MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI KONĠUNTA dwar is-sitwazzjoni fl-Eġittu
13.3.2013 - (2013/2542(RSP))
li tissostitwixxi l-mozzjonijiet għal riżoluzzjoni mressqa mill-gruppi:
Verts/ALE (B7‑0095/2013)
PPE (B7‑0096/2013)
ECR (B7‑0097/2013)
ALDE (B7‑0099/2013)
S&D (B7‑0100/2013)
Elmar Brok, Cristian Dan Preda, Roberta Angelilli, Elena Băsescu, Arnaud Danjean, Mário David, Sari Essayah, Salvatore Iacolino, Eduard Kukan, Nadezhda Neynsky, Ria Oomen-Ruijten, Hans‑Gert Pöttering, Jacek Protasiewicz, Tokia Saïfi, Peter Šťastný, Alf Svensson, Dominique Vlasto, Anne Delvaux, Rodi Kratsa-Tsagaropoulou, Radvilė Morkūnaitė-Mikulėnienė f'isem il-Grupp PPE
Véronique De Keyser, Pino Arlacchi, Corina Creţu, Saïd El Khadraoui, Ana Gomes, Liisa Jaakonsaari, María Muñiz De Urquiza, Raimon Obiols, Pier Antonio Panzeri, Kristian Vigenin f'isem il-Grupp S&D
Marietje Schaake, Annemie Neyts-Uyttebroeck, Alexander Graf Lambsdorff, Ivo Vajgl, Jelko Kacin, Johannes Cornelis van Baalen, Alexandra Thein, Graham Watson, Marielle de Sarnez, Edward McMillan-Scott, Antonyia Parvanova, Robert Rochefort, Louis Michel, RamonTremosa i Balcells, Izaskun Bilbao Barandica, Hannu Takkula, Kristiina Ojuland f'isem il-Grupp ALDE
Judith Sargentini, Hélène Flautre, Jean-Paul Besset, Raül Romeva i Rueda, Margrete Auken f'isem il-Grupp Verts/ALE
Charles Tannock, Peter van Dalen, Valdemar Tomaševski, Sajjad Karim f'isem il-Grupp ECR
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar is-sitwazzjoni fl-Eġittu
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar l-Eġittu, b'mod partikolari dik tas-16 ta' Frar 2012 dwar ‘L-Eġittu: żviluppi riċenti” u r-riżoluzzjoni tiegħu tal-15 ta’ Marzu 2012 dwar it-traffikar tal-bnedmin fis-Sinaj[1],
– wara li kkunsidra d-dibattiti plenarji tiegħu tat-12 ta' Ġunju 2012, l-4 ta' Lulju 2012 u t-12 ta' Diċembru 2012 dwar l-Eġittu u l-Lvant Nofsani,
– wara li kkunsidra d-dikjarazzjonijiet magħmula mir-Rappreżentant Għoli (RGħ/VP) Catherine Ashton u mill-kelliemi tagħha dwar l-Eġittu fl-2012, b’mod partikolari dawk tal-25 ta' Mejju dwar l-elezzjonijiet presidenzjali fl-Eġittu, tal-1 ta' Ġunju 2012 dwar it-tneħħija tal-istat ta' emerġenza fl-Eġittu, tal-15 ta' Ġunju 2012 dwar id-deċiżjonijiet tal-Qorti Kostituzzjonali Suprema tal-Eġittu, tal-20 ta' Ġunju 2012 dwar is-sitwazzjoni politika fl-Eġittu, tal-24 ta' Ġunju 2012 dwar l-elezzjoni ta' Mohammed Morsi bħala l-President tal-Eġittu, tat-13 ta' Settembru 2012 dwar il-varar ta’ Task Force ġdida UE-Eġittu, tal-5 ta' Diċembru 2012 li ssejjaħ għal djalogu nazzjonali, tal-25 ta' Diċembru 2012 dwar ir-referendum fl-Eġittu u tal-25 ta' Jannar 2013 dwar il-qtil li twettaq f'Port Said,
– wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill tas-27 ta' Frar 2012, tal-25 ta' Ġunju 2012, tad-19 ta' Novembru 2012 u tal-10 ta' Diċembru 2012 dwar l-Eġittu, tal-31 ta' Jannar 2013 dwar l-Appoġġ tal-UE għal Bidla Sostenibbli fis-Soċjetajiet ta’ Tranżizzjoni u tat-8 ta' Frar 2013 dwar ir-Rebbiegħa Għarbija,
– wara li kkunsidra l-Pakkett tal-Politika Ewropea tal-Viċinat (PEV), ir-Rapport ta' Progress tal-Pajjiż – l-Eġittu tal-15 ta' Mejju 2012,
– wara li kkunsidra l-laqgħa tat-Task Force UE-Eġittu tat-13 u l-14 ta’ Novembru 2012 u l-konklużjonijiet tagħha,
– wara li kkunsidra d-'Dikjarazzjoni tal-Kajr' tat-Tieni Laqgħa tal-Ministri tal-Affarijiet Barranin tal-Unjoni Ewropea u tal-Lega tal-Istati Għarab tat-13 ta' Novembru 2012,
– wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 1099/2012 tas-26 ta’ Novembru 2012 li jemenda r-Regolament (UE) Nru 270/2011 dwar miżuri restrittivi diretti kontra ċerti persuni, entitajiet u korpi fid-dawl tas-sitwazzjoni fl-Eġittu,
– wara li kkunsidra d-dikjarazzjonijiet magħmula mill-President tal-Kunsill Ewropew, Herman Van Rompuy, wara l-laqgħat tiegħu mal-President tal-Eġittu, Mohamed Morsi, fit-13 ta' Settembru 2012 u t-13 ta' Jannar 2013,
– wara li kkunsidra l-memorandum tal-Kummissjoni tat-8 ta' Frar 2013 bl-isem “Ir-reazzjoni tal-UE għar-‘Rebbiegħa Għarbija’: is-sitwazzjoni sentejn wara”,
– wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni konġunta tal-15 ta' Mejju 2012 mill-Kummissjoni u RGħ/VP lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni dwar “Inwettqu politika ġdida Ewropea tal-Viċinat”,
– wara li kkunsidra l-Ftehim ta' Assoċjazzjoni bejn l-UE u l-Eġittu tal-2001 (li daħal fis-seħħ fl-1 ta' Ġunju 2004), kif imsaħħaħ bil-Pjan ta' Azzjoni u l-Politika Ewropea tal-Viċinat maqbula fl-2007,
– wara li kkunsidra d-dikjarazzjonijiet magħmula mill-Kummissarju Għoli tan-NU għad-Drittijiet tal-Bniedem, Navi Pillay, fis-7 ta' Diċembru 2012 dwar il-vjolenza fl-Eġittu u l-problemi ewlenin fl-abbozz ta' kostituzzjoni, u tad-29 ta' Jannar 2013 dwar il-ħtieġa għal djalogu serju u t-tmiem tal-użu ta’ forza eċċessiva,
– wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tal-31 ta' Jannar 2013 mid-Direttur Eżekuttiv ta’ UN Women, Michelle Bachelet, fejn iddikjarat tħassib serju dwar iż-żieda fil-vjolenza kontra n-nisa f’postijiet pubbliċi fl-Eġittu,
– wara li kkunsidra l-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi (ICCPR) tal-1966, li tiegħu l-Eġittu huwa firmatarju, u l-Konvenzjoni Internazzjonali dwar id-Drittijiet tat-Tfal tal-1989, li l-Eġittu qabel li jkun firmatarju tiegħu,
– wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem,
– wara li kkunsidra l-Artikolu 110(2) u (4) tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu,
A. billi l-Eġittu huwa sieħeb ewlieni tal-Unjoni Ewropea fin-Nofsinhar tal-Mediterran; billi l-iżviluppi politiċi, ekonomiċi u soċjali fl-Eġittu għandhom implikazzjonijiet sinifikanti fir-reġjun kollu u lil hinn minnu;
B. billi, fl-elezzjonijiet presidenzjali li saru f’Mejju u Ġunju 2012, Mohamed Morsi rebaħ b’51.7 % tal-voti, biex b’hekk sar l-ewwel kandidat Iżlamista li ġie elett kap ta' stat fid-dinja Għarbija, billi dawk l-elezzjonijiet presidenzjali ħielsa u ġusti kienu pass importanti fil-proċess ta’ tranżizzjoni demokratika;
C. billi fl-14 ta' Ġunju 2012 il-Qorti Kostituzzjonali Suprema tal-Eġittu ddikjarat li l-elezzjonijiet parlamentari tal-2012 ma kinux kostituzzjonali u li terz mir-rebbieħa ma kinux eletti legalment, kif ukoll annullat il-Liġi dwar l-Esklużjoni Politika;
D. billi fit-22 ta' Novembru 2012, tmint ijiem wara l-konklużjoni tal-laqgħa tat-Task Force UE-Eġittu u ġurnata wara l-ftehim ta’ waqfien mill-ġlied bejn l-Iżrael u l-Hamas, li l-Eġittu kien l-intermedjarju għall-konklużjoni tiegħu, il-President Morsi ħareġ Dikjarazzjoni Kostituzzjonali li permezz tagħha, inter alia, qiegħed il-Presidenza lil hinn mill-kontroll ġudizzjarju; billi, jiem wara, il-President annulla dik id-dikjarazzjoni, iżda dimostrazzjonijiet dejjem akbar kienu diġà qed isiru;
