MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI KONĠUNTA dwar is-sitwazzjoni fil-Bangladexx
13.3.2013 - (2013/2561(RSP))
li tissostitwixxi l-mozzjonijiet għal riżoluzzjoni mressqa mill-gruppi:
ECR (B7‑0133/2013)
PPE (B7‑0142/2013)
S&D (B7‑0143/2013)
Verts/ALE (B7‑0144/2013)
ALDE (B7‑0145/2013)
GUE/NGL (B7‑0146/2013)
José Ignacio Salafranca Sánchez-Neyra, Cristian Dan Preda, Elmar Brok, Bernd Posselt, Mario Mauro, Tunne Kelam, Roberta Angelilli, Eija‑Riitta Korhola, Filip Kaczmarek, Sergio Paolo Francesco Silvestris, Giovanni La Via, Monica Luisa Macovei, Sari Essayah, Philippe Boulland, Jean Roatta, Elena Băsescu, Petri Sarvamaa, Eduard Kukan, Laima Liucija Andrikienė, Zuzana Roithová, Jarosław Leszek Wałęsa, Mariya Gabriel, Krzysztof Lisek, Tadeusz Zwiefka, Bogusław Sonik f'isem il-Grupp PPE
Véronique De Keyser, Lidia Joanna Geringer de Oedenberg, Liisa Jaakonsaari, Joanna Senyszyn, Mitro Repo f'isem il-Grupp S&D
Cecilia Wikström, Marietje Schaake, Marielle de Sarnez, Robert Rochefort, Louis Michel, Ramon Tremosa i Balcells, Izaskun Bilbao Barandica, Edward McMillan-Scott, Angelika Werthmann, Sarah Ludford, Johannes Cornelis van Baalen, Kristiina Ojuland f'isem il-Grupp ALDE
Jean Lambert, Barbara Lochbihler, Rui Tavares, Raül Romeva i Rueda f'isem il-Grupp Verts/ALE
Charles Tannock, Geoffrey Van Orden f'isem il-Grupp ECR
Helmut Scholz, Patrick Le Hyaric, Marie-Christine Vergiat f'isem il-Grupp GUE/NGL
Jaroslav Paška
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar is-sitwazzjoni fil-Bangladexx
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar il-Bangladexx, b'mod partikolari dawk tas-17 ta’ Jannar 2013[1], tas-6 ta’ Settembru 2007[2] u tal-10 ta’ Lulju 2008[3],
– wara li kkunsidra l-Ftehim ta' Koperazzjoni bejn il-Komunità Ewropea u r-Repubblika Popolari tal-Bangladexx dwar is-Sħubija u l-Iżvilupp[4],
– wara li kkunsidra l-Att dwar it-Tribunal Kriminali Internazzjonali (ICT) mgħoddi mill-parlament tal-Bangladexx fl-1973 biex jipprovdi għad-detenzjoni, il-prosekuzzjoni u l-pieni ta' persuni għal ġenoċidju, delitti kontra l-umanità, delitti tal-gwerra u delitti oħrajn taħt il-liġi internazzjonali,
– wara li kkunsidra d-dikjarazzjonijiet tal-kelliem għar-Rappreżentant Għoli Catherine Ashton tat-22 ta’ Jannar 2013 dwar is-sentenza tal-mewt mogħtija mit-Tribunal Kriminali Internazzjonali tal-Bangladexx, u tat-2 ta’ Marzu 2013 dwar il-vjolenza fil-Bangladexx,
– wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni konġunta tar-Rapporteur Speċjali tan-NU dwar eżekuzzjonijiet extraġudizzjarji, sommarji jew arbitrarji u tar-Rapporteur Speċjali tan-NU dwar l-indipendenza tal-imħallfin u l-avukati tas-7 ta' Frar 2013,
– wara li kkunsidra l-prinċipji tal-Karta tan-Nazzjonijiet Uniti, id-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem, id-Dikjarazzjoni ta' Vjenna tal-1993 u l-Programm ta' Azzjoni tal-Konferenza Dinjija dwar id-Drittijiet tal-Bniedem, id-Dikjarazzjoni ta' Kopenħagen tal-1995 u l-Programm ta’ Azzjoni dwar l-Iżvilupp Soċjali,
– wara li kkunsidra l-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi,
– wara li kkunsidra l-Artikoli 122(5) u 110(4) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
A. billi l-UE għandha relazzjonijiet tajbin u fit-tul mal-Bangladexx, anke permezz tal-Ftehim ta' Koperazzjoni dwar is-Sħubija u l-Iżvilupp,
B. billi biex iżomm ma' wegħda ċentrali tal-kampanja elettorali tiegħu, il-Gvern tal-Lega Awami taħt it-tmexxija ta' Sheik Hasina waqqaf tribunal għad-delitti tal-gwerra biex jindirizza l-massakri li twettqu matul il-gwerra ta' disa' xhur li wasslet għall-firda bejn dawk li dari kienu l-Pakistan tal-Lvant u tal-Punent fl-1971, li fiha nqatlu bejn 300 000 u 3 miljun persuna u ġew stuprati madwar 200 000 mara;
C. billi t-trawma ta’ wieħed mill-aktar każijiet gravi ta' qtil tal-massa fl-istorja għadha qed taffettwa l-ħajja ta' ħafna ċittadini tal-Bangladexx 40 sena wara li seħħ, li għalihom il-proċedimenti tal-qorti huma maħsuba biex joffru mument ta' rikonoxximent u ta' kumpens importanti għal dak kollu li ġarrbu;
D. billi fil-21 ta’ Jannar 2013, it-Tribunal Kriminali Internazzjonali (ICT) ħabbar il-verdett tiegħu kontra Abdul Kalam Azad għal delitti kontra l-umanità li twettqu matul il-gwerra għall-indipendenza tal-1971 u tah sentenza ta' mewt wara l-proċess in absentia tiegħu;
E. billi fil-5 ta’ Frar 2013, l-ICT ta sentenza ta’ priġunerija għall-għomor għal Abdul Qader Mollah, u dan irriżulta fi protesti qawwija iżda fil-biċċa l-kbira paċifiċi l-iktar miż-żgħażagħ fid-distrett ta' Shahbagh ġewwa Daka; billi l-hekk imsejjaħ ‘Moviment ta’ Shahbagh’ kien qed jappella għall-applikazzjoni tal-piena tal-mewt fil-verdett kif ukoll għal soċjetà u politika ħielsa mill-estremiżmu reliġjuż;
F. billi matul dawn il-protesti, il-gvern emenda l-Att dwar l-ICT tal-1973 biex jintroduċi dispożizzjoni li tippermetti lill-atturi jappellaw kontra verdett li jingħata mit-Tribunal; billi d-deċiżjoni tal-qorti kontra Abdul Qader Mollah għalhekk tista’ tinbidel sabiex tiffavorixxi sentenza tal-mewt; billi din l-għamla ta’ leġiżlazzjoni retroattiva tikser l-istandards ta’ proċess ġust, tissottovaluta l-leġittimità tax-xogħol tal-ICT u tikser il-projbizzjoni ta’ proċessi doppji (‘ne bis in idem’) fil-liġi internazzjonali, li hija stabbilita wkoll fl-Artikolu 14(7) tal-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi, li l-Bangladexx huwa parti fih;
G. billi diversi mexxejja tal-partit tal-Lega Awami li qed jiggverna, inkluż il-Ministru għall-Intern, appoġġaw it-talbiet tal-Moviment Shabagh, u ssuġġerew li l-partit għandu jiġi pprojbit u li l-istazzjonijiet tal-midja relatati mal-partit għandhom jingħalqu;
H. billi fit-28 ta’ Frar 2013, l-ICT ħabbar id-deċiżjoni tiegħu li jagħti sentenza ta' mewt lil Delwar Hossain Sayeedi, Viċi President tal-partit Jamaat-e-Islami, abbażi ta’ akkużi li jinkludu l-persekuzzjoni tal-minoranza Ħindu;
I. billi s-sitwazzjoni marret għall-agħar wara dan l-aħħar verdett, hekk kif saru protesti kontrih mis-segwaċi tal-Partit Jamaat li wasslu sabiex mietu aktar minn 60 persuna; billi, skont l-informazzjoni pprovduta mill-NGOs, ir-reazzjoni tal-pulizija għall-attakki mill-membri u l-partitarji ta’ Jamaat kienet tinkludi l-użu ta’ munizzjon letali;
J. billi jeżistu rapporti ta’ attakki reċenti minn attivisti ta’ Jamaat u xi partitarji tal-Partit Nazzjonalista tal-Bangladexx fuq aktar minn 40 tempju, dar u ħanut tal-Ħindu mifruxa mal-Bangladexx, li ħallew mijiet ta’ persuni mingħajr dar; billi l-poplu Ħindu u minoranzi oħrajn tal-Bangladexx (bħall-komunità Ahmadiyya) kellhom isofru b’mod ripetut minn perjodi ta’ vjolenza u persekuzzjoni, speċjalment matul il-gwerra għall-indipendenza tal-1971 u wara l-elezzjonijiet tal-2001 u l-2005, u billi, konsegwentement, madwar 900 000 Ħindu telqu mill-Bangladexx bejn l-2001 u l-2011;
K. billi l-proċedimenti legali f’diversi każijiet oħra jinsabu għaddejjin fl-ICT u hemm riskju serju li l-imputati jinstabu ħatja u jingħataw sentenza ta’ mewt;
L. billi r-Rapporteur Speċjali tal-UE dwar eżekuzzjonijiet extraġudizzjarji, sommarji u arbitrarji u r-Rapporteur Speċjali tal-UE dwar l-indipendenza tal-imħallfin u l-avukati, kif ukoll organizzazzjonijiet tad-drittijiet tal-bniedem, esprimew tħassib dwar l-allegati nuqqasijiet tat-tribunal fir-rigward tal-proċessi ġusti u dovuti, speċjalment dwar il-fatt li wieħed mill-proċessi sar in absentia;
1. Jinsab tassew imħasseb dwar it-tfaqqigħ reċenti tal-vjolenza fil-Bangladexx wara l-verdetti tal-ICT u jesprimi dispjaċir fir-rigward tal-vittmi reċenti;
2. Jesprimi l-kondoljanzi tiegħu lill-membri tal-familja u l-ħbieb ta’ dawk li nqatlu jew sofrew ġrieħi minħabba l-vjolenza;
3. Jirrikonoxxi l-ħtieġa għal rikonċiljazzjoni, ġustizzja u l-obbligu ta' rendikont għad-delitti mwettqa matul il-gwerra għall-indipendenza tal-1971; jisħaq fuq ir-rwol importanti tal-ICT fir-rigward ta' din il-kwistjoni;
4. Itenni l-oppożizzjoni qawwija tiegħu għall-użu tal-piena tal-mewt fi kwalunkwe każ u f’kull ċirkostanza;
5. Jappella lill-awtoritajiet tal-Bangladexx biex jikkomutaw il-kundanni għal mewt kollha, jibnu fuq l-iżvilupp pożittiv li ma kien hemm l-ebda eżekuzzjoni fl-2012, u jintroduċu moratorja uffiċjali fuq l-eżekuzzjonijiet bħala l-ewwel pass lejn l-abolizzjoni tal-piena kapitali;
6. Jikkundanna l-irregolaritajiet irrappurtati fil-funzjonament tal-ICT, bħall-intimidazzjoni, il-fastidju u l-għajbien sfurzat tax-xhieda allegati, kif ukoll l-evidenza ta’ kooperazzjoni illegali bejn l-imħallfin, il-prosekuturi u l-gvern; jinsisti, b’mod partikolari, li l-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi għandhom itejbu l-miżuri biex jiggarantixxu l-protezzjoni effikaċi tax-xhieda;
7. Jistieden lill-Gvern tal-Bangladexx jiżgura li l-ICT jikkonforma strettament mal-istandards legali nazzjonali u internazzjonali; jenfasizza, f’dan ir-rigward, il-garanzija ta’ proċess ħieles, ġust u trasparenti kif ukoll id-dritt tal-vittmi għall-protezzjoni, il-verità, il-ġustizzja u r-riparazzjoni;
8. Jistieden lill-Gvern tal-Bangladexx jintensifika l-isforzi tiegħu biex jinforza l-istat tad-dritt u l-ordni; itenni l-obbligu tal-gvern li jonora l-impenji internazzjonali fil-qasam tad-drittijiet tal-bniedem;
9. Jikkundanna bil-qawwa l-vjolenza tal-partitarji u ta’ Jamaat-e-Islami u l-partiti affiljati kontra l-uffiċjali tal-infurzar tal-liġi, kontra dawk li jappoġġaw il-verdetti tal-ICT, u kontra minoranzi reliġjużi u etniċi; jikkundanna bil-qawwa l-vjolenza indiskriminata mmirata lejn iċ-ċittadini ordinarji;
10. Jesprimi t-tħassib tiegħu dwar l-għadd kbir ta’ vittmi minħabba l-ġlied; jappella lill-gvern biex jagħti istruzzjonijiet lill-forzi tas-sigurtà tiegħu biex josservaw strettament l-obbligu tagħhom li jeżerċitaw trażżin massimu u jevitaw il-forza letali u biex jinvestigaw bir-reqqa l-imwiet ta’ dawk kollha li nqatlu matul il-protesti;
11. Iħeġġeġ lill-awtoritajiet tal-Bangladexx biex jiżguraw li l-allegazzjonijiet kollha ta’ tortura u trattament ħażin jiġu investigati b’mod imparzjali, u li dawk li jinstabu responsabbli jitressqu quddiem il-qorti;
12. Iħeġġeġ lill-mexxejja politiċi kollha fil-pajjiż biex inaqqsu t-tensjonijiet politiċi sabiex jevitaw aktar vjolenza, biex jagħtu istruzzjonijiet lill-partitarji tagħhom sabiex ma jipparteċipaw fl-ebda att ta’ vjolenza; jappella lill-partiti politiċi kollha fil-Bangladexx biex jidħlu fi djalogu ma’ xulxin;
13. Jappella lill-istampa biex toqgħod lura mill-inċitament għall-vjolenza armata; iħeġġeġ lill-gvern jiżgura li l-ġurnalisti u l-edituri jkunu jistgħu jesprimu l-fehmiet tagħhom b’mod paċifiku mingħajr ma jiġu ffastidjati, intimidati, jinżammu jew jiġu ttorturati;
14. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lis-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna, lill-Viċi President tal-Kummissjoni / Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, lir-Rappreżentant Speċjali tal-UE għad-Drittijiet tal-Bniedem, lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri, lis-Segretarju Ġenerali tan-NU, lill-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-NU u lill-Gvern u lill-Parlament tal-Bangladexx.
- [1] Testi adottati, P7_TA(2013)0027.
- [2] ĠU C 187 E, 24.7.2008, p. 240.
- [3] ĠU C 294 E, 3.12.2009, p.77.
- [4] ĠU L 118, 27.4.2001, p.48.