MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI KONĠUNTA dwar is-sitwazzjoni tar-refuġjati Sirjani fil-pajjiżi ġirien
22.5.2013 - (2013/2611(RSP))
li tissostitwixxi l-mozzjonijiet għal riżoluzzjoni mressqa mill-gruppi:
ECR (B7‑0199/2013)
S&D (B7‑0222/2013)
PPE (B7‑0226/2013)
Verts/ALE (B7‑0227/2013)
ALDE (B7‑0228/2013)
José Ignacio Salafranca Sánchez-Neyra, Mairead McGuinness, Elmar Brok, Cristian Dan Preda, Ria Oomen-Ruijten, Mário David, Tokia Saïfi, Hans‑Gert Pöttering, Giovanni La Via, Laima Liucija Andrikienė, Filip Kaczmarek, Rodi Kratsa-Tsagaropoulou, Michèle Striffler, Eleni Theocharous, Alf Svensson, Anne Delvaux, Roberta Angelilli, Daniel Caspary, Sari Essayah, Mariya Gabriel, Elena Băsescu f'isem il-Grupp PPE
Véronique De Keyser, Ana Gomes, María Muñiz De Urquiza, Saïd El Khadraoui, Pino Arlacchi, Emilio Menéndez del Valle, Pier Antonio Panzeri, Boris Zala, Maria Eleni Koppa, David Martin f'isem il-Grupp S&D
Marietje Schaake, Annemie Neyts-Uyttebroeck, Ivo Vajgl, Alexander Graf Lambsdorff, Izaskun Bilbao Barandica, Marielle de Sarnez, Nathalie Griesbeck, Robert Rochefort, Louis Michel, Johannes Cornelis van Baalen, Sarah Ludford, Kristiina Ojuland, Sonia Alfano, Hannu Takkula, Alexandra Thein f'isem il-Grupp ALDE
Judith Sargentini, Malika Benarab-Attou, Tarja Cronberg f'isem il-Grupp Verts/ALE
Charles Tannock, Geoffrey Van Orden, Sajjad Karim f'isem il-Grupp ECR
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar is-sitwazzjoni tar-refuġjati Sirjani fil-pajjiżi ġirien
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar is-Sirja, partikolarment dawk tas-16 ta' Frar[1] u tat-13 ta' Settembru[2] 2012, u dwar ir-rifuġjati li jaħarbu l-kunflitt armat,
– wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill Affarijiet Barranin dwar is-Sirja tat-23 ta’ Marzu, tat-23 ta’ April, tal-14 ta’ Mejju, tal-25 ta' Ġunju, tat-23 ta' Lulju, tal-15 ta' Ottubru, tad-19 ta' Novembru u tal-10 ta' Diċembru 2012, kif ukoll tat-23 ta' Jannar, tat-18 ta' Frar, tal-11 ta' Marzu u tat-22 ta' April 2013; wara li kkunsidra l-Kunsill tal-Ġustizzja u l-Intern ta' Ottubru 2012, li appoġġja t-twaqqif ta' programm ta' protezzjoni reġjonali mill-Kummissjoni; wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew dwar is-Sirja tat-2 ta' Marzu, tad-29 ta' Ġunju u tal-14 ta' Diċembru 2012 u tat-8 ta' Frar 2013,
– wara li kkunsidra d-dikjarazzjonijiet mill-Viċi President tal-Kummissjoni/Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà (VP/RGħ), Catherine Ashton, dwar ir-rifuġjati Sirjani, b'mod partikolari r-rimarki tagħha matul is-seduta plenarja tat-13 ta' Marzu 2013 fi Strasburgu u d-dikjarazzjoni tagħha tat-8 ta' Mejju 2013; wara li kkunsidra d-dikjarazzjonijiet magħmula mill-Kummissarju għall-Kooperazzjoni Internazzjonali, l-Għajnuna Umanitarja u r-Rispons għall-Kriżi, Kristalina Georgieva, dwar ir-rifuġjati Sirjani u r-rispons tal-UE, b'mod partikolari d-dikjarazzjoni tagħha tat-12 ta' Mejju, u r-rapporti dwar is-sitwazzjoni u l-karti dwar il-fatti tal-ECHO (Għajnuna Umanitarja u Protezzjoni Ċivili) dwar is-Sirja,
