Mozzjoni għal riżoluzzjoni konġunta - RC-B7-0562/2012Mozzjoni għal riżoluzzjoni konġunta
RC-B7-0562/2012

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI KONĠUNTA dwar is-sitwazzjoni fir-Repubblika Demokratika tal-Kongo

12.12.2012 - (2012/2907(RSP))

imressqa skont l-Artikoli 122(5) u 110(4) tar-Regoli ta' Proċedura
li tissostitwixxi l-mozzjonijiet għal riżoluzzjoni mressqa mill-gruppi:
ECR (B7‑0562/2012)
EFD (B7‑0563/2012)
PPE (B7‑0570/2012)
S&D (B7‑0572/2012)
Verts/ALE (B7‑0573/2012)
ALDE (B7‑0579/2012)
GUE/NGL (B7‑0580/2012)

José Ignacio Salafranca Sánchez-Neyra, Mariya Gabriel, Jean Roatta, Elmar Brok, Cristian Dan Preda, Filip Kaczmarek, Bernd Posselt, Roberta Angelilli, Mario Mauro, Eija-Riitta Korhola, Sergio Paolo Francesco Silvestris, Zuzana Roithová, Monica Luisa Macovei, Sari Essayah, Giovanni La Via, Laima Liucija Andrikienė, Philippe Boulland, Eduard Kukan, Tunne Kelam, Michèle Striffler, Edit Bauer, Anne Delvaux, Martin Kastler f’isem il-grupp PPE
Ana Gomes, Ricardo Cortés Lastra, Richard Howitt, Corina Creţu, Liisa Jaakonsaari, María Muñiz De Urquiza, Minodora Cliveti, Mitro Repo f'isem il-Grupp S&D
Louis Michel, Marietje Schaake, Sarah Ludford, Charles Goerens, Nathalie Griesbeck, Robert Rochefort, Ramon Tremosa i Balcells, Marielle de Sarnez, Graham Watson, Annemie Neyts-Uyttebroeck, Izaskun Bilbao Barandica, Sonia Alfano, Kristiina Ojuland, Johannes Cornelis van Baalen f’isem il-grupp ALDE
Isabelle Durant, Judith Sargentini, Barbara Lochbihler, Bart Staes, Raül Romeva i Rueda, Jean-Jacob Bicep, Jean Lambert, Malika Benarab-Attou, Rui Tavares f'isem il-Grupp Verts/ALE
Charles Tannock, Jan Zahradil, Oldřich Vlasák, Ryszard Czarnecki f’isem il-Grupp ECR
Marie-Christine Vergiat, Younous Omarjee f’isem il-grupp GUE/NGL
Fiorello Provera f'isem il-Grupp EFD

Proċedura : 2012/2907(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument :  
RC-B7-0562/2012
Testi mressqa :
RC-B7-0562/2012
Votazzjonijiet :
Testi adottati :

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar is-sitwazzjoni fir-Repubblika Demokratika tal-Kongo

(2012/2907(RSP))

Il-Parlament Ewropew,

–   wara li kkunsidra l-Ftehim ta' Sħubija ta' Cotonou ffirmat f'Ġunju 2000,

–   wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem (1948) u l-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi (1966),

–   wara li kkunsidra l-Artikolu 3 tal-Konvenzjoni ta' Ġinevra tal-1949 u l-Protokoll II tagħha, li jipprojbixxu l-eżekuzzjoniijet sommarji, l-istupru, ir-reklutaġġ furzat u atroċitajiet oħra;

–   wara li kkunsidra l-Konvenzjoni dwar id-Drittijiet tat-Tfal tal-20 ta' Novembru 1989, li, b'mod partikolari, tipprojbixxi l-involviment tat-tfal fil-kunflitti armati,

–   wara li kkunsidra l-Protokoll Fakultattiv għall-Konvenzjoni dwar id-Drittijiet tat-Tfal dwar l-involviment tat-tfal fil-kunflitti armati, li ġie ratifikat mill-pajjiżi tar-reġjun tal-Lagi l-Kbar,

