Mozzjoni għal riżoluzzjoni konġunta - RC-B7-0309/2012Mozzjoni għal riżoluzzjoni konġunta
RC-B7-0309/2012

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI KONĠUNTA dwar is-sitwazzjoni tal-minoranzi etniċi fl-Iran

13.6.2012 - (2012/2682(RSP))

imressqa skont l-Artikoli 122(5) u 110(4) tar-Regoli ta' Proċedura
li tissostitwixxi l-mozzjonijiet għal riżoluzzjoni mressqa mill-gruppi:
EFD (B7‑0309/2012)
Verts/ALE (B7‑0311/2012)
S&D (B7‑0313/2012)
ALDE (B7‑0318/2012)
PPE (B7‑0322/2012)
GUE/NGL (B7‑0325/2012)
ECR (B7‑0328/2012)

José Ignacio Salafranca Sánchez-Neyra, Elmar Brok, Filip Kaczmarek, Mario Mauro, Potito Salatto, Cristian Dan Preda, Bernd Posselt, Tunne Kelam, Roberta Angelilli, Monica Luisa Macovei, Eija-Riitta Korhola, Sergio Paolo Francesco Silvestris, Laima Liucija Andrikienė, Elena Băsescu, Sari Essayah, Joanna Katarzyna Skrzydlewska, Giovanni La Via, Csaba Sógor, Bogusław Sonik f'isem il-Grupp PPE-DE
Véronique De Keyser, María Muñiz De Urquiza, Ana Gomes, Kathleen Van Brempt, Josef Weidenholzer, Pino Arlacchi f'isem il-Grupp S&D
Marietje Schaake, Kristiina Ojuland, Annemie Neyts-Uyttebroeck, Robert Rochefort, Alexander Alvaro, Edward McMillan-Scott, Ramon Tremosa i Balcells, Marielle de Sarnez, Sarah Ludford, Izaskun Bilbao Barandica, Gesine Meissner, Jelko Kacin, Sonia Alfano, Johannes Cornelis van Baalen f'isem il-Grupp ALDE
Tarja Cronberg, Isabelle Durant, Barbara Lochbihler, Raül Romeva i Rueda f'isem il-Grupp Verts/ALE
Charles Tannock, Geoffrey Van Orden, Paweł Robert Kowal f'isem il-Grupp ECR
Fiorello Provera f'isem il-Grupp EFD
Cornelia Ernst, Helmut Scholz f'isem il-Grupp GUE/NGL


Proċedura : 2012/2682(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument :  
RC-B7-0309/2012
Testi mressqa :
RC-B7-0309/2012
Testi adottati :

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar is-sitwazzjoni tal-minoranzi etniċi fl-Iran

(2012/2682(RSP))

Il-Parlament Ewropew,

–   wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar l-Iran, b'mod partikolari dawk dwar id-drittijiet tal-bniedem,

–   wara li kkunsidra r-Riżoluzzjoni 16/9 tal-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-NU, li tistabbilixxi l-mandat għal Rapporteur Speċjali dwar is-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fl-Iran,

–   wara li kkunsidra r-rapporti dwar is-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fir-Repubblika Iżlamika tal-Iran dwar id-drittijiet tal-bniedem fl-Iran tat-23 ta' Settembru 2001 u tas-6 ta' Marzu 2012,

–   wara li kkunsidra l-Istqarrija tal-Kelliem għar-Rappreżentant Għoli Catherine Ashton dwar l-użu tal-piena tal-mewt fl-Iran fit-30 ta' Mejju 2012,

–   wara li kkunsidra l-Konvenzjoni Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi (ICCPR), il-Konvenzjoni Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ekonomiċi, Soċjali u Kulturali (ICESCR) u l-Konvenzjoni dwar it-Tneħħija ta' Kull Forma ta' Diskriminazzjoni, li għalihom kollha l-Iran huwa stat kontraenti,

–   wara li kkunsidra l-Artikoli 122(5) u 110(4) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A. billi s-sitwazzjoni attwali tad-drittijiet tal-bniedem fl-Iran hi kkaratterizza minn xejra kontinwa ta' ksur sistematiku tad-drittijiet fundamentali; billi l-minoranzi fl-Iran għadhom isofru diskriminazzjoni u fastidju għal raġunijiet tal-isfond etniku jew reliġjuż tagħhom; billi f'dawn l-aħħar xhur gruppi ta' minoranza għamlu manifestazzjonijiet għad-drittijiet tagħhom, u billi dan wassal biex numru kbir ta' manifestanti ntefgħu l-ħabs;