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti 2059 tal-20 ta’ Lulju 2012, 2043 tal-21 ta’ April 2012 u 2042 tal-14 ta’ April 2012, kif ukoll ir-rapport aġġornat tal-Kummissjoni Internazzjonali Indipendenti ta' Inkjesta tan-NU tal-11 ta' Marzu 2013; wara li kkunsidra l-informazzjoni tal-Kunsill ta' Sigurtà dwar is-Sirja mis-Sotto Segretarju Ġenerali għall-Affarijiet Umanitarji u Koordinatur tas-Sokkors ta' Emerġenza Valerie Amos, b'mod partikolari dik tat-18 ta' April 2013,
– wara li kkunsidra d-dikjarazzjonijiet tas-Segretarju Ġenerali tan-NU u r-rimarki magħmula mill-Kummissarju Għoli tan-NU għar-Rifuġjati, António Guterres, lill-Kunsill ta' Sigurtà, b'mod partikolari dwak tat-18 ta' April 2013; wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet dwar ir-Repubblika Għarbija tas-Sirja tal-Kunsill dwar id-Drittijiet tal-Bniedem tat-2 ta' diċembru 2011 u tat-22 ta' Marzu 2013,
– wara li kkunsidra l-laqgħa ta’ Marrakexx tal-Grupp ta' Ħbieb il-Poplu Sirjan u l-konferenza internazzjonali li saret f'Pariġi fit-28 ta' Jannar 2013,
– wara li kkunsidra l-iktar Pjan ta' Rispons Reġjonali għas-Sirja (RRP) reċenti għall-perjodu minn Jannar sa Ġunju 2013, u l-RRPs kollha maħruġa mill-Kummissarju Għoli tan-NU għar-Rifuġjati sa mill-ewwel wieħed f'Marzu 2012,
– wara li kkunsidra l-Pjan ta' Rispons dwar l-Għajnuna Umanitarja lis-Sirja (SHARP) tad-19 ta' Diċembru 2012, imħejji mill-Gvern tar-Repubblika Għarbija tas-Sirja, f'koordinazzjoni mas-Sistema tan-NU,
– wara li kkunsidra l-Forum Umanitarju Sirjan (Syrian Humanitarian Forum, SHF) li twaqqaf fir-rebbiegħa tal-2012, u l-aktar laqgħa reċenti tiegħu li saret fid-19 ta' Frar 2013,
– wara li kkunsidra l-Bullettini Umanitarji dwar is-Sirja maħruġa mill-Uffiċċju tan-NU għall-Koordinazzjoni tal-Affarijiet Umanitarji (OCHA),
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet tal-Assemblea Ġenerali tan-NU dwar is-Sirja, b'mod partikolari r-Riżoluzzjoni 46/182 dwar "It-tisħiħ tal-koordinazzjoni tal-għajnuna umanitarja ta' emerġenza tan-Nazzjonijiet Uniti" u l-Prinċipji ta' Gwida annessi magħhom, u r-Riżoluzzjoni 67/183 dwar is-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fis-Sirja,
– wara li kkunsidra r-rapport fil-qosor tal-Konferenza Internazzjonali fuq Livell Għoli ta’ Impenji għas-Sirja, li saret fil-Kuwait fit-30 ta' Jannar 2013,
– wara li kkunsidra l-Komunikat Finali tal-Grupp ta' Azzjoni għas-Sirja ("il-Komunikat ta' Ġinevra") tat-30 ta' Ġunju 2012,
– wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem tal-1948,
– wara li kkunsidra l-Konvenzjonijiet ta' Ġinevra tal-1949 u l-Protokolli Anċillari tagħhom,
– wara li kkunsidra l-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi, il-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ekonomiċi, Soċjali u Kulturali, il-Konvenzjoni Kontra t-Tortura u Trattament jew Pieni Krudili, Inumani jew Degradanti Oħra, il-Konvenzjoni dwar id-Drittijiet tat-Tfal u l-Protokoll Fakultattiv tagħha dwar l-Involviment tat-Tfal f'Kunflitti Armati, u l-Konvenzjoni dwar il-Prevenzjoni u l-Kastig tad-Delitt ta' Ġenoċidju, li s-Sirja hija firmatarja tagħhom,
– wara li kkunsidra l-Artikolu 110(2) u l-Artikolu 110(4) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
