Proċedura : 2012/2788(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : RC-B7-0425/2012

Testi mressqa :

RC-B7-0425/2012

Dibattiti :

Votazzjonijiet :

PV 13/09/2012 - 11.15
CRE 13/09/2012 - 11.15
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :

P7_TA(2012)0351

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI KONĠUNTA
PDF 156kWORD 103k
12.9.2012
PE493.586v01-00}
PE493.596v01-00}
PE493.599v01-00}
PE493.600v01-00} RC1
 
B7-0425/2012}
B7-0435/2012}
B7-0438/2012}
B7-0439/2012} RC1

imressqa skont l-Artikolu 110(2) u (4) tar-Regoli ta' Proċedura

li tissostitwixxi l-mozzjonijiet għal riżoluzzjoni mressqa mill-gruppi:

S&D (B7‑0425/2012)

PPE (B7‑0435/2012)

ECR (B7‑0438/2012)

ALDE (B7‑0439/2012)


dwar is-Sirja (2012/2788(RSP))


José Ignacio Salafranca Sánchez-Neyra, Ioannis Kasoulides, Elmar Brok, Cristian Dan Preda, Arnaud Danjean, Mario Mauro, Mário David, Andrzej Grzyb, Ria Oomen-Ruijten, Hans-Gert Pöttering, Laima Liucija Andrikienė, Bernd Posselt, Rodi Kratsa-Tsagaropoulou, Tokia Saïfi, Michael Gahler, Monica Luisa Macovei, Peter Šťastný, Roberta Angelilli, Nadezhda Neynsky, Alojz Peterle, Elena Băsescu f'isem il-Grupp PPE
Véronique De Keyser, Ana Gomes, Saïd El Khadraoui, Pino Arlacchi, Richard Howitt, Emilio Menéndez del Valle, María Muñiz De Urquiza, Raimon Obiols, Pier Antonio Panzeri, Mitro Repo, Boris Zala f'isem il-Grupp S&D
Guy Verhofstadt, Marietje Schaake, Edward McMillan-Scott, Robert Rochefort, Graham Watson, Marielle de Sarnez, Sonia Alfano, Sarah Ludford, Louis Michel, Norica Nicolai, Kristiina Ojuland, Antonyia Parvanova, Johannes Cornelis van Baalen, Jelko Kacin, Alexandra Thein, Nathalie Griesbeck f'isem il-Grupp ALDE
Charles Tannock f'isem il-Grupp ECR
EMENDI

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar is-Sirja (2012/2788(RSP))  

Il-Parlament Ewropew,

–   wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar is-Sirja,

–   wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill Affarijiet Barranin dwar is-Sirja tat-23 ta' Lulju, il-25 ta' Ġunju, l-14 ta' Mejju, it-23 ta' April u t-23 ta' Marzu 2012; wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew dwar is-Sirja tad-29 ta' Ġunju 2012,

–   wara li kkunsidra d-dikjarazzjonijiet tal-Viċi President tal-Kummissjoni/tar-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà dwar is-Sirja tal-15 ta' Marzu, l-14 u s-27 ta' April, is-27 ta' Mejju, it-3 u t-18 ta' Ġunju, is-6, it-8 u l-20 ta' Lulju, it-3, l-4, it-8 u t-18 ta' Awwissu, u l-5 ta' Settembru 2012,

–   wara li kkunsidra d-dikjarazzjonijiet tal-Kummissarju responsabbli għall-Kooperazzjoni Internazzjonali, l-Għajnuna Umanitarja u r-Rispons f'Każ ta' Kriżi dwar is-Sirja tas-17 u l-31 ta' Lulju u d-29 ta' Awwissu 2012,

–   wara li kkunsidra ż-żjara ta' tlett ijiem lis-Sirja tal-President tal-Kumitat Internazzjonali tas-Salib l-Aħmar mill-4 sas-6 ta' Settembru 2012,

–   wara li kkunsidra d-deċiżjoni meħuda fis-17 ta' Awwissu 2012 mis-Segretarju Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti Ban Ki-moon u mis-Segretarju Ġenerali tal-Lega tal-Istati Għarab Nabil El Araby biex Lakhdar Brahimi jinħatar bħala r-Rappreżentant Speċjali Konġunt il-ġdid għas-Sirja,

