Proċedura : 2012/2911(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : RC-B7-0561/2012

Testi mressqa :

RC-B7-0561/2012

Dibattiti :

Votazzjonijiet :

PV 13/12/2012 - 11.6

Testi adottati :

P7_TA(2012)0506

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI KONĠUNTA
PDF 136kWORD 78k
11.12.2012
PE502.558v01-00}
PE502.563v01-00}
PE502.564v01-00}
PE502.565v01-00}
PE502.566v01-00}
PE502.568v01-00} RC1
 
B7-0561/2012}
B7-0566/2012}
B7-0567/2012}
B7-0568/2012}
B7-0569/2012}
B7-0571/2012} RC1

imressqa skont l-Artikolu 110(2) u (4) tar-Regoli ta' Proċedura

li tissostitwixxi l-mozzjonijiet imressqa mill-gruppi:

Verts/ALE (B7‑0561/2012)

ALDE (B7‑0566/2012)

GUE/NGL (B7‑0567/2012)

ECR (B7‑0568/2012)

PPE (B7‑0569/2012)

S&D (B7‑0571/2012)


dwar id-deċiżjoni tal-Gvern Iżraeljan li jespandi l-insedjamenti fix-Xatt tal-Punent  (2012/2911 (RSP)).


José Ignacio Salafranca Sánchez-Neyra, Ioannis Kasoulides, Elmar Brok, Roberta Angelilli, Tokia Saïfi, Hans-Gert Pöttering, Rodi Kratsa-Tsagaropoulou f'isem il-Grupp PPE
Véronique De Keyser, Ana Gomes, María Muñiz De Urquiza, Emer Costello, Pino Arlacchi, Richard Howitt f'isem il-Grupp S&D
Annemie Neyts-Uyttebroeck, Ivo Vajgl, Niccolò Rinaldi, Graham Watson, Marielle de Sarnez, Louis Michel, Izaskun Bilbao Barandica, Marietje Schaake, Alexandra Thein f’isem il-grupp ALDE
Daniel Cohn-Bendit f'isem il-Grupp Verts/ALE
Charles Tannock, Ryszard Czarnecki, Adam Bielan f’isem il-Grupp ECR
Patrick Le Hyaric, Kyriacos Triantaphyllides, Martina Anderson, Willy Meyer, Marie-Christine Vergiat, Younous Omarjee, Marisa Matias, Alda Sousa f’isem il-grupp GUE/NGL

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar id-deċiżjoni tal-Gvern Iżraeljan li jespandi l-insedjamenti fix-Xatt tal-Punent  (2012/2911 (RSP)).  

Il-Parlament Ewropew,

–   wara li kkunsidra l-Karta tan-Nazzjonijiet Uniti,

–   wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet rilevanti tan-NU: ir-Riżoluzzjonijiet tal-Assemblea Ġenerali tan-NU 181 (1947) u 194 (1948), u r-riżoluzzjonijiet tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU 242 (1967), 338 (1973), 1397 (2002), 1515 (2003) u 1850 (2008),

–   wara li kkunsidra l-Ftehimiet ta' Oslo ("Dikjarazzjoni ta’ Prinċipji dwar Arranġamenti Interim ta' Awtogovernanza") tat-13 ta' Settembru 1993,

–   wara li kkunsidra l-Ftehim Interim dwar ix-Xatt tal-Punent u l-Medda ta' Gaża tat-28 ta' Settembru 1995,

–   wara li kkunsidra d-dikjarazzjonijiet mill-Viċi President tal-Kummissjoni/Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà, Catherine Ashton, b’mod partikolari dawk dwar l-espansjoni tal-insedjamenti tat-8 ta’ Ġunju 2012 u tat-2 ta’ Diċembru 2012,

–   wara li kkunsidra d-deċiżjoni tal-Assemblea Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti tad-29 ta’ Novembru 2012 li tagħti lill-Palestina l-istatus ta’ stat osservatur mhux membru,

–   wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill dwar il-Proċess ta' Paċi fil-Lvant Nofsani tal-10 ta' Diċembru 2012 u tal-14 ta' Mejju 2012,

