Mozzjoni għal riżoluzzjoni konġunta - RC-B7-0235/2012Mozzjoni għal riżoluzzjoni konġunta
RC-B7-0235/2012

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI KONĠUNTA dwar l-Ukraina

22.5.2012 - (2012/2658(RSP))

imressqa skont l-Artikolu 110(2) u (4) tar-Regoli ta' Proċedura
li tissostitwixxi l-mozzjonijiet għal riżoluzzjoni mressqa mill-gruppi:
S&D (B7‑0235/2012)
ALDE (B7‑0237/2012)
Verts/ALE (B7‑0244/2012)
PPE (B7‑0245/2012)
ECR (B7‑0247/2012)

José Ignacio Salafranca Sánchez-Neyra, Elmar Brok, Michael Gahler, Roberta Angelilli, Elena Băsescu, Ivo Belet, Anne Delvaux, Andrzej Grzyb, Anna Ibrisagic, Ioannis Kasoulides, Tunne Kelam, Lena Kolarska-Bobińska, Eduard Kukan, Krzysztof Lisek, Mario Mauro, Francisco José Millán Mon, Monica Luisa Macovei, Ria Oomen-Ruijten, Bernd Posselt, Cristian Dan Preda, Jacek Protasiewicz, Zuzana Roithová, Jacek Saryusz-Wolski, Inese Vaidere f'isem il-Grupp PPE-DE
Libor Rouček, Kristian Vigenin, Marek Siwiec, Bogusław Liberadzki, Liisa Jaakonsaari, Emine Bozkurt f'isem il-Grupp S&D
Johannes Cornelis van Baalen, Marielle de Sarnez, Nathalie Griesbeck, Gerben-Jan Gerbrandy, Robert Rochefort, Kristiina Ojuland, Marietje Schaake f'isem il-Grupp ALDE
Rebecca Harms, Werner Schulz, Judith Sargentini f'isem il-Grupp Verts/ALE
Charles Tannock, Ryszard Antoni Legutko, Tomasz Piotr Poręba, Paweł Robert Kowal, Ryszard Czarnecki, Janusz Wojciechowski, Konrad Szymański, Geoffrey Van Orden f'isem il-Grupp ECR


Proċedura : 2012/2658(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument :  
RC-B7-0235/2012
Testi mressqa :
RC-B7-0235/2012
Dibattiti :
Testi adottati :

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar l-Ukraina

(2012/2658(RSP))

Il-Parlament Ewropew,

–   wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar l-Ukraina, b'mod partikolari dawk tad-9 ta' Ġunju 2011[1], tas-27 ta' Ottubru 2011[2] u tal-1 ta' Diċembru 2011[3],

–   wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tal-Assemblea Parlamentari Euronest tat-3 ta' April 2012 dwar is-sitwazzjoni ta' Yulia Tymoshenko,

–   wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tas-26 ta' April 2012 maħruġa mir-Rappreżentant Għoli Catherine Ashton dwar is-sitwazzjoni ta' Yulia Tymoshenko,

–   wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tal-4 ta' Mejju 2012 dwar l-Euro 2012 maħruġa minn Androulla Vassiliou, Kummissarju Ewropew responsabbli għall-Isport,

–   wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tad-9 ta' Mejju 2012 mill-President tal-Polonja Bronislaw Komorowski, li l-Kampjonat tal-Futbol Ewropew 2012 għandu jibqa' għaddej,

–   wara li kkunsidra r-Rapport ta' Progress ippublikat fil-15 ta' Mejju 2012 dwar l-Implimentazzjoni tal-Politika Ewropea tal-Viċinat fl-Ukraina,

–   wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill ta' Kooperazzjoni UE-Ukraina tal-15 ta' Mejju 2012,

–   wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Konġunta tas-Summit dwar is-Sħubija tal-Lvant li sar fi Praga fis-7 ta' Mejju 2009,

–   wara li kkunsidra l-konklużjoni tan-negozjati bejn l-UE u l-Ukraina dwar il-Ftehim ta' Assoċjazzjoni, inkluż in-negozjati dwar Żona ta' Kummerċ Ħieles Profond u Komprensiv (DCFTA) u t-tnedija ta' dan il-ftehim,