–   wara li kkunsidra r-Regolament (UE) Nru 509/2012 tal-15 ta' Ġunju 2012 li jemenda r-Regolament (UE) Nru 36/2012 dwar miżuri restrittivi fid-dawl tas-sitwazzjoni fis-Sirja, u d-deċiżjonijiet sussegwenti tal-Kunsill li jinfurzaw dawn il-miżuri,

–   wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni 66/253 tal-Assemblea Ġenerali tan-NU tat-3 ta' Awwissu 2012 dwar is-sitwazzjoni fir-Repubblika Għarbija Sirjana,

–   wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet 19/1 tal-1 ta' Marzu 2012, S-19/1 tal-1 ta' Ġunju 2012 u 20/L.22 tas-6 ta' Lulju 2012 tal-Kunsill tan-NU tad-Drittijiet tal-Bniedem dwar is-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fis-Sirja,

–   wara li kkunsidra r-rapport tal-Kummissjoni Internazzjonali Indipendenti ta' Inkjesta tan-NU dwar is-Sirja tal-15 ta' Awwissu 2012,

–   wara li kkunsidra d-deċiżjoni meħuda mill-Organizzazzjoni tal-Kooperazzjoni Iżlamika (OIC) fit-13 ta' Awwissu 2012 biex is-sħubija tas-Sirja tiġi sospiża,

–   wara li kkunsidra l-Patt Nazzjonali u l-Viżjoni Politika Komuni għat-Tranżizzjoni fis-Sirja maħruġa wara l-konferenza tal-oppożizzjoni Sirjana li saret taħt il-patroċinju tal-Lega tal-Istati Għarab fil-Kajr fit-2 u t-3 ta' Lulju,

–   wara li kkunsidra l-eżitu tal-laqgħa tal-Grupp ta' Azzjoni f'Ġinevra tat-30 ta' Ġunju 2012,

–   wara li kkunsidra l-Pjan Annan u r-riżoluzzjonijiet 2042, 2043 u 2059 tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti,

–   wara li kkunsudra l-konklużjonijiet u r-rakkomandazzjonijiet tal-"Proġett tal-Organizzazzjoni 'The Day After': Appoġġ għal Tranżizzjoni Demokratika fis-Sirja", ippubblikat f'Awwissu 2012,

–   wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem tal-1948,

–   wara li kkunsidra l-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi, il-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ekonomiċi, Soċjali u Kulturali, il-Konvenzjoni Kontra t-Tortura u Trattament jew Pieni Krudili, Inumani jew Degradanti Oħra, il-Konvenzjoni dwar id-Drittijiet tat-Tfal u l-Protokoll Fakultattiv tagħha dwar l-Involviment tat-Tfal f'Kunflitti Armati, u l-Konvenzjoni dwar il-Prevenzjoni u l-Kastig tad-Delitt ta' Ġenoċidju, li s-Sirja hija firmatarja tagħhom,

–   wara li kkunsidra l-Artikolu 110(2) u (4) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A. billi, skont in-NU, mill-bidu tat-trażżin vjolenti ta' dimostranti paċifiċi fis-Sirja f'Marzu 2011, inqatlu kważi 20 000 ruħ li l-biċċa l-kbira tagħhom kienu ċivili; billi l-vjolenza qawwija, bħall-użu tal-artillerija ta' kalibru kbir u l-bumbardamenti fuq żoni popolati, u l-qtil orribbli mill-armata Sirjana, il-forzi tas-sigurtà u l-ġellieda Shabiha, kif ukoll minn diversi forzi tal-oppożizzjoni, żdiedu kontinwament; billi twettqu diversi massakri u qtil immirat tal-massa ("point blank") ta' rġiel, nisa u tfal; billi l-użu tat-tortura, l-arresti tal-massa u l-qerda mifruxa ta' żoni popolati eskalaw drammatikament fix-xhur li għaddew; billi bliet madwar is-Sirja kollha qed jinżammu taħt assedju u qed jiġu bbumbardjati, inter alia permezz ta' elikotteri u ġettijiet tal-ġlied, minn forzi mmexxija mill-Gvern; billi minħabba ż-żieda fil-militarizzazzjoni tal-kunflitt, is-sitwazzjoni riesqa lejn gwerra ċivili;

