Mozzjoni għal riżoluzzjoni konġunta - RC-B7-0373/2012Mozzjoni għal riżoluzzjoni konġunta
RC-B7-0373/2012

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI KONĠUNTA dwar il-politika tal-UE dwar ix-Xatt tal-Punent u l-Ġerusalemm tal-Lvant

3.7.2012 - (2012/2694(RSP))

imressqa skont l-Artikolu 110(2) u (4) tar-Regoli ta' Proċedura
li tissostitwixxi l-mozzjonijiet għal riżoluzzjoni mressqa mill-gruppi:
Verts/ALE (B7‑0373/2012)
S&D (B7‑0374/2012)
ALDE (B7‑0375/2012)
GUE/NGL (B7‑0376/2012)

Véronique De Keyser, Pino Arlacchi, Emine Bozkurt, Ricardo Cortés Lastra, Emer Costello, Robert Goebbels, Ana Gomes, Richard Howitt, Wolfgang Kreissl-Dörfler, María Muñiz De Urquiza, Norbert Neuser, Raimon Obiols, Boris Zala f'isem il-Grupp S&D
Annemie Neyts-Uyttebroeck, Chris Davies, Marielle de Sarnez, Niccolò Rinaldi, Robert Rochefort, Ivo Vajgl f'isem il-Grupp ALDE
Margrete Auken, Nicole Kiil-Nielsen, Hélène Flautre, Judith Sargentini, Raül Romeva i Rueda, Ana Miranda, Malika Benarab-Attou, Eva Joly, Daniel Cohn-Bendit f'isem il-Grupp Verts/ALE
Patrick Le Hyaric, Kyriacos Triantaphyllides, Sabine Lösing, Nikolaos Chountis, Marisa Matias f'isem il-Grupp GUE/NGL


Proċedura : 2012/2694(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument :  
RC-B7-0373/2012
Testi mressqa :
RC-B7-0373/2012
Dibattiti :
Votazzjonijiet :
Testi adottati :

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar il-politika tal-UE dwar ix-Xatt tal-Punent u l-Ġerusalemm tal-Lvant

(2012/2694(RSP))

Il-Parlament Ewropew,

–   wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu, b’mod partikolari dawk tad-29 ta’ Settembru 2011 dwar is-sitwazzjoni fil-Palestina[1], tas-16 ta’ Frar 2012 dwar il-proposta għal Deċiżjoni tal-Kunsill dwar il-konklużjoni tal-Konvenzjoni reġjonali dwar ir-regoli preferenzjali tal-oriġini pan-Ewro-Mediterranji[2], u tad-9 ta’ Settembru 2010 dwar is-sitwazzjoni tax-Xmara Ġordan b'attenzjoni speċjali għall-inħawi tan-naħa ta' isfel tax-Xmara Ġordan[3],

–   wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill dwar il-Proċess tal-Paċi fil-Lvant Nofsani tal-14 ta’ Mejju 2012, tat-18 ta’ Lulju u tat-23 ta’ Mejju 2011 u tat-8 ta’ Diċembru 2009,

–   wara li kkunsidra d-diskors tal-VP/RGħ Catherine Ashton dwar l-iżviluppi reċenti fil-Lvant Nofsani u fis-Sirja fis-sessjoni plenarja tal-Parlament tat-12 ta' Ġunju 2012,

–   wara li kkunsidra d-dikjarazzjonijiet tal-VP/RGħ Catherine Ashton, b'mod partikolari dawk dwar l-espansjoni tal-insedjamenti tat-8 ta' Ġunju 2012, dwar id-deċiżjoni tal-awtoritajiet Iżraeljani rigward l-istatus tal-insedjamenti ta' Sansana, Rechelim u Bruchin fit-territorju Palestinjan okkupat tal-25 ta' April 2012, u dwar l-approvazzjonijiet tal-insedjamenti Iżraeljani tat-22 ta' Frar 2012,

–   wara li kkunsidra r-rapporti tal-Kapijiet tal-Missjoni tal-UE dwar Ġerusalemm tal-Lvant ta' Jannar 2012, u dwar "Iż-Żona C u l-Kostruzzjoni ta' Stat Palestinjan" ta' Lulju 2011, u r-rapport tal-Kapijiet tal-Missjoni tal-UE dwar il-Vjolenza mill-Kolonizzaturi ta' April 2011 u n-nota mehmuża tal-Kapijiet tal-Missjoni tal-UE dwar il-Vjolenza mill-Kolonizzaturi ta' Frar 2012,

