MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI KONĠUNTA dwar l-irkupru tal-assi mill-pajjiżi tar-Rebbiegħa Għarbija fi tranżizzjoni
20.5.2013 - (2013/2612(RSP))
li tissostitwixxi l-mozzjonijiet għal riżoluzzjoni mressqa mill-gruppi:
ECR (B7‑0188/2013)
S&D (B7‑0189)
ALDE (B7‑2013)
PPE (B7‑0193/2013)
Verts/ALE (B7‑0194/2013)
José Ignacio Salafranca Sánchez-Neyra, Tokia Saïfi, Mairead McGuinness, Elmar Brok, Roberta Angelilli, Elena Băsescu, Daniel Caspary, Anne Delvaux, Sari Essayah, Eduard Kukan, Cristian Dan Preda, Salvatore Iacolino, Giovanni La Via, Filip Kaczmarek, Mário David, Mariya Gabriel f'isem il-Grupp PPE
Véronique De Keyser, Pino Arlacchi, Ana Gomes, Göran Färm, María Muñiz De Urquiza, Raimon Obiols, Pier Antonio Panzeri, Maria Eleni Koppa f'isem il-Grupp S&D
Annemie Neyts-Uyttebroeck, Ivo Vajgl, Marietje Schaake, Niccolò Rinaldi, Izaskun Bilbao Barandica, Marielle de Sarnez, Robert Rochefort, Louis Michel, Edward McMillan-Scott, Kristiina Ojuland, Ramon Tremosa i Balcells, Sonia Alfano, Graham Watson f'isem il-Grupp ALDE
Isabelle Durant, Judith Sargentini, Raül Romeva i Rueda f'isem il-Grupp Verts/ALE
Charles Tannock f'isem il-Grupp ECR
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar l-irkupru tal-assi mill-pajjiżi tar-Rebbiegħa Għarbija fi tranżizzjoni
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar il-pajjiżi tar-Rebbiegħa Għarbija u dwar l-Unjoni għall-Mediterran, b’mod partikolari r-riżoluzzjoni tiegħu tal-14 ta' Marzu 2013 dwar is-sitwazzjoni fl-Eġittu, u r-riżoluzzjoni tiegħu tal-10 ta' Mejju 2012 dwar "Il-Kummerċ għall-Bidla: strateġija Kummerċjali u ta' Investiment tal-UE għan-Nofsinhar tal-Mediterran wara r-revoluzzjonijiet tar-Rebbiegħa Għarbija”,
– wara li kkunsidra r-rakkomandazzjonijiet tal-Kumitat għall-Affarijiet Politiċi, is-Sigurtà u d-Drittijiet tal-Bniedem tal-Assemblea Parlamentari tal-Unjoni għall-Mediterran tat-12 ta' April 2013,
– wara li kkunsidra r-Regolament il-ġdid tal-Kunsill tas-26 ta' Novembru 2012 dwar l-adozzjoni ta’ qafas leġiżlattiv ġdid li jiffaċilita l-irkupru tal-assi fl-Eġittu u fit-Tuneżija,
– wara li kkunsidra l-Konklużjonijiet tal-Kopresidenti tat-Task Forces UE-Tuneżija u UE-Eġittu tat-28-29 ta’ Settembru 2011 u tal-14 ta’ Novembru 2012 rispettivament, u b’mod partikolari t-taqsimiet tagħhom li jirrigwardaw l-irkupru tal-assi,
– wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 101/2011 tal-4 ta' Frar 2011 dwar miżuri restrittivi diretti kontra ċerti persuni u entitajiet u korpi fid-dawl tas-sitwazzjoni fit-Tuneżija u r-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 1100/2012 li jemendah,
– wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 270/2011 tal-21 ta' Marzu 2011 dwar miżuri restrittivi diretti kontra ċerti persuni, entitajiet u korpi fid-dawl tas-sitwazzjoni fl-Eġittu u r-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 1099/2012 li jemendah,
– wara li kkunsidra d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2011/137/PESK tat-28 ta' Frar 2011 dwar miżuri restrittivi fid-dawl tas-sitwazzjoni fil-Libja u d-Deċiżjonijiet tal-Kunsill 2011/625/PESK u 2011/178/PESK li jemendawha, ir-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 204/2011 tat-2 ta' Marzu 2011 dwar miżuri restrittivi fid-dawl tas-sitwazzjoni fil-Libja u r-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 965/2011 li jemendah, u r-Regolamenti ta' Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) Nru 364/2013 u Nru 50/2013 li jimplimentaw l-Artikolu 16(2) tar-Regolament (UE) Nru 204/2011 dwar miżuri restrittivi fid-dawl tas-sitwazzjoni fil-Libja,
– wara li kkunsidra l-istrumenti ġuridiċi eżistenti tal-UE intiżi biex itejbu l-konfiska u l-irkupru tal-assi fil-qafas tad-Deċiżjonijiet tal-Kunsill 2001/500/ĠAI, 2003/577/ĠAI, 2005/212/ĠAI, 2006/783/ĠAI u 2007/845/ĠAI, kif ukoll il-proposta għal direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta' Marzu 2012 dwar l-iffriżar u l-konfiska tar-rikavat minn attività kriminali fl-Unjoni Ewropea (COM(2012)0085),
– wara li kkunsidra l-Konvenzjoni tan-NU kontra l-Korruzzjoni (UNCAC) tal-2005, b’mod partikolari l-Artikolu 43 tagħha dwar il-kooperazzjoni internazzjonali u l-Kapitolu V tagħha dwar l-irkupru tal-assi, li l-Eġittu, il-Libja u t-Tuneżija huma partijiet kontraenti fiha u li ġiet approvata f’isem l-Unjoni Ewropea bid-Deċiżjoni tal-Kunsill 2008/801/KE tal-25 ta' Settembru 2008,
– wara li kkunsidra l-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar il-Kriminalità Organizzata Transnazzjonali (il-Konvenzjoni ta' Palermo) tas-sena 2000,
– wara li kkunsidra r-Riżoluzzjoni 19/38 tal-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-NU tad-19 ta' April 2012 dwar l-impatt negattiv tan-nonripatrijazzjoni ta' fondi ta' oriġini illeċita lill-pajjiżi ta' oriġini fuq it-tgawdija tad-drittijiet tal-bniedem, u l-importanza li tittejjeb il-kooperazzjoni internazzjonali,
– wara li kkunsidra l-inizjattiva tas-Segretarju Ġenerali tan-NU tas-17 ta' Settembru 2007 dwar l-irkupru tal-assi misruqa,
– wara li kkunsidra l-Inizjattiva tal-Irkupru tal-Assi Misruqa (Stolen Asset Recovery, StAR), programm konġunt tal-Bank Dinji u tal-Uffiċċju tan-Nazzjonijiet Uniti kontra d-Droga u l-Kriminalità,
– wara li kkunsidra l-Pjan ta' Azzjoni dwar l-Irkupru tal-Assi tas-Sħubija tal-G8 ta' Deauville mal-Pajjiżi Għarab fi Tranżizzjoni tal-21 ta' Mejju 2012, li l-UE hija parti kontraenti fiha,
– wara li kkunsidra r-Rapport Finali tal-Forum Għarbi dwar l-Irkupru tal-Assi tat-13 ta' Settembru 2012,
– wara li kkunsidra l-Artikolu 110(2) u (4) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
A. billi, filwaqt li l-iffriżar tal-assi huwa kompetenza tal-UE, l-irkupru u r-ripatrijazzjoni tal-assi huma kompetenzi tal-Istati Membri u jeħtieġ li jsiru skont dispożizzjonijiet ġuridiċi nazzjonali; billi l-istituzzjonijiet tal-UE għandhom rwol essenzjali biex jistimolaw u jiffaċilitaw dan il-proess;