B.  billi l-militarizzazzjoni ulterjuri tas-sitwazzjoni fis-Sirja jkollha impatt serju fuq il-popolazzjoni ċivili tagħha, li diġà qed taffaċċja sitwazzjoni umanitarja li qed tiddeterjora rapidament, u tkompli taffettwa wkoll ir-reġjun usa', b'mod partikolari l-Ġordan u l-Libanu, f'termini ta' sigurtà u stabbiltà, b'implikazzjonijiet u konsegwenzi imprevedibbli;

C. billi, skont estimi tan-NU, madwar 5 000 ruħ inqatlu f'Awwissu b'riżultat tal-ġlied li għaddej, li jfisser li mietu aktar minn 20 000 ruħ mill-bidu tal-kunflitt; billi, minħabba l-intensifikazzjoni tal-vjolenza u l-kundizzjonijiet umanitarji u ta' sigurtà prekarji fis-Sirja, il-pajjiżi tal-viċinat, speċjalment fl-aħħar ġimgħat, qed jaraw għadd li qed jiżdied b'mod sinifikanti ta' ċittadini Sirjani li qed ifittxu refuġju, partikolarment fit-Turkija, il-Ġordan u l-Libanu; billi 235 000 refuġjat mis-Sirja ġew irreġistrati jew qed jistennew li jiġu rreġistrati mal-Kummissarju Għoli tan-NU għar-Refuġjati; billi aktar min 75 % ta' dawn ir-refuġjati huma nisa u tfal; billi għexieren ta' eluf ta' refuġjati mhumiex qed jirreġistraw; billi huwa maħsub li aktar minn 100 000 refuġjat ħarbu mis-Sirja mill-fruntieri tal-Ġordan, il-Libanu, l-Iraq u t-Turkija b'rata medja ta' 500-2000 kuljum matul Awwissu; billi, skont estimi tan-NU, aktar minn 1.2 miljun ruħ ġew spustati internament fis-Sirja u madwar 3 miljun ruħ huma fil-bżonn ta' għajnuna umanitarja urġenti; billi r-reġim Sirjan qata' deliberatament l-aċċess għall-ikel, l-ilma, id-dawl u l-provvisti mediċi għal komunitajiet sħaħ, bħal f'Homs u, aktar reċentement, f'Aleppo; billi t-Turkija talbet lill-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU jikkunsidra l-istabbiliment ta' żona sikura għaċ-ċivili mgħassa mill-pajjiżi tal-viċinat;

D. billi fit-2 ta' Awwissu 2012 Kofi Annan ħabbar ir-riżenja tiegħu bħala l-Mibgħut Speċjali Konġunt NU-LAS għas-Sirja b'riżultat tal-intransiġenza tar-reġim Sirjan, iż-żieda fil-vjolenza armata u n-nuqqas ta' Kunsill tas-Sigurtà mifrud li jingħaqad bil-qawwa favur l-isforzi tiegħu biex jiġi implimentat il-pjan ta' sitt punti; billi l-ex Ministru għall-Affarijiet Barranin tal-Alġerija, Lakhdar Brahimi, inħatar reċentement bħala r-Rappreżentant Speċjali Konġunt il-ġdid għas-Sirja tan-NU u l-Lega tal-Istati Għarab;

E.  billi r-reġim Sirjan tilef il-kredibbiltà u l-leġittimità kollha bħala rappreżentant tal-poplu Sirjan;

F.  billi vetoes mir-Russja u ċ-Ċina waqqfu lill-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU milli jadotta riżoluzzjoni li tapprova l-eżitu tal-isforzi tal-Grupp ta' Azzjoni għas-Sirja u waqqfu l-introduzzjoni tal-miżuri proposti biex tiġi infurzata l-konformità mal-Pjan Annan ta' sitt punti skont l-Artikolu 41 tal-Karta tan-NU; billi sal-lum il-komunità internazzjonali ma rnexxilhiex tingħaqad u tagħti rispons xieraq għall-kriżi fis-Sirja;

G. billi l-President Bashar al-Assad u r-reġim awtoritarju tiegħu m'għandhomx post fil-futur tas-Sirja; billi l-President irid jirreżenja biex tiġi evitata kull eskalazzjoni ulterjuri tal-kriżi u biex tkun tista' sseħħ tranżizzjoni paċifika u demokratika fil-pajjiż; billi diversi ex mexxejja politiċi u militari tar-reġim kif ukoll ambaxxaturi ddiżertaw lejn pajjiżi tal-viċinat u lil hinn;