–   wara li kkunsidra r-Raba’ Konvenzjoni ta' Ġinevra tal-1949 dwar il-Protezzjoni ta' Persuni Ċivili fi Żmien ta' Gwerra,

–   wara li kkunsidra l-Karta tan-Nazzjonijiet Uniti,

–   wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet tal-Assemblea Ġenerali tan-NU 181 (1947) u 194 (1948), u r-Riżoluzzjonijiet tal-Kunsill ta' Sigurtà tan-NU 242 (1967), 252 (1968), 338 (1973), 476 (1980), 478 (1980), 1397 (2002), 1515 (2003) u 1850 (2008),

–   wara li kkunsidra l-Patt Internazzjonali tan-NU dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi tal-1966,

–   wara li kkunsidra d-dikjarazzjonijiet tal-Kwartett tal-Lvant Nofsani, b'mod partikolari dawk tat-11 ta' April 2012 u tat-23 ta’ Settembru 2011,

–   wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni konġunta tal-Iżrael u l-Awtorità Palestinjana (AP) tat-12 ta’ Mejju 2012,

–   wara li kkunsidra l-opinjoni konsultattiva tal-Qorti Internazzjonali tal-Ġustizzja bl-isem "Konsegwenzi Legali tal-Kostruzzjoni ta' Ħajt fit-Territorju Palestinjan Okkupat" tad-9 ta' Lulju 2004,

–   wara li kkunsidra l-pjan ta' bini ta' stat f' sentejn tal-Prim Ministru Palestinjan Salam Fayyad ta' Awwissu 2009 bl-isem "Tmiem tal-okkupazzjoni, stabbiliment ta' stat",

–   wara li kkunsidra l-Ftehim Interim dwar ix-Xatt tal-Punent u l-Istrixxa ta' Gaża tat-18 ta' Settembru 1995,

–   wara li kkunsidra l-Ftehimiet ta' Oslo ("Dikjarazzjoni tal-Prinċipji dwar Arranġamenti Interim ta’ Governanza Awtonoma") tat-13 ta' Settembru 1993,

–   wara li kkunsidra l-Artikolu110(2) u (4) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A. billi l-UE kkonfermat b’mod ripetut l-appoġġ tagħha għas-soluzzjoni ta' żewġ stati, fejn l-Istat tal-Iżrael bi fruntieri siguri u rikonoxxuti, u Stat tal-Palestina indipendenti, demokratiku, kontigwu u vijabbli, jgħixu maġenb xulxin fil-paċi u s-sigurtà, u ddikjarat li m’għandu jiġi rikonoxxut ebda bdil tal-fruntieri ta’ qabel l-1967, inkluż fir-rigward ta' Ġerusalemm bħala l-kapitali taż-żewġ Stati, ħlief il-bdil li diġà sar qbil dwaru bejn il-partijiet; billi d-dritt tal-Palestinjani għall-awtodeterminazzjoni u d-dritt li jkollhom l-istat tagħhom huwa inkontestabbli, daqs kemm huwa inkontestabbli d-dritt tal-Iżrael li jeżisti fi fruntieri sikuri;

B.  billi l-konklużjonijiet tal-Kunsill tal-14 ta' Mejju 2012 enfasizzaw li ‘l-bidliet kontinwi fid-dinja Għarbija jagħmlu aktar urġenti l-ħtieġa għal progress fil-proċess ta' paċi fil-Lvant Nofsani’ u s-smigħ tal-aspirazzjonijiet tal-poplu fir-reġjun, inklużi dawk tal-Palestinjani għas-sovranità u dawk tal-Iżraeljani għas-sigurtà huma element kruċjali għal paċi dejjiema, stabbiltà u prosperità fir-reġjun’;

C. billi waqfu t-taħditiet tal-paċi diretti bejn il-partijiet u fallew l-isforzi reċenti kollha biex jerġgħu jibdew in-negozjati; billi l-UE stiednet lill-partijiet biex ifittxu azzjonijiet li jwasslu għal ambjent ta’ fiduċja meħtieġ biex jiġu żgurati negozjati sinifikanti, jastjenu minn azzjonijiet li jdgħajfu l-kredibilità tal-proċess u jipprevjenu t-tixwix;