E. billi l-istituzzjonijiet ġudizzjarji u l-imħallfin għadhom iħabbtu wiċċhom ma’ pressjoni, attakki, intimidazzjoni u indħil minn diversi atturi u forzi politiċi fl-Eġittu; billi, f'Novembru 2012, il-Qorti Kostituzzjonali issospendiet ħidmietha minħabba l-assedju tas-sede tagħha min-naħa tal-partitarji tal-President u l-alleati tagħhom; billi t-tkeċċija tal-prosekutur ġenerali f'Ottubru 2012 u l-ħatra tas-suċċessur tiegħu ħolqu kritika qawwija u protesti minn imħallfin, uffiċjali ġudizzjarji u oħrajn; billi din l-interferenza fil-ġudikatura tnawwar il-fiduċja tal-popolazzjoni Eġizzjana fl-ekwità u l-imparzjalità tas-sistema legali;
F. billi fit-30 ta' Novembru 2012 l-Assemblea Kostitwenti adottat l-abbozz ta’ Kostituzzjoni; billi dan ġie approvat fil-15 u t-22 ta' Diċembru 2012 permezz ta’ referendum, b’63.8 % tal-voti favur, iżda bil-parteċipazzjoni ta’ 32.9 % biss tal-votanti; billi l-proċess kostituzzjonali u l-adozzjoni antiċipata tal-kostituzzjoni l-ġdida, minflok ma ħolqu kunsens, komplew jgħarrqu l-qasmiet interni fis-soċjetà Eġizzjana; billi bosta fl-Eġittu u lil hinn minnu esprimew tħassib dwar diversi artikoli tal-kostituzzjoni l-ġdida, inkluż l-istatus tax-Sharia fil-leġiżlazzjoni domestika, l-indipendenza tal-ġudikatura u r-rwol tal-qrati militari, il-libertajiet fundamentali, u d-drittijiet tan-nisa;
G. billi elezzjonijiet parlamentari ġodda ġew skedati għall-aħħar ta’ April 2013; billi l-Kumitat Suprem għall-Elezzjonijiet fl-Eġittu aċċetta erba' organizzazzjonijiet mhux governattivi sabiex ikunu “xhieda” tal-elezzjonijiet, kif ukoll l-Unjoni Ewropea, il-Lega tal-Istati Għarab u l-Unjoni Afrikana; billi fit-18 ta' Frar 2013 il-Qorti Kostituzzjonali Suprema ddikjarat li bosta artikoli ta’ din il-liġi ma kinux kostituzzjonali u talbet li l-Kunsill tax-Shura jemendahom; billi l-forzi tal-oppożizzjoni mmexxija mill-Front għas-Salvazzjoni Nazzjonali, li jipprotestaw kontra n-nuqqas ta’ garanziji legali għal elezzjonijiet ħielsa u ġusti, ħabbru bojkott tal-elezzjonijiet parlamentari li ġejjin; billi fis-7 ta' Marzu 2013 il-Kummissjoni Elettorali Eġizzjana ssospendiet l-elezzjonijiet parlamentari li ġejjin wara deċiżjoni mill-Qorti Amministrattiva tal-Kajr li twaqqafhom, minħabba li l-Kunsill tax-Shura wara li kien emenda l-liġi elettorali ma kienx irritornaha lill-Qorti Kostituzzjonali Suprema għal rieżami finali;
H. billi, wara skontri vjolenti bejn manifestanti u l-forzi tas-sigurtà, li wasslu għal għexieren ta’ mwiet, lejlet it-tieni anniversarju tar-Rivoluzzjoni tal-25 ta' Jannar u fil-ġimgħat ta’ wara, li ġew ikkaġunati miż-żieda fl-illegalità fl-Eġittu, id-deklin enormi tal-ekonomija Eġizzjana u l-għexieren ta’ sentenzi ta' mewt kontra persuni ċivili involuti fir-rewwixti fatali tal-futbol f'Port Said fl-2012, il-President Morsi ħabbar stat ta' emerġenza f'bosta bliet Eġizzjani, b’tali mod li l-forzi militari wissew dwar il-possibbiltà ta' “kollass tal-Istat”; billi fit-30 ta' Jannar 2013 mexxejja tal-oppożizzjoni għamlu talba konġunta lill-Predient Morsi biex itemm il-vjolenza kontra d-dimostranti, jifforma gvern ta’ unità nazzjonali u jibda djalogu nazzjonali ġenwin, bħala l-uniku mezz biex jingħelbu l-qasmiet u t-tensjonijiet politiċi u soċjali tal-lum; billi l-President Morsi rrifjuta s-sejħiet għal gvern ta' unità; billi, fis-26 ta’ Frar 2013, il-President Morsi vara djalogu nazzjonali li ġie bbojkottjat minn forzi ewlenin tal-oppożizzjoni;