–   wara li kkunsidra l-Artikolu 110(2) u (4) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A. billi l-Gvern Iżraeljan ħabbar fit-2 ta’ Diċembru 2012 il-kostruzzjoni ppjanata ta’ 3 000 unità ġdida tal-insedjamenti fix-Xatt tal-Punent u f’Ġerusalemm tal-Lvant; billi, jekk implimentati, il-pjanijiet imħabbra se jikkompromettu l-vijabbiltà tas-soluzzjoni ta’ żewġ stati, speċjalment meta titqies iż-żona E1, fejn il-kostruzzjoni tal-insedjamenti taqsam ix-Xatt tal-Punent fi tnejn u b’hekk trendi impossibbli li jinħoloq Stat Palestinjan vijabbli, kontigwu u sovran;

B.  billi fit-2 ta' Diċembru 2012 il-Gvern Iżraeljan ħabbar li mhux se jirrilaxxa USD 100 miljun f’introjtu mit-taxxi Palestinjani; billi t-trasferimenti tat-taxxi fix-xahar huma element kruċjali fil-baġit tal-Awtorità Palestinjana; billi l-Ministru tal-Finanzi Iżraeljan Yuval Steinitz sostna li l-introjtu tat-taxxi kien qed jinżamm sabiex jitħallas id-dejn Palestinjan lill-Korporazzjoni tal-Elettriku Iżraeljana;

C. billi l-UE ripetutament ikkonfermat l-appoġġ tagħha għal soluzzjoni ta’ żewġ stati, bl-Istat ta’ Iżrael u Stat tal-Palestina indipendenti, demokratiku, kontigwu u vijabbli li jgħixu maġenb xulxin fil-paċi u fis-sigurtà;

D. billi l-Ftehimiet ta' Oslo tal-1993 qasmu t-territorju tax-Xatt tal-Punent fi tliet żoni: jiġifieri ż-Żona A, B u C; billi ż-Żona C, li taqa' taħt il-kontroll ċivili u tas-sigurtà Iżraeljan, tikkostitwixxi 62 % tat-territorju u hija l-unika żona kontigwa bl-aktar artijiet fertili u għanja għal dak li jikkonċerna r-riżorsi fix-Xatt tal-Punent; billi l-Ftehim Interim dwar ix-Xatt tal-Punent u l-Medda ta' Gaża tal-1995 jiddisponi li ż-Żona C se tiġi trasferita b’mod gradwali lill-ġurisdizzjoni Palestinjana;

E.  billi l-Assemblea Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti ddeċidiet fid-29 ta’ Novembru 2012 b’maġġoranza kbira, b’138 vot favur, 9 kontra u 41 astensjoni, li tagħti lill-Palestina l-istatus ta’ stat osservatur mhux membru fin-NU;

1.  Jesprimi t-tħassib kbir tiegħu fir-rigward tal-avviż tal-Gvern Iżraeljan dwar il-kostruzzjoni ppjanata ta’ madwar 3 000 unità residenzjali ġdida fix-Xatt tal-Punent, anki f’Ġerusalemm tal-Lvant;

2.  Jenfasizza mill-ġdid li tali espansjoni tista’ tikkomprometti l-prospetti ta’ Palestina vijabbli, b’Ġerusalemm bħala l-kapitali komuni tagħha u tal-Iżrael;

3.  Jenfasizza li l-insedjamenti Iżraeljani fix-Xatt tal-Punent u f'Ġerusalemm tal-Lvant huma illegali skont il-liġi internazzjonali; jappella għal iffriżar immedjat, komplet u permanenti ta’ kull azzjoni Iżraeljana ta’ kostruzzjoni u espansjoni ta’ insedjamenti, u għat-twaqqif ta’ tkeċċijiet oħra tal-familji Palestinjani mid-djar tagħhom kif ukoll tat-twaqqigħ tad-djar Palestinjani;

4.  Jikkundanna d-dikjarazzjonijiet tal-mexxej politiku tal-Ħamas, Khaled Meshal, li jiċħdu r-rikonoxximent tal-Istat tal-Iżrael u li jiċħdu b’mod ċar kull preżenza Iżraeljana f’Ġerusalemm u jappella lill-Ħamas jirrikonoxxi d-dritt għall-eżistenza tal-Iżrael;

