Mozzjoni għal riżoluzzjoni konġunta - RC-B7-0295/2013Mozzjoni għal riżoluzzjoni konġunta
RC-B7-0295/2013

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI KONĠUNTA dwar is-sitwazzjoni tal-Musulmani Rohingya

12.6.2013 - (2013/2669(RSP))

imressqa skont l-Artikoli 122(5) u 110(4) tar-Regoli ta' Proċedura
li tissostitwixxi l-mozzjonijiet għal riżoluzzjoni mressqa mill-gruppi:
ECR (B7‑0295/2013)
S&D (B7‑0298/2013)
Verts/ALE (B7‑0299/2013)
ALDE (B7‑0300/2013)
GUE/NGL (B7‑0302/2013)
PPE (B7‑0303/2013)

José Ignacio Salafranca Sánchez-Neyra, Elisabeth Jeggle, Elmar Brok, Cristian Dan Preda, Bernd Posselt, Tunne Kelam, Roberta Angelilli, Eija‑Riitta Korhola, Monica Luisa Macovei, Philippe Boulland, Jean Roatta, Filip Kaczmarek, Sergio Paolo Francesco Silvestris, Giovanni La Via, Eduard Kukan, Sari Essayah, Csaba Sógor, Laima Liucija Andrikienė, Ivo Belet, Róża Gräfin von Thun und Hohenstein, Krzysztof Lisek, Bogusław Sonik, László Tőkés f'isem il-Grupp PPE
Véronique De Keyser, Robert Goebbels, Marc Tarabella, Joanna Senyszyn, Liisa Jaakonsaari, Lidia Joanna Geringer de Oedenberg, Ana Gomes, Richard Howitt f'isem il-Grupp S&D
Marietje Schaake, Annemie Neyts-Uyttebroeck, Alexander Graf Lambsdorff, Leonidas Donskis, Phil Bennion, Izaskun Bilbao Barandica, Marielle de Sarnez, Anneli Jäätteenmäki, Sarah Ludford, Louis Michel, Johannes Cornelis van Baalen, Edward McMillan-Scott, Kristiina Ojuland, Robert Rochefort, Ramon Tremosa i Balcells, Fiona Hall f'isem il-Grupp ALDE
Barbara Lochbihler, Jean Lambert, Nicole Kiil-Nielsen, Jean-Jacob Bicep, Franziska Keller, Raül Romeva i Rueda f'isem il-Grupp Verts/ALE
Charles Tannock, Adam Bielan, Sajjad Karim f'isem il-Grupp ECR
Marie-Christine Vergiat f'isem il-Grupp GUE/NGL


Proċedura : 2013/2669(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument :  
RC-B7-0295/2013
Testi mressqa :
RC-B7-0295/2013
Votazzjonijiet :
Testi adottati :

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar is-sitwazzjoni tal-Musulmani Rohingya

(2013/2669(RSP))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar Burma/il-Mjanmar, b'mod partikolari dawk tal-20 ta' April 2012[1], tat-13 ta' Settembru 2012[2] u tat-22 ta' Novembru 2012[3],

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu dwar l-introduzzjoni mill-ġdid tal-aċċess tal-Mjanmar/Burma għall-preferenzi fit-tariffi ġeneralizzati fit-23 ta’ Mejju 2013[4],

–  wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill Affarijiet Barranin tal-UE tat-22 ta' April 2013 dwar Burma/il-Mjanmar,

–  wara li kkunsidra l-istqarrija tar-Rappreżentant Għoli Catherine Ashton tas-27 ta’ Novembru 2012 dwar ir-riżoluzzjoni tal-Assemblea Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti dwar is-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fil-Mjanmar,

–  wara li kkunsidra l-istqarrija tal-kelliem tar-Rappreżentant Għoli Catherine Ashton fl-1 ta’ Ġunju 2013 dwar il-ftehim konkluż bejn il-Gvern tal-Mjanmar/Burma u l-Organizzazzjoni għall-Indipendenza tal-Kachin,

–  wara li kkunsidra l-istqarrija tal-Kummissarju tal-UE għall-Kooperazzjoni Internazzjonali, l-Għajnuna Umanitarja u r-Rispons f'każ ta' Kriżi, Kristalina Georgieva, tad-9 ta’ Awwissu 2012 dwar is-sitwazzjoni tal-Musulmani Rohingya,

