Mozzjoni għal riżoluzzjoni konġunta - RC-B7-0498/2012Mozzjoni għal riżoluzzjoni konġunta
RC-B7-0498/2012

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI KONĠUNTA dwar il-Konferenza Dinjija dwar it-Telekomunikazzjonijiet Internazzjonali (WCIT-2012) li jmiss tal-Unjoni Internazzjonali tat-Telekomunikazzjonijiet, u l-espansjoni possibbli tal-kamp ta' applikazzjoni tar-Regolamenti tat-Telekomunikazzjonijiet Internazzjonali

20.11.2012 - (2012/2881(RSP))

imressqa skont l-Artikolu 110(2) u (4) tar-Regoli ta' Proċedura
li tissostitwixxi l-mozzjonijiet għal riżoluzzjoni mressqa mill-gruppi:
PPE, S&D (B7‑0498/2012)
ALDE, Verts/ALE (B7‑0499/2012)

Sabine Verheyen f'isem il-Grupp ECR
Ivailo Kalfin, Catherine Trautmann, Petra Kammerevert f'isem il-Grupp S&D
Marietje Schaake f’isem il-grupp ALDE
Amelia Andersdotter, Judith Sargentini f'isem il-Grupp Verts/ALE


Proċedura : 2012/2881(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument :  
RC-B7-0498/2012
Testi mressqa :
RC-B7-0498/2012
Testi adottati :

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar il-Konferenza Dinjija dwar it-Telekomunikazzjonijiet Internazzjonali (WCIT-2012) li jmiss tal-Unjoni Internazzjonali tat-Telekomunikazzjonijiet, u l-espansjoni possibbli tal-kamp ta' applikazzjoni tar-regolamenti tat-telekomunikazzjonijiet internazzjonali

(2012/2881(RSP))

Il-Parlament Ewropew,

–   wara li kkunsidra d-Direttiva 2009/140/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta' Novembru 2009[1] li temenda d-Direttiva 2002/21/KE dwar qafas regolatorju komuni għan-networks ta’ komunikazzjonijiet u servizzi elettroniċi, id-Direttiva 2002/19/KE dwar l-aċċess għal, u l-interkonnessjoni ta', networks ta' komunikazzjonijiet u servizzi elettroniċi u faċilitajiet assoċjati u d-Direttiva 2002/20/KE dwar l-awtorizzazzjoni ta’ networks u servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi,

–   wara li kkunsidra d-Direttiva 2009/136/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta’ Novembru 2009[2] li temenda d-Direttiva 2002/22/KE dwar servizz universali u d-drittijiet tal-utenti li jirrelataw ma’ networks u servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi, id-Direttiva 2002/58/KE dwar l-ipproċessar tad-data personali u l-protezzjoni tal-privatezza fis-settur tal-komunikazzjoni elettronika u r-Regolament (KE) Nru 2006/2004 dwar il-kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet nazzjonali responsabbli għall-infurzar tal-liġijiet tal-protezzjoni tal-konsumaturi,

–   wara li kkunsidra d-Direttiva 2002/77/KE tas-16 ta' Settembru 2002[3] dwar kompetizzjoni fis-swieq tan-networks u s-servizzi tal-komunikazzjonijiet elettroniċi,

–   wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-17 ta' Novembru 2011 dwar l-internet miftuħ u n-newtralità tan-net fl-Ewropa[4],

–   wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-15 ta' Ġunju 2010 dwar ‘il-governanza tal-internet: il-passi li jmiss’[5],

 wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni A/HRC/20/L13 tal-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-NU,

–   wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni għal deċiżjoni tal-Kunsill li tistabbilixxi l-pożizzjoni tal-UE dwar ir-reviżjoni tar-Regolamenti Internazzjonali tat-Telekomunikazzjoni li se tittieħed fil-Konferenza Dinjija dwar it-Telekomunikazzjonijiet Internazzjonali jew fl-istanzi preparatorji tagħha (COM(2012)0430),

–   wara li kkunsidra l-Artikolu 110(2) u (4) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A. billi r-Regolamenti tat-Telekomunikazzjonijiet Internazzjonali ġew adottati permezz tal-Konferenza Amministrattiva Dinjija dwar it-Telegrafija u t-Telefonija f’Melbourne fl-1988 u sa issa għadhom qatt ma ġew riveduti;

B.  billi s-27 Stat Membru tal-Unjoni Ewropea huma firmatarji ta’ dawn ir-Regolamenti tat-Telekomunikazzjonijiet Internazzjonali;

C. billi l-Unjoni Internazzjonali tat-Telekomunikazzjonijiet (UIT) sejħet laqgħa f'Dubaj bejn it-3 u l-14 ta' Diċembru 2012, bl-isem "Konferenza Dinjija dwar it-Telekomunikazzjonijiet Internazzjonali (WCIT)", biex jintlaħaq qbil dwar test ġdid għal dawn ir-Regolamenti tat-Telekomunikazzjonijiet Internazzjonali;

