenti li jtajru bandiera tal-UE li jkunu qed ibaħħru fiż-żona; għal dak il-għan, iħeġġeġ lill-Istati Membri biex jawtorizzaw lill-Aġenzija ħalli tgħaddi din id-data u din l-informazzjoni lill-operazzjoni EU NAVFOR;
16. Iqis li, fid-dawl tal-proliferazzjoni tal-piraterija, il-baħħara esposti għal theddidiet marbuta mal-piraterija għandhom jiġu mħarrġa biex isaħħu l-protezzjoni tagħhom infushom; jenfasizza l-ħtieġa li l-kumpaniji marittimi jaderixxu mal-‘Aħjar Prattiki għall-protezzjoni kontra l-Piraterija bbażata fis-Somalja' (BMP4) u japplikawhom bis-sħiħ, għax dawn jagħtu lill-partijiet kollha involuti informazzjoni suffiċjenti dwar modi li bihom jassistu l-bastimenti biex jevitaw, jiskoraġġixxu jew iżommu lura attakki tal-pirati 'l barra mix-xtut tas-Somalja; itenni s-sejħa tiegħu biex il-bastimenti kollha li joperaw fiż-żona jirreġistraw mal-korpi relevanti ta' koordinazzjoni tas-sigurtà marittima u jsegwu r-rakkomandazzjonijiet tal-EU NAVFOR ATALANTA; jistieden lill-Istati Membri jiżguraw li l-bastimenti kollha jkunu reġistrati;
17. Iħeġġeġ lill-Kunsill u lill-Kummissjoni, f'kollaborazzjoni man-NU u mal-Unjoni Afrikana u wara d-diversi talbiet mill-Gvern Federali Tranżizzjonali (TFG) tas-Somalja għal assistenza internazzjonali li tipproteġi l-bastimenti tal-għajnuna umanitarja u tikkonfronta l-piraterija 'l barra mix-xtut tal-pajjiż, biex ikomplu jikkooperaw u jsostnu lit-TFG tas-Somalja fil-ġlieda kontra l-piraterija, iressqu lil min iwettaq dawn l-atti quddiem il-ġustizzja u jgħinu lis-Somalja u lir-reġjun biex isaħħu l-kapaċitajiet tagħhom;
18. Jilqa' d-deċiżjoni tal-Kunsill tal-Affarijiet Barranin tat-12 ta' Diċembru 2011 li tvara l-missjoni 'EUCAP Nestor' tal-Bini tal-Kapaċitajiet Reġjonali Marittimi (RMCB), li se jkollha l-għan li ssaħħaħ il-kapaċitajiet marittimi u ġudizzjarji u t-taħriġ tal-forza kostali tal-pulizija u tal-imħallfin fi tmien pajjiżi fil-Qarn tal-Afrika u fill-Punent tal-Oċejan Indjan; jistieden, għalhekk, lill-Kunsill u lis-SEAE biex jagħmlu kull sfroz ħalli l-RMCB jibda f’dan ir-reġjun fis-sajf li ġej;
19. Jagħraf li t-taħriġ hu parti waħda biss fil-bini tal-kapaċità marittima u jistieden lill-Istati Membri, għalhekk, biex jipprovdu assistenza materjali lill-missjoni u lir-reġjun, u speċifikament Bastimenti tal-Għassa Marittima;
20. Jappoġġja bis-sħiħ il-proċess ta' Ġibuti għall-paċi u r-rikonċiljazzjoni; jitlob għal approċċ komprensiv għas-sitwazzjoni fis-Somalja, li jorbot is-sigurtà mal-iżvilupp, l-istat tad-dritt u r-rispett għad-drittijiet tal-bniedem u l-liġi umanitarja internazzjonali;
21. Jilqa' d-deċiżjoni tal-Kummissjoni li tipproponi EUR 100 miljun addizzjonali bħala appoġġ finanzjarju tal-UE taħt il-Faċilità tal-Paċi Afrikana lill-Missjoni tal-Unjoni Afrikana fis-Somalja (AMISOM), u jistieden lill-Istati Membri u lill-komunità internazzjonali jgħinu fil-promozzjoni tal-paċi, l-iżvilupp ekonomiku u l-bini ta' sistema demokratika stabbli fis-Somalja li tiffaċilita s-sigurtà u tiġġieled kontra l-piraterija fuq perjodu twil ta' żmien; jilqa' l-ħatra ta' rappreżentant speċjali tal-UE għall-Qarn tal-Afrika;
22. Huwa mħasseb dwar is-sitwazzjoni umanitarja li sejra lura fil-Qarn tal-Afrika u jitlob li l-komunità internazzjonali, u l-UE b'mod partikolari, biex iqawwu l-għoti ta' assistenza umanitarja lill-persuni fil-bżonn sabiex jaqdu l-ħtiġijiet umanitarji li qed jikbru u jevitaw li s-sitwazzjoni tkompli teħżien bi kwalunkwe mod;