B.  billi sitt membri tal-minoranza Għarbija Aħważi qiegħdin jiġu pproċessati wara li nżammew mingħajr att ta' akkuża għal kważi sena b'konnessjoni mal-attivitajiet tagħhom f'isem din il-minoranza; billi jeżistu biżgħat iġġustifikati li dawn jistgħu ma jkunux ipproċessati b'mod ġust u jistgħu jkunu fir-riskju ta' tortura jew trattament ħażin ieħor;

C. billi, fil-5 ta' Ġunju 2012, pereżempju, Mohammad Mehdi Zalieh, priġunier Iranjan-Kurd miet fil-ħabs Rajaee Shahr bħala riżultat ta' attenzjoni medika fqira mill-awtoritajiet tal-ħabs;

D. billi l-kostituzzjoni tar-Repubblika Iżlamika tal-Iran tipprovdi formalment għat-trattament ġust tal-minoranzi etniċi; billi, madankollu fil-prattika, membri ta' minoranzi etniċi, bħall-Ażeri, l-Għarab, il-Kurdi u l-Baloch, qed jiffaċjaw firxa sħiħa ta' vjolazzjonijiet tad-drittijiet umani u ċivili, inklużi indħil fuq id-drittijiet tagħhom tal-libertà ta' għaqda, assoċjazzjoni u espressjoni;

E.  billi hemm diskriminazzjoni mifruxa kontra l-persuni li jappartjenu għall-minoranzi, inkluża l-konfiska tal-art u tal-proprjetà u ċ-ċaħda ta' impjieg, u restrizzjonijiet fuq id-drittijiet soċjali, kulturali u lingwistiċi, bi vjolazzjoni tal-Konvenzjoni Internazzjonali dwar l-Eliminazzjoni tal-Forom Kollha ta' Diskriminazzjoni Razzjali u tal-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ekonomiċi, Soċjali u Kulturali;

F.  billi d-diskriminazzjoni kontra l-minoranzi etniċi għandha impatt konsiderevoli fil-qasam tal-edukazzjoni, minħabba li l-iskejjel fir-reġjuni tal-minoranzi huma sikwit foqra u r-rati ta’ analfabetiżmu f'dawn ir-reġjuni għandhom tendenza li jkunu ogħla mill-medja nazzjonali, fattur li jikkontribwixxi għar-rappreżentanza insuffiċjenti tal-minoranzi nazzjonali u etniċi fil-karigi għolja tal-gvern;

G. billi n-nisa mhux Persjani jiffaċjaw diskriminazzjoni doppja bħala membri ta' komunitajiet marġinalizzati u bħala nisa fl-Iran, fejn il-liġi tillimita d-drittijiet tagħħom b'mod speċifiku;

H. billi kienet irreġistrata żieda drammatika fl-eżekuzzjonijiet, inklużi ta' minuri, fl-Iran f'dawn l-aħħar snin; billi l-piena tal-mewt tkun imposta regolarment f'każijiet fejn l-akkużati jkunu miċħuda d-drittijiet ta' proċess ġust tagħhom u għal delitti li ma jaqgħux taħt il-kategorija tal-"iktar delitti gravi" skont l-istandards internazzjonali;

1.  Jesprimi t-tħassib kbir tiegħu għas-sitwazzjoni li dejjem sejra għall-agħar fl-Iran, inkluż għal persuni li jagħmlu parti minn minoranzi reliġjużi u etniċi, minħabba diskriminazzjoni politika, ekonomika, soċjali u kulturali sistematika;

2.  Jistieden lill-awtoritajiet Iranjani jeliminaw il-forom kollha ta' diskriminazzjoni kontra persuni li huma parti minn minoranzi etniċi u reliġjużi, kemm jekk huma uffiċjalment rikonoxxuti kemm jekk mhumiex; jitlob li kull persuna li hi parti minn minoranza titħalla teżerċita d-drittijiet kollha mħaddna fil-Kostituzzjoni Iranjana u fil-liġi internazzjonali, inklużi l-garanziji stipulati fil-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi u l-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ekonomiċi, Soċjali u Kulturali, li tagħhom l-Iran huwa stat kontraenti;