D. billi l-Iżrael u l-Awtorità Palestinjana ħarġu d-dikjarazzjoni konġunta li ġejja fit-12 ta' Mejju 2012: 'l-Iżrael u l-Awtorità Palestinjana ħadu l-impenn li jiksbu l-paċi, u l-partijiet jittamaw li l-iskambju ta' ittri bejn il-President Abbas u l-Prim Ministru Netanyahu jwassal għal progress lejn dan l-għan';

E.  billi d-Dritt Internazzjonali tal-Jeddijiet tal-Bniedem u Umanitarju, inkluża r-Raba’ Konvenzjoni ta’ Ġinevra, japplikaw fis-sħiħ għax-Xatt tal-Punent, inklużi Ġerusalemm tal-Lvant u l-Istrixxa ta' Gaża; billi Iżrael hija obbligata li fost l-oħrajn tiżgura b’bona fidi li l-ħtiġiet bażiċi tal-popolazzjoni Palestinjana okkupata jiġu sodisfatti, li tamministra l-okkupazzjoni tagħha b’mod li jkun ta’ benefiċċju għall-popolazzjoni lokali, li tipproteġi u tippreżerva l-oġġetti ċivili, u li tevita t-trasferiment tal-popolazzjoni tagħha fit-territorju okkupat kif ukoll tal-popolazzjoni tat-territorju okkupat fit-territorju tagħha;

F.  billi r-rapporti reċenti tal-Kapijiet tal-Missjoni tal-UE dwar "Iż-Żona C u l-Kostruzzjoni ta' Stat Palestinjan", dwar Ġerusalemm tal-Lvant, u dwar il-Vjolenza mill-Kolonizzaturi, ikkonfermaw għal darba oħra żviluppi allarmanti u potenzjalment irreversibbli fuq il-post fiż-żoni kkonċernati; billi l-Ministeru Iżraeljan għall-Affarijiet Barranin jirrifjuta d-dikjarazzjonijiet magħmula fil-karti tal-UE u kkritika l-karti billi qal li ma jgħinux biex isir progress fil-proċess ta' paċi;

G. billi, sa mill-Ftehimiet ta' Oslo tal-1995, ix-Xatt tal-Punent ġie diviż f'termini amministrattivi fi tliet żoni; billi ż-Żona C tinkludi parti ikbar mit-territorju tax-Xatt tal-Punent; billi l-iżviluppi soċjali u ekonomiċi fiż-Żona C huma ta' importanza kritika għall-vijabilità tal-Istat Palestinjan futur;

H. billi l-preżenza Palestinjana fix-Xatt tal-Punent, f'kunsiderazzjoni speċjali għaż-Żona C, u f'Ġerusalemm tal-Lvant, ġiet ipperikolata mill-politiki tal-Gvern Iżraeljan, u partikolarment mill-bini u l-espansjoni tal-insedjamenti; billi l-insedjamenti Iżraeljani huma illegali skont il-liġi internazzjonali u jikkostitwixxu ostaklu ewlieni għall-isforzi tal-paċi filwaqt li huma ssussidjati mill-Gvern Iżraeljan b'inċentivi kbar fl-oqsma tat-tassazzjoni, djar, infrastruttura, toroq, aċċess għall-ilma, edukazzjoni, kura tas-saħħa eċċ.;

I.   billi Iżrael, fil-pubblikazzjoni tagħha ‘Il-Liġi Bażika: Ġerusalemm: il-Kapital ta’ Iżrael’ tal-1980, iddikjarat li Ġerusalemm hija l-kapitali sħiħa u magħquda ta’ Iżrael, li jmur kontra r-Riżoluzzjoni tal-Kunsill ta' Sigurtà tan-NU 478 (1980); billi l-konklużjoni tal-Kunsill tal-14 ta’ Mejju 2012 tennew li trid tinstab triq permezz tan-negozjati għar-riżoluzzjoni tal-istatus ta' Ġerusalemm bħala kapitali futura ta' żewġ stati; billi l-iżviluppi attwali f'Ġerusalemm tal-Lvant jagħmlu fil-prattika l-prospettiva ta' Ġerusalemm bħala l-kapitali futura taż-żewġ stati inqas u inqas possibbli u funzjonabbli; billi dejjem qed tiżdied is-separazzjoni bejn Ġerusalem tal-Lvant u x-Xatt tal-Punent, bħalma qed tiżdied ukoll is-separazzjoni bejn il-Baċin Storiku f'Ġerusalem u l-bqija ta' Ġerusalem tal-Lvant;