A. billi sas-16 ta' Mejju 2013 l-Uffiċċju tal-Kummissarju Għoli tan-NU għar-Rifuġjati (UNHCR) kien irreġistra total ta' 1 523 626 rifuġjat Sirjan fil-pajjiżi ġirien u fl-Afrika ta' Fuq; billi huwa maħsub li n-numru totali ta' rifuġjati, inklużi dawn li mhumiex reġistrati, huwa ferm ogħla; billi skont l-UNHCR, hemm 7 miljun Sirjan li jiddependu mill-għajnuna, inkluż 3.1 miljun tifel u tifla, u n-numru ta' persuni spustjati internament (IDPs) fis-6 ta' Mejju 2013 kien ta' 4.25 miljun; billi skont l-istess sorsi, in-numru ta' rifuġjati (inklużi dawk li qed jistennew biex jiġu reġistrati) preżenti fil-pajjiżi riċevituri fis-16 ta' Mejju 2013 kien kif ġej: Turkija, 347 815; Libanu, 474 461; Ġordan, 474 405; Iraq, 148 028; Eġittu, 68 865; Marokk, Alġerija u Libja, 10 052 (reġistrati); billi eluf ta' Sirjani qed jaħarbu ta' kuljum lejn pajjiżi ġirien u l-UNHCR qed tipproġetta li se jkun hemm total ta' 3.5 miljun rifuġjat mis-Sirja sa tmiem l-2013;
B. billi l-għadd ta’ rifuġjati Sirjani u l-persuni fi bżonn qed jikber drammatikament hekk kif is-sitwazzjoni politika u umanitarja teħżien ma’ kull jum li jkompli l-kunflitt armat; billi mhux biss persuni ċivili, imma wkoll bosta individwi li dari kienu mexxejja politiċi u militari tar-reġim, kif ukoll ambaxxaturi, telqu r-reġim u ħarbu f’pajjiżi ġirien u lilhinn minnhom; billi l-kunflitt armat fis-Sirja huwa theddida kbira għas-sigurtà u l-istabilità fraġli tar-reġjun kollu kemm hu; billi l-periklu li l-effetti sekondarji tal-kunflitt armat minn inċidentali jista' jsir strutturali; billi l-UE u l-komunità internazzjonali ma jistgħux jiffaċċjaw katastrofi addizzjonali; billi diżatru politiku, ta' sigurtà u umanitarju pan-reġjonali jista' jmur oltra l-kapaċità internazzjonali ta' rispons;
C. billi eluf minn dawk li ħarbu mis-Sirja ddiżertaw mill-forzi armati biex ma jkollhomx iwettqu delitti tal-gwerra jew delitti kontra l-umanità, jew inkella qed jaħarbu mis-servizz militari għal raġunijiet simili;
D. billi f'Mejju 2-13 in-NU qieset li mill-inqas 80 000 persuna, l-iktar ċivili, kienu mietu minħabba l-vjolenza fis-Sirja;
E. billi l-qirda ta' infrastruttura essenzjali - inklużi skejjel u sptarijiet, l-iżvalutar tal-munita, iż-żieda fil-prezzijiet tal-ikel, tal-fjuwil u l-qtugħ tad-dawl u n-nuqqas ta' ilma, ikel u mediċini - kellhom impatt fuq il-maġġoranza tas-Sirjani; billi l-aċċess fiżiku għal persuni fi bżonn ta' għajnuna umanitarja fis-Sirja għadu ferm ristrett u jiddependi mill-kooperazzjoni tal-gvern ta' Assad;
F. billi l-aġenziji tan-NU irrappurtaw progress fl-organizzazzjoni ta' konvojs ta' għajnuna minn bosta aġenziji, li jaqbżu l-linji tal-kunflitt lejn żoni kontrollati jew ikkontestati mill-gvern jew mill-oppożizzjoni; billi l-ostakli burokratiċi u l-punti ta' verifika madwar il-pajjiż (kemm ikkontrollati mill-gvern kif ukoll mill-oppożizzjoni) qed jostakolaw rispons umanitarju effettiv fiż-żoni kollha tas-Sirja;
G. billi r-reġistrazzjoni għadha l-mekkaniżmu ewlieni li permezz tiegħu jiġu identifikati, protetti u megħjuna persuni ta' tħassib, partikolarment nies li għadhom kemm waslu bi bżonnijiet speċjali, inklużi persuni b'diżabilità, anzjani, minorenni mhux akkumpanjati u tfal separati minn familthom, sabiex tiġi pprovduta għajnuna prijoritizzata;
H. bili l-pajjiżi ospitanti żammew politika ta’ bibien miftuħa tul il-kunflitt armat, imma għażlu metodi ta’ lqugħ differenti; billi l-abbiltà u l-kapaċità tagħhom li jassorbu u jagħtu kenn lix-xmara dejjem tikber ta’ rifuġjati qed jaslu għal-limiti tagħhom, hekk kif hemm it-tendenza li l-“inċidenti” jseħħu regolarment tul il-fruntieri; billi l-Libanu għażel politika ta’ “xejn kampijiet” u r-rifuġjati fil-parti l-kbira assorbiehom f’komunitajiet lokali; billi madwar tliet kwarti tar-rifuġjati Sirjani fil-pajjiżi ġirien qed jgħixu barra kampijiet f'postijiet urbani; billi madwar 350 000 Sirjan qed jgħixu fi 23 kamp tar-rifuġjati fit-Turkija, il-Ġordan u l-Iraq;