23. Itenni li kwalunkwe strateġija kontra l-piraterija għandha tqis il-fatt li l-piraterija taqdi interessi ekonomiċi illegali u li kwalunkwe inċentiva biex il-poplu tas-Somalja jinfatam mill-piraterija jeħtiġilha timmira lejn l-impjiegi għaż-żgħażagħ u lejn li n-nies lokali jkollhom modi alternattivi ta’ għajxien li bihom jistgħu jkampaw;
24. Jilqa' l-proġett EU Marsic, parti mill-Programm ta' Rotot Marittimi Kritiċi tal-Istrument għall-Istabilità, li għandu l-għan li jsaħħaħ is-sigurtà u s-sikurezza fil-Punent tal-Oċean Indjan u fil-Golf ta' Aden permezz tal-qsim tal-informazzjoni u l-bini tal-kapaċità, minħabba li jenfasizza l-kooperazzjoni reġjonali fost il-pajjiżi tar-reġjun; jistenna li l-proġett jiġi estiż għal wara l-2013;
25. Jinkoraġġixxi inizjattivi kontra l-piraterija fil-pajjiżi tar-reġjun tal-Lvant u tan-Nofsinhar tal-Afrika u tal-Oċejan Indjan, bħalma huwa l-proġett MASE (Programm Marittimu u ta' Sigurtà) kontra l-piraterija, li bbenefika minn għotja tal-bidu ta' EUR 2 miljuni mill-UE; jilqa' l-kumplimentarjetà maħsuba bejn proġetti ffinanzjati mill-Kummissjoni u l-missjoni tal-PSDK dwar l-RMCB;
26. Itenni li l-piraterija 'l barra mix-xtut tas-Somalja hija estensjoni tan-nuqqas tad-dritt u tal-ordni f'dak il-pajjiż, u għalhekk il-komunità internazzjonali għandha tipprovdi l-appoġġ tekniku u finanzjarju meħtieġ biex tassisti lit-TFG fl-iżvilupp tal-kapaċità biex ikun jista' jeżerċita kontroll fuq l-ilmijiet territorjali tiegħu u, skont il-liġi internazzjonali, fuq iż-żona ekonomika esklussiva tiegħu;
27. Jilqa' x-xogħol tal-Grupp ta' Kuntatt tan-NU dwar il-Piraterija 'l barra mix-xtut tas-Somalja, li jifforma forum bla preċedent biex jissaħħu l-livell u l-kwalità tal-kooperazzjoni internazzjonali f'dan il-qasam, sew bejn l-Istati kif ukoll mal-organizzazzjonijiet internazzjonali kollha ewlenin ikkonċernati;
28. Jilqa' l-koordinazzjoni mill-qrib mal-IMO fil-qasam tal-bini tal-kapaċità marittima kif ukoll ix-xogħol biex tiġi konkluża s-Sħubija Strateġika UE-IMO kontra l-piraterija fir-reġjun usa’ tal-Qarn tal-Afrika;
29. Jissottolinja li l-użu ta' gwardji armati privati abbord huwa miżura li ma tistax tieħu post is-soluzzjoni komprensiva meħtieġa għat-theddida multidimensjonali tal-piraterija; iqis il-fatt li xi Stati Membri introduċew leġiżlazzjoni relevanti; f'dan il-kuntest, jistieden lill-Istati Membri jieħdu miżuri ta' sigurtà meħtieġa abbord fejn dan ikun possibbli, kif ukoll jistieden lill-Kummissjoni u lill-Kunsill jaħdmu biex ifasslu approċċ tal-UE li jikkonċerna l-użu ta' persunal iċċertifikat armat abbord ħalli jiżgura implimentazzjoni tajba tal-linji gwida tal-IMO f'dan ir-rigward;
30. Ifakkar li, fl-ibħra internazzjonali, skont il-ligi internazzjonali, fil-każijiet kollha, inklużi azzjonijiet meħuda fil-ġlieda kontra l-piraterija, tapplika l-ġuriżdizzjoni nazzjonali tal-istat tal-bandiera fuq il-vapuri kkonċernati, kif ukoll il-persunal militari li jkun hemm abbord; jinnota, barra minn hekk, li l-ebda awtorità għajr dawk tal-Istat tal-bandiera ma tista’ tordna arrest jew detenzjoni ta’ bastiment, lanqas bħala miżura ta' investigazzjoni;
31. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jibgħat din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni, lill-Istati Membri, lis-Segretarji Ġenerali tal-Unjoni Afrikana, tan-NU u tal-Awtorità Intergovernattiva għall-Iżvilupp (IGAD), lill-President tal-Gvern Federali Tranżizzjonali tas-Somalja u lill-Parlament Pan-Afrikan.