J.   billi, filwaqt li l-Palestinjani li jgħixu f'Ġerusalemm tal-Lvant jirrappreżentaw 37% tal-popolazzjoni ta' Ġerusalemm u jirrappreżentaw 36% tad-dħul fiskali tal-muniċipalità, 10% biss tal-baġit muniċipali jintnefaq f'Ġerusalemm tal-Lvant u l-għoti ta' servizzi huwa għalkollox inadegwat; billi l-biċċa l-kbira tal-istituzzjonijiet Palestinjani, inkluża l-Orient House, ingħalqu mill-awtoritajiet Iżraeljani f'Ġerusalemm tal-Lvant, u dan ħoloq vojt istituzzjonali u ta' tmexxija fil-popolazzjoni Palestinjana lokali, li għadu preokkupazzjoni ewlenija;

K. billi l-Palestinjani li jgħixu f'Ġerusalemm tal-Lvant, għandhom l-istatus ta' residenti permanenti, li jista' jiġi trasferit lit-tfal taħt ċerti kundizzjonijiet biss u mhuwiex trasferit awtomatikament permezz ta' żwieġ, u dan ma jippermettix lill-miżżewġin u lit-tfal ta' ħafna residenti permanenti f'Ġerusalemm tal-Lvant li jgħixu flimkien mal-membri tal-familja tagħhom; billi min-naħa l-oħra, madwar 200 000 kolonizzatur Iżraeljan qed jgħixu fi u madwar Ġeruslaemm tal-Lvant;

L.  billi l-protezzjoni tal-popolazzjoni Palestinjana u tad-drittijiet tagħha fix-Xatt tal-Punent, fir-rigward b'mod partikolari taż-Żona C, u f'Ġerusalemm tal-Lvant, hija ta' importanza fundamentali għall-preservazzjoni tal-vijabilità tas-soluzzjoni ta' żewġ stati; billi l-espansjoni li għaddejja ta' insedjamenti illegali u l-vjolenza tal-kolonizzaturi, ir-restrizzjonijiet fuq l-ippjanar u n-nuqqas akut konsegwenti ta' djar, id-twaqqigħ tad-djar, l-evizzjonijiet u l-ispostamenti, il-konfiska ta' art, l-aċċess diffiċli għal riżorsi naturali, in-nuqqas ta' servizzi soċjali bażiċi u ta' assistenza bażika qed ikollhom impatt negattiv sinifikanti fuq il-kundizzjonijiet ta' għixien tal-Palestinjani; billi s-sitwazzjoni ekonomika f'dawn iz-zoni, aggravata mir-restrizzjonijiet fuq l-aċċess, il-moviment u l-ippjanar, għadha sors kbir ta' preokkupazzjoni; billi skont ir-rapport annwali tal-ILO 53.5% ta' nisa żgħażagħ u 32.3% ta' rġiel żgħażagħ bejn l-etajiet ta' 15-il sena u 24 sena fix-Xatt tal-Punent huma qegħda;

M. billi l-popolazzjoni Palestinjana fix-Xatt tal-Punent, b'mod partikolari fiz-Zona C, u f'Ġerusalemm tal-Lvant qed taffaċċja nuqqasijiet kbar ta' ilma; billi l-bdiewa Palestinjani huma affettwati b’mod gravi bin-nuqqas ta’ ilma għall-irrigazzjoni, u dan minħabba li fil-biċċa l-kbira jintuża mill-Iżrael u mill-Iżraeljani li jgħixu fl-insedjamenti; billi d-disponibilità ta' riżorsi suffiċjenti tal-ilma hija essenzjali għall-vijabilità ta’ Stat Palestinjan futur;

N. billi l-ħajt tal-firda mibni minn Iżrael, li ma jimxix mal-Linja l-Ħadra, jaqta’ ’l barra partijiet kbar tat-territorju Palestinjan kemm fix-Xatt tal-Punent kemm f’Ġerusalemm tal-Lvant; billi l-opinjoni konsultattiva tal-Qorti Internazzjonali tal-Ġustizzja bl-isem ‘Konsegwenzi Legali tal-Kostruzzjoni ta' Ħajt fit-Territorju Palestinjan Okkupat’ tal-2004 ddikjarat li ‘l-kostruzzjoni tal-ħajt li qed jinbena mill-Iżrael (...) u r-reġim assoċjat tiegħu, tmur kontra l-liġi internazzjonali’;