–  wara li kkunsidra r-rapport finali tad-Delegazzjoni tas-Sottokumitat għad-Drittijiet tal-Bniedem tal-Parlament Ewropew f’Burma/il-Mjanmar, tat-3 sal-5 ta’ April 2013,

–  wara li kkunsidra l-ġabra ta' miżuri restrittivi tal-Unjoni Ewropea, kif stabbiliti fid-Deċiżjoni tal-Kunsill 2010/232/PESK tas-26 ta’ April 2010 u kif emendati l-aħħar bir-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 1083/2011 tas-27 ta' Ottubru 2011,

–  wara li kkunsidra l-istqarrija tal-kelliem tar-Rappreżentant Għoli Catherine Ashton fl-1 ta’ Ġunju 2013 dwar il-kunflitti vjolenti fil-belt ta’ Meiktila f’Burma/il-Mjanmar,

–  wara li kkunsidra l-istqarrija tal-kelliem tar-Rappreżentant Għoli Catherine Ashton tat-2 ta’ Ġunju 2013 dwar il-mewt rappurtata ta’ 13-il tifel u tifla minħabba nirien fi skola Musulmana f’Burma,

–  wara li kkunsidra l-Istqarrija Universali dwar id-Drittijiet tal-Bniedem tal-10 ta’ Diċembru 1948,

–  wara li kkunsidra l-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi (ICCPR) tal-1966,

–  wara li kkunsidra l-Konvenzjoni tan-NU tal-1951 dwar l-Istatus tar-Rifuġjati u l-Protokoll tal-1967 tagħha,

–  wara li kkunsidra r-Riżoluzzjoni tal-Assemblea Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti Nru 67/233 tal-24 ta’ Diċembru 2012 dwar is-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fil-Mjanmar,

–  wara li kkunsidra l-appell tal-UNHCR lill-gvernijiet tax-Xlokk tal-Asja, fit-13 ta’ Novembru 2012, biex iżommu l-fruntieri tagħhom miftuħa għal persuni li jkunu qed jaħarbu minn Burma bil-baħar,

–  wara li kkunsidra r-rapport tar-Rapporteur Speċjali tan-Nazzjonijiet Uniti tal-6 ta’ Marzu 2013 dwar is-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem f’Burma/il-Mjanmar,

–  wara li kkunsidra l-istqarrija ta’ Aun San Suu Kyi tas-27 ta’ Mejju 2013 dwar il-‘politika ta’ żewġt itfal’ għall-Musulmani Rohingya,

–   wara li kkunsidra d-deċiżjoni tas-Samit tal-ASEAN f’Novembru 2011 li jgħaddi l-Presidenza tal-ASEAN lil Burma/il-Mjanmar fl-2014,

–   wara li kkunsidra r-rapport tal-organizzazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem Human Rights Watch, bit-titlu “All You Can Do is Pray: Crimes Against Humanity and Ethnic Cleansing of Rohingya Muslims in Burma’s Rakhine State” tat-22 ta’ April 2013,

–  wara li kkunsidra l-Artikoli 122(5) u 110(4) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.  billi l-persekuzzjoni tal-minoranza Rohingya, u l-vjolenza kontrihom, għadhom qed jintensifikaw, speċjalment il-qerda tal-proprjetà u l-postijiet ta’ qima, arresti tal-massa, detenzjoni arbitrarja, torturi, stupri, u restrizzjonijiet fuq il-moviment ħieles, id-drittijiet taż-żwieġ u l-aċċess għall-edukazzjoni;

B.  billi l-vjolenza reliġjuża li bdiet fl-Istat ta’ Rakhine issa kompliet tinfirex mal-pajjiż; billi fil-perjodu bejn Marzu u Mejju 2013 ġew rapportati diversi attakki kontra persuni Musulmani f’Rangoon, Mandalay u Pegu, kif ukoll fl-Istati ta’ Kachin u ta’ Shan, li wasslu għal 46 mewt u l-ispustar ta’ 14 000 ruħ;

C.  billi l-vjolenza settarja issa nfirxet għal żona ġdida f’Burma: xi ħwienet fil-belt ta’ Lashio (fl-Istat ta’ Shan) inħarqu minn folla nies fit-28 ta’ Mejju 2013, filwaqt li tliet nisa Rohingya inqatlu mill-pulizija fir-raħal ta’ Parein waqt ġlied li nqala’ dwar akkomodazzjoni għall-minoranza spustata fl-4 ta’ Ġunju 2013;

D.  billi aktar minn 130 000 Rohingya spustati għadhom f’kampijiet u nħawi oħra, u l-gvern ta’ Burma/il-Mjanmar ippermetta biss aċċess umanitarju limitat u inadegwat għall-popolazzjonijiet Rohingya f’sitwazzjoni ta’ riskju; billi ħafna Rohingya jinsabu f’żoni li jistgħu jintlaqtu minn għargħar, esposti għax-xita tal-monsun u għaċ-ċikluni; billi huma ma jistgħux imorru lura fi djarhom minħabba l-vjolenza li għadha għaddejja, minħabba li djarhom ġew meqruda jew minħabba li l-forzi tas-sigurtà qed iwaqqfuhom milli jħallu l-kampijiet fejn qed jiġu miżmuma;

E.  billi għexieren ta’ eluf ta’ Rohingya ħarbu bil-baħar biex jeħilsu mill-persekuzzjoni, u billi mijiet tilfu ħajjithom f’dgħajjes li għerqu jew minħabba li ġew mitfugħa lura fil-baħar; billi hu rappurtat li madwar 17 000 Rohingya li ħarbu minn Burma qed jinżammu f’kundizzjonijiet imwiegħra f’ċentri ta’ detenzjoni tal-immigranti fit-Tajlandja;

F.  billi fit-23 ta’ April 2013 il-Kummissjoni ta’ Inkjesta Indipendenti, stabbilita f’Awwissu 2012 biex tinvestiga l-vjolenza settarja fl-istat ta’ Rakhine, ħarġet rapport b’rakkomandazzjonijiet maħsuba biex itaffu t-tensjonijiet, iżda madankollu r-rapport ma rrikonoxxiex l-identità Rohingya, ma żamm lil ħadd responsabbli għall-abbużi tad-drittijiet tal-bniedem imwettqa waqt il-ġlied, iffavorixxa ma’ ‘separazzjoni temporanja’ tal-komunitajiet Musulmani u Buddisti, u rrakkomanda l-implimentazzjoni ta’ programmi inaċċettabbli ta’ kontroll tat-twelid għall-Musulmani;

G.  billi minkejja li l-President Burmiż U Thein Sein wiegħed f’diskors fis-6 ta’ Mejju 2013 li l-gvern tiegħu se jiżgura d-drittijiet bażiċi tal-Musulmani fl-istat ta’ Rakhine, u minkejja li ħa xi passi biex jespandi l-libertajiet ċivili fil-pajjiż, is-sitwazzjoni drammatika tar-Rohingya, u r-relazzjonijiet interetniċi b’mod ġenerali, għandhom il-potenzjal li jdgħajfu l-proċess kollu ta’ riforma f’Burma/il-Mjanmar; billi rapporti indipendenti kredibbli jindikaw kompliċità tal-awtoritajiet Burmiżi fid-delitti kontra l-umanità mwettqa kontra l-popolazzjoni Rohingya, li wasslu biex l-istat ta’ Rakhine fil-parti l-kbira huwa segregat skont ir-reliġjon;

H.  billi l-Gvern ta’ Burma/il-Mjanmar riċentement ħabbar li se jerġa’ jintroduċi l-politika ta’ żewġt itfal; billi din ġiet ikkundannata mir-Rapporteur Speċjali tan-NU għad-Drittijiet tal-Bniedem f’Burma/il-Mjanmar, Tomás Ojea Quintana, bħala miżura diskriminatorja u koerċittiva kontra r-Rohingya fl-istat ta’ Rakhine, li tikser id-drittijiet tal-bniedem bażiċi tar-Rohingya, kif ukoll l-obbligi u l-impenji internazzjonali ta’ Burma favur id-drittijiet tal-bniedem;

I.  billi l-komunità internazzjonali ħeġġet lill-Gvern ta' Burma jagħmel rieżami tal-Liġi taċ-Ċittadinanza tal-1982 biex ikun żgurat li r-Rohingya ma jibqgħux apolidi u li jiġu trattati l-għeruq tad-diskriminazzjoni kontra r-Rohingya, li ilha għaddejja żmien twil;

J.  billi d-Dott. Tun Aung, tabib mediku ta’ 65 sena u mexxej tal-komunità rispettat fl-istat ta’ Rakhine, ġie arrestat f’Ġunju 2012 u kkundannat għal 17-il sena ħabs fuq akkużi li gruppi tad-drittijiet tal-bniedem, fosthom l-organizzazzjoni Amnesty International, iddenunzjaw b’mod wiesgħa bħala akkużi b’mottivi politiċi;

K.  billi skont ir-rapport tal-Human Rights Watch, bit-titlu “All You Can Do is Pray”: Crimes against Humanity and Ethnic cleansing of Rohingya Muslims in Burma’s Rakhine State’, li ħareġ fid-29 ta’ April 2013, l-abbużi mwettqa kontra r-Rohingya is-sena l-oħra, li allegatament jinvolvu aġenziji tal-istat, kienu jammontaw għal delitti kontra l-umanità u tindif etniku; billi dan ir-rapport jippreżenta wkoll evidenza ta’ erba’ siti ta’ oqbra tal-massa li jmorru lura għall-2012 fl-istat ta’ Rakhine;

L.  billi l-libertà tal-istampa u tal-mezzi tax-xandir, fl-internet u barra minnu, tiżvolġi rwol kruċjali fl-iżvelar u d-dokumentazzjoni tal-abbużi tad-drittijiet tal-bniedem u biex iżżomm lill-gvernijiet responsabbli;

M.  billi skont id-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem, kull persuna għandha dritt tfittex asil mill-persekuzzjoni;

1.  Jikkundanna l-ksur gravi tad-drittijiet tal-bniedem u l-vjolenza mwettqa kontra Musulmani Rohingya f’Burma/il-Mjanmar, u jħeġġeġ lin-naħat kollha biex ma jużawx il-vjolenza;

2.  Jesprimi l-kondoljanzi tiegħu lill-vittmi tal-vjolenza u l-persekuzzjoni illeċita f’Burma/il-Mjanmar;

3.  Jirrikonoxxi l-passi meħuda mill-President U Thein Sein u riformaturi oħra f’Burma/il-Mjanmar biex jintroduċu riformi demokratiċi tul din l-aħħar sena; jiddeplora, madankollu, in-nuqqas min-naħa tal-gvern li jipproteġi lir-Rohingya mill-vjolenza organizzata, u jistieden lill-gvern u lis-soċjetà kollha ta’ Burma/il-Mjanmar jaġixxu immedjatament biex itemm l-abbużi tad-drittijiet tal-bniedem u jressqu l-qorti lil minn wettaq dawn l-attakki vjolenti u abbużi oħra relatati;

4.  Iħeġġeġ lill-Gvern ta’ Burma/il-Mjanmar jiżgura li l-forzi tas-sigurtà jagħmlu kulma jistgħu biex jipprteġu lill-Musulmani Rohingya minn azzjonijiet vjolenti; jesprimi t-tħassib serju tiegħu dwar allegazzjonijiet li l-membri tal-forzi tas-sigurtà ħadu sehem fil-vjolenza, u jtenni t-talbiet urġenti tiegħu għal investigazzjoni sħiħa u indipendenti ta’ dawn l-allegazzjonijiet, bl-għajnuna tan-NU;

5.  Jenfasizza l-ħtieġa ta' azzjoni urġenti biex jiġu indirizzati r-riskji umanitarji li qed iħabbtu wiċċhom magħhom il-persuni spostati, u b’mod partikolari il-poplu Rohingya, f’Burma/il-Mjanmar; itenni t-talba tiegħu lill-Gvern ta’ Burma/il-Mjanmar biex jagħti aċċess bla xkiel għaż-żoni kollha tal-pajjiż, inkluż l-istat ta’ Rakhine, lill-aġenziji tan-NU u l-NGOs umanitarji, kif ukoll lill-ġurnalisti u l-membri tal-korp diplomatiku, u biex jagħti aċċess sħiħ u bla restrizzjonijiet għall-għajnuna umanitarja lill-komunitajiet kollha milquta mill-kunflitt u minn vjolenza settarja; jistieden lill-awtoritajiet Burmiżi jtejbu l-kundizzjonijiet tal-kampijiet tar-Rohingya bħala kwistjoni ta’ urġenza;

6.  Iħeġġeġ lill-pajjiżi kollha tar-reġjun biex iwettqu l-obbligi internazzjonali tagħhom rigward id-drittijiet tar-refuġjati, biex jiftħu l-fruntieri għall-persuni Rohingya li qed ifittxu asil u biex tal-inqas jipprovdilhom protezzjoni temporanja, filwaqt li jappoġġaw lill-gvern Burmiż fit-tiftix ta’ soluzzjonijiet ekwitabbli u fit-tul għall-kawżi sottostanti;

7.  Jistieden lill-Gvern tat-Tajlandja jtemm immedjatament id-detenzjoni inumana ta’ mill-inqas 1700 persuna Rohingya li qed ifittxu asil, u li jipprovdilhom aċċess għall-aġenziji tar-refuġjati tan-NU; jiddispjaċih dwar il-fatt li l-Gvern tat-Tajlandja s’issa ma ħalliex lill-UNHCR twettaq it-testijiet li jiddeterminaw l-istatus ta’ refuġjat għal persuni Rohingya li qed ifittxu asil;

8.  Iħeġġeġ lill-Gvern Burmiż jawtorizza l-ħolqien ta’ uffiċċju tal-OHCHR fil-pajjiż, bi friegħi fil-provinċji, biex jingħata lok għal monitoraġġ adegwat tal-qagħda tad-drittijiet tal-bniedem fil-pajjiż;

9.  Jilqa’ l-wegħda tal-President U Thein Sein li kull min iwettaq vjolenza se jitressaq quddiem qorti, kif ukoll l-impenn tiegħu għal soċjetà multikulturali, multietnika u multireliġjuża; jistieden lill-President jieħu azzjoni ulterjuri biex jinforza l-istat tad-dritt u jindirizza l-kawżi sottostanti tal-vjolenza;

10.  Jilqa’ l-fatt li l-President U Thein Sein fl-4 ta’ Ġunju 2013 ħabbar li se jinħelsu l-priġunieri politiċi kollha f’Burma/il-Mjanmar; itenni l-pożizzjoni tiegħu li l-priġunieri politiċi kollha, fosthom id-Dott. Tun Aung, għandhom jinħelsu bla dewmien u bla kundizzjonijiet, filwaqt li għandhom jingħatawlhom lura d-drittijiet u l-libertajiet kollha tagħhom;

11.  Iħeġġeġ lill-gvern biex ikompli jfittex u jimplimenta soluzzjonijiet dejjiema għall-kawżi sottostanti tat-tensjonijiet, fosthom miżuri li jindirizzaw l-istatus tar-Rohingya; itenni t-talba tiegħu li tiġi emendata jew revokata il-Liġi taċ-Ċittadinanza tal-1982 biex ir-Rohingya jkollhom aċċess indaqs għaċ-ċittadinanza Burmiża, li timplika kemm drittijiet kif ukoll dmirijiet, u li l-liġi emendata jew revokata tiġi magħmula konformi mal-istandards internazzjojali tad-drittijiet tal-bniedem u mal-obbligi tal-pajjiż fl-ambitu tal-Artikolu 7 tal-Konvenzjoni dwar id-Drittijiet tat-Tfal tan-NU;

12.  Jikkritika l-istqarrija tal-Ministru tal-Immigrazzjoni Burmiż Khin Yi tal-11 ta’ Ġunju 2013, li fiha stqarr l-appoġġ tiegħu għall-introduzzjoni mill-ġdid tal-politika ta' żewġt itfal;

