Proċedura : 2012/2785(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : RC-B7-0428/2012

Testi mressqa :

RC-B7-0428/2012

Dibattiti :

PV 13/09/2012 - 17.3

Votazzjonijiet :

PV 13/09/2012 - 18.3

Testi adottati :

P7_TA(2012)0356

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI KONĠUNTA
PDF 142kWORD 81k
12.9.2012
PE493.589v01-00}
PE493.590v01-00}
PE493.593v01-00}
PE493.602v01-00}
PE493.603v01-00} RC1
 
B7-0428/2012}
B7-0429/2012}
B7-0432/2012}
B7-0441/2012}
B7-0442/2012} RC1

imressqa skont l-Artikoli 122(5) u 110(4) tar-Regoli ta' Proċedura

li tissostitwixxi l-mozzjonijiet għal riżoluzzjoni mressqa mill-gruppi:

ECR (B7‑0428/2012)

S&D (B7‑0429/2012)

GUE/NGL (B7‑0432/2012)

PPE (B7‑0441/2012)

Verts/ALE (B7‑0442/2012)


dwar l-Azerbajġan: il-każ ta’ Ramil Safarov (2012/2785(RSP))


György Schöpflin, Cristian Dan Preda, Zuzana Roithová, Mario Mauro, Bernd Posselt, Tunne Kelam, Sergio Paolo Francesco Silvestris, Laima Liucija Andrikienė, Monica Luisa Macovei, Sari Essayah, Giovanni La Via, Csaba Sógor, László Tőkés, Tadeusz Zwiefka f’isem il-Grupp PPE
Véronique De Keyser, Liisa Jaakonsaari, Mitro Repo f’isem il-Grupp S&D
Ulrike Lunace, Nicole Kiil-Nielsen, Raül Romeva i Rueda f’isem il-Grupp Verts/ALE
Charles Tannock f’isem il-Grupp ECR
Marie-Christine Vergiat f’isem il-Grupp GUE/NGL

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar l-Azerbajġan: il-każ ta’ Ramil Safarov (2012/2785(RSP))  

Il-Parlament Ewropew,

–   wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar is-sitwazzjoni fl-Azerbajġan, b’mod partikolari dawk li jirrigwardaw id-drittijiet tal-bniedem,

–   wara li kkunsidra l-prassi stabbilita tal-liġi internazzjonali rigward it-trasferiment, jiġifieri l-Konvenzjoni Ewropea dwar it-Trasferiment ta’ Persuni Sentenzjati, skont liema nqabel li għandha tiġi żviluppata kooperazzjoni bil-għan li jinġiebu ‘l quddiem il-finijiet tal-ġustizzja u r-riabilitazzjoni soċjali tal-persuni sentenzjati, billi jingħataw l-opportunità jiskontaw is-sentenzi tagħhom fis-soċjetà proprja tagħhom,

–   wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tal-President tiegħu, Martin Schulz, tal-5 ta’ Frar 2012 dwar il-maħfra mogħtija lil Ramil Safarov fl-Azerbajġan,

–   wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni konġunta maħruġa mir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà, Catherine Ashton, u mill-Kummissarju Štefan Füle fit-3 ta’ Settembru 2012 dwar ir-rilaxx tas-Sur Safarov,

–   wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni maħruġa mis-Segretarju Ġenerali tal-Kunsill tal-Ewropa, Thorbjørn Jagland, fl-4 ta’ Settembru 2012,

–   wara li kkunsidra l-ittra uffiċjali mibgħuta lill-Ministeru tal-Amministrazzjoni Pubblika u tal-Ġustizzja tal-Ungerija mid-Deputat Ministru tal-Ġustizzja tar-Repubblika tal-Azerbajġan, Vilayat Zahirov, li waslet fil-15 ta’ Awwissu 2012,

–   wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni maħruġa mill-Prim Ministru tal-Ungerija, Viktor Orbán, fit-3 ta’ Settembru 2012, li fiha assigura li l-Ungerija kienet aġixxiet skont l-obbligi internazzjonali tagħha,

–   wara li kkunsidra l-Ftehim ta’ Sħubija u Kooperazzjoni bejn l-UE u l-Azerbajġan, li daħal fis-seħħ fl-1999, kif ukoll in-negozjati li jinsabu għaddejjin bejn iż-żewġ partijiet għal ftehim ta’ assoċjazzjoni ġdid li għandu jieħu post dak preċedenti,

–   wara li kkunsidra l-Artikoli 122(5) u 110(4) tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu,