O. billi l-Parlament esprima ripetutament l-appoġġ tiegħu għall-iforzi tal-bini ta' stat tal-President Mahmoud Abbas u l-Prim Ministru Salam Fayyad u rrikonoxxa u laqa' s-suċċess tal-pjan ta' bini ta' stat ta' sentejn tal-Prim Ministru Fayyad; billi z-Zona C u Ġerusalemm tal-Lvant għandhom jibqgħu prijoritajiet fil-pjanijiet ta' żvilupp nazzjonali Palestinjani, partikolarment bħala respons għas-sens ta' telqa li jħossu l-Palestinjani li jgħixu f’dawn l-inħawi;

P.  billi aktar minn 4500 ħabsi Palestinjan, inkluż 24 membru tal-Kunsill Leġiżlattiv Palestinjan, madwar 240 tifel u tifla u aktar minn 300 detenut amministrattiv Palestinjan huma attwalment miżmuma f'ħabsijiet u ċentri ta' detenzjoni Iżraeljani;

Q. billi l-Bedwini Għarab huma poplu indiġenu li jgħixu ħajja sedentarja u tradizzjonalment agrikola fuq l-artijiet ta' missirijiethom u qed ifittxu rikonoxximent formali u permanenti tas-sitwazzjoni u l-istatus uniku tagħhom; billi l-komunitajiet Għarab Bedwini, mheddin mill-politiki Iżraeljani li jimminawlhom l-għajxien tagħhom u jinkludu t-trasferiment forzat, huma popolazzjoni partikolarment vulnerabbli kemm fit-Territorju Palestinjan okkupat kemm fin-Negev;

R   billi skont ir-rapport tal-Grupp ta' Ħidma dwar iċ-Ċaqliq li ġie ppubblikat fl-14 ta' Mejju 2012 u l-Monitoraġġ Umanitarju ta' kull xahar tal-OCHA, aktar minn 60 struttura, inklużi panils solari, tankijiet tal-ilma u bini agrikolu, iffinanzjati mill-Unjoni Ewropea u numru ta' Stati Membri tagħha ġġarrfu mill-forzi Iżraeljani sa minn Jannar 2011; billi 'l fuq minn 100 proġett simili għadhom mhedda b'tiġrif;

S.  billi f'ħafna okkażjonijiet, inkluż fil-konklużjonijiet tal-Kunsill tal-14 ta' Mejju 2012, l-UE u l-Istati Membri fakkru l-impenn fundamentali tagħhom għas-sigurtà tal-Iżrael, ikkundannaw bis-saħħa l-vjolenza li hija deliberatament immirata fuq iċ-ċivili, inklużi l-attakki bir-rokits mill-Istrixxa ta' Gaża, u talbu għall-prevenzjoni effettiva tal-armi li jiddaħħlu bħala kuntrabandu f'Gaża;

T.  billi l-Artikolu 2 tal-Ftehim ta' Assoċjazzjoni UE-Iżrael, li jiddikjara li r-relazzjonijiet bejn il-partijiet se tkun imsejsa fuq ir-rispett għad-drittijiet tal-bniedem u l-prinċipji demokratiċi li jiggwidaw il-politiki interni u internazzjonali tagħhom, huwa element essenzjali ta' dan il-Ftehim;

U. billi l-imblokk tal-Istrixxa ta' Gaża u l-kriżi umanitarja li hemm issoktaw sa mill-2007 minkejja l-bosta appelli li saru mill-komunità internazzjonali għall-ftuħ, immedjat, sostnut u inkundizzjonat tal-punti ta' qsim jew għall-fluss ta' għajnuna umanitarja, oġġetti kummerċjali u persuni lejn u minn Gaża, kif imtenni wkoll fil-konklużjonijiet tal-Kunsill tal-14 ta' Mejju 2012;

1.  Itenni l-appoġġ qawwi tiegħu għas-soluzzjoni ta’ żewġ stati abbażi tal-fruntieri tal-1967 b’Ġerusalemm bħala l-kapitali taż-żewġ stati, bl-Istat tal-Iżrael bi fruntieri sikuri u rikonoxxuti, u l-Istat tal-Palestina indipendenti, demokratiku, kontigwu u vijabbli jgħixu spalla ma’ spalla fil-paċi u fis-sigurtà;