–   wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet rilevanti tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti, b'mod partikolari r-riżoluzzjonijiet 2076 (2012), 2053 (2012), 1925 (2010) u 1856 (2008) dwar is-sitwazzjoni fir-Repubblika Demokratika tal-Kongo (RDK), li jistipulaw il-mandat tal-Missjoni ta' Stabbilizzazzjoni tan-NU fir-RDK (MONUSCO), id-dikjarazzjoni tal-Kunsill tas-Sigurtà tat-2 ta' Awwissu 2012 u r-rapporti ta' kull xahar tas-Segretarju Ġenerali tan-NU dwar dan is-suġġett,

–   wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet 1325 (2012), 1820 (2008), 1888 (2009), u 1960 (2010) tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti dwar in-nisa, il-paċi u s-sigurtà,

–   wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni 60/1 tal-Assemblea Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti tal-24 ta' Ottubru 2005 dwar ir-Riżultat tas-Samit Dinji tal-2005, u b'mod partikolari l-paragrafi 138 sa 140 tagħha dwar ir-responsabbiltà li jiġu protetti l-popolazzjonijiet,

–   wara li kkunsidra l-Karta Afrikana tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Popli, ratifikata mir-RDK fl-1982,

–   wara li kkunsidra d-deċiżjoni tal-Kunsill għall-Paċi u s-Sigurtà tal-Unjoni Afrikana tad-19 ta' Settembru 2012 dwar is-sitwazzjoni tas-sigurtà fil-Lvant tar-RDK,

–   wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-laqgħa tal-Kunsill Affarijiet Barranin tal-25 ta' Ġunju u tad-19 ta' Novembru 2012 dwar is-sitwazzjoni fil-Lvant tar-RDK,

–   wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Presidenzjali tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU tad-19 ta' Ottubru 2012,

–   wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tat-23 ta' Ġunju 2011 minn Margot Wallström, l-ex Rappreżentant Speċjali tas-Segretarju Ġenerali tan-NU dwar il-Vjolenza Sesswali fil-Kunflitti,

–   wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tas-27 ta' Settembru 2012 mill-President tal-Kunsill Ewropew, Herman Van Rompuy,

–   wara li kkunsidra d-dikjarazzjonijiet tas-7 ta' Ġunju, tat-12 ta'Ġunju, tal-10 ta' Lulju u tat-23 ta' Novembru 2012 mill-Viċi President tal-Kummissjoni/Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika tas-Sigurtà, Catherine Asthon,

–   wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill dwar is-sitwazzjoni fil-Lvant tar-Repubblika Demokratika tal-Kongo, maħruġa fl-10 ta' Diċembru 2012,

–   wara li kkunsidra d-dikjarazjoni tat-22 ta' Frar 2011 minn Andris Piebalgs, Kummissarju ewropew għall-Iżvilupp, bl-isem "RDK: Pass lejn it-Tmiem tal-Impunità",

–   wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tas- 26 ta' Ġunju 2012 minn Kristalina Georgieva, Kummissarju Ewropew responsabbli għall-kooperazzjoni internazzjonali, l-għajnuna umanitarja u r-rispons f'każ ta' kriżi, rigward id-deterjorazzjoni fis-sitwazzjoni umanitarja fir-RDK,

–   wara li kkunsidra d-dikjarazzjonijiet tal-Kapijiet ta' Stat u tal-Gvernijiet tal-istati membri tal-Konferenza Internazzjonali tar-Reġjun tal-Lagi l-Kbar (ICGLR) rigward is-sitwazzjoni tas-sigurtà fil-Lvant tar-RDK, b'mod partikolari dik tal-24 ta' Novembru 2012,

–   wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tal-Organisation Internationale de la Francophonie (OIF), adottata fl-14-il Samit tal-Pajjiżi Frankofoni f'Kinxasa fit-13 u fl-14 ta' Ottubru 2012 dwar is-sitwazzjoni fir-RDK,

–   wara li kkunsidra l-ittra tal-21 ta' Ġunju 2012 mill-President tal-kumitat tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU mwaqqaf bir-riżoluzzjoni 1533 (2004) lill-President tal-Kunsill tas-Sigurtà, fir-rigward tar-RDK, li tippreżenta r-rapport interim tal-grupp ta' esperti dwar ir-RDK u l-annessi tiegħu u li titlob il-pubblikazzjoni tagħhom bħala dokument tal-Kunsill (S/2012/348),

–   wara li kkunsidra r-rapporti mill-organizzazzjonijiet tad-drittijiet tal-bniedem dwar il-vjolazzjonijiet serji tad-drittijiet tal-bniedem imwettqa fil-Lvant tar-RDK,

–   wara li kkunsidra l-ftehim dwar l-Infurzar tal-Liġi tal-Foresta, Governanza u Kummerċ (FLEGT) bejn l-UE u r-RDK, li daħal fis-seħħ f'Settembru 2010,

–   wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar ir-RDK, b'mod partikolari dik tat-13 ta' Ġunju 2012 dwar segwitu tal-elezzjonijiet fir-Repubblika Demokratika tal-Kongo (RDK)[1],

–   wara li kkunsidra l-Artikolu 122(5) u l-Artikolu 110(4) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A. billi, minn April 2012 'l hawn, elementi tal-Forzi Armati tar-RDK (FARDC) irvellaw fil-Lvant tal-pajjiż, b'mod aktar preċiż fil-provinċja ta' Kivu tat-Tramuntana, u billi dan l-irvell malajr inbidel f'ribelljoni armata taħt l-isem tal-Moviment tat-23 ta' Marzu (M23), li qed jitlob l-applikazzjoni tal-ftehim ta' paċi ffirmat f'Goma fit-23 ta' Marzu 2009 mill-Gvern tar-RDK u l-grupp armat magħruf bħala l-Kungress Nazzjonali għad-Difiża tal-Poplu (CNDP);

B.  billi r-ribelli tal-M23 huma wieħed minn tużżana gruppi armati, bħall-grupp Mai-Mai, il-Forzi Demokratiċi għal-Liberazzjoni tar-Rwanda (FDLR) u r-ribelli Ħutu Rwandiżi, minn naħa minnhom, u l-FARDC min-naħa l-oħra, li qed jiġġieldu f'dan ir-reġjun għani fir-riżorsi;

C. billi għal kważi seba' xhur il-grupp ribelli M23 ilu jokkupa parti kbira mill-provinċja ta' Kivu tat-Tramuntana, billi stabbilixxa l-amministrazzjoni tiegħu stess u billi din il-parti tal-provinċja hija għalhekk kollha kemm hi barra mill-kontroll tal-istat tar-RDK, ħaġa li tikkawża instabbiltà u nuqqas ta' sigurtà kostanti;

D. billi, 11-il jum wara l-ħtif tal-belt ewlenija ta' Goma minn idejn it-truppi tal-gvern appoġġati mill-forzi għaż-żamma tal-paċi tan-NU, l-M23 irtira mill-belt skont ftehim li ntlaħaq b'medjazzjoni reġjonali;

E.  billi, fis-6 ta' Diċembru 2012, bdew negozjati u proċess ta' djalogu bejn il-gruppi ribelli u l-Gvern Kongoliż f'Kampala, l-Uganda;

F.  billi l-attakki riċenti mwettqa minn gruppi armati kontra l-kamp Mugunga III jenfasizzaw il-ħtieġa li tingħata prijorità lis-sigurtà f'siti għal persuni spustati internament, flimkien ma' aċċess umanitarju mtejjeb;

G. billi l-Grupp ta' Esperti tan-NU ppreżenta evidenza ta' appoġġ mir-Rwanda għar-ribelli tal-M23, permezz tal-għoti ta' appoġġ militari, inklużi armi, munizzjon, taħriġ u suldati;

H. billi l-Gvernijiet tal-Uganda u tar-Rwanda ċaħdu akkużi minn bord tan-Nazzjonijiet Uniti li appoġġaw ir-ribelli M23 u l-ħtif tal-belt tal-Lvant tal-Kongo, Goma;

I.   billi l-Istati Uniti, ir-Renju Unit, il-Ġermanja, il-Pajjiżi l-Baxxi, l-Isvezja u l-UE kollha ssospendew ftit mill-għajnuna tagħhom lir-Rwanda, bħala reazzjoni għar-rapport tan-NU;

J.   billi l-istati membri tal-ICGLR, il-Komunità għall-Iżvilupp tan-Nofsinhar tal-Afrika (SADC) u l-UE għamlu sforzi biex isibu soluzzjoni politika kostruttiva għall-kunflitt fil-Lvant tar-RDK;

K. billi l-istati membri tal-ICGLR stabbilixxew mekkaniżmu konġunt ta' verifika biex jimmonitorjaw il-movimenti tat-truppi fil-Lvant tar-RDK u ddeċidew li jibgħatu forza internazzjonali newtrali;

L.  billi, skont ir-riżoluzzjoni 2053 (2012) tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU, il-mandat ta' MONUSCO ġie estiż sat-30 ta' Ġunju 2013;

M. billi l-Lvant tar-RDK sofra minn atroċitajiet ripetuti, ikkaratterizzati minn ksur tad-drittijiet tal-bniedem u delitti tal-gwerra, bħal stupri tal-massa, inkluż l-istuprar ta' nisa u bniet, tortura, il-qtil ta' persuni ċivili u r-reklutaġġ ġenerali ta' suldati tfal;

N. billi l-użu tal-vjolenza sesswali u l-użu aktar mifrux tal-istupru għandhom konsegwenzi enormi, bħall-qerda fiżika u psikoloġika tal-vittmi, u għandhom jitqiesu delitti tal-gwerra;

O. billi l-armata Kongoliża (FARDC) ukoll wettqet bosta abbużi fiż-żoni tal-gwerra;

P.  billi n-nuqqas ta' taħrik ta' dawk responsabbli għal ksur tad-drittijiet tal-bniedem u delitti tal-gwerra jippromwovi klima ta' impunità u jinkoraġġixxi t-twettiq ta' delitti ġodda;

Q. billi iktar minn 2,4 miljun persuna Kongoliża li jgħixu fiż-żoni affettwati mill-ġlied ġew spustati internament u 420 000 ħarbu lejn pajjiżi ġirien, u billi qed jgħixu f'kundizzjonijiet inumani;

R.  billi r-RDK, u b'mod partikolari r-reġjuni tal-Lvant attwalment taħt il-kontroll tal-gruppi paramilitari armati għandhom abbundanza ta' riżorsi naturali bħad-deheb, il-landa u l-coltan, li permezz ta' attivitajiet ta' estrazzjoni illegali jgħinu biex jiffinanzjaw u jipperpetwaw il-kunflitt;

S.  billi l-Park Nazzjonali ta' Virunga ġie klassifikat mill-UNESCO fl-1979 bħala Sit ta' Wirt Dinji minħabba l-bijodiversità unika tiegħu;

T.  billi huwa inaċċettabbli li ngħataw konċessjonijiet taż-żejt fil-Park Nazzjonali ta' Virunga bi ksur tal-Konvenzjoni ta' Pariġi tas-16 ta' Novembru dwar il-Protezzjoni tal-Wirt Kulturali u Naturali Dinji;

U. billi l-konċessjonijiet taż-żejt mogħtija fil-Park Naturali ta' Virunga jmorru kontra din il-Konvenzjoni li tagħmel konnessjoni bejn ir-RDK u l-UNESCO, u kontra l-Kostituzzjoni u l-liġijiet Kongoliżi, u billi dawn il-konċessjonijiet għandhom għalhekk jitħassru;

V. billi ż-żieda fil-qgħad, il-kriżi soċjali, il-kriżi tal-ikel, l-inadegwatezza tas-servizzi bażiċi, it-tifqir tal-popolazzjoni u d-degradazzjoni ambjentali huma wkoll parzjalment responsabbli għall-instabbiltà tar-reġjun; billi dawn il-problemi jirrikjedu pjan u strateġija komprensivi ta' żvilupp;

W. billi huwa neċessarju li jiġu indirizzati l-konsegwenzi tal-kunflitti, b'mod partikolari permezz tad-demilitarizzazzjoni, id-demobilizzazzjoni u r-reintegrazzjoni tal-ex ġellieda, ir-ripatrijazzjoni tar-rifuġjati, ir-risistemazzjoni ta' persuni li ġew spustati f'pajjiżhom stess u l-implimentazzjoni ta' programmi vijabbli għall-iżvilupp;

X. billi l-poplu indiġenu ta’ Batwa tal-Lvant tar-Repubblika Demokratika tal-Kongo (RDK), b’popolazzjoni ta’ 90 000, huwa madankollu vittma ta’ razzimu sistematiku, eklużjoni soċjali u politika u ksur tad-drittijiet tal-bniedem fir-RDK u f'pajjiżi oħra fir-Reġjun tal-Lagi l-Kbar;

Y. billi r-ripressjoni kontra l-attivisti tad-drittijiet tal-bniedem u l-ġurnalisti fir-RDK kibret, u billi dawn qed jiġu arrestati u intimidati b’mod arbitrarju; billi ma ttieħdu l-ebda passi sabiex dawk responsabbli jitressqu quddiem il-ġustizzja;

1.  Jesprimi t-tħassib kbir tiegħu fir-rigward tad-degradazzjoni tas-sitwazzjoni ġenerali fil-Lvant tar-RDK, li għandha konsegwenzi politiki, ekonomiċi, soċjali, umanitarji u ta’ sigurtà serji fir-RDK u fir-reġjun kollu;

2.  Jikkundanna bil-qawwa l-attakki minn M23 u l-forzi negattivi l-oħra kollha fil-Lvant tar-RDK f’dawn l-aħħar xhur; jopponi kull intervent estern fil-kunflitt u jenfasizza l-bżonn li tintemm kull attività ta’ gruppi armati barranin fil-Lvant tar-RDK;

3.  Jappella b’mod speċifiku kemm lill-Gvern tar-Rwanda kif ukoll il-Gvern tal-Uganda jieqfu milli jappoġġaw il-grupp ribell M23 peress li dan qed ikollu impatt distabbilizzanti fuq ir-reġjun tal-Lagi l-Kbar;

4.  Jafferma mill-ġdid id-dritt mhux trasferibbli u li ma jitneħħiex tar-RDK għar-rispett tas-sovranità u l-integrità territorjali tagħha;

5.  Jappella lill-partijiet ikkonċernati kollha fir-reġjun jikkontribwixxu f’bona fide għal soluzzjoni paċifika; jitlob, barra minn hekk, l-implimentazzjoni immedjata tal-pjan ta’ ħruġ mill-kriżi adottat f’Kampala fl-24 ta’ Novembru 2012;

6.  Jilqa’ l-isforzi tal-istati membri tal-ICGRL, l-Unjoni Afrikana (UA) u n-NU fl-isforzi u l-inizjattivi tagħhom biex isibu soluzzjoni dejjiema u paċifika għall-kriżi; jinsisti li soluzzjoni militari mhux se ssolvi l-kriżi; jappella, għalhekk, għal proċess ta’ paċi politiku li jindirizza d-diżarm tal-forzi ribelli u l-elementi fundamentali li joħolqu l-kunflitt;

7.  Jenfasizza l-importanza tal-funzjonament effikaċi tal-mekkaniżmu konġunt ta’ verifika u l-istabbiliment u l-iskjerament effikaċi tal-forza internazzjonali newtrali prevista;

8.  Jappella għal pożizzjoni tal-UE fil-konfront tal-individwi kollha li ma osservawx l-embargo fuq l-armi tan-NU għall-Kongo;

9.  Jappella lill-gvernijiet tar-RDK u l-pajjiżi tal-viċinat jieħdu l-miżuri neċessarji kollha sabiex jaslu għal soluzzjoni strutturali li twassal għal paċi dejjiema, is-sigurtà, l-istabbilità, l-iżvilupp ekonomiku u r-rispett għad-drittijiet tal-bniedem fir-reġjun permezz tal-kooperazzjoni, id-djalogu permanenti, l-istabbiliment tal-fiduċja u r-rikonċiljazzjoni; jafferma l-impenn tiegħu fir-rigward tal-kooperazzjoni mar-RDK u r-reġjun tal-Lagi l-Kbar għal dan l-għan;

10. Jikkundanna kull att ta’ vjolenza u l-ksur kollu tad-drittijiet tal-bniedem fil-Lvant tar-RDK u fir-reġjun tal-Lagi l-Kbar, u jesprimi s-solidarjetà tiegħu mal-poplu tar-RDK affettwat mill-gwerra; jappella lill-forzi kollha li qed jipparteċipaw fil-kunflitti fil-Lvant tar-RDK jirrispettaw id-drittijiet tal-bniedem u l-liġi umanitarja internazzjonali, itemmu l-attakki kollha fuq iċ-ċivili, b'mod partikolari n-nisa u t-tfal, u jipprovdu aċċess u protezzjoni lill-aġenziji umanitarji li jipprovdu assistenza lill-popolazzjoni ċivili li qed tbati;

11. Jikkundanna bil-qawwa l-atti ta’ vjolenza sesswali mwettqa fuq skala massiva fir-RDK, b’mod partikolari l-istupru ta’ nisa u bniet, u r-reklutaġġ tat-tfal; iħeġġeġ lill-Gvern tar-RDK u l-komunità internazzjonali jipprovdu lill-persuni kollha li jinsabu fi bżonn fil-Lvant tar-RDK b’kura medika xierqa, inklużi l-appoġġ psikoloġiku u l-appoġġ ta' wara trawma;

12. Jikkundanna l-attentat fuq Dr Mukwege u jappella għal inkjesta ġudizzjarja indipendenti sabiex tiġi stabbilita l-verità fuq dan l-attakk, li kkawża l-mewt tal-bodyguard tiegħu;

13. Iqis essenzjali li jkun hemm investigazzjoni imparzjali u profonda fil-każijiet fil-passat u fil-preżent ta’ ksur tad-drittijiet tal-bniedem, u jappella lill-Istati kollha tar-reġjun tal-Lagi l-Kbar iwettqu sforzi sabiex it-tmiem l-impunità jitpoġġa fil-qalba tal-proċess tat-titjib tal-istat ta’ dritt;

14. Jitlob, b’mod partikolari, li l-atturi ta’ ksur tad-drittijiet tal-bniedem, delitti tal-gwerra, delitti kontra l-umanità, vjolenza sesswali kontra n-nisa u lieva ta’ suldati tfal jiġu rapportati, identifikati, imħarrka u puniti skont id-dritt kriminali nazzjonali u internazzjonali; jenfasizza li l-impunità ma tistax tiġi ttollerata irrispettivament minn min kien l-attur;

15. Jistieden lill-Gvern Kongoliż jassumi r-responsabbiltà sħiħa tiegħu u jtemm l-impunità, inklużi l-abbużi mwettqa mill-armata Kongoliża (FARDC);

16. Jistieden lir-RDK tintroduċi riforma tas-settur tas-sigurtà nazzjonali effikaċi, b’istituzzjonijiet indipendenti b’saħħithom li huma responsabbli f’għajnejn l-Istat u l-poplu tiegħu u li huma f'pożizzjoni li jiġġieldu u jsegwu d-delitti u l-każijiet ta' korruzzjoni;

17. Jistieden lill-komunità internazzjonali, u b’mod aktar partikolari l-UE, l-UA u n-NU, ikomplu jieħdu kull miżura possibbli sabiex jipprovdu għajnuna aktar ikkoordinata u effikaċi għan-nies fil-Lvant tar-RDK u jikkontribwixxu għall-isforzi sabiex tingħata reazzjoni għad-diżastru umanitarju;

18. Iħeġġeġ lill-Gvern tar-RDK u l-komunità internazzjonali jipprovdu lill-persuni kollha li jinsabu fi bżonn fil-Lvant tar-RDK b’kura medika xierqa, inklużi l-appoġġ psikoloġiku u l-appoġġ ta' wara trawma;

19. Jistieden lill-UA u lill-pajjiżi tal-Lagi l-Kbar ikomplu jieħdu passi sabiex jiġu miġġielda l-isfruttament u l-kummerċ illeċiti ta’ riżorsi naturali – waħda mir-raġunijiet għall-proliferazzjoni u t-traffikar ta’ armi, li huma fost il-fatturi maġġuri li qed irewħu u jaggravaw il-kunflitti fir-reġjun tal-Lagi l-Kbar;

20. Iqis li l-aċċess trasparenti għar-riżorsi naturali tar-RDK u l-kontroll fuqhom huma indispensabbli għall-iżvilupp sostenibbli tal-pajjiż;

21. Jappella għal miżuri legali aktar b’saħħithom sabiex tiġi żgurata traċċabbiltà aħjar ta’ minerali minn tħaffir illegali bi strument internazzjonali ta’ kontroll tas-suq għar-riżorsi naturali, kif ispirat mid-Dodd-Frank Act, adottat mill-Kungress tal-Istati Uniti;

22. Iħeġġeġ lill-Gvern Kongoliż jaġixxi fil-waqt u b’mod sod sabiex jevita kull dannu irriversibbli lill-Park Nazzjonali ta’ Virunga, minħabba l-esplorazzjoni u l-isfruttament taż-żejt jew attivitajiet illegali oħra;

23. Jistieden lill-Gvern Kongoliż ma joħroġ l-ebda awtorizzazzjoni għall-isfruttament taż-żejt, b’mod konformi mat-talba espliċita tal-UNESCO;

24. Jitlob li jsiru sforzi kemm fil-livell nazzjonali kif ukoll f’dak internazzjonali sabiex tiżdied l-awtorità tal-Istat u l-Istat tad-dritt fir-RDK, b’mod partikolari fl-oqsma tal-governanza u s-sigurtà, anki f’kooperazzjoni mill-qrib mal-missjoni għall-assistenza militari tal-Unjoni Ewropea (EUSEC) u l-missjoni ta' assistenza tal-pulizija tal-Unjoni (EUPOL), li għandhom jitkomplu sabiex jiġu kkonsolidati l-paċi u s-sigurtà kemm fil-pajjiż kif ukoll fir-reġjun tal-Lagi l-Kbar;

25. Jistieden lill-Kapijiet ta’ Stat u tal-Gvernijiet tar-reġjun tal-Lagi l-Kbar iwettqu sforzi sabiex l-istrumenti għall-paċi u l-iżvilupp reġjonali eżistenti jiġu verament implimentati u jistieden lill-Istati kollha li huma firmatarji tal-Patt dwar is-Sigurtà, l-Istabbiltà, u l-Iżvilupp fir-reġjun tal-Lagi l-Kbar jimplimentawh bis-sħiħ sabiex jistabbilixxu u jikkonsolidaw il-bażi neċessarja għall-paċi u s-sigurtà fir-reġjun; jistieden lin-NU, lill-UE u lill-UA u lill-ħbieb tar-reġjun tal-Lagi l-Kbar jappoġġaw b’mod qawwi u attiv l-isforzi biex dan il-Patt jiġi implimentat.

26. Jistieden lill-pajjiżi kollha fir-reġjun u l-korpi internazzjonali kollha jikkooperaw b’mod attiv mal-awtoritajiet tar-RDK sabiex iżarmaw u jiddemobilizzaw il-gruppi armati kollha u jistabbilixxu paċi dejjiema fil-Lvant tar-RDK;

27. Iħeġġeġ lill-missjoni għall-Istabbilizzazzjoni MONUSCO fir-RDK tkun aktar effikaċi fl-implimentazzjoni tal-mandat tagħha sabiex tiggarantixxi s-sigurtà u s-sikurezza taċ-ċivili Kongoliżi; jirrakkomanda l-promozzjoni u l-iffaċilitar tal-istabbiliment ta’ inizjattivi lokali għall-paċi minn MONUSCO u l-Gvern tar-RDK, b’mod partikolari fit-territorji li fihom hemm tensjonijiet etniċi qawwija, sabiex tiġi stabbilizzata s-sitwazzjoni b’mod permanenti;

28. Jinkoraġġixxi l-mexxejja tar-RDK jieħdu l-inizjattivi neċessarji kollha sabiex jikkonsolidaw id-demokrazija u jiżguraw il-parteċipazzjoni tal-forzi attivi kollha fost il-poplu tal-Kongo fil-governanza tal-pajjiż fuq il-bażi ta’ regoli legali u kostituzzjonali;

29. Jilqa’ l-ħolqien fis-6 ta’ Diċembru 2012 mill-Parlament tar-RDK tal-Kummissjoni Nazzjonali għad-Drittijiet tal-Bniedem kif deskritta fil-kostituzzjoni, bħala l-ewwel pass qabel tingħadda liġi dwar il-protezzjoni tal-vittmi u tax-xhieda ta' abbużi tad-drittijiet tal-bniedem, tal-attivisti tad-drittijiet tal-bniedem, tal-ħaddiema ta’ għajnuna u tal-ġurnalisti;

30. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Viċi President tal-Kummissjoni/Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, lill-Unjoni Afrikana, lill-gvernijiet tal-pajjiżi tar-reġjun tal-Lagi l-Kbar, lill-President, il-Prim Ministru u l-Parlament tar-RDK, lis-Segretarju Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti, lir-Rappreżentant Speċjali tan-Nazzjonijiet Uniti dwar il-Vjolenza Sesswali fil-Kunflitti, lill-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti u lill-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-NU.