A. billi Ramil Safarov kien inżamm f’ħabs Ungeriż sa mill-2004 wara li kien qatel brutalment kollega Armenjan waqt kors sponsorizzat minn Programm tal-Partnership for Peace tan-NATO f’Budapest; billi s-Sur Safarov kien iddikjara li huwa ħati u ma esprima l-ebda dispjaċir, filwaqt li ddefenda l-azzjoni tiegħu għar-raġuni li l-vittma kien Armen;

B.  billi fil-31 ta’ Awwissu 2012 s-Sur Safarov, logutenent tal-forzi armati tal-Azerbajġan li kien instab ħati ta’ qtil u ngħata sentenza ta’ għomru l-ħabs fl-Ungerija, ġie trasferit lejn l-Azerbajġan fuq talba li l-awtoritajiet tal-Azerbajġan kienu ilhom li għamlu;

C. billi, minnufih wara t-trasferiment tas-Sur Safarov lejn l-Azerbajġan, il-President tal-Azerbajġan, Ilham Aliyev, tah il-maħfra skont il-Kostituzzjoni tar-Repubblika tal-Azerbajġan u l-Artikolu 12 tal-Konvenzjoni dwar it-Trasferiment ta’ Persuni Sentenzjati; billi l-awtoritajiet Ungeriżi ma setgħux ma kinux jafu li s-Sur Safarov jitqies bħala eroj fl-Azerbajġan, ladarba l-qtil li wettaq huwa konness mal-kunflitt bejn l-Armenja u l-Azerbajġan;

D. billi l-Artikolu 9 tal-Konvenzjoni dwar it-Trasferiment ta’ Persuni Sentenzjati, li l-Ungerija u l-Azerbajġan it-tnejn huma partijiet firmatarji tagħha, jistqarr li persuna sentenzjata fit-territorju ta’ stat wieħed tista’ tiġi ttrasferita fit-territorju ta’ stat ieħor biex tiskonta s-sentenza li tkun imposta fuqha, dment li l-kundizzjonijiet stabbiliti f’dik il-Konvenzjoi jkunu ssodisfati;

E.  billi d-Deputat Ministru tal-Ġustizzja tar-Repubblika tal-Azerbajġan, Vilayat Zahirov, bagħat ittra uffiċjali lill-Ministeru tal-Amministrazzjoni Pubblika u l-Ġustizzja tal-Ungerija fil-15 ta’ Awwissu 2012, li fiha stqarr li l-eżekuzzjoni tad-deċiżjonijiet ta’ qrati ta’ stati barranin rigward it-trasferiment ta’ persuni sentenzjati biex jiskontaw il-bqija tal-priġunerija tagħhom fir-Repubblika tal-Azerbajġan twettqet bi qbil mal-Artikolu 9(1)(a) tal-Konvenzjoni, mingħajr l-ebda konverżjoni tas-sentenzi tagħhom; billi ssokta jassigura li, skont il-Kodiċi Kriminali tar-Repubblika tal-Azerbajġan, il-piena ta’ detenut li jkun qed jiskonta sentenza ta’ priġunerija għal għomru tkun tista’ tiġi ssostitwita minn qorti bi priġunerija għal perjodu speċifikat, u li d-detenut ikun jista’ jinħareġ b’parole kundizzjonali biss wara li jkun skonta tal-anqas 25 sena tas-sentenza ta’ priġunerija tiegħu; u billi l-awtoritajiet tal-Azerbajġan sussegwentement ċaħdu li kienu taw kwalunkwe assigurazzjoni diplomatika lill-awtoritajiet Ungeriżi;

F.  billi l-Logutenent Safarov intlaqa' bil-glorja fl-Azerbajġan, u ftit sigħat wara r-ritorn tiegħu ingħata maħfra Presidenzjali, inħeles u ġie promoss għall-grad ta’ maġġur f'ċerimonja pubblika;

G. billi d-deċiżjoni li s-Sur Safarov jinħeles tat lok għal bosta reazzjonijiet internazzjonali ta’ diżapprobazzjoni u kundnna;

H. billi fil-31 ta’ Awwissu 2012 il-President Armenjan, Serzh Sargsyan, ħabbar li l-Armenja kienet qed tissospendi r-relazzjonijiet diplomatiċi tagħha mal-Ungerija;

I.   billi l-Azerbajġan qed jieħu sehem attiv fil-Politika tal-Viċinat Ewropew u fis-Sħubija tal-Lvant, huwa membru fundatur tal-Euronest u kommetta ruħu li jirrispetta d-demokrazija, id-drittijiet tal-bniedem u l-istat tad-dritt, li huma l-valuri tal-qalba ta’ dawn l-inizjattivi;

J.   billi l-Azerbajġan qed jokkupa siġġu mhux permanenti fil-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti (KSNU) għall-perjodu 2012-2013, u huwa kommess li jirrispetta l-valuri minquxa fil-Karta tan-NU u fid-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem;