2.  Jilqa' l-konklużjonijiet tal-Kunsill dwar il-Proċess ta' Paċi fil-Lvant Nofsani tal-14 ta' Mejju 2012 - li jinkludu konklużjonijiet dwar ix-Xatt tal-Punent u Ġerusalemm tal-Lvant - u jtenni li l-UE mhux se tirrikonoxxi bidliet tal-fruntieri ta' qabel l-1967, anke fir-rigward ta' Ġerusalemm, ħlief dawk li diġà ntlaħaq ftehim dwarhom bejn il-partijiet, u jilqa' d-dikjarazzjoni tal-Kwartett tal-Lvant Nofsani tal-11 ta' April 2012;

3.  Jenfasizza li t-tmiem tal-konflitt huwa interess fundamentali tal-UE kif ukoll tal-partijiet infushom u r-reġjun b’mod ġenerali, u jista’ jinkiseb permezz ta’ ftehim ta’ paċi komprensiv, ibbażat fuq ir-riżoluzzjonijiet rilevanti tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU, il-Prinċipji ta’ Madrid inkluż dak ta’ skambju tal-art għall-paċi, il-Pjan Direzzjonali, il-ftehimiet milħuqa qabel mill-partijiet u l-Inizjattiva Għarbija għall-Paċi. jinsisti fuq il-fatt li kwalunke soluzzjoni li tirriżulta m’għandhiex taffettwa d-dinjità ta’ xi waħda mill-partijiet; jinnota li l-UE, bħala l-ikbar donatur lill-Awtorità Palestinjana u wieħed mill-ikbar sħab kummerċjali ta' Iżrael, għandha strumenti għad-dispożizzjoni tagħha biex tħeġġeġ iktar attivament liż-żewġ partijiet biex jaħdmu għas-sejba ta' soluzzjoni; jitlob liż-żewġ partijiet biex jaħdmu flimkien mal-UE, li għandha tkompli bl-isforzi kollha tagħha biex tinstab soluzzjoni għall-kunflitt; ifakkar l-applikabbiltà tad-dritt umanitarju internazzjonali fit-territorju Palestinjan okkupat, inkluż l-applikabbiltà tar-Raba' Konvenzjoni ta' Ġinevra dwar il-Protezzjoni ta' Nies Ċivili fi Żminijiet ta' Gwerra;

4.  Jenfasizza li għandhom jitkomplew bla dewmien in-negozjati diretti li jwasslu għal soluzzjoni ta’ żewġ stati bejn l-Iżraeljani u l-Palestinjani, u skont l-iskadenzi mitluba mill-Kwartett, biex jingħeleb l-istatus quo inaċċettabbli; jilqa’ l-iskambju ta’ ittri bejn il-partijiet li beda fis-17 ta’ April 2012 u d-dikjarazzjoni konġunta tal-Iżrael u l-AP tat-12 ta’ Mejju 2012;

5.  Jesprimi t-tħassib kbir tiegħu dwar l-iżviluppi fuq il-post taż-Żona C fix-Xatt tal-Punent u f'Ġersualemm tal-Lvant, kif deskritti fir-rapporti tal-Kapijiet tal-Missjoni tal-UE dwar "Żona C u Bini ta' Stat Palestinjan" ta' Lulju 2011 u dwar Ġerusalemm tal-Lvant ta' Jannar 2012;

6.  Jisħaq fuq l-importanza li jitħarsu l-popolazzjoni Palestinjana u d-drittijiet tagħha fiz-Zona C u f'Ġerusalemm tal-Lvant, li huwa essenzjali biex il-vijabbiltà tas-soluzzjoni ta' żewġ stati tibqa' possibbli;

7.  Itenni li l-insedjamenti kollha jibqgħu illegali taħt id-dritt internazzjonali u jitlob lill-Gvern ta' Iżrael biex iwaqqaf kwalunkwe kostruzzjoni u estensjoni ta' insedjamenti fix-Xatt tal-Punent u f'Ġerusalemm tal-Lvant, u biex jiżżarmaw l-istakkamenti kollha li nbnew minn Marzu 2011;

8.  Jikkundanna bil-qawwa l-atti kollha ta' estremiżmu, vjolenza u fastidju minn naħa tal-kolonizzaturi kontra ċ-ċivili Palestinjani u jistieden lill-Gvern u lill-awtoritajiet Iżraeljani biex jibdew proċedimenti kontra min wettaq dawn l-atti u jqisuhom responsabbli;