–   wara li kkunsidra l-Ftehim ta' Sħubija u Kooperazzjoni (FSK) bejn l-Unjoni Ewropea u l-Ukraina, li daħal fis-seħħ fl-1 ta' Marzu 1998[4], u n-negozjati li għadhom għaddejjin dwar il-Ftehim ta' Assoċjazzjoni (FA) maħsub biex jieħu post il-FSK,

–   wara li kkunsidra l-Artikolu 110(2) u (4) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A. billi l-Ukraina hija pajjiż ta' importanza strateġika għall-UE; billi d-daqs, ir-riżorsi, il-popolazzjoni u l-lokazzjoni ġeografika tal-Ukraina jtuha pożizzjoni li tispikka fl-Ewropa, fattur li jrendiha attur reġjonali ewlieni li jeżerċita influwenza konsiderevoli fuq is-sigurtà, l-istabilità u l-prosperità tal-kontinent kollu, u li għalhekk għandu jġorr is-sehem rispettiv tiegħu mir-responsabilità politika;

B.  billi r-rekord tad-drittijiet tal-bniedem tal-Ukraina, ir-rispett tagħha għal-libertajiet ċivili u l-libertajiet fundamentali u għall-istat tad-dritt, bl-inklużjoni ta' proċessi legali ġusti, imparzjali u indipendenti, il-konċentrazzjoni tagħha fuq ir-riforma interna, huma prerekwiżiti għall-iżvilupp ulterjuri għar-relazzjonijiet bejn l-UE u l-Ukraina;

C. billi l-konklużjoni ta’ Ftehim ta’ Assoċjazzjoni UE-Ukraina, inkluż id-DCFTA, se tkun importanti għall-prospetti Ewropej tal-Ukraina, billi aktar ma l-Ukraina taqsam valuri komuni mal-UE u aktar ma twettaq riformi fl-ispirtu tal-Ftehim, aktar jissaħħu r-rabtiet tagħha mal-UE; billi hu importanti ħafna li l-UE tespandi iż-żona tal-istat tad-dritt u ta' prosperità fil-fruntiera tal-Lvant tagħha, li parti sinifikanti minnha tinsab fil-fruntiera mal-Ukraina;

D. billi riforma komprensiva ta' parti mill-ġudikatura u miżuri li jiżguraw ir-rispett tal-istat tad-dritt fl-investigazzjonijiet u l-prosekuzzjonijiet kriminali, inkluż il-prinċipju ta' proċedimenti ġudizzjarji ġusti, imparzjali u indipendenti, għadhom ma ġewx implimentati fl-Ukraina; billi dawn ir-riformi għandhom jiġu żviluppati b'kooperazzjoni mill-qrib mal-Kummissjoni ta' Venezja; billi s-sentenza tal-appell tal-kassazzjoni tal-każ tas-Sinjura Tymoshenko kontra d-deċiżjoni tal-Qorti Distrettwali ta' Pechersk f’Kyiv hi mistennija fis-26 ta' Ġunju 2012;

E.  billi s-sentenza mogħtija lill-ex Prim Ministru, Yulia Tymoshenko fil-11 ta' Ottubru 2011, ta' seba' snin ħabs u l-proċessi kontra uffiċjali għoljin oħrajn tal-gvern preċedenti qajmu tħassib serju fl-UE u jitqiesu minn bosta bħala att ta' ġustizzja selettiva; billi kienu nnutati nuqqasijiet serji fir-rigward tal-indipendenza tal-ġudikatura u n-nuqqas ta' riforma fl-aspetti kollha tal-proċess ġudizzjarju; prosekuzzjoni, proċess, kundanna, detenzjoni u appelli;

F.  billi l-UE tkompli tenfasizza l-ħtieġa li jintwera rispett għall-istat tad-dritt, li jinkorpora proċessi legali ġusti, imparzjali u indipendenti, filwaqt li jevita l-periklu li jagħti lok għall-perċezzjoni li miżuri ġudizzjarji jkunu qed jintużaw selettivament; billi l-UE dawn il-prinċipji tqishom speċjalment importanti f’pajjiż li jaspira li jidħol f’relazzjoni kuntrattwali aktar profonda msejsa fuq assoċjazzjoni politika,