K. billi l-Azerbajġan huwa membru tal-Kunsill tal-Ewropa u parti kontraenti tal-Konvenzjoni Ewropea dwar id-Drittijiet tal-Bniedem (ECHR) kif ukoll ta’ għadd ta’ trattati internazzjonali oħra dwar id-drittijiet tal-bniedem, inkluż il-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi;

1.  Jenfasizza l-importanza tal-istat tad-dritt u r-rispett tal-impenji meħuda;

2.  Jiddeplora d-deċiżjoni tal-President tal-Azerbajġan li jagħti l-maħfra lil Ramil Safarov, qattiel kundannat u ssentenzjat mill-qrati ta’ Stat Membru tal-Unjoni Ewropea; iqis dik id-deċiżjoni bħala ġest li jista' jikkontribwixxi biex ikomplu jiħraxu t-tensjonijiet bejn iż-żewġ pajjiżi, u li qed iqawwi s-sentimenti ta' inġustizzja u jkabbar il-qasma bejn dawk il-pajjiżi, u huwa mħasseb ukoll li dan l-att jipperikola kull proċess ta’ rikonċiljazzjoni paċifika fi ħdan is-soċjetajiet ikkonċernati u jista’ jimmina l-possibbiltajiet ta’ żvilupp futur ta’ kuntatti paċifiċi bejn il-popli fir-reġjun;

3.  Iqis li, waqt li l-maħfra Presidenzjali mogħtija lis-Sur Safarov hija konformi mal-ittra tal-Konvenzjni Ewropea dwar it-Trasferiment ta’ Persuni Sentenzjati, tmur kontra l-ispirtu tal-ftehim internazzjonali, li ġie nnegozjat biex jippermetti t-trasferiment ta’ persuna kkundannata fit-territorju ta’ stat wieħed biex tiskonta l-bqija tas-sentenza tagħha fit-territorju ta’ stat ieħor;

4.  Iqis li l-maħfra Presidenzjali mogħtija lis-Sur Safarov kienet vjolazzjoni tal-assigurazzjonijiet diplomatiċi mogħtija lill-awtoritajiet Ungeriżi fit-talba tal-Azerbajġan għat-trasferiment abbażi tal-Konvenzjoni dwar it-Trasferiment ta’ Persuni Sentenzjati;

5.  Jiddeplora l-mod li bih is-Sur Safarov intlaqa’ fl-Azerbajġan bħala eroj, kif ukoll id-deċiżjoni li jingħata promozzjoni għall-grad ta’ maġġur u jitħallas tmien snin salarju b’lura mal-wasla tiegħu, u huwa mħasseb dwar l-eżempju li dan jistabbilixxi għal ġenerazzjonijiet futuri kif ukoll dwar il-promozzjoni u r-rikonoxximent li ngħata mill-Istat tal-Azerbajġan;

6.  Huwa tal-fehma li l-frustrament leġittimu fl-Azerbajġan dwar in-nuqqas ta’ kwalunkwe progress sostanzjali rigward il-proċess tal-paċi fit-territorji okkupati la jiġġustifika atti ta’ vendikazzjoni u lanqas provokazzjonijiet vojta li jkomplu jkabbru t-tensjoni f’sitwazzjoni diġa mwiegħra u fraġli;

7.  Jesprimi s-sostenn tiegħu għall-isforzi li qed jagħmlu s-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna (SEAE), ir-Rappreżentant Speċjali tal-UE għan-Nofsinhar tal-Kawkasu u l-Istati Membri biex itaffu t-tensjonijiet u jiżguraw li jsir progress lejn il-paċi fir-reġjun;

8.  Jappoġġja lill-Kopresidenti tal-Grupp ta’ Minsk tal-OSKE fl-isforzi tagħhom biex isir progress sostantiv fil-proċess ta’ paċi f’Nagorno-Karabakh bil-għan li tinstab soluzzjoni dejjiema u komprensiva skont il-liġi internazzjonali;

9.  Itenni l-pożizzjoni tiegħu li l-ftehim ta’ assoċjazzjoni li qed jiġi nnegozjat bejn l-UE u l-Azerbajġan għandu jinkludi klawsoli u kriterji relatati mal-protezzjoni u l-promozzjoni tad-drittijiet tal-bniedem u l-istat tad-dritt;

10. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lis-SEAE, lill-Kunsill Ewropew, lill-Kummissjoni, lill-gvernijiet u lill-parlamenti rispettivi tar-Repubblika tal-Azerbajġan u tar-Repubblika tal-Armenja, lill-Kunsill tal-Ewropa, lill-OSKE u lir-Rapporteur Speċjali tan-NU dwar id-drittijiet tal-bniedem u l-ġlieda kontra t-terroriżmu.

 

Avviż legali - Politika tal-privatezza