I. billi l-organizzazzjonijiet ta' għajnuna bħalissa qed iwieġbu għas-sitwazzjoni tar-rifuġjati Sirjani fil-Ġordan, il-Libanu u l-Iraq, billi jiffukaw primarjament fuq in-nisa u t-tfal bi bżonnijiet speċjali, iżda spiss mhumiex meqjuda biżżejjed f'komunitajiet urbani tar-rifuġjati; billi t-tqassim rurali tal-popolazzjoni tar-rifuġjati titlob programm kumpless ta' reġistrazzjoni urbana;
J. billi l-pajjiżi li qed jirċievu r-rifuġjati qed jiffaċċjaw sfidi domestiċi tremendi, inkluża instabbiltà ekonomika, inflazzjoni u qgħad, bil-Libanu u l-Ġordan ikunu partikolarment vulnerabbli;
K. billi qed issir problema dejjem tikber li r-rifuġjati Sirjani ma jifilħux iħallsu kera, hekk kif l-ammont ta' nies u l-kompetizzjoni għar-rifuġju jiżdiedu u jiżdiedu b'hekk il-prezzijiet; billi r-rifuġjati qed jiffaċċjaw diverġenzi sinifikanti fid-dħul finanzjarju, opportunitajiet limitati ta' xogħol, tmiem il-flejjes imfaddla u livelli dejjem ogħla ta' dejn; billi l-kompetizzjoni għall-impjiegi u l-prezzijiet dejjem ogħla tal-ikel huma fatturi li qed jippeġġoraw it-tensjonijiet bejn il-popolazzjonijiet lokali u dawk tar-rifuġjati, partikolarment fil-Libanu u fil-Ġordan, li bejniethom qed jospitaw 'il fuq minn miljun rifuġjat;
L. billi l-isforzi kontinwi biex jiżdied l-appoġġ għall-komunitajiet ospitanti huwa meħtieġ sabiex dawn ikunu jistgħu jibqgħu iżommu l-fruntiera tagħhom miftuħa, jgħinu lir-rifuġjati u jipprovdu l-infrastruttura meħtieġa, u biex jonqsu t-tensjonijiet u jonqos il-piż fuq dawn il-komunitajiet;
M. billi r-restrizzjonijiet ta' finanzjament għadhom qed jimpedixxu l-provvista f'waqtha u effiċjenti ta' għajnuna umanitarja bażika; billi x-SHARP tirrikjedi USD 563 miljun f'finanzjamenti biex tindirizza l-bżonnijiet tal-persuni fis-Sirja; billi fis-6 t' Mejju 2013, kien biss 61 % tal-pjan ta' rispons li ġie iffinanzjat;
N. billi l-Pjan ta' Rispons Reġjonali tan-NU (RRP 4) ġie rivedut għall-perjodu sa Diċembru 2013; billi n-NU se tniedi appell ġdid għal finanzjament fis-7 ta' Ġunju 2013, li se jirrifletti n-numru dejjem jikber ta' rifuġjati li jaħarbu mis-Sirja, u l-bżonnijiet kontinwi tagħhom, kif ukoll jinkludi appoġġ ikbar għall-gvernijiet u l-komunitajiet ospitanti, u huwa probabbli li dan jammonta għal USD 3 biljuni;
O. billi r-rapporti tal-organizzazzjonijiet ta' għajnuna jgħidu li s'issa ġew ipprovduti biss bejn 30% u 40% tal-fondi totali imwiegħda mill-komunità internazzjonali;
P. billi l-livell ta' għajnuna umanitarja jinsab f'periklu li jsir insostenibbli; billi l-protagonisti umanitarji kollha involuti jeħtieġu livelli ta' appoġġ finanzjarju sproporzjonati bil-baġits umanitarji stabbiliti tad-donaturi tradizzjonali; billi għandhom jiġu stabbiliti mekkaniżmi straordinarji ta' finanzjament sabiex jiġu ssodisfati l-bżonnijiet bażiċi dovuti għall-kriżi Sirjana;
Q. billi l-UE hija l-akbar donatur; billi fit-22 ta' April 2013, l-ammont total ta' għajnuna umanitarja impenjat mill-UE bħala rispons għall-kriżi Sirjana kien kważi €473 miljun, inklużi €200 miljun mill-UE nnifisha u kważi €273 miljun mill-Istati Membri; billi fit-12 ta' Mejju 2013, il-Kummissjoni ħabbret iffinanzjar addizzjonali ta' €65 miljun;