5.  Jiddispjaċih ħafna bid-deċiżjoni tal-Gvern Iżraeljan li ma jirrilaxxax USD 100 miljun f’introjtu mit-taxxi Palestinjani, deċiżjoni li timmina l-baġit tal-Awtorità Palestinjana, u jitlob it-trasferiment immedjat ta’ dan l-introjtu; jinkoraġġixxi l-partijiet involuti jsolvu kull tilwim finazjarju pendenti permezz tal-medjazzjoni tal-UE;

6.  Itenni s-sostenn qawwi tiegħu għas-soluzzjoni ta' żewġ Stati fuq il-bażi tal-fruntieri tal-1967, b'Ġerusalemm bħala l-kapitali taż-żewġ Stati, li tipprevedi Stat tal-Iżrael sikur li jgħix maġenb Stat Palestinjan indipendenti, demokratiku, kontigwu u vijabbli, fil-paċi u s-sigurtà; jenfasizza mill-ġdid li l-uniku mod kif tintlaħaq paċi ġusta u dejjiema bejn l-Iżraeljani u l-Palestinjani huwa permezz ta' mezzi paċifiċi u mhux vjolenti, u jitlob f’dan il-kuntest għall-issoktar ta’ taħdidiet diretti dwar il-paċi bejn iż-żewġ partijiet; jitlob lill-partijiet iżommu lura milli jwettqu kwalunkwe azzjoni unilaterali li tista’ timmina jew tostakola l-isforzi favur il-paċi u l-prospetti għal ftehim favur il-paċi nnegozjat;

7.  Jappella mill-ġdid għall-implimentazzjoni sħiħa u effikaċi tal-leġiżlazzjoni eżistenti tal-UE u l-ftehimiet bilaterali eżistenti UE-Iżrael mill-UE u l-Istati Membri tagħha, u jenfasizza li d-dispożizzjonijiet tal-Ftehim ta' Assoċjazzjoni UE-Iżrael dwar ir-rispett għad-drittijiet tal-bniedem tal-Palestinjani għandhom jiġu osservati; itenni l-impenn tal-UE li tiżgura l-implimentazzjoni kontinwa, sħiħa u effikaċi tal-leġiżlazzjoni tal-Unjoni Ewropea u arranġamenti bilaterali fis-seħħ applikabbli għall-prodotti mill-insedjamenti;

8.  Jibqa' jappella, fl-istess spirtu, għar-rikonċiljazzjoni Palestinjana, li hija l-mod ta’ kif jerġgħu jingħaqdu l-Palestinjani li jgħixu fix-Xatt tal-Punent, f'Ġerusalemm tal-Lvant u fil-Medda ta' Gaża, li huma parti tal-istess poplu Palestinjan;

9.  Iħeġġeġ lill-Awtorità Palestinjana u l-Gvern Iżraeljan jipproċedu għat-tnedija mill-ġdid tal-proċess ta' paċi fil-Lvant Nofsani; jenfasizza l-importanza tal-protezzjoni tal-popolazzjoni Palestinjana u d-drittijiet tagħha fiz-Zona C u f'Ġerusalemm tal-Lvant, li hija essenzjali biex il-vijabbiltà tas-soluzzjoni ta' żewġ stati tibqa' possibbli;

10. Iħeġġeġ mill-ġdid lill-UE u lill-Istati Membri tagħha jiżvolġu rwol politiku aktar attiv, anke fi ħdan il-Kwartett, fl-isforzi intiżi sabiex tinkiseb paċi ġusta u dejjiema bejn l-Iżraeljani u l-Palestinjani; jappoġġa lill-Viċi President/Rappreżentant Għoli fl-isforzi tagħha sabiex jinħoloq prospett kredibbli għat-tnedija mill-ġdid tal-proċess ta’ paċi;

11. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-Riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Viċi President tal-Kummissjoni/Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri, lir-Rappreżentant Speċjali tal-UE għall-Proċess ta' Paċi fil-Lvant Nofsani, lill-President tal-Assemblea Ġenerali tan-NU, lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-membri tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU, lill-Mibgħut tal-Kwartett tal-Lvant Nofsani, lill-Knesset u lill-Gvern tal-Iżrael, lill-President tal-Awtorità Palestinjana u lill-Kunsill Leġiżlattiv Palestinjan.

 

Avviż legali - Politika tal-privatezza