9.  Jitlob l-implimentazzjoni sħiħa u effikaċi tal-leġiżlazzjoni eżistenti tal-UE għall-ftehimiet bilaterali eżistenti bejn l-UE u l-Iżrael kif ukoll li jiġi żgurat li l-mekkaniżmu ta' kontroll tal-UE - 'l-arranġamenti tekniċi' - ma jippermettix li prodotti mill-insedjamenti Iżraeljani jiġu importati fis-suq Ewropew skont it-termini preferenzjali tal-Ftehim ta' Assoċjazzjoni bejn l-UE u l-Iżrael;

10. Jistieden lill-Gvern Iżraeljan u lill-awtoritajiet Iżraeljani jissodisfaw l-obbligi tagħhom skont id-dritt umanitarju internazzjonali, b'mod partikolari billi

     –   jiżguraw minnufih it-twaqqigħ tad-djar, l-evizzjonijiet, ul-ispostament sfurzat tal-Palestinjani,

     –   jiffaċilitaw l-attivitajiet ta' ppjanar u bini tal-Palestinjani kif ukoll l-implimentazzjoni tal-proġetti ta' żvilupp Palestinjani,

     –   jiffaċilitaw l-aċċess u l-moviment,

     –   jiffaċilitaw l-aċċess tal-Palestinjani għall-imkejjen tal-biedja u l-mergħat;

     –   jiżguraw distribuzzjoni ġust tal-ilma b’mod li jiġu sodisfatti l-ħtiġiet tal-popolazzjoni Palestinjani,

     –   itejbu l-aċċess tal-popolazzjoni Palestinjani għal servizzi u assistenza soċjali adegwati, b’mod partikolari fl-oqsma tal-edukazzjoni u s-saħħa pubblika, u

     –   jiffaċilitaw l-operazzjonijiet umanitarji

     fiż-Żona C u f'Ġerusalem tal-Lvant;

12. Jitlob li jintemm l-użu tad-detenzjoni amministrattiva mingħajr akkuża jew proċess formali kontra l-Palestinjani min-naħa tal-awtoritajiet Iżraeljani, li jkun hemm aċċess għal proċess ġudizzjarju ġust mid-detenuti Palestinjani kollha, u li jkun hemm ir-rilaxx tal-priġunieri politiċi Palestinjani, b’rigward speċjali għall-membri tal-Kunsill Leġiżlattiv Palestinjan inkluż Marwan Barghouti, u d-detenuti amminstrattivi; jitlob ukoll li jkun hemm ir-rilaxx immedjat ta’ Nabil Al-Raee, id-direttur artistiku ta’ The Freedom Theatre in Jenin Refugee Camp, li ġie arrestat fis-6 ta' Ġunju 2012 u ilu detenut minn dak iż-żmien; jilqa' l-ftehim li ntlaħaq fl-14 ta' Mejju 2012 li ppermetta t-tmiem tal-istrajk tal-ġuħ tal-ħabsin Palestinjani u jitlob għall-implimentazzjoni sħiħa u immedjata tiegħu;

13. Jitlob li jiġu protetti l-komunitajiet Bedwini tax-Xatt tal-Punent u fin-Negev, u biex jiġu rispettati bis-sħiħ id-drittijiet tagħhom mill-awtoritajiet Iżraeljani, u jikkundanna kwalunkwe ksur (eż. twaqqigħ tad-djar, l-ispostament sfurzat, limitazzjonijiet tas-servizzi pubbliċi); jitlob, f'dan il-kuntest, li l-Gvern Iżraeljan jirtira l-Pjan Prawer;

14. Iħeġġeġ lill-Gvern u lill-awtoritajiet Palestinjani jagħtu aktar attenzjoni liz-Zona C u lil Ġerusalemm tal-Lvant fil-pjani u proġġetti ta' żvilupp nazzjonali Palestinjani bl-iskop li jtejbu s-sitwazzjoni u l-kondizzjonijiet tal-għajxien tal-popolazzjoni Palestinjani f'dawn l-inħawi;

15. Jerġa’ jenfasizza l-fatt li l-mezzi paċifiċi u mhux vjolenti huma l-uniku mod kif tista’ tinkiseb soluzzjoni sostenibbli għall-kunflitt bejn l-Iżrael u l-Palestinjani; ikompli jappoġġa, f'dan il-kuntest, il-politika ta' reżistenza mhux vjolenti tal-President Abbas u jkompli jinkuraġġixxi r-rikonċiljazzjoni intra-Palestinjana u l-bini ta' Stat Palestinjan bl-elezzjonijiet presidenzjali u parlamentari jkunu elementi importanti ta' dan il-proċess;

