MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI KONĠUNTA dwar is-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fil-Kazakistan
17.4.2013 - (2013/2600(RSP))
li tissostitwixxi l-mozzjonijiet għal riżoluzzjoni mressqa mill-gruppi:
Verts/ALE (B7‑0167/2013)
PPE (B7‑0173/2013)
S&D (B7‑0175/2013)
ALDE (B7‑0176/2013)
ECR (B7‑0178/2013)
José Ignacio Salafranca Sánchez-Neyra, Tunne Kelam, Elmar Brok, Cristian Dan Preda, Bernd Posselt, Eija-Riitta Korhola, Monica Luisa Macovei, Sari Essayah, Philippe Boulland, Jean Roatta, Petri Sarvamaa, Laima Liucija Andrikienė, Zuzana Roithová, Lena Kolarska-Bobińska, Anne Delvaux, Jarosław Leszek Wałęsa, Bogusław Sonik, Krzysztof Lisek f'isem il-Grupp ALDE
Véronique De Keyser, Liisa Jaakonsaari, Lidia Joanna Geringer de Oedenberg, Joanna Senyszyn, Pino Arlacchi, Ana Gomes f'isem il-Grupp S&D
Leonidas Donskis, Graham Watson, Marietje Schaake, Niccolò Rinaldi, Alexander Graf Lambsdorff, Ramon Tremosa i Balcells, Marielle de Sarnez, Sarah Ludford, Kristiina Ojuland, Robert Rochefort, Sonia Alfano, Johannes Cornelis van Baalen, Izaskun Bilbao Barandica, Hannu Takkula f'isem il-Grupp ALDE
Nicole Kiil-Nielsen, Franziska Keller, Barbara Lochbihler, Bart Staes, Rui Tavares, Raül Romeva i Rueda f'isem il-Grupp Verts/ALE
Charles Tannock, Valdemar Tomaševski, Marek Henryk Migalski f'isem il-Grupp ECR
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar is-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fil-Kazakistan
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar il-Kazakistan, inklużi dawk tal-15 ta’ Marzu 2012 dwar il-Kazakistan[1], tal-15 ta’ Diċembru 2011 dwar l-istat tal-implimentazzjoni tal-Istrateġija tal-UE għall-Asja Ċentrali[2], u tas-17 ta’ Settembru 2009 dwar il-każ ta’ Yevgeni Zhotis fil-Kazakistan[3],
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-22 ta' Novembru 2012 li tinkludi r-rakkomandazzjonijiet tal-Parlament Ewropew lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lis-SEAE dwar in-negozjati għal ftehim imsaħħaħ ta' sħubija u kooperazzjoni bejn l-UE u l-Kazakistan (2012/2153(INI))
– wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tad-9 ta’ Ottubru 2012 mill-kelliem tar-Rappreżentant Għoli Catherine Ashton dwar il-proċess ta’ Vladimir Kozlov fil-Kazakhstan u d-dikjarazzjoni tar-Rappreżentant Għoli tas-17 ta’ Jannar 2012 dwar l-elezzjonijiet parlamentari fil-Kazakistan,
– wara li kkunsidra l-opinjoni legali tal-Kummissjoni Internazzjonali tal-Ġuristi tat-13 ta’ Frar 2013 dwar il-proċedimenti dixxiplinari kontra l-avukati fil-Kazakistan,
– wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tal-25 ta' Jannar 2012 tar-Rappreżentant tal-OSKE dwar il-Libertà tal-Midja rigward is-sitwazzjoni tal-midja fil-Kazakistan,
– wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tad-Direttur tal-Uffiċċju għall-Istituzzjonijiet Demokratiċi u d-Drittijiet tal-Bniedem tal-OSKE tal-1 ta' Frar 2012 dwar it-trażżin tal-oppożizzjoni tal-Kazakistan,
– wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tal-20 ta’ Marzu 2013 tal-International Partnership for Human Rights (IPHR) bit-titolu ‘Stampa ġenerali tal-preokkupazzjonijiet rigward id-Drittijiet tal-Bniedem fil-Kazakistan',