H. billi tinħtieġ alternattiva kredibbli għar-reġim; billi din l-alternattiva għandha tkun inklużiva u rappreżentattiva tad-diversità tas-soċjetà Sirjana u għandha tirrispetta bis-sħiħ il-valuri universali tad-demokrazija, l-istat tad-dritt, id-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet fundamentali, b'attenzjoni speċjali għad-drittijiet tal-minoranzi etniċi , kulturali u reliġjużi u tan-nisa; billi l-istabbiliment ta' gvern proviżorju inklużiv u rappreżentattiv mill-forzi tal-oppożizzjoni jista' jikkontribwixxi għal din l-alternattiva;

I.   billi l-UE imponiet sanzjonijiet immirati fuq is-Sirja f'diversi rawnds, u saħħet ukoll l-embargo fuq l-armi tagħha kontra s-Sirja; billi minkejja l-embargo tal-UE li huwa fis-seħħ fuq l-armamenti, il-munizzjon u tagħmir militari ieħor, kif ukoll projbizzjoni fuq l-esportazzjoni ta' teknoloġiji ta' monitoraġġ, diversi inċidenti rrapportati li jinvolvu kunsinni ta' armi mill-ilmijiet tal-UE u dettalji żvelati ta' tranżazzjonijiet kummerċjali bejn kumpaniji tal-UE u diversi entitajiet, gruppi u persuni Sirjani, koperti bis-sanzjonijiet tal-UE, indikaw l-inkompetenza interna tal-UE li timplimenta d-deċiżjonijiet u r-regolamenti tagħha stess;

J.   billi diversi atturi u stati esterni, jew direttament jew permezz ta' kanali reġjonali u pajjiżi tal-viċinat, għadhom jappoġġaw attivament il-partijiet kollha fil-kunflitt, b'appoġġ u għajnuna finanzjarji, operattivi, loġistiċi u tattiċi, inklużi l-forniment ta' armamenti, munizzjon u kull tip ta' tagħmir militari ieħor, l-għoti ta' għajnuna loġistika, l-għoti ta' għodda ta' komunikazzjoni u kull tip ta' għajnuna li tista' tintuża għal skopijiet militari, u dan jenfasizza n-natura panreġjonali tal-kunflitt; billi militarizzazzjoni ulterjuri tal-kunflitt tista' twassal biss għal tbatija akbar għall-poplu Sirjan u għar-reġjun kollu;

K. billi l-Kummissjoni, fis-7 ta' Settembru 2012, ħabbret li se jiġu mobilizzati EUR 50 miljun oħra bħala appoġġ għal persuni fi bżonn ta' tali għajnuna fis-Sirja u għal dawk li qed jaqsmu l-fruntieri; billi skont l-ECHO l-UE diġà pprovdiet EUR 142 miljun u l-għajnuna totali tal-UE, inkluża l-għajnuna mill-Istati Membri, tammonta għal madwar EUR 224 miljun;

L.  billi r-rappreżentanti tal-oppożizzjoni Sirjana kellhom diversi laqgħat fix-xhur li għaddew bl-għan li jingħelbu d-diverġenzi interni u li jinħoloq front magħqud, u ħarġu 'Patt Nazzjonali' u 'Viżjoni Politika Komuni għat-Tranżizzjoni fis-Sirja', kif ukoll il-konklużjonijiet u r-rakkomandazzjonijiet tal-"Proġett tal-Organizzazzjoni 'The Day After: Appoġġ għal Tranżizzjoni Demokratika fis-Sirja"; billi, minkejja l-isforzi kollha, għad hemm diviżjonijiet u tensjonijiet interni fi ħdan l-oppożizzjoni;

M. billi, fl-1 ta' Lulju 2012, il-Grupp ta' Azzjoni għas-Sirja, waqt il-laqgħa f'Ġinevra, qabel dwar prinċipji u linji gwida għal tranżizzjoni mmexxija mis-Sirjani li tinkludi l-istabbiliment ta' korp governattiv tranżitorju li jeżerċita setgħat eżekuttivi sħaħ;