I. billi 42 persuna, fosthom żewġ uffiċjali tal-pulizija, mietu fi skontri wara li qorti rrakkomandat, fis-26 ta' Jannar 2013, li 21 resident ta' Port Said jingħataw piena tal-mewt għal qtil wara logħba futbol ta' sena qabel; billi fid-9 ta' Marzu 2013 din is-sentenza ġiet ikkonfermata, u ngħata verdett kontra t-52 imputat ieħor; billi fir-riżoluzzjoni tiegħu tas-16 ta' Frar 2012 il-Parlament Ewropew talab li ssir inkjesta indipendenti dwar il-ġrajjiet li wasslu għat-traġedja, u li dawk responsabbli jitressqu quddiem il-ġustizzja; billi l-Unjoni Ewropea hija kontra l-użu tal-piena kapitali f’kull każ u f’kull ċirkostanza u appellat konsistentement għall-abolizzjoni universali tagħha sabiex tipproteġi d-dinjità tal-bniedem;
J. billi t-tensjonijiet politiċi li dejjem qed jiżdiedu komplew isaħħu l-polarizzazzjoni interna fi ħdan is-soċjetà Eġizzjana u qed iwasslu għal protesti kontinwi u konfrontazzjonijiet vjolenti fit-toroq, li jinvolvu arresti arbitrarji, intimidazzjoni, ħtif tal-persuni u tortura; billi każijiet ta’ użu eċċessiv tal-forza u l-vjolenza kontra dimostranti paċifiċi mill-pulizija, il-forzi tas-sigurtà u gruppi mhux identifikati spiss jibqgħu mingħajr kastig; billi s-sigurtà u l-ordni pubbliku għandhom jinżammu b’rażan u bir-rispett sħiħ tad-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet fundamentali;
K. billi l-opinjoni pubblika fl-Eġittu tikkritika bil-qawwi r-restrizzjonijiet fuq il-libertà ta' espressjoni; billi l-kodiċi penali u l-kostituzzjoni li għadha kemm ġiet adottata jistgħu jillimitaw il-libertà tal-espressjoni b’mod gravi, sew online kif ukoll offline; billi l-libertajiet ċivili u l-libertajiet diġitali jabilitaw id-drittijiet univerali tal-bniedem u għandhom jitħarsu f’kull waqt; billi l-vjolenza fiżika u l-fastidju kontra l-ġurnalisti żdiedu b’mod sinifikanti; billi nbdew diversi proċedimenti legali kontra l-midja tal-oppożizzjoni talli insultaw lill-President; billi għadhom għaddejjin prosekuzzjonijiet kriminali kontra ġurnalisti, partikolarment mill-midja tal-oppożizzjoni, u kontra kummidjanti bħal Gamal Fahmy, Bassem Youssef u Okasha Tawfiq; billi ġie rrapurtat li tressqu 24 kawża għal insulti lill-President; billi l-għadd ta' kawżi dwar atti blasfemi żdied minn meta nħatar il-President Morsi;
L. billi l-abbozz ta’ Liġi dwar il-Protezzjoni tad-Dritt ta’ Dimostrazzjoni Paċifika f’Postijiet Pubbliċi jillimita serjament id-dritt ta' assemblea pubblika paċifika;
M. billi n-nisa Eġizzjani jinsabu f’sitwazzjoni partikolarment vulnerabbli fil-perjodu ta’ tranżizzjoni attwali; billi, skont rapporti mill-organizzazzjonijiet Eġizzjani u internazzjonali tad-drittijiet tal-bniedem, dimostranti nisa spiss ikunu soġġetti għal vjolenza, attakki sesswali, testijiet tal-verġinità u forom oħra ta’ trattament degradanti mill-forzi tas-sigurtà, filwaqt li attivisti tad-drittijiet tan-nisa jħabbtu wiċċhom ma’ theddid u fastidju; billi n-nisa xehdu żviluppi li xeħtuhom lura bil-kbir fil-qasam tal-parteċipazzjoni politika; billi saret kritika min-naħa tal-Kunsill Nazzjonali għan-Nisa (NCW) u s-soċjetà ċivili dwar is-silenzju tal-awtoritajiet, li ma kkundannawx il-vjolenza mġarrba min-nisa, u b'hekk taw sinjal ħażin dwar ir-rispett tad-drittijiet tan-nisa min-naħa tal-Eġittu;
N. billi s-soċjetà ċivili Eġizzjana u NGOs internazzjonali jaffaċċjaw pressjoni enormi u diffikultajiet kbar meta joperaw fl-Eġittu; billi bosta abbozzi tal-Liġi l-ġdida dwar l-Assoċjazzjonijiet u l-Fundazzjonijiet Ċivili qajmu tħassib fost attivisti tas-soċjetà u organizzazzjonijiet ċivili minħabba li jimponu restrizzjoniiet stretti fuq il-finanzjament tal-NGOs, partikolarment minn sorsi barranin, jagħtu lok għal sorveljanza invadenti mill-awtoritajiet u jillimitaw kull forma ta' attività u organizzazzjoni soċjali; billi jillimitaw ukoll żjarat ta' tiftix tal-fatti u attivitajiet essenzjali oħra fl-Eġittu kollu, u b’hekk fil-prattika ma jħallux lill-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili jagħmlu xogħolhom;
O. billi l-UE hija l-ewwel sieħba ekonomika tal-Eġittu u s-sors ewlenja ta’ investiment barrani u ta' kooperazzjoni fl-iżvilupp; billi fit-13 u l-14 ta' Novembru 2012 it-Task Force UE-Eġittu ltaqa' fil-Kajr, taħt il-kopresidenza tar-RGħ/VP u l-Ministru tal-Affarijiet Barranin Eġizzjan Kamel Amr, u laħaq qbil dwar pakkett sostanzjali ta' għajnuna ekonomika u politika li jgħin lill-Eġittu fit-tranżizzjoni li għaddej minnha, b'total ta' kważi EUR 5 biljun fil-forma ta' self u għotjiet għall-2012-2013; billi l-għajnuna finanzjarja hi parzjalment bil-kundizzjoni li l-Eġittu jirnexxilu jiffinalizza qbil mal-Fond Monetarju Internazzjonali (FMI), kif ukoll dwar id-drittijiet tal-bniedem, id-demokrazija u l-governanza ekonomika; billi huwa ta' importanza kruċjali għall-Eġittu li jonora dawn l-impenji u li l-Unjoni Ewropea tħaffef l-għoti tal-appoġġ tagħha;
P. billi t-Task Force enfasizzat l-impenn tagħha favur il-promozzjoni u r-rispett tad-drittijiet tal-bniedem, inklużi d-drittijiet tan-nisa u l-ugwaljanza bejn is-sessi bl-għan li n-nisa jkollhom emanċipazzjoni fl-oqsma kollha, il-libertà ta’ espressjoni u assoċjazzjoni, u l-libertà ta' reliġjon jew twemmin, u kkundannat il-forom kollha ta’ inċitament għall-mibegħda, l-intolleranza, l-ostilità jew il-vjolenza abbażi tar-reliġjon;
Q. billi s-suċċess tal-Politika Ewropea tal-Viċinat, kif ukoll tar-riformi fil-qasam tad-drittijiet tal-bniedem, u speċifikament id-drittijiet tan-nisa, se jiddependi fuq l-involviment tas-soċjetà ċivili fl-implimentazzjoni tal-politiki rilevanti;
R. billi s-sitwazzjoni ekonomika Eġizzjana qiegħda fi stat ħażin ħafna, fejn ir-riżervi tal-valuta barranija jinsabu f'livell baxx ħafna u l-lira Eġizzjana tinsab fir-rata l-iżjed baxxa tagħha mill-2004 ‘l hawn; billi t-titjib ekonomiku tal-pajjiz se jiddependi fuq l-istabbiltà politika u soċjali fit-tul; billi l-Eġittu għaddej minn perjodu kritiku ta' tranżizzjoni demokratika u qed jaffaċċja ħafna sfidi u diffikultajiet f'dan il-proċess; billi din it-tranżizzjoni għandha tkun ibbażata fuq il-valuri ewlenin tal-ġustizzja soċjali, ir-rispett tad-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet fundamentali, l-istat tad-dritt, u governanza tajba;
S. billi r-ritorn tal-assi misruqa mir-reġim ta' qabel, lil hinn mis-sinifikat ekonomiku tiegħu, jista’ jikkontribwixxi għall-ksib ta' sens ta' ġustizzja u ta' responsabbiltà għall-poplu Eġizzjan u għalhekk huwa kwistjoni politika ewlenija ta' importanza simbolika kbira fir-relazzjonijiet bejn l-UE u l-Eġittu; billi minn Marzu 2011, 19-il persuna responsabbli għall-miżapproprjazzjoni ta’ fondi statali Eġizzjani, inkluż l-ex President Mubarak, kellhom l-assi tagħhom iffriżati fl-UE; billi l-Kunsill adotta regolament ġdid fis-26 ta’ Novembru 2012 maħsub biex jiffaċilita r-ritorn ta’ dawn il-fondi miżapproprjati; billi t-Task Force qabel li jiffinalizza, fi żmien tliet xhur, pjan direzzjonali li jista’ jinkludi t-twaqqif ta’ grupp ta’ rkupru tal-assi kkordinat mis-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna ;
1. Jesprimi s-solidarjetà tiegħu mal-poplu Eġizzjan f'dan il-perjodu kruċjali ta' tranżizzjoni demokratika fil-pajjiż; jistieden lill-awtoritajiet Eġizzjani sabiex jiżguraw ir-rispett sħiħ tad-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet fundamentali, inkluża l-libertà ta' espressjoni, assoċjazzjoni u assemblea paċifika, il-libertà tal-istampa u l-midja, id-drittijiet tan-nisa, il-libertà ta' reliġjon, tal-kuxjenza u l-ħsieb, il-ħarsien tal-minoranzi u l-ġlieda kontra d-diskriminazzjoni bbażata fuq l-orjentament sesswali, u sabiex jiżguraw l-istat tad-dritt, is-separazzjoni tas-setgħat, l-indipendenza tal-ġudiktura u l-proċess legali, u l-ġlieda kontra l-impunità, billi dawn huma komponenti essenzjali ta' soċjetà ħielsa u demokratika;
2. Jesprimi t-tħassib serju tiegħu dwar il-polarizzazzjoni interna li dejjem qed tiżdied fis-soċjetà Eġizzjana u l-inċidenti vjolenti kontinwi; ifakkar lill-awtoritajiet statali Eġizzjani u l-forzi tas-sigurtà dwar id-dmir tagħhom sabiex jirrestawraw u jiżguraw is-sigurtà u l-ordni fil-pajjiż; iħeġġeġ lill-atturi politiċi kollha biex juru trażżin bil-għan li tiġi evitata aktar il-vjolenza, fl-aħjar interessi tal-pajjiż; jitlob ukoll li jsiru investigazzjonijiet serji, imparzjali u trasparenti dwar qtil, tortura, trattament degradanti u fastidju ta’ dimostranti paċifiċi, b'attenzjoni speċjali għan-nisa, u li dawk responsabbli jitressqu quddiem il-ġustizzja; iħeġġeġ lill-awtoritajiet biex jaġixxu bi qbil strett mal-leġiżlazzjoni tagħhom u mal-obbligi internazzjonali; jiddispjaċih profondament minħabba l-għadd konsiderevoli ta’ mwiet u l-għadd kbir ta' korrimenti li rriżultaw mill-iskontri reċenti, u jestendi l-kondoljanzi tiegħu lill-familji tal-vittmi;
3. Itenni l-pożizzjoni soda u ta’ prinċipju tal-UE kontra l-piena kapitali u jitlob moratorju sħiħ fuq kwalunkwe eżekuzzjoni ta’ sentenza tal-mewt fl-Eġittu; iħeġġeġ lill-Eġittu sabiex jirratifika t-Tieni Protokoll Fakultattiv għall-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi tal-1966, bil-għan li tiġi abolita l-piena tal-mewt; jitlob li s-sentenzi tal-mewt mgħoddija fis-26 ta’ Jannar 2013 lill-21 partitarju tal-klabb tal-futbol Al-Masry jiġu kommutati;
4. Jinnota d-deċiżjoni milħuqa mill-kummissjoni elettorali Eġizzjana li tikkanċella l-elezzjonijiet parlamentari li ġejjin, u jistieden lill-Gvern Eġizzjan juża dan il-perjodu biex jistabbilixxi proċess politiku inklużiv ibbażat fuq il-konsensus u s-sjieda konġunta, permezz ta' djalogu ġenwin nazzjonali bil-parteċipazzjoni sinifikanti tal-forzi politiċi demokratiċi kollha; jitolob lill-forzi politiċi kollha fl-Eġittu biex jaħdmu flimkien f'din id-direzzjoni; iħeġġeġ lill-UE u l-Istati Membri tagħha biex ikomplu jappoġġjaw u jgħinu lill-awtoritajiet, il-partiti politiċi u s-soċjetà ċivili Eġizzjani fl-isforzi tagħhom biex jintlaħaq dan l-objettiv; jilqa' l-istedina maħruġa mill-awtoritajiet Eġizzjani lill-UE biex tkun xhieda tal-elezzjonijiet parlamentari li ġejjin, minkejja l-fatt li l-elezzjonijiet tħassru; itenni l-offerta tiegħu li jibgħat missjoni ta' osservazzjoni bir-reqqa tal-proċess elettorali;