G. billi l-korruzzjoni u l-abbuż tal-poter għadhom mifruxa fl-Ukraina u jirrikjedu rispons bla ekwivoċi mill-awtoritajiet, inkwantu jressqu ‘l dawk responsabbli quddiem il-ġustizzja; billi jeħtieġ li l-prosekuzzjonijiet u l-investigazzjonijiet ikunu imparzjali u indipendenti, u jeħtieġ li ma jintużawx għal finijiet politiċi,

H. billi fir-rapport preliminari tiegħu il-Kumitat Daniż ta' Ħelsinki għad-Drittijiet tal-Bniedem, li kien qiegħed jissorvelja l-proċedimenti ġudizzjarji fil-każ kontra Yulia Tymoshenko, identifika n-nuqqasijiet fundamentali min-naħa tas-sistema tal-ġustizzja kriminali tal-Ukraina, li affettwaw b'mod ħażin il-protezzjoni tad-drittijiet tal-bniedem individwali u l-istat tad-dritt;

I.   billi l-perspettiva Ewropea tal-Ukraina għandha tkun ibbażata fuq politika ta’ riformi sistematiċi u irriversibbli f’numru ta’ oqsma istituzzjonali, ekonomiċi u soċjali importanti; billi riformi importanti twettqu jew qed jitwettqu, waqt li oħrajn għad iridu jkunu introdotti; billi l-qafas ipprovdut mill-Ftehim ta' Assoċjazzjoni jipprovdi strument kruċjali għall-modernizzazzjoni u pjan direzzjonali biex jiggwida r-riformi interni domestiċi, kif ukoll għodda għar-rikonċiljazzjoni nazzjonali, li għandu jgħin lill-pajjiż jegħleb it-tendenzi negattivi reċenti, jirbaħ id-differenzi enormi li jeżistu fis-soċjetà Ukraina u jgħaqqadha fl-għan tagħha fir-rigward tal-perspettiva Ewropea, fuq il-bażi tal-valuri tad-demokrazija, l-istat tad-dritt, id-drittijiet tal-bniedem u l-governanza tajba;

J.   billi l-Ukraina se tospita l-Kampjonat Ewropew tal-Futbol 2012 flimkien mal-Ukraina f'Ġunju; billi s'issa politiċi ewlenin Ewropej indikaw li ma kinux se jattendu għal-logħob li jseħħ fl-Ukraina, iżda ma talbux għal bojkott tal-partiti tal-Kampjonat Ewropew tal-Futbol;

1.  Jenfasizza li wieħed mill-objettivi ewlenin tal-Parlament fil-qasam tal-politika barranija hu li jsaħħaħ u jrawwem ir-relazzjonijiet mal-Ukraina u jsaħħaħ il-Politika Ewropea tal-Viċinat, immirata biex tħeġġeġ ir-relazzjonijiet politiċi, ekonomiċi u kulturali tal-pajjiżi kkonċernati mal-UE u l-Istati Membri tagħha, jenfasizza l-fatt li l-iffirmar u r-ratifika tal-Ftehim ta' Assoċjazzjoni u l-implimentazzjoni effettiva tiegħu jirrikjedu t-titjib tas-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem, inkluża d-dekriminalizzazzjoni tad-deċiżjonijiet politiċi skont kodiċi penali riformat, l-istat tad-dritt u demokrazija profonda, u elezzjonijiet ħielsa, ġusti u trasparenti, minflok ma titrażżan l-oppożizzjoni politika;

2.  Jenfasizza li l-problemi attwali fir-relazzjonijiet bejn l-Ukraina u l-Unjoni Ewropea jistgħu jissolvew biss abbażi ta' rieda ċara mill-awtoritajiet tal-Ukraina li jwettqu u jimplimentaw ir-riformi meħtieġa, b'mod partikolari tas-sistema legali u ġudizzjarja, bil-għan li jkun hemm adeżjoni sħiħa għall-prinċipji tad-demokrazija, ir-rispett tad-drittijiet tal-bniedem u tal-libertajiet fundamentali, tad-drittijiet tal-minoranzi u tal-istat tad-dritt; jitlob l-appoġġ attiv u effikaċi tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni Ewropea u tal-Kunsill tal-Ewropa u tal-Kummissjoni ta' Venezja tiegħu għal dan il-proċess ta' riforma;