1.  Itenni l-kundanna qawwija tiegħu tal-użu dejjem jiżdied ta' vjolenza indiskriminata mir-reġim tal-President Assad kontra l-popolazzjoni ċivili Sirjana, b'mod partikolari l-qtil immirat ta' tfal u nisa u l-eżekuzzjonijiet tal-massa fl-irħula; jesprimi l-preokkupazzjoni kbira tiegħu dwar il-gravità tal-ksur tad-drittijiet tal-bniedem u d-delitti possibbli kontra l-umanità awtorizzati u/jew imwettqa mill-awtoritajiet Sirjani, l-armata Sirjana, il-forzi tas-sigurtà u l-milizji affiljati; jikkundanna l-eżekuzzjonijiet extraġudizzjarji sommarji u kull forma oħra ta' ksur tad-drittijiet tal-bniedem imwettqa minn gruppi u forzi li jopponu r-reġim ta' Assad;

2.  Ifaħħar l-isforzi tal-pajjiżi tal-viċinat biex jospitaw u jagħtu għajnuna umanitarja lir-refuġjati mis-Sirja u jitlob aktar appoġġ u għajnuna internazzjonali f'dan ir-rigward; jisħaq fuq l-importanza kruċjali li jinstab rispions sostenibbli għall-kriżi umanitarja kemm fis-Sirja kif ukoll fost ir-refuġjati mis-Sirja fil-pajjiżi tal-viċinat; iħeġġeġ lill-pajjiżi tal-viċinat jibqgħu jagħtu protezzjoni lir-refuġjati mis-Sirja u lill-persuni spustati u biex jieqfu, skont l-obbligi internazzjonali tagħhom, milli jkeċċu u jirritornaw lil dawn il-persuni fis-Sirja; jistieden lill-UE tieħu miżuri responsabbli xierqa rigward l-influss possibbli ta' refuġjati fl-Istati Membri tagħha; jisħaq fuq il-ħtieġa ta' kooperazzjoni mas-Salib l-Aħmar; jilqa' l-fatt li l-UE lesta toffri appoġġ addizzjonali, inklużi riżorsi finanzjarji, biex tgħin il-pajjiżi tal-viċinat, inklużi t-Turkija, il-Libanu u l-Ġordan, biex jospitaw l-għadd dejjem jiżdied ta' refuġjati mis-Sirja, u jħeġġeġ lill-UE u lill-Istati Membri tagħha jżidu l-isforzi tagħhom biex isibu modi alternattivi biex tingħata għajnuna umanitarja lill-poplu tas-Sirja, minkejja l-ostakli u d-diffikultajiet kollha;

3.  Jistieden lir-reġim Sirjan jippermetti l-għoti rapidu ta' għajnuna umanitarja u aċċess sħiħ lill-organizzazzjonijiet umanitarji u lill-midja internazzjonali għas-Sirja, u jiffaċilita l-implimentazzjoni ta' waqfiet umanitarji li jippermettu l-forniment sikur ta' għajnuna umanitarja; jerġa' jenfasizza li d-dritt umanitarju internazzjonali jrid jitħares bis-sħiħ minn dawk kollha involuti fil-kriżi; jenfasizza li l-kura medika qatt m'għandha tiġi mċaħħda lill-midruba u lil min ikun fil-bżonn ta' għajnuna, u jistieden lill-partijiet involuti kollha biex jipproteġu liċ-ċivili, jippermettu aċċess sħiħ u bla xkiel għall-ikel, l-ilma, id-dawl u ma jużawx forom ta' intimidazzjoni u vjolenza kontra l-pazjenti, it-tobba u min jagħti l-għajnuna;

4.  Jagħti l-kondoljanzi tiegħu lill-familji tal-vittmi; itenni s-solidarjetà tiegħu mal-poplu Sirjan li qed jiġġieled għal-libertà, id-dinjità u d-demokrazija, u jfaħħar il-kuraġġ u d-determinazzjoni tagħhom, speċjalment fir-rigward tan-nisa;

5.  Jistieden lill-atturi armati kollha jwaqqfu minnufih il-vjolenza fis-Sirja; jistieden lill-Gvern Sirjan jirtira l-armata Sirjana minn bliet assedjati bla dewmien, jeħles minnufih id-dimostranti detenuti kollha, il-priġunieri politiċi, id-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem, il-bloggers u l-ġurnalisti;

6.  Jiddeplora l-fatt li l-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU naqas milli jaġixxi u ma laħaqx ftehim dwar riżoluzzjoni biex issir pressjoni aktar robusta u effikaċi sabiex tintemm il-vjolenza fis-Sirja; itenni l-istedina tiegħu lill-membri tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU, b'mod partikolari lir-Russja u liċ-Ċina, biex jonoraw ir-responsabbiltà tagħhom biex jintemmu l-vjolenza u t-trażżin kontra l-poplu Sirjan, anke bl-appoġġ tal-konformità sfurzata mar-riżoluzzjonijiet 2042 u 2043 tal-KSNU; jibqa' jappoġġa l-isforzi tal-UE u l-Istati Membri tagħha f'dan ir-rigward; jistieden lill-VP/RGħ tagħmel ħilitha biex tiżgura l-adozzjoni ta' riżoluzzjoni tal-KSNU, li teżerċita pressjoni diplomatika effikaċi kemm fuq ir-Russja kif ukoll fuq iċ-Ċina;

7.  Jenfasizza li l-UE għandha tkun lesta tadotta miżuri addizzjonali u tkompli tesplora fi ħdan il-KSNU l-possibilitajiet kollha fil-qafas tar-Responsabbiltà ta' Protezzjoni (RtoP), b'kooperazzjoni mill-qrib mal-Istati Uniti, it-Turkija u l-Lega tal-Istati Għarab sabiex il-poplu Sirjan jiġi megħjun u biex jitwaqqaf it-tixrid ta' demm;

8.  Jappoġġa talbiet minn diversi gruppi tal-oppożizzjoni u mill-Gvern Tork biex jiġu stabbiliti postijiet ta' kenn mal-fruntiera tat-Turkija u s-Sirja, u possibilment fis-Sirja, kif ukoll biex jinħolqu kurituri umanitarji mill-komunità internazzjonali; jistieden lill-VP/RGħ tintensifika d-diskussjonijiet mat-Turkija, il-Lega Għarbija u l-oppożizzjoni Sirjana dwar l-istabbiliment ta' dawn il-postijiet ta' kenn għar-refuġjati Sirjani u biex dawk ippersegwitati mir-reġim ikunu jistgħu jsibu refuġju u protezzjoni;

9.  Itenni l-appell tiegħu lill-President Assad u lir-reġim tiegħu biex jirriżenjaw immedjatament, biex tkun tista' sseħħ tranżizzjoni paċifika, inklużiva u demokratika mmexxija mis-Sirjani mill-aktar fis possibbli;

10. Jistieden lill-partijiet kollha jilħqu ftehim dwar waqfien mill-ġlied (lokali) mill-aktar fis possibbli, biex ikun jista' jseħħ waqfien mill-ġlied usa', innegozjat u sinifikanti;

11. Jesprimi l-preokkupazzjoni tiegħu dwar militarizzazzjoni ulterjuri tal-kunflitt u l-vjolenza settarja; jinnota r-rwol ta' atturi reġjonali differenti, inkluż il-forniment ta' armi, u huwa preokkupat dwar l-effetti sekondarji tal-kunflitt Sirjan fil-pajjiżi tal-viċinat; jistieden lill-Kunsill jikkunsidra l-adozzjoni ta' miżuri restrittivi addizzjonali kontra atturi u gruppi esterni involuti f'operazzjonijiet fuq l-art b'appoġġ attiv għar-reġim ta' Bashar al-Assad;

12. Jikkundanna l-intenzjoni ddikjarata tar-reġim Sirjan li juża l-armamenti kimiċi kontra "theddid terroristiku estern"; ifakkar lill-President Assad fl-obbligi tal-Gvern tiegħu skont il-Protokoll ta' Ġinevra dwar il-fatt li ma jintużawx armamenti kimiċi u jistieden lill-awtoritajiet Sirjani jonoraw rigorożament l-obbligi internazzjonali tagħhom;

13. Jappoġġa l-isforzi kontinwi tal-UE li żżid il-pressjoni fuq ir-reġim tal-President Assad permezz ta' miżuri restrittivi, jistieden lill-UE tikkunsidra t-twessigħ tal-ambitu tal-miżuri restrittivi tagħha għal entitajiet jew gruppi esterni li bla dubju jipprovdu jew jiffaċilitaw appoġġ finanzjarju u operattiv lill-awtoritajiet Sirjani;

14. Jilqa' d-deċiżjoni tal-Konferenza tas-Summit Iżlamika tal-14-15 ta' Awwissu 2012 li tissospendi s-sħubija tar-Repubblika Għarbija Sirjana fl-Organizzazzjoni tal-Kooperazzjoni Iżlamika u l-entitajiet sussidajrji, kif ukoll l-istituzzjonijiet speċjalizzati u affiljati kollha tagħha;