5. Jesprimi allarm dwar iż-żieda fil-vjolenza kontra n-nisa, b'mod partikolari d-dimostranti nisa u attivisti tad-drittijiet tan-nisa, u n-nuqqas min-naħa tal-awtoritajiet li jipprevjenu u jikkundannaw din il-vjolenza jew li jżommu responsabbli lil dawk li jwettquha; jistieden lill-President Morsi, kif ukoll il-mexxejja tal-partiti li qed jiggvernaw u dawk fl-oppożizzjoni, sabiex jeżerċitaw tmexxija politika qawwija ħalli jaffrontaw il-vjolenza fuq bażi sesswali, u sabiex jiżguraw li l-inċidenti kollha ta' aggressjoni u fastidju sesswali fuq in-nisa jiġu investigati b'mod effettiv, u dawk li jwettqu din il-vjolenza jitressqu quddiem il-ġustizzja u jiżguraw li l-vittmi jirċievu kumpens adegwat; iħeġġeġ lill-President Morsi sabiex jindirizza din il-vjolenza u d-diskriminazzjoni kronika kontra n-nisa billi jadotta l-leġiżlazzjoni kontra l-fastidju proposta mill-attivisti favur id-drittijiet tan-nisa; jistieden lill-awtoritajiet Eġizzjani sabiex jikkundannaw kull forma ta' vjolenza u aggressjoni kontra n-nisa; iħeġġeġ lill-gvern biex jippromwovi u jappoġġja l-parteċipazzjoni politika tan-nisa billi jreġġa’ lura t-tendenza negattiva attwali f’dan il-qasam;
6. Jistieden lill-awtoritajiet Eġizzjani sabiex jirriformaw il-forzi tal-pulizija u tas-sigurtà, sabiex jabolixxu kull liġi li tippermetti l-użu mingħajr limitu tal-vjolenza mill-forzi tal-pulizija u tas-sigurtà kontra l-persuni ċivili; jenfasizza l-ħtieġa li jiġi żviluppat, fi djalogu u konsultazzjoni mas-soċjetà ċivili, qafas legali xieraq biex jiżgura d-dritt għal dimostrazzjonijiet paċifiċi u assemblea pubblika paċifika u biex jiżgura li organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili joperaw mingħajr limitazzjonijiet bla bżonn u jibbenefikaw minn għajnuna minn sorsi barranin;
7. Jesprimi l-appoġġ sħiħ tiegħu għall-impenn muri mill-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili u għax-xogħol ta' importanza u ta' kwalità għolja li jwettqu biex jippromovu l-paċi, id-demokrazija u d-drittijiet tal-bniedem u jitlob waqfien immedjat ta’ kull pressjoni, intimidazzjoni jew fastidju kontra t-trejdjunjins, ġurnalisti u bloggers;
8. Jinsab imħasseb dwar il-qagħda tal-ġudikatura Eġizzjana; jitlob lill-Gvern Eġizzjan u l-forzi politiċi tal-pajjiż sabiex jirrispettaw, jappoġġjaw u jippromwovu b'mod sħiħ l-indipendenza u l-integrità tal-istituzzjonijiet ġudizzjarji fl-Eġittu; jenfasizza l-ħtieġa li titkompla r-riforma tas-sistema tal-ġustizzja kriminali sabiex jiġi żgurat qafas legali xieraq li jindirizza l-impunità u t-tortura u jipproteġi d-drittijiet tal-bniedem; jinkoraġġixxi lill-awtoritajiet Eġizzjani biex jibdew proċess ġenwin ta’ ġustizzja tranżizzjonali bil-għan li jiżguraw li tittieħed responsabilità għall-vjolazzjonijiet tad-drittijiet tal-bniedem imwettqa qabel, waqt u wara r-rivoluzzjoni tal-2011;
9. Jesprimi t-tħassib tiegħu dwar ir-restrizzjonijiet fuq il-libertà tat-twemmin, tal-kuxjenza u dik reliġjuża; jilqa’, f’dan il-kuntest, il-ħolqien, fit-18 ta’ Frar 2013, ta’ Kunsill Eġizzjan ta’ Knejjes, magħmul minn ħamsa mill-akbar denominazzjonijiet Kristjani fil-pajjiż u b’mandat li jinkludi l-promozzjoni ta’ djalogu Musulman-Kristjan; jemmen li għandhom isiru sforzi biex ireġġgħu lura l-marea ta’ emigrazzjoni Kristjana mill-Eġittu, li mhux biss thedded l-eżistenza kontinwa ta’ waħda mill-eqdem komunitajiet Eġizzjani, iżda wkoll tagħmel ħsara lill-ekonomija Eġizzjana, bi professjonisti mħarrġa jitilqu mill-pajjiż;
10. Jitlob lill-awtoritajiet Eġizzjani sabiex jiffirmaw u jirratifikaw l-Istatut ta' Ruma li jistabbilixxi l-Qorti Kriminali Internazzjonali fl-Aja u li ma jistidnux lil dawk il-kapijiet ta' Stat li għalihom il-Qorti Kriminali Internazzjonali tkun ħarġet mandat ta' arrest;