3.  Jistieden lill-awtoritajiet Iranjani biex jiżguraw li l-membri tal-minoranza Għarbija Aħważi arrestati – Mohammad Ali Amouri, Rahman Asakereh, Hashem Sha’bani Amouri, Hadi Rashidi, Sayed Jaber Alboshoka u Sayed Mokhtar Alboshoka – ikunu pproċessati skont l-istandards internazzjonali ta' proċess ġust, bil-protezzjoni dovuta mit-tortura u minn trattament ħażin ieħor, u mingħajr l-użu tal-piena tal-mewt;

4.  Iħeġġeġ lill-awtoritajiet Iranjani jeħilsu l-attivisti li bħalissa qiegħdin il-ħabs għall-ħidma paċifika tagħhom favur id-drittijiet tal-minoranzi;

5.  Jistieden lill-awtoritajiet Iranjani jirrispettaw id-dritt tal-minoranzi etniċi li jużaw il-lingwi proprji tagħhom, fil-privat u pubbliku, u b'mod partikolari jiggarantixxu l-edukazzjoni fil-lingwi minoritarji, skont il-kostituzzjoni tar-Repubblika Iżlamika tal-Iran;

6.  Jistieden lill-Espert Indipendenti tan-NU dwar kwistjonijiet ta' minoranzi u r-Rapporteur Speċjali tan-NU dwar forom kontemporanji ta' razziżmu, ksenofobija u intolleranza relatata biex jagħmlu żjara fl-Iran sabiex jirrapportaw dwar is-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem, u b'mod partikolari l-qagħda mwiegħra tal-minoranzi;

7.  Jistieden lill-awtoritajiet Iranjani jiggarantixxu l-libertà reliġjuża skont il-kostituzzjoni Iranjana u l-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi u jtemmu, fil-prattika, id-diskriminazzjoni kontra Musulmani mhux Xiti u l-fastidju li jingħatalhom, il-persekuzzjoni sistematika tal-minoranza Baha'i u l-applikazzjoni tal-piena tal-mewt lil min jikkonverti mill-Iżlam;

8.  Jistieden lill-Kummissjoni, f'kooperazzjoni mill-qrib mal-Parlament, biex tagħmel użu effettiv mill-Istrument għad-Demokrazija u għad-Drittijiet tal-Bniedem il-ġdid sabiex tappoġġa d-demokrazija u r-rispett għad-drittijiet tal-bniedem, inklużi d-drittijiet ta' persuni minn minoranzi, fl-Iran;

9.  Jikkundanna bil-qawwa l-piena kapitali fl-Iran u jistieden lill-awtoritajiet Iranjani biex, bi qbil mar-Riżoluzzjonijiet 62/149 u 63/138, tal-Assemblea Ġenerali tan-NU, jistabbilixxu moratorju fuq l-eżekuzzjonijiet sakemm titneħħa l-piena kapitali; iħeġġeġ lill-gvern sabiex jipprojbixxi l-eżekuzzjoni tal-minuri u jikkommuta s-sentenzi kapitali kollha li bħalissa qed jiffaċjaw il-minuri;

10. Jafferma mill-ġdid ir-rieda tiegħu li jimpenja ruħu fi djalogu dwar id-drittijiet tal-bniedem mal-Iran fil-livelli kollha fuq il-bażi ta' valuri universali kif imħaddna fil-Karta tan-NU u l-konvenzjonijiet tan-NU;

11. Jistieden lill-Awtoritajiet Iranjani juru li huma impenjati bis-sħiħ li jikkooperaw mal-komunità internazzjonali fit-titjib tal-qagħda tad-drittijiet tal-bniedem fl-Iran; jenfasizza l-ħtieġa għal impenn aktar mill-qrib mal-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-NU u mal-mekkaniżmi tad-drittijiet tal-bniedem;

12. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu iressaq din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Viċi-President tal-Kummissjoni / Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, lis-Segretarju Ġenerali tan-NU, lill-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-NU, lill-Uffiċċju tal-Mexxej Suprem, u lill-Gvern u lill-Parlament tar-Repubblika Iżlamika tal-Iran.