13.  Jilqa’ d-dikjarazzjoni riċenti tal-mexxejja tal-oppożizzjoni Aung San Suu Kyi bi protesta kontra l-introduzzjoni mill-ġdid tal-politika ta’ żewġt itfal għar-Rohingya, u jħeġġeġ lill-Gvern Burmiż jirrevoka immedjatament dan ir-regolament kif ukoll kwalunkwe politika, regola, regolament jew liġi oħra koerċittivi jew diskriminatorji;

14.  Jenfasizza l-importanza li jsiru l-bidliet leġiżlattivi u amministrattivi meħtieġa biex tkun żgurata l-ikbar parteċipazzjoni possibbli tal-popolazzjoni Burmiża, inklużi l-minoranzi, fl-elezzjonijiet tal-2014;

15.  Iħeġġeġ lill-Viċi President / Rappreżentant Għoli tindirizza din il-kwistjoni fl-ogħla livell politiku possibbli fil-kuntatti tagħha ma’ Burma/il-Mjanmar u ma’ pajjiżi oħra membri tal-ASEAN;

16.  Ifakkar li l-UE riċentement reġgħet introduċiet is-Sistema ta’ Preferenzi Ġeneralizzati (SĠP) tagħha vis-à-vis Burma/il-Mjanmar; itenni l-kundizzjonalità ta’ dawn il-preferenzi fir-rigward tal-libertajiet fundamentali u d-drittijiet tal-bniedem; iħeġġeġ lill-Kummissjoni ssegwi mill-qrib il-progress tal-awtoritajiet Burmiżi fir-rispett ta’ dawn il-kundizzjonijiet;

17.  Jistieden lill-Kummissjoni biex fit-tressiq ta’ att delegat lill-Parlament u lill-Kunsill dwar it-tkomplija tal-arranġamenti tal-SĠP għall-Burma/il-Mjanmar wara l-31 ta' Diċembru 2013, tinkludi rapport akkompanjanti li juri n-nuqqas ta' ksur serju u sistematiku tal-prinċipji stipulat fil-konvenzjonijiet elenkati fir-Regolament dwar l-SĠP, b’fokus partikolari fuq ir-Rohingya;

18.  Jistieden lill-Kummissjoni tevalwa b'mod effikaċi u komprensiv l-impatt fuq id-drittijiet tal-bniedem tal-ftehim dwar l-investiment bilaterali previst qabel ma tifformula l-proposta tagħha għal direttivi ta' negozjar, u biex f’dan il-proċess tikkonsulta mill-qrib mal-Parlament u mas-soċjetà ċivili;

19.  Jistenna li s-SEAE jikkonsulta u jinforma l-Parlament b’mod regolari dwar il-proċess tal-ħolqien ta' djalogu dwar id-drittijiet tal-bniedem mal-Burma/Mjanmar; jistieden lill-SEAE u l-Istati Membri jħejju lista ta’ parametri ta’ referenza preċiżi tad-drittijiet tal-bniedem, biex tkun tista’ ssir valutazzjoni tal-progress fir-riforma mill-awtoritajiet Burmiżi; jenfasizza l-fatt li l-iżvilupp ulterjuri tar-relazzjonijiet tal-UE mat-tmexxija Burmiża għandu jsir bil-kundizzjoni ta’ progress tanġibbli, partikolarment fir-rigward tal-qagħda tar-Rohingya;

20.  Jitlob li jkun hemm komponent qawwi u viżibbli tas-soċjetà ċivili, li fih ikunu rappreżentati r-Rohingya, biex jipparteċipa fit-Task Force UE-Burma li għandha tinħoloq aktar tard din is-sena, u li dan l-isforz jibni fuq l-esperjenza tat-Task Force UE-Eġittu;

21.   Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Viċi President tal-Kummissjoni / Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà, lill-gvernijiet u l-parlamenti tal-Istati Membri, lill-Gvern u l-Parlament ta’ Burma/il-Mjanmar, lis-Segretarju Ġenerali tal-ASEAN, lill-Kummissjoni Intergovernattiva dwar id-Drittijiet tal-Bniedem tal-ASEAN, ir-Rappreżentant Speċjali tan-NU għad-Drittijiet tal-Bniedem fil-Mjanmar, il-Kummissarju Għoli għar-Refuġjati tan-NU, il-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-NU u l-gvernijiet u l-parlamenti ta’ stati oħra fir-reġjun.