11. Jesprimi l-appoġġ qawwi tiegħu għal riformi li jwasslu għad-demokrazija, l-istat tad-dritt u l-ġustizzja soċjali fl-Eġittu kif espress mill-poplu Eġizzjan; itenni s-sejħa tiegħu biex issir evalwazzjoni dwar il-possibbiltà li jitneħħa l-istat ta' emerġenza fil-pajjiż kollu; jitlob it-tmiem immedjat tal-prosekuzzjoni tal-persuni ċivili fil-qrati militari;
12. Itenni t-tħassib kontinwu tiegħu dwar il-kuntrabandu u t-traffikar tal-bnedmin u dwar is-sitwazzjoni tal-immigranti irregolari fil-pajjiż, partikolarment fir-reġjun tas-Sinaj; jitlob lill-awtoritajiet Eġizzjani biex jintensifikaw aktar l-isforzi tagħhom ħalli jindirizzaw dawn il-kwistjonijiet, mhux l-anqas billi jimplimentaw leġiżlazzjoni sħiħa nazzjonali u billi jagħtu lill-aġenziji tan-NU u l-organizzazzjonijiet tad-drittijiet tal-bniedem aċċess sħiħ għall-individwi kkonċernati f’Sinaj;
13. Jinsab imħasseb ħafna dwar is-sitwazzjoni ekonomika fl-Eġittu li sejra lura b’rata mgħaġġla u n-negozjati mtawla fuq ftehim ta’ self mal-FMI; jilqa’ l-isforzi mġedda tal-gvern biex ikompli dawn in-negozjati; iħeġġeġ l-iżvilupp ta' kooperazzjoni ekonomika bejn l-UE u l-Eġittu, bit-titjib tad-djalogu bilaterali dwar ir-riforma ekonomika, bħala pass importanti lejn il-bini tal-fiduċja fost l-investituri;
14. Iħeġġeġ lir-RGħ/VP u l-Kummissjoni sabiex jiżviluppaw il-prinċipju “aktar għal aktar” b'attenzjoni partikolari dwar is-soċjetà ċivili, id-drittijiet tan-nisa u d-drittijiet tal-minoritajiet, b'mod iżjed koerenti u prattiku, li jinkludi kundizzjonijiet u parametri ta' riferiment ċari jekk il-Gvern Eġizzjan jitbiegħed mir-riformi demokratiċi u r-rispett għad-drittijiet u l-libertajiet tal-bniedem, u bħala sies tal-Politika Ewropea riveduta tal-Viċinat, fir-relazzjonijiet tal-UE mal-Gvern Eġizzjan, mingħajr ma jiġi gġenerat effett negattiv fuq il-kundizzjonijiet ta’ għajxien tal-popolazzjoni tal-pajjiż;
15. Iħeġġeġ lir-RGħ/VP sabiex tinsisti li l-awtoritajiet Eġizzjani u l-President Morsi josservaw l-impenji tagħhom li jirrispettaw id-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet fundamentali; jistieden lill-UE sabiex ma tati l-ebda appoġġ baġitarju lill-awtoritajiet Eġizzjani jekk ma jsir l-ebda progress sostanzjali fir-rigward tar-rispett tad-drittijiet u l-libertajiet tal-bniedem, il-governanza demokratika u l-istat tad-dritt;
16. Jesprimi l-appoġġ sħiħ tiegħu għal iżjed kooperazzjoni bejn l-UE u l-Eġittu, fil-kuntest tal-Ftehim ta' Assoċjazzjoni u l-pjanijiet ta' azzjoni tiegħu, tal-kontinwazzjoni b'suċċess tat-Task Force UE-Eġittu, ta' djalogi regolari dwar id-drittijiet tal-bniedem, ta' żieda fil-kooperazzjoni kummerċjali, ta' iżjed mobilità għall-Eġizzjani, b'mod partikolari għall-istudenti, lejn l-UE, tan-negozjat ta' Ftehim ta' Kummerċ Ħieles Profond u Komprensiv jew tal-integrazzjoni futura tas-suq;
17. Iħeġġeġ lill-UE u lill-Istati Membri tagħha biex jagħmlu sforzi sinifikanti ulterjuri mmirati sabiex jiffaċilitaw ir-ritorn tal-assi miżapproprjati misruqa mir-reġim ta’ qabel lill-poplu tal-Eġittu; jitlob, f'dan il-kuntest, li l-UE tistabbilixxi grupp ta’ investigaturi, avukati u prosekuturi mill-Istati Membri tagħha u pajjiżi oħra Ewropej sabiex iwasslu l-appoġġ legali u assistenza lill-awtoritajiet Eġizzjani f'dan il-proċess;
18. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà/Viċi President tal-Kummissjoni, lill-parlamenti u lill-gvernijiet tal-Istati Membri u lill-awtoritajiet Eġizzjani.
- [1] Testi adottati, P7_TA(2012)0064.