MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI KONĠUNTA dwar is-sitwazzjoni f’Gaża
21.11.2012 - (2012/2883(RSP))
li tissostitwixxi l-mozzjonijiet għal riżoluzzjoni mressqa mill-gruppi:
PPE (B7‑0522/2012)
S&D (B7‑0524/2012)
Verts/ALE (B7‑0526/2012)
ECR (B7‑0527/2012)
ALDE (B7‑0528/2012)
José Ignacio Salafranca Sánchez-Neyra, Elmar Brok, Mario Mauro, Cristian Dan Preda, Roberta Angelilli, Elena Băsescu, Rodi Kratsa‑Tsagaropoulou f'isem il-Grupp PPE
Véronique De Keyser, Pino Arlacchi, Emine Bozkurt, Ricardo Cortés Lastra, Emer Costello, Ana Gomes, Richard Howitt, Emilio Menéndez del Valle, María Muñiz De Urquiza, Norbert Neuser, Boris Zala f'isem il-Grupp S&D
Annemie Neyts-Uyttebroeck, Alexander Graf Lambsdorff, Alexandra Thein, Ivo Vajgl, Graham Watson, Jelko Kacin, Marietje Schaake, Edward McMillan-Scott, Sarah Ludford, Izaskun Bilbao Barandica f'isem il-Grupp ALDE
Daniel Cohn-Bendit, Bart Staes, Jill Evans f'isem il-Grupp Verts/ALE
Charles Tannock, Ryszard Antoni Legutko, Tomasz Piotr Poręba, Ryszard Czarnecki f'isem il-Grupp ECR
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar is-sitwazzjoni f'Gaża
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-laqgħa tal-Kunsill "Affarijiet Barranin" tad-19 ta' Novembru 2012,
– wara li kkunsidra l-istqarrijiet għall-istampa tas-Segretarju Ġenerali tan-NU Ban Ki-moon tat-18 u d-19 ta' Novembru 2012,
– wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill dwar il-Proċess tal-Paċi fil-Lvant Nofsani tal-14 ta' Mejju 2012, tat-18 ta' Lulju u tat-23 ta' Mejju 2011 u tat-8 ta' Diċembru 2009,
– wara li kkunsidra d-dikjarazzjonijiet tar-Rappreżentant Għoli, Catherine Ashton, tat-12 ta’ Novembru 2012 dwar l-aħħar eskalazzjoni tal-vjolenza bejn Gaża u l-Iżrael, u tas-16 ta' Novembru 2012 dwar l-intensifikazzjoni ulterjuri tal-vjolenza fl-Iżrael u f'Gaża,
– wara li kkunsidra r-Raba' Konvenzjoni ta' Ġinevra tal-1949 dwar il-Protezzjoni ta' Persuni Ċivili fi Żmien ta' Gwerra,
– wara li kkunsidra l-Karta tan-Nazzjonijiet Uniti,
– wara li kkunsidra l-Ftehim Interim dwar ix-Xatt tal-Punent u l-Istrixxa ta' Gaża tat-18 ta' Settembru 1995,
– wara li kkunsidra l-Ftehimiet ta' Oslo ("Dikjarazzjoni ta’ Prinċipji dwar Arranġamenti Interim ta' Gvern Awtronomu") tat-13 ta' Settembru 1993,
– wara li kkunsidra l-Artikolu 110(2) u (4) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
A. billi l-kunflitt attwali qiegħed jikkawża mwiet u tbatija inaċċettabbli għall-popolazzjoni ċivili taż-żewġ partijiet involuti;
B. billi l-Parlament Ewropew darba wara l-oħra esprima s-sostenn tiegħu għas-soluzzjoni ta' żewġ Stati, bl-Istat tal-Iżrael u Stat tal-Palestina indipendenti, demokratiku u vijabbli jgħixu flimkien fil-paċi u s-sigurtà, u appella biex jinħolqu l-kundizzjonijiet li jippermettu li jissuktaw it-taħditiet diretti ta' paċi bejn iż-żewġ partijiet;
C. billi l-imblokk tal-Istrixxa ta' Gaża u l-kriżi umanitarja hemmhekk għadhom għaddejjin minkejja l-bosta appelli li saru mill-komunità internazzjonali għall-ftuħ ta’ punti ta' qsim għall-fluss ta' għajnuna umanitarja, oġġetti kummerċjali u persuni lejn u minn Gaża, kif imtenni wkoll fil-konklużjonijiet tal-Kunsill tal-14 ta' Mejju 2012;
D. billi l-Parlament esprima ripetutament l-impenn qawwi tiegħu favur is-sigurtà tal-Istat tal-Iżrael; billi l-konklużjonijiet tal-Kunsill tal-14 ta' Mejju 2012 reġgħu tennew l-impenn fundamentali tal-UE u tal-Istati Membri tagħha favur is-sigurtà tal-Iżrael, ikkundannaw bil-qawwa l-vjolenza mmirata deliberatament lejn iċ-ċivili, inklużi l-attakki bil-missili mill-istrixxa ta' Gaża, u appellaw għal prevenzjoni effikaċi tal-kuntrabandu tal-armi lejn Gaża;