15. Jilqa' l-isforzi li saru mir-rappreżentanti tal-oppożizzjoni Sirjana biex jinħoloq front magħqud ta' forzi tal-oppożizzjoni, kif ukoll il-'Patt Nazzjonali' u 'Viżjoni Politika Komuni għat-Tranżizzjoni fis-Sirja' li nħarġu reċentement, u l-konklużjonijiet u r-rakkomandazzjonijiet tal-"Proġett tal-Organizzazzjoni 'The Day After': Appoġġ għal Tranżizzjoni Demokratika fis-Sirja"; iħeġġeġ lill-oppożizzjoni Sirjana tibqa' għaddejja f'din it-triq bl-għan li tinħoloq alternattiva kredibbli għar-reġim u jħeġġeġ lill-VP/RGħ u lill-Istati Membri tal-UE jagħmlu kull sforz biex jgħaqqdu l-oppożizzjoni Sirjana; jilqa' l-appoġġ qawwi li wrew it-Turkija, il-Libanu u l-Ġordan għall-popolazzjoni Sirjana; iħeġġeġ lill-VP/RGħ tagħmel kull sforz biex tniedi diskussjonijiet mal-awtoritajiet tat-Turkija, il-Libanu u l-Ġordan, il-Lega Għarbija u l-oppożizzjoni Sirjana dwar it-tħejjija tat-tranżizzjoni paċifika għas-Sirja ta' wara Assad;

16. Itenni l-approvazzjoni qawwija tiegħu tat-talba tal-Kummissarju tan-NU għad-Drittijiet tal-Bniedem biex is-sitwazzjoni fis-Sirja titressaq mill-KSNU quddiem il-QKI għal investigazzjoni formali; jimpenja ruħu bil-qawwa li jiżgura li dawk kollha responsabbli għal ksur tad-drittijiet tal-bniedem u għal ksur tad-dritt internazzjonali jiġu identifikati u jinżammu responsabbli; jappoġġa bil-qawwa l-ħidma tal-Kummissjoni Internazzjonali Indipendenti ta' Inkjesta dwar is-Sirja, li l-għan tagħha huwa li jiġi investigat il-ksur kollu tar-regoli internazzjonali dwar id-drittijiet tal-bniedem u tad-dritt umanitarju internazzjonali mwettaq fil-pajjiż sabiex ikun żgurat li ssir ġustizzja ma' dawk responsabbli, u jistieden lill-Istati Membri tal-UE biex, matul il-21 sessjoni tal-UNHRC, jiżguraw li l-Kummissjoni tista' tkompli l-ħidma tagħha b'appoġġ xieraq jekk ikun meħtieġ;

17. Jitlob li ssir tranżizzjoni politika paċifika u ġenwina mmexxija mis-Sirjani lejn demokrazija li tissodisfa t-talbiet leġittimi tal-poplu Sirjan u tkun imsejsa fuq djalogu inklużiv li jinvolvi l-forzi u l-komponenti demokratiċi kollha fis-soċjetà Sirjana, bl-għan li jitnieda proċess ta' riforma demokratika profonda, li tqis ukoll il-ħtieġa li tiġi żgurata rikonċiljazzjoni nazzjonali u li tkun impenjata favur l-iżgurar tar-rispett għad-drittijiet u l-libertajiet tal-minoranzi inklużi l-minoranzi etniċi, reliġjużi, kulturali u oħrajn;

18. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Viċi President tal-Kummissjoni/lir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, lill-Gvernijiet u lill-Parlamenti tal-Istati Membri, lill-Gvern u lill-Parlament tal-Federazzjoni Russa, lill-Gvern u lill-Parlament tar-Repubblika Popolari taċ-Ċina, lill-Gvern u lill-Parlament tar-Repubblika tat-Turkija, lill-Gvern u lill-Assemblea Konsultattiva tal-Istat tal-Qatar, lill-Gvern u lill-Kamra tad-Deputati tal-Istati Uniti tal-Amerika, lill-Gvern tar-Renju tal-Arabja Sawdija, lill-Gvern u lill-Parlament tar-Renju Ħaxemita tal-Ġordan, lill-Gvern u lill-Parlament tar-Repubblika tal-Libanu, lis-Segretarju Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti, lis-Segretarju Ġenerali tal-Lega tal-Istati Għarab u lill-Gvern u lill-Parlament tar-Repubblika Għarbija Sirjana.

 

 

Avviż legali - Politika tal-privatezza