1.  Jistieden lill-Kunsill u lill-Kummissjoni jiżguraw li kwalunkwe tibdil fir-Regolamenti tat-Telekomunikazzjonijiet Internazzjonali jkun kompatibbli mal-acquis tal-UE u jsaħħaħ l-objettiv tal-Unjoni li l-internet jiġi żviluppat bħala post verament pubbliku fejn id-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet fundamentali, partikolarment il-libertà tal-espressjoni u tal-għaqda, ikunu rispettati, filwaqt li l-osservanza tal-prinċipji tas-suq ħieles, in-newtralità tal-internet u l-intraprenditorija ikunu żgurati;

2.  Jiddispjaċih għan-nuqqas ta' trasparenza u inklużività fin-negozjati għad-WCIT-12, meta r-riżultati ta' din il-laqgħa jistgħu jolqtu l-interess pubbliku b’mod sostanzjali;

3.  Jemmen li l-UIT, jew kwalunkwe istituzzjoni internazzjonali ċentralizzata unika oħra, mhijiex l-entità xierqa li teżerċita l-awtorità regolatorja fuq il-governanza tal-internet jew fuq il-flussi tat-traffiku fl-internet;

4.  Jenfasizza li wħud mill-proposti għar-riforma tar-Regolamenti tat-Telekomunikazzjonijiet Internazzjonali jolqtu negattivament lill-internet, l-arkitettura, l-operazzjonijiet, il-kontenut u s-sigurtà, ir-relazzjonijiet fid-dinja tan-negozju u l-governanza tiegħu, kif ukoll il-fluss liberu tal-informazzjoni onlajn;

5.  Jemmen li, bħala konsegwenza ta’ wħud mill-proposti ppreżentati, l-UIT stess għandha mnejn issir is-setgħa li tikkmanda uħud mill-aspetti tal-internet, u dan jaf itemm il-mudell attwali li jinkludi diversi partijiet konċernati, u minn isfel għal fuq (bottom-up); jesprimi tħassib li, jekk jiġu adottati, dawn il-proposti jafu jolqtu serjament l-iżvilupp ta' servizzi onlajn għall-utenti finali u l-aċċess tagħhom għal dawn is-servizzi, kif ukoll l-ekonomija diġitali kollha kemm hi; jemmen li l-governanza tal-internet u l-kwistjonijiet regolatorji relatati għandhom jibqgħu jkunu definiti f’livell komprensiv u li jinkludi diversi partijiet konċernati;

6.  Jinsab imħasseb li l-proposti ta’ riforma tal-UIT jinkludu l-ħolqien ta’ mekkaniżmi ġodda ta’ profitt li jistgħu jheddu serjament in-natura miftuħa u kompetittiva tal-internet, jgħollu l-prezzijiet, ixekklu l-innovazzjoni u jillimitaw l-aċċess; ifakkar li l-internet għandu jibqa’ liberu u miftuħ;

7.  Jappoġġa kwalunkwe proposta biex jinżammu l-kamp ta' applikazzjoni attwali tar-Regolamenti tat-Telekomunikazzjonijiet Internazzjonali u l-mandat attwali tal-UIT; jopponi kwalunkwe proposta maħsuba biex twessa' l-kamp ta' applikazzjoni għal oqsma bħal pereżempju l-internet, inkluż l-ispazju tal-isem tad-domain, l-allokazzjoni tal-indirizzi IP, ir-routing tat-traffiku fl-internet u kwistjonijiet relatati mal-kontenut;

8.  Jistieden lill-Istati Membri jipprevjenu kwalunkwe tibdil fir-Regolamenti tat-Telekomunikazzjoni Internazzjonali li jkun dannuż għan-natura miftuħa tal-internet, in-newtralità tal-internet, il-prinċipju ta’ minn tarf għall-ieħor (end-to-end), l-obbligi ta' servizz universali u l-governanza parteċipattiva fdata f'idejn diversi atturi bħal gvernijiet, istituzzjonijiet sopranazzjonali, organizzazzjonijiet mhux governattivi, impriżi kbar u żgħar, il-komunità teknoloġika u l-utenti u l-konsumaturi tal-internet b'mod ġenerali;

9.  Jistieden lill-Kunsill jikkoordina n-negozjati tar-reviżjoni tar-Regolamenti tat-Telekomunikazzjonijiet Internazzjonali għan-nom tal-Unjoni Ewropea, abbażi ta’ kontributi miġbura b’mod inklużiv mingħand diversi partijiet konċernati, permezz ta’ strateġija li jkollha l-għan primarju li tiżgura u tippreserva n-natura miftuħa tal-internet, u li tħares id-drittijiet u l-libertajiet tal-utenti tal-internet onlajn;

10. Ifakkar fl-importanza li jiġi salvagwardat internet sod abbażi tal-prinċipju tal-aħjar sforz, li jitrawmu l-innovazzjoni u l-libertà tal-espressjoni, li tiġi żgurata l-kompetizzjoni u li jiġi evitat distakk diġitali ġdid;

11.  Jenfasizza li Regolamenti tat-Telekomunikazzjonijiet Internazzjonali għandhom jispeċifikaw li r-rakkomandazzjonijiet tal-UIT huma dokumenti mhux vinkolanti li jippromwovu l-aħjar prattiki;

12. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni, u lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri.