MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI KONĠUNTA dwar id-diskriminazzjoni abbażi tal-kasta fl-Indja
12.12.2012 - (2012/2909(RSP))
li tissostitwixxi l-mozzjonijiet għal riżoluzzjoni mressqa mill-gruppi:
ECR (B7‑0574/2012)
S&D (B7‑0575/2012)
Verts/ALE (B7‑0576/2012)
PPE (B7‑0577/2012)
ALDE (B7‑0578/2012)
GUE/NGL (B7‑0581/2012)
José Ignacio Salafranca Sánchez-Neyra, Lena Kolarska-Bobińska, Elmar Brok, Cristian Dan Preda, Filip Kaczmarek, Jean Roatta, Bernd Posselt, Roberta Angelilli, Mario Mauro, Eija-Riitta Korhola, Sergio Paolo Francesco Silvestris, Zuzana Roithová, Monica Luisa Macovei, Sari Essayah, Giovanni La Via, Laima Liucija Andrikienė, Mariya Gabriel, Philippe Boulland, Eduard Kukan, Tunne Kelam, Jarosław Leszek Wałęsa, Edit Bauer, Martin Kastler f’isem il-grupp PPE
Ana Gomes, Jörg Leichtfried, Richard Howitt, Liisa Jaakonsaari, Mitro Repo, Lidia Joanna Geringer de Oedenberg, Emilio Menéndez del Valle, Maria Badia i Cutchet f'isem il-Grupp S&D
Anneli Jäätteenmäki, Marietje Schaake, Niccolò Rinaldi, Phil Bennion, Leonidas Donskis, Sarah Ludford, Robert Rochefort, Louis Michel, Ramon Tremosa i Balcells, Marielle de Sarnez, Izaskun Bilbao Barandica, Sonia Alfano, Edward McMillan-Scott, Kristiina Ojuland, Johannes Cornelis van Baalen f’isem il-grupp ALDE
Karima Delli, Franziska Keller, Jean Lambert, Barbara Lochbihler, Rui Tavares, Satu Hassi, Nicole Kiil-Nielsen, Raül Romeva i Rueda, Margrete Auken f'isem il-Grupp Verts/ALE
Charles Tannock, Peter van Dalen, Ryszard Czarnecki f’isem il-Grupp ECR
Marie-Christine Vergiat f’isem il-grupp GUE/NGL
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar id-diskriminazzjoni abbażi tal-kasta fl-Indja
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu, b’mod partikolari dik tal-1 ta’ Frar 2007 dwar il-qagħda tad-drittijiet tal-bniedem tad-Daliti fl-Indja[1] u dawk dwar ir-Rapporti Annwali dwar id-Drittijiet tal-Bniedem fid-Dinja, b’mod partikolari dak tat-18 ta’ April 2012[2],
– wara li kkunsidra l-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi,
– wara li kkunsidra l-Konvenzjoni Internazzjonali dwar l-Eliminazzjoni tal-Forom Kollha ta’ Diskriminazzjoni Razzjali (ICERD), u r-Rakkomandazzjonijiet Ġenerali XXIV tiegħu, kif ratifikati mill-Indja,
– wara li kkunsidra l-proposta tal-gvern imressqa minn Mukul Vasnik, Ministru tal-Ġustizzja Soċjali u l-Abilitazzjoni, dwar ‘L-Abbozz ta’ Liġi dwar il-Projbizzjoni li Persuni jiġu Impjegati Jnaddfu bl-Idejn il-Latrini Mingħajr Drenaġġ u r-Rijabilitazzjoni Tagħhom, 2012’, ippreżentata lill-Parliament Indjan fit-3 ta’ Settembru 2012,
– wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tad-19 ta’ Ottubru 2009 tal-Kummissarju Għoli tan-NU għad-Drittijiet tal-Bniedem, Navi Pillay, u l-appell tagħha lill-istati membri tan-NU biex japprovaw l-abbozz ta' Prinċipji u Linji Gwida tan-NU għall-Eliminazzjoni Effikaċi tad-Diskriminazzjoni Bbażata fuq ix-Xogħol u d-Dixxendenza,
– wara li kkunsidra r-rakkomandazzjonijiet li rriżultaw mill-Proċeduri Speċjali tan-NU u l-korpi ta’ trattati tan-NU, kif ukoll dawk li jinsabu fiż-żewġ Rivisti Perjodiċi Universali dwar l-Indja tal-10 ta’ April 2008 u tal-24 ta’ Mejju 2012,
– wara li kkunsidra r-rakkomandazzjonijiet tad-9 ta’ Lulju 2012 tal-Grupp ta’ Ħidma tan-NU dwar ir-Rivista Perjodika Universali dwar l-Indja,
– wara li kkunsidra t-tħassib serju espress fis-6 ta' Frar 2012 mir-Rapporteur Speċjali tan-NU dwar id-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem rigward is-sitwazzjoni tal-attivisti Daliti fl-Indja,
– wara li kkunsidra l-Maila Mukti Yatra li għadha għaddejja, il-marċ madwar in-nazzjon kollu li qed jagħmlu eluf ta’ nies biex jiġi eradikat it-tindif bl-idejn tal-latrini mingħajr drenaġġ li bejn it-30 ta’ Novembru 2011 u l-31 ta’ Jannar 2012 jkun għadda minn ġo 18-il stat tal-Indja,
– wara li kkunsidra d-djalogu tematiku bejn l-UE u l-Indja dwar id-drittijiet tal-bniedem,
– wara li kkunsidra l-Artikoli 2 u 3(5) tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea,
– wara li kkunsidra l-Artikolu 122(5) u l-Artikolu 110(4) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
A. billi l-India għamlet progress ekonomiku kbir, u bħala wieħed mill-pajjiżi BRICS issa twettaq rwol importanti fil-politika tad-dinja; billi, madankollu, id-diskriminazzjoni abbażi tal-kasta tkompli tkun mifruxa ħafna u persistenti;
B. billi l-Kostituzzjoni tal-India tagħti liċ-ċittadini status ugwali, u d-diskriminazzjoni abbażi tal-kasta u l-prattika li ċerti persuni ma jistgħux jintmessu (untouchability) huma meqjusa illegali fl-Artikoli 15 u 17 tagħha; billi persuni Daliti servew fl-ogħla funzjonijiet politiċi; billi l-India għandh liġijiet u regolamenti maħsuba biex jipproteġu l-Kasti Skedati u t-Tribujiet Skedati, bħalma huma l-Att tal-1976 dwar il-Ħarsien tad-Drittijiet Ċivili u l-Att tal-1989 dwar il-Kasti Skedati u t-Tribujiet Skedati (Prevenzjoni tal-Atroċitajiet); billi l-Prim Ministru Indjan Manmohan Singh għamel għadd ta’ dikjarazzjonijiet qawwija dwar li tingħata prijorità lill-kumbattiment tal-vjolenza kontra d-Daliti;
C. billi, minkejja dawn l-isforzi, huwa stmat li hemm 170 miljun Dalit u Adivasi indiġenu fl-Indja li għadhom qed ikomplu jsofru minħabba suriet severi ta’ esklużjoni soċjali; billi l-ILO tistma li l-maġġoranza l-kbira tal-vittmi tax-xogħol sfurzat biex jitħallas dejn fil-pajjiż huma ġejjin mill-Kasti Skedati u mit-Tribujiet Skedati;
D. billi t-tindif bl-idejn tal-latrini mingħajr drenaġġ, minkejja li hu pprojbit legalment, għadu mifrux ħafna, b’mijiet ta’ eluf ta’ dawk li huma kważi esklussivament nisa Daliti li jwettqu din is-sura ta’ servitù, fejn is-servizz ferrovjarju Indjan (Indian Railways) huwa l-aktar impjegatur li waħdu jimpjega nies biex inaddfu l-latrini mingħajr drenaġġ bl-idejn;
E. billi n-nisa Daliti u Adivasi huma l-ifqar fost il-fqar fl-Indja, jiffaċċjaw diskriminazzjoni multipla abbażi tal-kasta u tas-sess, spiss huma soġġetti għal vjolazzjonijiet serji tal-integrità fiżika tagħhom, inkluż abbuż sesswali b’impunità minn membri ta’ kasti dominanti, u huma soċjalment esklużi u ekonomikament sfruttati, b’rata ta’ alfabetiżmu ta’ 24% biss;
F. billi skont estimi l-maġġoranza vasta tad-delitti kontra n-nisa Daliti ma tiġix irrappurtata minħabba l-biża’ ta’ ostraċiżmu soċjali jew theddidiet għas-sikurezza u s-sigurtà personali; billi f’każ partikolari f’l-istat ta’ Haryana tfajla Dalita ta' 16-il sena ġiet stuprata minn gang fir-raħal ta' Dabra (distrett ta' Hisar) fid-9 ta' Settembru 2012; billi missierha kkommetta suiċidju wara li sar jaf x’kien ġara u l-pulizija ddeċidiet li tieħu azzjoni tard biss meta ġiet iffaċċjata bi protesti tal-mases;
G. billi fl-20 ta’ Novembru 2012, f’Dharmapuri (stat ta’ Tamil Nadu), tajfa ta’ madwar 1 000 ruħ minn kasti ogħla ssakkeġġaw u taw in-nar lil tal-anqas 268 dar fil-komunitajiet Daliti, mingħajr l-ebda intervent mill-uffiċjali tal-pulizija li kienu preżenti;
H. billi l-Att dwar il-Ħarsien tan-Nisa mill-Vjolenza Domestika tal-2005 huwa nieqes minn implimentazzjoni effettiva, u billi l-preġudizzju pervażiv kontra n-nisa li għandhom il-korp tal-pulizija, is-sistema ġudizzjarja, l-istabbiliment mediku u l-klassi politika jimpedixxi l-amministrazzjoni tal-ġustizzja;
I. billi r-rata tal-kundanni ta’ ħtija skont l-Att dwar il-Kasti Skedati u t-Tribujiet Skedati (Prevenzjoni tal-Atroċitajiet) baqgħet waħda baxxa ħafna, sitwazzjoni li ma toffri l-ebda deterrent kontra d-delitti;
J. billi, skont id-diversi għejun lokali u internazzjonali, bejn 100 000 u 200 000 tifla – fil-maġġoranza tagħhom Daliti – huma allegatament maqbuda f’xogħol sfurzat biex jitħallas dejn fi stabbilimenti tal-għażil f’Tamil Nadu li jfornu l-ħajt lill-fabbriki li jipproduċu l-ħwejjeġ għal ditti ta’ pajjiżi tal-Lvant;
1. Jagħraf l-isforzi li qed isiru fil-livell federali, statali, reġjonali u lokali fl-Indja biex tiġi eradikata d-diskriminazzjoni bbażata fuq il-kasta; ifaħħar, barra minn hekk, il-pożizzjoni ċara kontra d-diskriminazzjoni bbażata fuq il-kasta li ħadu ħafna politikanti Indjani, midja Indjana, NGOs u entitajiet oħra li jiffurmaw l-opinjoni pubblika f’kull livell tas-soċjetà;
2. Jibqa’, madankollu, allarmat minħabba l-għadd kbir b’mod persistenti ta’ atroċitajiet kemm irrappurtati u kemm mhux irrappurtati u l-prattiki mifruxa ħafna fejn ċerti persuni ma jistgħux jintmessu, b’mod partikolari t-tindif bl-idejn tal-latrini mingħajr drenaġġ;
3. Iħeġġeġ lill-awtoritajiet Indjani fil-livell federali, tal-istat, reġjonali u lokali jonoraw il-pleġġijiet li taw u jimplimentaw jew, jekk ikun meħtieġ, jemendaw il-leġiżlazzjoni eżistenti, b’mod partikolari l-Att dwar il-Kasti Skedati u t-Tribujiet Skedati (Prevenzjoni tal-Atroċitajiet), bil-għan li jkunu jistgħu jħarsu b’mod effikaċi lid-Daliti u gruppi vulnerabbli oħra fis-soċjetà;
4. Jenfasizza, b’mod partikolari, il-ħtieġa li l-vittmi jkunu jistgħu jirreġistraw il-każijiet tagħhom b’mod sikur mal-pulizija u mal-awtoritajiet ġudizzjarji, kif ukoll li jsir segwitu serju mill-pulizija u l-ġudikatura tal-atroċitajiet irrappurtati u każijiet oħra ta’ diskriminazzjoni;
5. Jistieden lill-Parlament Ewropew jaġixxi skont il-pjanijiet tiegħu biex jgħaddi Abbozz ta’ Liġi ġdid li jipprojbixxi l-impjegar ta’ persuni biex inaddfu b’idejhom latrini mingħajr drenaġġ u jassiguralhom ir-rijabilitazzjoni tagħhom, u jistieden lill-Gvern Indjan jieħu l-miżuri meħtieġa biex il-liġi tiġi infurzata b’effett immedjat;
6. Jistieden lill-awtoritajiet Indjani jirrevokaw dawk id-dispożizzjonijiet tal-Att dwar (ir-Regolamenti) tal-Kontribuzzjoni Barranija li ma jikkonformawx mal-istandards internazzjonali u li potenzjalment idgħajfu l-ħidma tal-NGOs, inklużi l-organizzazzjonijiet Daliti u organizzazzjonijiet oħra li jirrappreżentaw il-gruppi żvantaġġjati fis-soċjetà Indjana, billi jimpeduhom milli jirċievu fondi minn donaturi internazzjonali;
7. Jistieden lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà / Viċi President tal-Kummissjoni (RGħ/VP), lir-Rappreżentant Speċjali tal-UE għad-Drittijiet tal-Bniedem, u lill-Istati Membri tal-UE jiżviluppaw politika tal-UE dwar id-diskriminazzjoni bbażata fuq il-kasta u japprovaw l-abbozz ta’ Prinċipji u Linji Gwida tan-NU għall-Eliminazzjoni Effikaċi tad-Diskriminazzjoni Bbażata fuq ix-Xogħol u d-Dixxendenza fil-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-NU;
8. Jistieden lir-rappreżentazzjonijiet tal-UE u tal-Istati Membri li hemm fl-Indja jinkludu l-kwestjoni tad-diskriminazzjoni bbażata fuq il-kasta fid-djalogi tagħhom mal-awtoritajiet Indjani, u jagħtu prijorità lill-programmi li jindirizzaw id-diskriminazzjoni bbażata fuq il-kasta, inkluż fl-edukazzjoni, u programmi li jiffokaw b’mod partikolari fuq in-nisa u l-bniet; jistenna li l-kooperazzjoni futura tal-UE mal-Indja tiġi vvalutata mil-lat ta’ kif tkun se taffettwa d-diskriminazzjoni bbażata fuq il-kasta;
9. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Prim Ministru tal-Indja, lill-Ministru tal-Indja għal-Liġi u l-Ġustizzja, lill-Ministru tal-Intern tal-Indja, lill-Ministru tal-Indja għall-Ġustizzja Soċjali u l-Abilitazzjoni, lill-Kunsill, lir-RGħ/VP, lill-Kummissjoni, lir-Rappreentant Speċjali tal-UE għad-Drittijiet tal-Bniedem, lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri tal-UE, lis-Segretarju-Ġenerali tal-Commonwealth, lis-Segretarju-Ġenerali tan-NU u lis-Segretarju Ġenerali tan-NU kif ukoll lill-President tal-Assemblea Ġenerali tan-NU.
- [1] ĠU C 250 E, 25.10.2007, p. 87.
- [2] Testi adottati, P7_TA(2012)0126.