– wara li kkunsidra l-Artikoli 122(5) u 110(4) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
A. billi fil-21 ta’ Diċembru 2012, wara kawża istitwita fl-20 ta’ Novembru 2012 mill-Prosekutur Ġenerali tal-Kazakistan, il-Qorti tad-Distrett ta’ Almaty pprojbixxiet il-partit tal-oppożizzjoni mhux irreġistrat ‘Alga!’ minħabba akkużi ta’ estremiżmu; billi l-projbizzjoni tagħmel lil Aliya Turusbekova, il-mara ta’ Vladimir Kozlov, responsabbli personalment;
B. billi fil-25 ta’ Diċembru 2012 għadd ta’ mezzi tal-midja tal-oppożizzjoni, inklużi tmien gazzetti tal-Kazakistan u 23 portal tal-aħbarijiet fuq l-internet, ġew ipprojbiti minħabba akkużi ta’ estremiżmu, u ġew deskritti mill-prosekutur bħala ‘mezz tal-midja wieħed unifikat taħt l-isem Respublika'; billi din id-deċiżjoni ġiet ikkonfermata mill-Qorti tal-Appell fit-22 ta’ Frar 2012, u konsegwentement il-ġurnalisti kkonċernati ġew projbiti milli jwettqu l-attività professjonali tagħhom;
C. billi l-Kazakistan huwa attur internazzjonali importanti u huwa ta’ importanza kbira għall-iżvilupp politiku u soċjoekonomiku, kif ukoll għas-sitwazzjoni tas-sigurtà, tar-reġjun kollu kemm hu; billi kellu rwol pożittiv fl-Asja Ċentrali u ħadem biex jiżviluppa relazzjonijiet tajbin bejn il-ġirien mal-pajjiżi li jinsabu mal-fruntiera tiegħu, biex ikompli l-kooperazzjoni reġjonali u jsolvi l-kwistjonijiet bilaterali kollha b'mod paċifiku; billi l-UE għandha interess kruċjali li tintensifika l-kooperazzjoni fil-qasam politiku, ekonomiku u tas-sigurtà ma' dak ir-reġjun permezz ta' relazzjoni b'saħħitha u miftuħa bejn l-UE u l-Kazakistan;
D. billi l-Kazakistan ilu għal żmien twil li llimita d-drittijiet ċivili u politiċi ewlenin, bħal-libertà tal-għaqda, tal-espressjoni u tar-reliġjon; billi matul dawn l-aħħar sentejn kien hemm tnaqqis fir-rispett tal-libertajiet fundamentali filwaqt li, mal-qawmien tal-vjolenza f’Zhanaozen f’Diċembru 2011, fl-2012 kien hemm trażżin espliċitu fuq min jikkritika l-gvern;
E. billi matul dawn l-aħħar xhur diversi kapijiet tal-oppożizzjoni, difensuri tad-drittijiet tal-bniedem, ġurnalisti u atturi tas-soċjetà ċivili kienu soġġetti għal fastidju u prosekuzzjoni kriminali, li f'għadd ta' każijiet wasslu għal sentenzi ta' ħabs;
F. billi fit-13 ta’ Marzu 2013 il-Qorti ta’ Kassazzjoni rrifjutat li tippermetti appell fil-każ ta’ Vladimir Kozlov, li ngħata sentenza ta' seba' snin u nofs ħabs u ta' konfiska tal-proprjetà fuq akkużi li ‘qajjem inkwiet soċjali', li ‘talab għat-twaqqigħ furzat tal-ordni kostituzzjonali’, u li ‘waqqaf u mexxa grupp organizzat bl-għan li jwettqu reati kriminali’; billi Kozlov attwalment qed jappella lill-Qorti Suprema bħala l-aħħar istanza għal appell fil-kawża tiegħu;
G. billi fis-7 ta’ Diċembru 2012, id-difensur tad-drittijiet tal-bniedem Vadim Kuramshin ingħata sentenza ta’ 12-il xahar ħabs minħabba li rrikatta l-assistent tal-avukat tad-distrett; billi din is-sentenza ġiet ikkonfermata mill-Qorti tal-Appell fl-14 ta’ Frar 2013; billi l-arrest mill-ġdid tas-Sur Kurashim sar wara li rritorna mill-konferenza tal-OSKE f’Settembru f’Varsavja u sar wara r-rilaxx tiegħu wara proċess preċedenti f’Awwissu 2012;
H. billi l-Gvern tal-Kazakistan qed jikkunsidra li jibda x-xogħol fuq Pjan ta’ Azzjoni Nazzjonali ġdid għad-Drittijiet tal-Bniedem għall-2013-2020;
I. billi l-awtoritajiet tal-Kazakistan waqqfu grupp ta' ħidma taħt il-Prosekutur-Ġenerali għar-riforma tal-Kodiċi Kriminali; billi fil-15 u fis-16 ta’ Marzu 2013 saret diskussjoni madwar mejda tonda dwar ‘Riforma tal-Kodiċi Kriminali tal-Kazakistan abbażi tal-prinċipji tal-istat tad-dritt’, bil-parteċipazzjoni ta’ delegazzjoni tal-Kummissjoni ta’ Venezja sabiex tagħti pariri dwar ir-riforma; billi l-Parlament Ewropew ħeġġeġ lill-awtoritajiet tal-Kazakistan biex jallinjaw il-liġi kriminali tal-pajjiż mal-istandards internazzjonali, inkluża r-riforma tal-Artikolu 164 dwar ‘l-inċitament tal-inkwiet soċjali’;
J. billi l-awtoritajiet tal-Kazakistan b’mod ripetut għamlu użu mill-akkuża tal-inċitament tal-inkwiet soċjali bħala akkuża ġenerali u wiesgħa żżejjed li tista’ tintuża sabiex jiġi kriminalizzat l-eżerċizzju leġittimu tad-drittijiet tal-libertà tal-espressjoni u ta' għaqda kif imħarsa mil-liġi internazzjonali dwar id-drittijiet tal-bniedem;
K. billi l-perjodu ta’ tliet snin tal-Kazakistan bħala membru tal-UNHRC (Il-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-Nazzjonijiet Uniti) beda fl-1 ta’ Jannar 2013;
L. billi l-Kazakistan, bħala membru tal-OSKE, u li kellu l-presidenza tagħha fl-2010, impenja ruħu li jirrispetta u li jimplimenta l-prinċipji fundamentali ta' dik l-organizzazzjoni;
M. billi l-malafama tibqa’ kriminalizzata, filwaqt li l-liġi tal-10 ta’ Lulju 2009 dwar l-Introduzzjoni tal-Bidliet u ż-Żidiet mal-Leġiżlazzjoni dwar Netwerks ta’ Informazzjoni u Komunikazzjoni tqis ir-riżorsi tal-internet (siti, chatrooms, blogs, forums għal diskussjonijiet) bħala ugwali għall-mezzi tal-midja u għalhekk tagħmel lil dawk ir-riżorsi u lill-proprjetarji tagħhom responsabbli għall-istess firxa ta’ reati;
N. billi fl-aħħar ta’ Novembru 2012, ir-RGħ/VP Ashton vjaġġat lejn l-Asja Ċentrali u għamlet żjara ġewwa l-Kazakistan waqt li kienu qed jiġu imposti l-projbizzjonijiet legali fuq l-oppożizzjoni u l-mezzi tal-midja; billi s-Sinjura Ashton ma ħarġet l-ebda dikjarazzjoni dwar il-kwistjoni;
O. billi f'Lulju 2012, il-Kummissarju Għoli tan-NU għad-Drittijiet tal-Bniedem, Navi Pillay, wara ż-żjara ta' jumejn li għamlet fil-Kazakistan, stiednet lill-awtoritajiet biex jawtorizzaw investigazzjoni internazzjonali indipendenti dwar l-avvenimenti ta' Zhanaozen infushom u dwar il-kawżi u l-konsegwenzi tagħhom;
1. Jenfasizza l-importanza tar-relazzjonijiet bejn l-UE u l-Kazakistan u tat-tisħiħ tal-kooperazzjoni ekonomika u politika fl-oqsma kollha; jenfasizza l-interess kbir tal-UE f’relazzjoni sostenibbli mal-Kazakistan f’termini ta’ kooperazzjoni politika u ekonomika;
2. Jikkritika bil-qawwa d-deċiżjoni tal-qorti li tipprojbixxi l-partiti tal-oppożizzjoni fuq akkużi ta’ estremiżmu, inkluż il-partit mhux irreġistrat ‘Alga!’, kif ukoll li tipprojbixxi atturi tal-midja indipendenti ewlenin, minħabba li din tikser il-prinċipji tal-libertà ta’ espressjoni u ta’ għaqda u tqajjem tħassib serju fir-rigward tar-ripressjoni futura tal-midja indipendenti u tal-oppożizzjoni;
3. Jitlob lill-awtoritajiet jirrispettaw il-prinċipji u l-impenji tal-istandards tal-OSKE dwar il-libertà ta’ espressjoni, ta’ għaqda u ta’ assoċjazzjoni; iħeġġeġ lill-Kazakistan iqis il-kritika mhux bħala theddida iżda bħala għodda kostruttiva li permezz tagħha jista’ jtejjeb il-politiki u l-inklużjoni;
4. Jenfasizza li Aliya Turusbekova ma tistax tinżamm responsabbli għal azzjonijiet ta’ terzi persuni;
5. Jistieden lill-UE u lill-Istati Membri jfittxu garanziji li jipproteġu l-ġurnalisti, l-attivisti tal-oppożizzjoni u d-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem u l-familji tagħhom, u b'mod partikolari dawk li jżuru l-istituzzjonijiet tal-UE biex jiddiskutu kwistjonijiet dwar id-drittijiet tal-bniedem, kontra kull tip ta' theddid personali, pressjoni jew prosekuzzjoni sussegwenti;
6. Itenni t-tħassib tiegħu dwar id-detenzjoni ta’ kapijiet tal-oppożizzjoni, ġurnalisti u avukati abbażi ta’ proċessi li ma jissodisfawx l-istandards internazzjonali, u jerġa’ jafferma t-talba tiegħu għall-ħelsien ta’ dawk il-persuni kollha kkundannati abbażi ta’ akkużi kriminali vagi li jistgħu jiġu kkunsidrati bħala politikament motivati, inklużi fost l-oħrajn Vladimir Kozlov, Vadim Kurashim u Roza Tuletaeva; jesprimi t-tħassib tiegħu fir-rigward tal-ġustizzja tal-proċessi, u jtenni t-talba tiegħu għall-garanzija tat-trasparenza u l-istandards internazzjonali waqt il-proċessi, li jintemmu l-kundanni abbażi tal-akkużi kriminali ġenerali msemmija hawn fuq, u li l-ġudikatura tinżamm indipendenti;
7. Jistieden lill-awtoritajiet tal-Kazakistan jiggarantixxu kundizzjonijiet ta’ detenzjoni li jikkonformaw mal-istandards internazzjonali u jippermettu trattament mediku adegwat għall-priġunieri kollha, inkluż il-kap tal-oppożizzjoni Vladimir Kozlov; jitlob l-implimentazzjoni sħiħa tat-titjib inkluż fir-riforma reċenti tas-sistema tal-ħabs u jappella għal aktar titjib sabiex jiġu ssodisfati l-istandards internazzjonali;
8. Jenfasizza bil-qawwa li l-ġlieda leġittima kontra t-terroriżmu u l-estremiżmu m’għandhiex tintuża bħala skuża sabiex tiġi pprojbita l-attività tal-oppożizzjoni, biex timpedixxi l-libertà tal-espressjoni jew ixxekkel l-indipendenza tal-ġudikatura;
9. Jenfasizza li l-Kazakistan huwa sieħeb internazzjonali importanti fir-reġjun, fir-rigward tal-kooperazzjoni man-NATO, fl-appoġġ għat-taħditiet E3+3 mal-Iran, kif ukoll fl-istabbiliment ta’ bank ta’ karburanti internazzjonali fil-Kazakistan; jilqa’ l-ambizzjoni tal-Kazakistan li jimpenja ruħu attivament bħala medjatur/faċilitatur fi kwistjonijiet tas-sigurtà li jikkonċernaw ir-reġjun kollu kemm hu; iħeġġeġ lill-awtoritajiet tal-Kazakistan jonoraw l-impenji internazzjonali li ffirmaw, inklużi dawk relatati mal-istat tad-dritt u mal-indipendenza tal-ġudikatura;
10. Jistieden lill-Kazakistan joħloq ambjent fejn l-attivisti tal-oppożizzjoni, il-ġurnalisti u l-avukati jkunu jistgħu jeżerċitaw l-attivitajiet tagħhom, inkluż permezz tar-riformi legali meħtieġa; jenfasizza l-impenn tal-UE biex tappoġġa lill-Kazakistan f’dan l-isforz;
11. Jistieden lill-Kazakistan jirrevedi l-leġiżlazzjoni tiegħu dwar ir-reliġjon u jiffaċilita r-restrizzjonijiet fuq ir-reġistrazzjoni u l-prattika tar-reliġjon;
12. Jenfasizza l-importanza li jiġi rispettat u promoss id-dritt tal-ħaddiema li jiffurmaw unjins tax-xogħol indipendenti, jipparteċipaw fi strajks, u jwettqu negozjar kollettiv ma’ min iħaddimhom, b’konformità mal-obbligi tal-Kazakistan taħt il-liġi internazzjonali tad-drittijiet tal-bniedem;
13. Jilqa' d-djalogu mad-delegazzjoni tal-Kummissjoni ta’ Venezja dwar il-Kodiċi tal-Proċedura Kriminali l-ġdida, u jħeġġeġ aktar kollaborazzjoni mal-Kummissjoni ta' Venezja bl-għan li kemm jista’ jkun jittieħed benefiċċju mill-esperjenza tagħha; jisħaq li r-riforma għandu jkollha l-għan li ssaħħaħ l-indipendenza tal-ġudikatura u l-istat tad-dritt u li tissodisfa l-istandards internazzjonali; itenni t-talba tiegħu għal riforma tal-Artikolu 164 dwar l-inċitament tal-inkwiet soċjali' u jitlob lis-SEAE biex iwettaq monitoraġġ mill-qrib tar-riforma u tal-kontenut tal-liġi l-ġdida;
14. Jerġa' jtenni t-talba tiegħu lill-awtoritajiet tal-Kazakistan biex ikomplu bl-infurzar tal-Pjan ta' Azzjoni għad-Drittijiet tal-Bniedem eżistenti, billi jsegwu r-rakkomandazzjonijiet tal-Kummissjoni ta’ Venezja u jagħmlu użu minn assistenza teknika tal-UE skont l-inizjattiva tal-Istat tad-Dritt. iħeġġeġ u jappoġġa lill-Kazakistan fl-isforzi tiegħu biex jiżviluppa Pjan ta’ Azzjoni dwar id-Drittijiet tal-Bniedem ġdid għall-2013-2020; jistieden lill-awtoritajiet tal-Kazakistan jikkollaboraw mal-NGOs;
15. Jilqa' d-djalogi regolari bejn l-UE u l-Kazakistan dwar id-drittijiet tal-bniedem; jenfasizza l-importanza tad-djalogi dwar id-drittijiet tal-bniedem bejn l-awtoritajiet tal-UE u tal-Kazakistan, u jilqa’ l-approċċ kostruttiv li qed jintwera min-naħa tal-Kazakistan; jitlob tisħiħ tad-djalogi li jwassal għat-twaqqif ta' forum fejn il-kwistjonijiet ikunu jistgħu jiġu indirizzati b'mod miftuħ; jenfasizza li dawn id-djalogi għandhom ikunu effikaċi u mmirati lejn il-ksib tar-riżultati, u fejn possibbli, għandhom jinvolvu lill-atturi tas-soċjetà ċivili;
16. Jilqa’ l-programmi internazzjonali ta’ skambju tal-istudenti introdotti mill-Gvern tal-Kazakistan; jenfasizza l-impatt fundamentali li għandhom dawn iż-żjarat barra l-pajjiż f'termini tal-edukazzjoni demokratika tal-istudenti tal-Kazakistan; jilqa’ l-appoġġ offrut mill-awtoritajiet tal-Kazakistan lil dawn l-istudenti mar-ritorn tagħhom;
17. Jistieden lill-UE, u b’mod partikolari lis-SEAE, biex iwettqu monitoraġġ mill-qrib tal-iżviluppi fil-Kazakistan, jindirizzaw it-tħassib mal-awtoritajiet tal-Kazakistan fejn meħtieġ, joffru assistenza, u jirrapportaw regolarment lill-Parlament; jistieden ukoll lid-delegazzjoni tal-UE f’Astana biex taqdi rwol aktar proattiv fil-monitoraġġ tas-sitwazzjoni, inkluża l-osservanza ta' proċessi u żjarat il-ħabs;
18. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lis-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna, lir-Rappreżentant Speċjali tal-UE għad-Drittijiet tal-Bniedem, lill-gvernijiet u lil-parlamenti tal-Istati Membri, lill-Organizzazzjoni għas-Sigurtà u l-Kooperazzjoni fl-Ewropa, lill-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-NU, u lill-Gvern u l-Parlament tal-Kazakistan.
- [1] P7_TA(2012)0089.
- [2] P7_TA(2011)0588.
- [3] ĠU C 224 E, 19.8.2010, p. 30.