B. billi l-irkupru tal-assi mill-pajjiżi tar-Rebbiegħa Għarbija fi tranżizzjoni huwa obbligu morali u kwistjoni politika eminenti fir-relazzjonijiet tal-UE mal-viċinat tan-Nofsinhar tagħha; billi huwa wkoll kwistjoni ekonomika importanti għall-ġirien tan-Nofsinhar ikkonċernati, minħabba l-potenzjal li dawn l-assi, meta jintraddu u jintużaw b'mod trasparenti u effettiv, jikkontribwixxu għall-irkupru ekonomiku tagħhom; billi l-irkupru tal-assi jingħat messaġġ qawwi kontra l-impunità ta’ dawk involuti fil-korruzzjoni u l-ħasil tal-flus,
C. billi hemm qafas ġuridiku internazzjonali komprensiv li jirregola dan il-kamp, b’riferiment speċjali għall-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti kontra l-Korruzzjoni (UNCAC) tal-2003, li timponi obbligi ċari fuq l-Istati Kontraenti; billi l-Artikolu 51 tal-UNCAC jiddikjara r-ritorn tal-assi “huwa prinċipju fundamentali ta' din il-Konvenzjoni, u l-Istati Kontraenti għandhom jagħtu lil xulxin l-aktar kooperazzjoni u assistenza wiesgħa f'dan ir-rigward”;
D. billi l-proċess ġudizzjarju għall-irkupru tal-assi huwa kumpless u jieħu fit-tul; billi r-rekwiżiti ġuridiċi tal-istati rikjesti ma jistgħux jiġu evitati u l-partijiet terzi leġittimi ma jistgħux jiċċaħħdu mid-drittijiet legali tagħhom f'dan il-proċess; billi n-nuqqas ta' għarfien legali espert adegwat u kapaċità istituzzjonali limitata fl-istati rikjedenti huma ostakoli addizzjonali għas-suċċess ta’ inizjattivi f'dan il-qasam; billi hemm nuqqas ta’ kooperazzjoni effiċjenti bejn stati rikjedenti u stati rikjesti;
E. billi wara r-revoluzzjonijiet tar-Rebbiegħa Għarbija fl-Eġittu u fit-Tuneżija, l-UE minnufih iffriżat l-assi tad-dittaturi ta’ dari, tal-familji tagħhom u ta' bosta persuni oħrajn assoċjati mar-reġimi tagħhom; billi, fil-każ tal-Libja, kienet adottata deċiżjoni simili tal-UE, bi qbil mar-Riżoluzzjoni tal-Kunsill ta' Sigurtà tan-NU 1970 (2011);
F. billi l-qafas leġiżlattiv il-ġdid adottat mill-Kunsill fis-26 ta' Novembru 2012 jippermetti li l-Istati Membri tal-UE jirrilaxxaw lill-awtoritajiet Eġizzjani u Tuneżini assi ffriżati abbażi ta’ deċiżjonijiet ġudizzjarji rikonoxxuti fi Stati Membri tal-UE u jiffaċilita l-iskambju ta’ informazzjoni bejn Stati Membri tal-UE u l-awtoritajiet relevanti;
G. billi sew it-Task Force UE-Eġittu kif ukoll dik UE-Tuneżija t-tnejn issottolinjaw l-importanza tar-ritorn ta’ assi miksuba b’mod illeċitu li għadhom iffriżati f’għadd ta’ pajjiżi terzi; billi t-Task Forces qablu li jiffinalizzaw pjan direzzjonali li jista’ jinkludi l-istabbiliment ta’ grupp għall-irkupru tal-assi kkoordinat mis-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna (SEAE) għal kull pajjiż;
H. billi l-G8 qed jappoġġja pajjiżi fid-dinja Għarbija li għaddejjin minn tranżizzjoni lejn “soċjetajiet ħielsa, demokratiċi u tolleranti” permezz tas-Sħubija ta’ Deauville ta’ Mejju 2011; billi l-Pjan ta’ Azzjoni tiegħu maħruġ fil-21 ta' Mejju 2012 jirrikonoxxi li, wara r-Rebbiegħa Għarbija, l-irkupru tal-assi sar qasam ta’ attenzjoni aktar urġenti fir-reġjun u fil-komunità internazzjonali;
I. billi l-Eġittu, il-Libja u t-Tuneżija għamlu sforzi konsiderevoli biex jiżguraw li l-assi miżapproprjati misruqa mid-dittaturi ta’ dari u mir-reġimi tagħhom jiġu ripatrijati lil dawk il-pajjiżi, inkluż il-ħolqien ta' kummissjonijiet investigattivi nazzjonali speċifiċi bil-kompitu li jintraċċaw, jidentifikaw u jirkupraw dawn l-assi, u l-ftuħ ta' kawżi fil-qrati ta' Stati Membri tal-UE; billi bosta atturi internazzjonali ewlenin – inklużi l-UE, il-membri tal-G8 u l-Isvizzera – irrispondew b'mod pożittiv għal dawk l-isforzi; billi, madankollu, s'issa nkisbu biss ftit riżultati konkreti f'dan il-qasam; billi dan ikkawża frustrament li qed jitqawwa fost il-gvernijiet u sosċjetajiet ċivili tal-pajjiżi rikjedenti;
J. billi l-komunikazzjoni għandha rwol ewlieni fl-isforzi ta' rkupru tal-assi sabiex tixtered l-aħjar prattika u jinħolqu inċentivi billi jiġu ppubbliċizzati l-istejjer ta' suċċess; billi dan jevita dikjarazzjonijiet żvijanti dwar il-kwantità ta' assi li għandhom jiġu rkuprati;
K. billi l-irkupru tal-assi jista’ jitwettaq permezz ta’ mekkaniżmi ġudizzjarji bilaterali u b’kooperazzjoni multilaterali; billi operazzjonijiet tal-irkupru tal-assi għandhom jiġu varati sew fil-livell nazzjonali kif ukoll f’dak internazzjonali;
L. billi f'April 2013 l-awtoritajiet Lebaniżi raddew lill-awtoritajiet Tuneżini qrib USD 30 miljun li kienu ġew depożitati b'mod illeċitu fil-kontijiet tal-bank tal-mexxej Tuneżin preċedenti;
1. Jenfasizza li, apparti s-sinifikat ekonomiku tiegħu, ir-radd tal-assi miżapproprjati misruqa mid-dittaturi ta’ dari u mir-reġimi tagħhom lill-pajjiżi tar-Rebbiegħa Għarbija fi tranżizzjoni huwa obbligu morali u ġuridiku u kwistjoni politika taħraq, minħabba dak li jimplika rigward ir-ristawr tal-ġustizzja u tar-responsabilità ta’ rendikont fl-ispirtu tad-demokrazija u tal-istat tad-dritt, kif ukoll rigward l-impenn politiku u l-kredibbiltà tal-UE, u għalhekk jikkostitwixxi dimensjoni ewlenija tas-sħubija tal-Unjoni mal-viċinat tan-Nofsinhar tagħha, speċjalment mal-Eġittu, il-Libja u t-Tuneżija;
2. Jirrikonoxxi li, għall-pajjiżi tar-Rebbiegħa Għarbija, l-irkupru tal-assi misruqa għandu wkoll importanza ekonomika u soċjali, minħabba li jeħtieġu l-fondi għall-istabbilizzazzjoni tal-ekonomiji u l-ħolqien tal-impjiegi u t-tkabbir f’dawk il-pajjiżi, li qed iħabbtu wiċċhom ma' sfidi ekonomiċi serji;
3. Jinnota li, minkejja l-isforzi konsiderevoli magħmula mill-awtoritajiet Eġizzjani, Libjani u Tuneżini, u minkejja r-rieda politika qawwija tal-partijiet kollha, dawk involuti fl-irkupru tal-assi miżapproprjati ftit li xejn kellhom suċċess, l-iktar minħabba d-diversità u l-kumplessità tad-dispożizzjonijiet u proċeduri relevanti fis-sistemi ġuridiċi nazzjonali differenti, riġidità ġuridika, nuqqas ta' għarfien espert min-naħa tal-pajjiżi tar-Rebbiegħa Għarbija kkonċernati rigward proċeduri ġuridiċi, finanzjarji u amministrattivi f'ġurisdizzjonijiet Ewropej u oħrajn u n-nuqqas ta' riżorsi disponibbli għalihom;
4. Iħeġġeġ lill-UE u lill-Istati Membri tagħha biex jagħmlu aktar sforzi sinifikanti bil-għan li jiffaċilitaw ir-radd lill-popli tal-pajjiżi tar-Rebbiegħa Għarbija ta’ assi miżapproprjati misruqa mir-reġimi preċedenti fi żmien raġonevoli; iħeġġeġ lill-Uffiċċji Nazzjonali għall-Irkupru tal-Assi fl-Istati Membri kollha biex jaħdmu flimkien mill-qrib u jiżviluppaw ir-relazzjonijiet tagħhom mal-awtoritajiet relevanti fil-pajjiżi tar-Rebbiegħa Għarbija bil-għan li jgħinuhom fil-proċeduri ġuridiċi kumplessi involuti; jistieden lis-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna biex jieħu rwol proattiv ta' mexxej, l-aktar fil-koordinazzjoni tal-isforzi tal-Istati Membri, billi jipprovdi bini ta' kapaċità u jħeġġeġ il-kooperazzjoni fost l-istati kollha kkonċernati;
5. Jenfasizza li l-irkupru tal-assi jifforma parti essenzjali mis-sostenn tal-Unjoni għal tranżizzjoni demokratika u għall-irkupru ekonomiku f'dawn il-pajjiżi u jista' jsaħħaħ il-fiduċja reċiproka fuq iż-żewġ naħat fi spirtu ta' sħubija mas-soċjetajiet, li hija element essenzjali tal-Politika Ewropea għall-Viċinat riveduta;
6. Jilqa’, f'dan il-kuntest, l-inizjattiva tal-Kanada, Franza, il-Ġermanja, l-Italja, ir-Renju Unit, il-Ġappun, l-Isvizzera u l-Istati Uniti tal-Amerika li joħorġu gwida li fiha deskrizzjoni komprensiva tas-sistemi ġuridiċi nazzjonali tagħhom rigward l-irkupru tal-assi, biex il-pajjiżi rikjedenti jkunu jistgħu jifhmu aħjar x’inhuwa ġuridikament possibbli, it-tip ta’ informazzjoni disponibbli, it-tipi ta’ investigazzjoni li jistgħu jsiru, u kif għandhom jimxu biex jiksbu rkupru effettiv tal-assi permezz tal-għoti ta' assistenza ġuridika reċiproka; iħeġġeġ lill-Istati Membri kollha biex jagħmlu l-istess u jistabbilixxu sett komuni ta' prinċipji tal-UE;
7. Jilqa’ l-inizjattiva tal-G8 tal-Pjan ta' Azzjoni tas-Sħubija ta' Deauville dwar l-Irkupru tal-Assi, li jidentifika miżuri konkreti għall-promozzjoni tal-kooperazzjoni, l-assistenza fil-każijiet, l-isforzi tal-bini tal-kapaċità u l-għajnuna teknika, u jissuġġerixxi inizjattiva reġjonali kollaborattiva, il-Forum Għarbi dwar l-Irkupru tal-Assi, għal diskussjoni u kooperazzjoni fi sforzi kontinwi;
8. Jilqa' l-qafas leġiżlattiv il-ġdid adottat mill-Kunsill fis-26 ta' Novembru 2012, li jiffaċilita r-ritorn ta' fondi miżapproprjati lill-Eġittu u t-Tuneżija billi jawtorizza lill-Istati Membri li jirrilaxxaw l-assi ffriżati abbażi ta' deċiżjonijiet ġudizzjarji rikonoxxuti u billi jħeġġeġ l-iskambju ta' informazzjoni fost l-awtoritajiet relevanti mill-Istati Membri minn naħa u l-Eġittu u t-Tuneżija mill-oħra; jenfasizza, madankollu, il-bżonn li jinkisbu riżultati konkreti u li l-Libja tkun inkluża bis-sħiħ f'dan il-proċess;
9. Jilqa' l-kooperazzjoni stretta bejn l-istituzzjonijiet tal-UE u atturi ewlenin internazzjonali oħrajn fl-irkupru tal-assi min-naħa tal-Eġittu, il-Libja u t-Tuneżija, b'attenzjoni speċjali għall-Inizjattiva għall-Irkupru tal-Assi Misruqa (StAR) tal-Bank Dinji u tal-Uffiċċju tan-Nazzjonijiet Uniti kontra d-Droga u l-Kriminalità; jenfasizza l-importanza li jsir użu sħiħ tal-mekkaniżmi attwali, kemm fil-livell nazzjonali kemm f'dak internazzjonali, flimkien mal-adozzjoni tal-leġiżlazzjoni l-ġdida meħtieġa u l-aġġustament tal-leġiżlazzjoni eżistenti fi ħdan is-sistemi ġurdiċi f'dan il-qasam;