R. billi madwar 400 000 rifuġjat Palestinjan ġew affettwati fis-Sirja; billi l-Palestinjani fil-parti l-kbira baqgħu newtrali fil-kunflitt; billi kważi 50 000 Palestinjan ġew irreġistrati mill-Aġenzija ta' Fondi u tax-Xogħol tan-Nazzjonijiet Uniti fil-Libanu, u kważi 5000 fil-Ġordan; billi l-Ġordan għalaq il-fruntiera tiegħu għal Palestinjani li qed jaħarbu l-kunflitt fis-Sirja, u billi dawn fil-parti l-kbira ma jitħallewx jaħdmu fil-Libanu; billi r-rifuġjati Iraqini, Afgani, Somali u Sudaniżi fis-Sirja wkoll qed jiffaċċjaw spustament mill-ġdid;
S. billi s-sikurezza u s-sigurtà fil-Kamp ta' Zaatari fil-Ġordan iddeġeneraw, u hemm serq u nirien; billi Zaatari saret ir-raba' l-ikbar belt fil-Ġordan, b'iktar minn 170 000 persuna; billi l-ġlied u l-protesti vjolenti fil-kampijiet tar-rifuġjati huma motivati mill-kundizzjonijiet ħżiena ta' għajxien u mid-dewmien fil-wasla tal-għajnuna; billi n-nuqqas ġenerali ta' sigurtà għadha qed tipperikola l-ħajjiet fil-kampijiet, u taffettwa lill-ħaddiema umanitarji; billi l-ħaddiema umanitarji ġew attakkati, imqiegħda fi sptarijiet u saħansitra maqtula matul it-tqassim ta' għajnuna, u billi kien hemm każijiet ta' swat lill-ġurnalisti;
T. billi, skont organizzazzjonijiet internazzjonali, in-nisa u l-bniet fil-kampjiet tar-rifuġjati dejjem aktar qed jisfaw vittmi ta’ vjolenza sesswali, bl-istupru jintuża bħala arma tal-gwerra; billi m’hemm l-ebda soluzzjoni vijabbli għar-rifuġjati Sirjani li jkunu sfaw vittmi tal-vjolenza sesswali; billi numru sproporzjonat ta' tfajliet u nisa fil-kampijiet tar-rifuġjati qed jiżżewġu; billi, skont bosta sorsi, fil-kampijiet tar-rifuġjati Sirjani qed iseħħu “żwiġijiet tal-pjaċir” temporanji Mutah;
U. billi f'Marzu 2013, in-NU nediet investigazzjoni indipendenti dwar l-allegazzjonijiet tal-użu possibbli ta' armi kimiċi fis-Sirja; billi dawn l-allegazzjonijiet setgħu kkontribwixxew għall-ispustjar tal-massa tal-persuni; billi r-reġim Sirjan irrifjuta li jippermetti lit-tim investigattiv tan-NU milli jidħol fil-pajjiż;
1. Jesprimi tħassib serju fir-rigward tal-kriżi umanitarja li għadha għaddejja fis-Sirja, u xi jfisser dan għall-ġirien tagħha; jesprimi tħassib li l-esodu ta' rifuġjati mis-Sirja qed jibqa' jiżdied; ifakkar li l-gvern ta' Assad huwa r-responsabbli ewlieni mill-kura tal-benessri tal-popolu tiegħu;
2. Jerġa' jikkundanna bl-aktar mod qawwi l-brutalità u l-atroċitajiet imwettqa mir-reġim Sirjan kontra l-popolazzjoni tiegħu; jesprimi l-preokkupazzjoni kbira tiegħu dwar il-gravità tal-ksur mifrux u sistematiku tad-drittijiet tal-bniedem u d-delitti possibbli kontra l-umanità awtorizzati u/jew imwettqa mill-awtoritajiet Sirjani, l-armata Sirjana, il-forzi tas-sigurtà u l-milizji affiljati; jikkundanna l-eżekuzzjonijiet extraġudizzjarji sommarji u kull forma oħra ta' ksur tad-drittijiet tal-bniedem imwettqa minn gruppi u forzi li jopponu r-reġim tal-President Assad; itenni l-appell tiegħu lill-President Bashar al-Assad u lir-reġim tiegħu biex jirriżenjaw minnufih, sabiex jippermettu li fil-pajjiż isseħħ tranżizzjoni demokratika, paċifika u inklużiva mmexxija mis-Sirjani;
3. Jistieden lill-atturi armati kollha biex itemmu minnufih il-vjolenza fis-Sirja; jenfasizza għal darb’ oħra li d-dritt internazzjonali umanitarju, li l-għan ewlieni tiegħu huwa li jipproteġi lin-nies ċivili, jeħtieġ li jkun irrispettat mill-atturi kollha fil-kriżi; jissottolinja li dawk responsabbli għall-ksur mifrux, sistemiku u gravi tad-drittijiet tal-bniedem li twettaq fis-Sirja matul dawn l-aħħar 24 xahar jeħtieġ li jwieġbu ta’ għemilhom u jinġiebu quddiem il-qrati; f'dan il-kuntest, jappoġġja bis-sħiħ l-appelli li għamlet il-Kummissarju Għoli tan-Nazzjonijiet Uniti għad-Drittijiet tal-Bniedem sabiex is-sitwazzjoni fis-Sirja tiġi riferita quddiem il-Qorti Kriminali Internazzjonali;
4. Iwassal il-kondoljanzi tiegħu mal-familji tal-vittmi; ifaħħar il-kuraġġ u d-determinazzjoni tal-poplu Sirjan u jtenni s-solidarjetà tiegħu miegħu għall-ġlieda tiegħu għal-libertà, id-dinjità u d-demokrazija;
5. Jemmen li l-muftieħ għas-soluzzjoni tal-kunflitt jinsab f’mekkaniżmi politiċi li jiffaċilitaw proċessi politiċi mmexxija mis-Sirjani li jippromwovu soluzzjoni politika veloċi, kredibbli u effikaċi flimkien ma' dawk li ġenwinament huma kommessi b’mod ġenwin favur it-tranżizzjoni, filwaqt li jiġi żgurat rispett sħiħ tal-valuri universali tad-demokrazija, l-istat tad-dritt, id-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet fundamentali, f'attenzjoni partikolari lid-drittijiet tal-minoranzi etniċi, kulturali u reliġjużi u tan-nisa; Jerġa’ jsostni li hija prijorita li l-lat umanitarju jinżamm separat minn dak politiku, ħalli l-aċċess għan-nies fil-bżonn jiġi ffaċilitat; jitlob li l-UE u s-SEAE jiżviluppaw pjan direzzjonali għall-governanza politika fiż-żoni meħlusa, inkluża l-possibbiltà tat-tneħħija tas-sanzjonijiet;
6. Jirrimarka li d-diżerturi mis-Sirja lkoll huma intitolati jirċievu aktar protezzjoni, minħabba li huma fir-riskju għal raġunijiet għajr dawk imniżżla fil-paragrafu 26 tal-linji gwida tal-UNHCR, jiġifieri kastigi “eċċessivi jew sproporzjonatament ħarxa”, li possibbilment jammontaw għal tortura jew trattament inuman jew degradanti, jew saħansitra għal eżekuzzjoni arbitrarja;
7. jistieden lill-membri tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU KSNU), b'mod partikolari lir-Russja u ċ-Ċina, biex jonoraw ir-responsabbiltà tagħhom biex jintemmu l-vjolenza u r-ripressjoni kontra l-poplu Sirjan, inkluż bl-adozzjoni tar-riżoluzzjoni tal-KSNU bbażata fuq l-istqarrija għall-istampa tal-KSNU tat-18 ta' April 2013, u biex joħroġ mandat għall-provvisti tal-għajnuna umanitarja fiż-żoni kollha tas-Sirja; jistieden lill-VP/RGħ tagħmel ħilitha biex tiżgura l-adozzjoni ta' riżoluzzjoni tal-KSNU, li teżerċita pressjoni diplomatika effikaċi kemm fuq ir-Russja kif ukoll fuq iċ-Ċina; jistieden lill-UE biex tkompli tesplora fil-KSNU l-possibilitajiet kollha fil-qafas tar-Responsabilità għall-Protezzjoni (R2P), f'kooperazzjoni mill-qrib mal-Istati Uniti, it-Turkija u l-Lega tal-Istati Għarab sabiex jgħinu lill-poplu Sirjan u jwaqqfu t-tixrid tad-demm; jappoġġja bil-qawwa l-ħidma tal-Kummissjoni ta’ Inkjesta Indipendenti dwar is-sitwazzjoni fis-Sirja u jilqa’ r-rapport aġġornat;
8. Jappoġġja s-sejħa konġunta magħmula mis-Segretarju tal-Istat tal-Istati Uniti John Kerry u l-Ministru tal-Affarijiet Barranin Russu Sergey Lavrov biex iniedu, kemm jista' jkun malajr, konferenza tal-paċi internazzjonali dwar is-Sirja bħala segwitu għall-Konferenza ta' Ġinevra ta' Ġunju 2912;
9. Jesprimi l-preokkupazzjoni tiegħu dwar militarizzazzjoni ulterjuri tal-kunflitt u l-vjolenza settarja; jinnota r-rwol ta' atturi reġjonali differenti, inkluż il-forniment ta' armi, u huwa preokkupat dwar l-effetti sekondarji tal-kunflitt Sirjan fil-pajjiżi tal-viċinat f'termini ta' kriżi umanitarja, sigurtà u stabilità; jikkundanna bis-saħħa l-attakki bil-karozzi bomba tal-11 ta' Mejju 2013, li qatlu u darrbu għexieren ta' persuni viċin il-bażi ta' rifuġjati Sirjani fil-belt ta' Reyhanli, fil-provinċja ta' Hatay fix-Xlokk tat-Turkija, kif ukoll każijiet ta' bumbardamenti u sparar mill-forzi armati Sirjani fil-pajjiżi ġirien; jappoġġja l-kundanna espressa mill-VP/RGħ għal kull tip ta’ attakk terroristiku;
10. Jenfasizza li l-UE għandha responsabilità partikolari għall-istabilità u s-sigurtà fil-viċinat tagħha u jitlob lill-VP/RGħ u lill-Kummissarju għat-Tkabbir u l-Politika Ewropea tal-Viċinat biex jiżguraw li l-Ue jkollha rwol minn ta' quddiem fil-prevenzjoni tal-kunflitt armat fis-Sirja, biex dan ma jimxix lejn il-pajjiżi ġirien tagħha;
11. Jagħti ġieħ lill-komunitajiet ospitanti u lill-pajjiżi ġirien tas-Sirja, b’mod partikolari lill-Ġordan, il-Libanu, it-Turkija u l-Iraq, għas-soluzzjonijiet inġenjużi li sabu biex jipprovdu kenn u għajnuna umanitarja għall-familji li ħarbu mill-kunflitt armat fis-Sirja, imma huwa mħasseb serjament dwar il-fatt li dawk il-pajjiżi qed joqorbu lejn saturazzjoni perikoluża minħabba l-influss ta' rifuġjati Sirjani, li jista' jwassal għal instabilità reġjonali mingħajr preċedenti;
12. Jappoġġja u jilqa' l-kontribut konsiderevoli magħmul mill-Kummissjoni u mill-Istati Membri għall-programmi internazzjonali ta' għajnuna umanitarja, u t-tmexxija politika murija mill-Kummissarju għall-Kooperazzjoni Internazzjonali, l-Għajnuna Umanitarja u r-Rispons għall-Kriżi; jilqa' d-diversifikazzjoni mill-Kummissjoni tas-sħab umanitarji fis-Sirja sabiex tipprovdi għajnuna aktar effiċjenti u mifruxa, partikolarment fir-reġjuni barra l-kontroll tal-gvern; jitlob lill-atturi tal-UE u lill-Istati Membri jikkoordinaw b'mod imtejjeb l-azzjonijiet u l-assistenza tagħhom ġewwa u barra s-Sirja;
13. Iħeġġeġ lill-Kummissjoni tippreżenta pakkett komprensiv ta' għajnuna, li jservi ta' eżempju għal donaturi ewlenin oħra, biex tiġi indirizzata l-kriżi umanitarja fis-Sirja u fil-pajjiżi ġirien tagħha, abbażi ta' tliet pilastri; (i) żieda fl-għajnuna umanitarja (permezz tal-ECHO), (ii) appoġġ b'għajnuna lill-pajjiżi ospitanti biex dawn isaħħu l-komunitajiet lokali u jżidu l-kapaċità u l-infrastruttura (permezz ta' DEVCO) u (iii) l-introduzzjoni veloċi ta' pakketti ta' għajnuna makrofinanzjarja għal-Libanu u l-Ġordan;
14. Jissottolinja l-importanza li l-fruntieri internazzjonali jinżammu miftuħa, u jħeġġeġ lill-komunità internazzjonali biex tkun ġeneruża fis-sostenn tagħha għal-Libanu u l-Ġordan huma u jimmaniġġjaw il-fluss dejjem jikbar ta’ rifuġjati; iħeġġeġ lil-gvernijiet reġjonali ospitanti kollha u lil protagonisti oħra biex jirrispetta l-prinċipji tan-non-refoulement u tat-trattament ugwali tar-rifuġjati;
15. Jitlob li l-Ue tieħu miżuri adegwati u responsabbli fir-rigward tal-influss possibbli ta' rifuġjati lejn l-Istati Membri tagħha;
16. Jappella biex dawk kollha fil-bżonn fis-Sirja, speċjalment il-feruti, ir-refuġjati, il-persuni spustati internament, in-nisa u t-tfal, jingħataw assistenza umanitarja immedjata; ifaħħar l-isforzi tal-Kumitat Internazzjonali tas-Salib l-Aħmar u tal-UNRWA f'dan ir-rigward; jesiġi li l-gvern ta' Assad jippermetti lill-organizzazzjonijet umanitarji jkollhom aċċess sħiħ għall-pajjiż; jenfasizza l-ħtieġa li tiżdied il-kooperazzjoni fost l-atturi diversi li joperaw fil-post, bħalma huma l-awtoritajiet lokali, l-organizzazzjonijiet internazzjonali u l-NGOs, inkluża l-kooperazzjoni fil-fruntiera; iqis li protokolli ta’ assistenza u monitoraġġ fil-fruntiera jħallu valur miżjud;
17. Jistieden lill-UE biex tappoġġja t-twaqqif ta' postijiet ta' kenn mal-fruntiera tat-Turkija u s-Sirja, u possibilment fis-Sirja, kif ukoll biex jinħolqu kurituri umanitarji mill-komunità internazzjonali;
18. Jilqa' l-operazzjoni enormi ta' għajnuna umanitarja, li għaliha qed jikkontribwixxu organizzazzjonijiet internazzjonali u lokali taħt l-awspiċi tal-OCHA u tal-UNHCR, u jfaħħar lill-ħaddiema kollha tal-għajnuna umanitarja u tal-kura tas-saħħa, internazzjonali u lokali, għall-kuraġġ u d-determinazzjoni tagħhom; jistieden lill-UE u lill-komunità internazzjonali biex iqawwu l-protezzjoni tan-nies ċivili, inklużi l-ħaddiema umanitarji u l-persunal mediku; iħeġġeġ lill-komunità internazzjonali biex issib soluzzjoni għan-nuqqas kontinwu ta’ sigurtà u għall-problemi legali u ta’ ordni pubbliku fil-kampjiet tar-rifuġjati, fost l-oħrajn billi tistabbilixxi inizjattiva ta’ sigurtà ġdida fil-kampijiet; iħeġġeġ lill-partijiet kollha fil-kunflitt biex jirrispettaw id-dritt internazzjonali umanitarju u jiffaċilitaw l-aċċess umanitarju biex il-ħaddiema umanitarji ġewwa u barra l-pajjiż ikunu jistgħu jaqdu l-ħtiġijiet li qed jikbru;
19. Jitlob lill-pajjiżi kollha, u b'mod partikolari lill-Istati Membri tal-UE, biex jissodisfaw mill-iktar fis il-wegħdiet li għamlu matul il-konferenza ta' donaturi fil-Kuwait tat-30 ta' Jannar 2013; jitlob lill-UE u lill-komunità internazzjonali biex jistabbilixxu mekkaniżmi ta’ responsabbiltà ħalli jiżguraw li l-fondi impenjati jaslu realment f’idejn dawk li għalihom ikunu intiżi;
20. Jiddenunċja l-prassi ta' vjolenza sesswali fil-kunflitt armat fis-Sirja, li tintuża wkoll bħala arma tal-gwerra u b'hekk tikkostitwixxi reat tal-gwerra, iħeġġeġ lill-UE u lill-komunità internazzjonali biex jallokaw riżorsi speċifiċi biex tintemm il-vjolenza sesswali, u jitlob lill-komunitajiet ospitanti biex jipprovdu trattament mediku adattat lil dawk li sfaw vittmi ta' vjolenza sesswali;
21. Jitlob lid-donaturi, fid-dawl tal-ħtiġijiet dejjem jikbru tal-popolazzjoni ta’rifuġjati Palestinjani fis-Sirja u f’pajjiżi ġirien, biex jiffinanzjaw lill-UNRWA b'mod adegwat, u jitlob lill-UNRWA biex tappoġġja b'mod ġeneruż l-isforzi kontinwi ħalli ssaħħaħ ir-reżiljenza ta' dawk ir-rifuġjati u timminimizzalhom it-tbatija u l-ispostament;
22. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Viċi President tal-Kummissjoni/Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, lill-parlamenti u lill-gvernijiet tal-Istati Membri, lis-Segretarju Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti u lill-partijiet kollha involuti fil-kunflitt fis-Sirja.
- [1] Testi adottati, P7_TA(2012)0057.
- [2] Testi adottati, P7_TA(2012)0351.