1. Jesprimi tħassib gravi dwar is-sitwazzjoni f'Gaża u fl-Iżrael, u jesprimi d-dispjaċir profond tiegħu għat-telf ta' ħajjiet ta' persuni ċivili, inklużi nisa u tfal; jenfasizza li jeħtieġ li l-attakki kollha jintemmu minnufih, minħabba li jikkawżaw tbatija mhux ġustifikabbli għal ċivili innoċenti u jappella biex b’urġenza titnaqqas l-eskalazzjoni u jinġieb fi tmiemu l-ġlied; jappoġġa l-isforzi tal-Eġittu u atturi oħrajn għall-medjazzjoni biex jintlaħaq waqfien mill-ġlied rapidu u sostenibbli, u jilqa' l-missjoni tas-Segretarju Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti fir-reġjun;
2. Jikkundanna bil-qawwa l-attakki bil-missili fuq l-Iżrael mill-Istrixxa ta' Gaża, li jeħtieġ li l-Ħamas u gruppi armati oħrajn f'Gaża jtemmuhom minnufih; jenfasizzali l-Iżrael għandu d-dritt jipproteġi l-popolazzjoni tiegħu minn attakki ta’ dan it-tip, filwaqt li jirrimarka li f’dan l-Iżrael jeħtieġlu jaġixxi b'mod proporzjonali u jiżgura l-protezzjoni taċ-ċivili f’kull waqt; jisħaq ukoll fuq il-ħtieġa li kull naħa tirrispetta l-liġi internazzjonali umanitarja, u jenfasizza li ma jista’ jkun hemm l-ebda ġustifikazzjoni għal attakki mmirati deliberatament fuq ċivili innoċenti;
3. Itenni l-appoġġ qawwi tiegħu għas-soluzzjoni ta' żewġ stati abbażi tal-fruntieri tal-1967, b'Ġerusalemm bħala l-belt kapitali taż-żewġ stati, bl-Istat tal-Iżrael u Stat tal-Palestina indipendenti, demokratiku u vijabbli jgħixu maġenb xulxin fil-paċi u s-sigurtà;
4. Jerġa' jenfasizza li l-uniku mod kif jista’ jintlaħaq sliem ġust u dejjiemi bejn l-Iżraeljani u l-Palestinjani huwa b’mezzi paċifiċi u mhux vjolenti; jerġa' jappella għall–ħolqien tal-kundizzjonijiet li jippermettu li jissuktaw it-taħditiet diretti ta' paċi bejn iż-żewġ partijiet;
5. Jappoġġa, f’dan ir-rigward, it-tentattiv tal-Palestina biex issir osservatur fin-NU bla status ta’ membru u jqis li dan ikun pass importanti biex ir-rivendikazzjonijiet tal-Palestinjani jsiru aktar viżibbli, qawwija u effikaċi; jappella, f’dan ir-rigward, li l-Istati Membri tal-UE u l-komunità internazzjonali jilħqu qbil f’din id-direzzjoni;
6. Jerġa’ jħeġġeġ lill-UE u lill-Istati Membri biex jassumu rwol politiku aktar attiv fl-isforzi ħalli jintlaħaq sliem ġust u dejjiemi bejn l-Iżraeljani u l-Palestinjani; jappoġġa lir-Rappreżentant Għoli fl-isforzi tagħha għall-ħolqien ta’ prospettiva kredibbli għar-rilanċ tal-proċess tal-paċi;
7. Itenni l-appel tiegħu biex jintemm l-imblokk tal-Istrixxa ta' Gaża, bil-kundizzjoni li jkun hemm mekkaniżmu ta' kontroll internazzjonali effikaċi li jipprevjeni l-kuntrabandu tal-armi lejn Gaża, b’rikonoxximent tal-esiġenzi leġittimi ta' sigurtà tal-Iżrael; jappella wkoll għat-teħid ta’ passi li jippermettu r-rikostruzzjoni u l-irkupru ekonomiku ta' Gaża;
8. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-Riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Viċi President tal-Kumissjoni/Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri, lir-Rappreżentant Speċjali tal-UE fil-Proċess ta' Paċi fil-Lvant Nofsani, lill-President tal-Assemblea Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti, lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-membri tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti, lill-Mibgħut tal-Kwartett fil-Lvant Nofsani, lill-Knesset u lill-Gvern tal-Iżrael, lill-President tal-Awtorità Palestinjana u lill-Kunsill Leġiżlattiv Palestinjan.