16. Itenni l-impenn qawwi tiegħu għas-sigurtà tal-Istat tal-Iżrael; jikkundanna kwalunkwe att ta' vjolenza minn kull naħa li jattakka b’mod deliberat liċ-ċivili, u huwa ddiżgustat bl-attakki bir-rokits mill-Istrixxa ta' Gaża;

17. Jistieden lill-Kunsill u lill-Kummissjoni jkomplu jappoġġaw u jagħtu assistenza lill-istituzzjonijiet Palestinjani u lil proġetti ta' żvilupp fiz-Zona C u f'Ġerusalemm tal-Lvant bl-għan li l-popolazzjoni Palestinjana titħares u tissaħħaħ; jitlob li jkun hemm koordinazzjoni mtejba bejn l-UE u l-Istati Membri f'dan il-qasam; jenfasizza li Iżrael għandu jtemm il-prassi li jżomm id-dħul doganali u fiskali li jappartjeni lill-Awtorità Palestinjana;

18. Jistieden lis-SEAE u lill-Kummissjoni biex jivverifikaw fuq il-post l-allegazzjonijiet kollha li jikkonċernaw il-qerda u l-ħsarat għal strutturi u proġetti ffinanzjati mill-UE fit-territorji okkupati, u li jressqu r-riżultati lill-Parlament;

19. Jitlob lill-Kunsill u lill-Kummissjoni jkomplu jindirizzaw dawn il-kwistjonijiet fil-livelli kollha fir-relazzjonijiet bilaterali tal-UE mal-Iżrael u l-Awtorità Palestinjana; jisħaq li l-impenn ta’ Iżrael f’dak li għandu x’jaqsam mal-obbligi tagħha skont id-dritt internazzjonali tal-jeddijiet tal-bniedem u umanitarju versu l-popolazzjoni Palestinjana okkupata jitqies fis-sħiħ fir-relazzjonijiet bilaterali tal-UE mal-pajjiż;

20. Iħeġġeġ mill-ġdid lill-UE u lill-Istati Membri jkollhom rwol politiku aktar attiv, inkluż fi ħdan il-Kwartett, fl-isforzi biex tinkiseb paċi ġusta u dejjiema bejn l-Iżraeljani u l-Palestinjani; jenfasizza mill-ġdid ir-rwol ċentrali tal-Kwartett u jissokta fl-appoġġ tiegħu għar-Rappreżentant Għoli fl-isforzi tagħha biex toħloq perspettiva kredibbli għat-tnedija mill-ġdid tal-proċess ta' paċi;

21. Itenni l-appell tiegħu għat-tneħħija immedjata, sostnuta u inkundizzjonata tal-imblokk tal-Istrixxa ta' Gaża f'termini ta' persuni, il-flussi tal-għajnuna umanitarja u tal-oġġetti kummerċjali, u biex jittieħdu miżuri li jippermettu r-rikostruzzjoni u l-irkupru ekonomiku ta' din iz-Zona; jitlob ukoll, billi jirrikonoxxi l-bżonnijiet tas-sigurtà leġittima tal-Iżrael, għal mekkaniżmu ta' kontroll effettiv li jevita l-kuntrabandu tal-armi fil-Gaża; jieħu nota tad-deċiżjoni tal-Kunsill li testendi l-mandat tal-Missjoni ta' Assistenza fil-Fruntieri Ewropea ta' Rafah sat-30 ta' Ġunju 2013 u jippretendi li tissodisfa l-ħidmiet tagħha u jkollha rwol deċiżiv u effettiv fir-rigward tal-immaniġġjar ta' kuljum tar-relazzjonijiet transkonfinali u l-bini tal-kunfidenza bejn l-Iżrael u l-Awtorità Palestinjana;

22. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-Riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Viċi President tal-Kumissjoni/Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri, lir-Rappreżentant Speċjali tal-UE fil-Proċess ta' Paċi fil-Lvant Nofsani, lill-President tal-Assemblea Ġenerali tan-NU, lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-membri tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU, lill-Mibgħut tal-Kwartett tal-Lvant Nofsani, lill-Knesset u lill-Gvern ta' Iżrael, lill-President tal-Awtorità Palestinjana u lill-Kunsill Leġiżlattiv Palestinjan.