3.  Jinsisti li l-proċeduri ġudizzjarji kollha kontra ex uffiċjali għolja tal-gvern u dawk attwali għandhom iseħħu skont l-istandards Ewropej ta’ ġustizzja, imparzjalità, trasparenza u indipendenza; jitlob il-ħelsien immedjat u mingħajr kundizzjoni tal-priġunieri kollha li ngħataw sentenza abbażi ta' raġunijiet politiċi, inkluż tal-kapijiet tal-oppożizzjoni;

4.  Jiddeplora l-kundanna tal-ex Prim Ministru Yulia Tymoshenko; jenfasizza li t-tisħiħ tal-istat tad-dritt u ġudikatura indipendenti, kif ukoll it-tnedija ta' ġlieda kredibbli kontra l-korruzzjoni, huma essenzjali mhux biss għall-approfondiment tar-relazzjonijiet bejn l-UE u l-Ukraina iżda wkoll għall-konsolidazzjoni tad-demokrazija fl-Ukraina;

5.  Jistieden lill-awtoritajiet tal-Ukraina jiddistingwu bejn ir-responsabilità politika u kriminali u jbiddlu l-kodiċi kriminali penali attwali kif meħtieġ; Jenfasizza li l-ġlieda demokratika dwar deċiżjonijiet politiċi għandha sseħħ fil-Parlament, bil-parteċipazzjoni tal-votanti f'elezzjonijiet ħielsa u ma għandhiex titfarrak b'atti b'motivazzjoni personali jew politika ta' prosekuzzjoni kriminali u sentenzi manipulati fil-qrati kriminali

6.  Jistieden lill-awtoritajiet tal-Ukraina jiċċaraw is-sitwazzjoni tal-priġunieri li ġew kkundannati għal raġunijiet politiċi qabel il-bidu tal-kampanja elettorali;

7.  Iħeġġeġ lill-awtoritajiet tal-Ukraina jiżguraw l-imparzjalità u t-trasparenza tal-proċess ta' kassazzjoni tal-każ tas-Sinjura Tymoshenko, li għandu jseħħ b'konformità ma' standards u prattiki legali ekwi u ġusti li huma komuni fl-Ewropa, u jitlob it-tmiem tal-użu ta' ġustizzja selettiva mmirata għall-oppożituri politiċi u oppożituri oħrajn; jiddeplora l-fatt li l-Qorti Għolja Speċjalizzata tal-Ukraina dwar Każijiet Kriminali u Ċivili ppostponiet is-sentenza tagħha dwar l-appell tal-kassazzjoni tal-każ tas-Sinjura Tymoshenko kontra d-deċiżjoni tal-Qorti Distrettwali ta' Pechersk f’Kyiv; jinnota l-aġġornament tas-smigħ ta' kassazzjoni dwar il-każ ta' Yulia Tymoshenko għas-26 ta' Ġunju 2012, iqis dan id-dewmien ta' dispjaċir, u jwissi kontra d-dewmien tal-proċess legali;

8.  Iħeġġeġ lill-awtoritajiet tal-Ukraina jiżguraw ir-rispett sħiħ tad-drittijiet tal-priġunieri kollha ikkundannati abbażi ta' raġunijiet politiċi, inklużi s-Sinjura Tymoshenko, is-Sur Lutsenko u s-Sur Ivashchenko, assistenza medika xierqa f'istituzzjoni adegwata, id-dritt tagħhom għal aċċess mingħajr restrizzjoni għall-avukati tagħhom u d-dritt għal żjajjar minn qraba jew min-nies oħrajn, pereżempju bħall-ambaxxatur tal-UE; jenfasizza l-bżonn li l-Ukraina tirrispetta bis-sħiħ id-drittijiet legali u umani tal-konvenuti u tal-priġunieri, inkluż id-dritt għal kura medika, konformi mal-istandards internazzjonali; jikkundanna l-użu tal-forza mill-gwardji tal-ħabs kontra Yulia Tymoshenko, u jfakkar l-obbligu tal-Ukraina li teżamina minnufih u b'mod imparzjali kull ilment ta' tortura u kwalunkwe forma ta' trattament krudili, inuman jew degradanti;