10. Jistieden lill-Assemblea Parlamentari tal-Unjoni għall-Mediterran biex tqajjem il-kwistjoni mal-parlamenti nazzjonali, b’tali mod li d-deputati miż-żewġt ixtut ikunu jistgħu jiġu persważi jippromwovu miżuri ġuridiċi b’mod attiv ħalli jiżguraw kooperazzjoni aktar stretta bejn l-awtoritajiet tal-pulizija u ġudizzjarji involuti;
11. Jitlob li, mingħajr dewmien, jinħoloq mekkaniżmu tal-UE magħmul minn tim ta' investigaturi, prosekuturi, avukati u esperti oħrajn nazzjonali u internazzjonali, bil-għan li jagħti konsulenza u assistenza ġurdika u teknika lill-pajjiżi tar-Rebbiegħa Għarbija fil-proċess tal-irkupru tal-assi; jitlob li dan il-mekkaniżmu jiġi ffinanzjat debitament mill-istrument finanzjarju relevanti fi ħdan il-qasam tar-relazzjonijiet esterni tal-Unjoni; jenfasizza, fil-kuntest ta' proċeduri ġudizzjarji kumplessi, sensittivi u li jieħdu fit-tul, l-importanza li dan il-mekkaniżmu tal-UE jkun sostenibbli; jistieden lill-istituzzjonijiet tal-UE biex jisiltu t-tagħlimiet minn din l-esperjenza, u jibnu fuqha; jinnota wkoll il-possibilità ta' finanzjament addizzjonali għal dan il-mekkaniżmu, fi stadju ulterjuri, permezz ta' ftehimiet ta' kofinanzjament mal-istati rikjedenti;
12. Iħeġġeġ lil-Lega Għarbija biex tiddefinixxi, tadotta u timplimenta bil-ħeffa mekkaniżmi ta' kooperazzjoni dwar l-irkupru tal-assi, u jistieden partikolarment lill-pajjiżi tal-Golf biex isaħħu l-kooperazzjoni tagħhom u joffru l-assistenza ġuridika tagħhom lill-pajjiżi tar-Rebbiegħa Għarbija huma u jindirizzaw il-proċess tal-irkupru tal-assi;
13. Jirrikonoxxi u jappoġġja bis-sħiħ il-kontribut tal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili, kemm fil-pajjiżi rikjedenti u kemm f'dawk rikjesti, għall-proċess tal-irkupru tal-assi, b'mod partikolari billi jipprovdu informazzjoni lill-awtoritajiet relevanti, iħeġġu l-kooperazzjoni fost l-atturi nazzjonali u internazzjonali ewlenin, jimmonitorjaw ir-ritorn tal-assi u jiżguraw li l-assi ritornati jintużaw b'mod trasparenti u effikaċi fl-istati rikjedenti;
14. Itenni l-impenn tiegħu li jappoġġja tranżizzjoni demokratika tal-pajjiżi tar-Rebbiegħa Għarbija u jwiegħed li jappoġġja u jassisti lill-pajjiżi tar-Rebbiegħa Għarbija fil-ħolqien ta' demokraziji b'saħħithom u stabbli li fihom ikunu rrispettati l-istat tad-dritt, id-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet fundamentali, inklużi –drittijiet tan-nisa u l-liberta tal-espressjoni, u fejn l-elezzjonijiet isiru skont standards internazzjonali; jenfasizza li huwa tal-akbar importanza li l-UE turi l-impenn konkret u ġenwin tagħha favur dan il-proċess;
15. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà/Viċi President tal-Kummissjoni, lill-parlamenti u lill-gvernijiet tal-Istati Membri, lill-Parlament u lill-Gvern tal-Isvizzera, lill-Kungress u lill-President tal-Istati Uniti tal-Amerika, lill-Assemblea Parlamentari tal-Unjoni għall-Mediterran u lill-parlamenti u lill-gvernijiet tal-Eġittu, tal-Libja u tat-Tuneżija.
.