9.  Jitlob l-awtoritajiet tal-Ukraina joħolqu bord legali internazzjonali indipendenti u imparzjali biex jirrapporta dwar il-ksur possibbli ta' drittijiet u libertajiet fundamentali fil-każijiet ta' Yulia Tymoshenko u ta' membri oħrajn tal-gvern tagħha; jinnota b'sodisfazzjon l-eżitu tal-laqgħa tal-President tal-Parlament Ewropew, is-Sur Martin Schulz mal-Prim Ministru tal-Ukraina, is-Sur Mykola Azarov u jistenna li l-awtoritajiet tal-Ukraina jwieġbu għal proposta miftiehma billi jipprovdu linjigwida għal implimentazzjoni f'waqtha sabiex jiżguraw, b'kooperazzjoni ma' u b'appoġġ għat-tim mediku Charité, il-kura medika adegwata għas-Sinjura Yulia Tymoshenko, kif ukoll it-twettiq ta' skrutinju ġudizzjarju minn personalità awtoritattiva u kompetenti tal-UE dwar il-proċessi ta' appell u ta' kassazzjoni u proċessi futuri tal-ex Prim Ministru tal-Ukraina;

10. Jilqa' l-fatt li s-Sinjura Tymoshenko kienet trasferita mill-ħabs ta' Kachanivska sal-isptar fuq deċiżjoni tagħha stess u jinnota ż-żjara reċenti li saritilha mill-esperti mediċi internazzjonali;

11. Jinsisti li l-proċeduri ġudizzjarji kollha kontra ex uffiċjali għolja tal-gvern u dawk attwali għandhom iseħħu skont l-istandards Ewropej ta’ ġustizzja, imparzjalità, trasparenza u indipendenza; jikkundanna l-fatt li l-awtoritajiet tal-Ukraina qegħdin iressqu każijiet ġodda b'motivazzjoni politika kontra s-Sinjura Tymoshenko u oħrajn bi ksur tal-prinċipji tal-istat tad-dritt;

12. Jesprimi dispjaċir dwar l-istat tal-libertajiet demokratiċi, kif ukoll il-prattika ta' strumentalizzazzjoni tal-istituzzjonijiet tal-istat għal raġunijiet partiġġjani u għal vendetta politika;

13. Jenfasizza l-importanza li jkun hemm elezzjonijiet parlamentari ħielsa, ġusti u trasparenti fl-Ukraina aktar tard din is-sena, inkluż id-dritt ta' parteċipazzjoni tat-tmexxija tal-oppożizzjoni, u l-bżonn li jinżamm l-impenn profond għal valuri demokratiċi u għall-istat tad-dritt, inkluż fi żmien il-perjodu ta’ bejn l-elezzjonijiet; jistieden lill-Parlament Ewropew biex jipparteċipa bi dritt f'missjoni internazzjonali għall-osservazzjoni tal-elezzjonijiet parlamentari li jmiss;

14. Ifakkar lill-awtoritajiet tal-Ukraina dwar il-ħtieġa ta' riformi komprensivi, li għandhom jiġu implimentati sabiex titwitta t-triq għall-konverġenza tal-Ukraina man-normi u l-istandards Ewropej; jenfasizza li t-tiġdid tal-qrubijabejn l-Ukraina u l-UE għandu jinbena fuq l-impenn tal-Ukraina għall-valuri u l-libertajiet tal-UE; jenfasizza li ġudikatura indipendenti hi waħda mis-sisien ta' dawn l-istandards;

15. Jenfasizza li r-rispett sħiħ tal-leġiżlazzjoni dwar id-drittijiet tal-bniedem li tistabbilixxi l-istandards bażiċi tal-OKSE għandha ssaħħaħ il-kredibilità tal-presidenza tal-OKSE tal-Ukraina, li għandha sseħħ fl-2013;

16. Filwaqt li jesprimi t-tama tiegħu għas-suċċess tal-Kampjonat tal-Futbol Ewropew 2012 fil-Polonja u l-Ukraina, jistieden lill-politiċi Ewropej li jixtiequ jattendu għal-logħob tal-Euro 2012 fl-Ukraina, biex jesprimu pubblikament u b'mod ċar l-għarfien tagħhom dwar is-sitwazzjoni politika fil-pajjiż u biex ifittxu opportunitajiet li jżuru lill-priġunieri politiċi fil-ħabs, jew biex jattendu għall-Euro 2012 bħala ċittadini privati u mhux bħala VIPs;

17. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lis-SEAE, lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Istati Membri, lill-President, lill-Gvern u l-Parlament tal-Ukraina u lill-Assemblej Parlamentari tal-Kunsill tal-Ewropa u tal-OSKE.