MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI KONĠUNTA dwar is-sitwazzjoni fit-Turkija
12.6.2013 - (2013/2664(RSP))
li tissostitwixxi l-mozzjonijiet għal riżoluzzjoni mressqa mill-gruppi:
EFD (B7‑0305/2013)
Verts/ALE (B7‑0306/2013)
S&D (B7‑0307/2013)
ALDE (B7‑0310/2013)
PPE (B7‑0311/2013)
Ria Oomen-Ruijten, Mairead McGuinness, Cristian Dan Preda, Arnaud Danjean, Roberta Angelilli, Eleni Theocharous, Bernd Posselt, Eija‑Riitta Korhola, Ivo Belet, Rafał Trzaskowski f'isem il-Grupp PPE
Hannes Swoboda, Libor Rouček, Raimon Obiols, Ana Gomes, Richard Howitt, Maria Eleni Koppa, María Muñiz De Urquiza, Emine Bozkurt, Boris Zala, Michael Cashman, Pino Arlacchi, Liisa Jaakonsaari f'isem il-Grupp S&D
Alexander Graf Lambsdorff, Guy Verhofstadt, Louis Michel, Graham Watson, Marietje Schaake, Johannes Cornelis van Baalen, Sarah Ludford, Frédérique Ries, Annemie Neyts-Uyttebroeck, Edward McMillan-Scott, Hannu Takkula, Kristiina Ojuland f'isem il-Grupp ALDE
Hélène Flautre, Franziska Keller f'isem il-Grupp Verts/ALE
Niki Tzavela, Fiorello Provera f'isem il-Grupp EFD
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar is-sitwazzjoni fit-Turkija
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu, b'mod partikolari dik tat-18 ta’ April 2013 dwar ir-Rapport ta’ Progress 2012 dwar it-Turkija[1],
– wara li kkunsidra l-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea,
– wara li kkunsidra l-Qafas ta' Negozjar għat-Turkija tat-3 ta' Ottubru 2005,
– wara li kkunsidra d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2008/157/KE tat-18 ta’ Frar 2008 dwar il-prinċipji, il-prijoritajiet u l-kondizzjonijiet li jinsabu fis-Sħubija għall-Adeżjoni mar-Repubblika tat-Turkija[2] (is-“Sħubija għall-Adeżjoni”), kif ukoll id-deċiżjonijiet preċedenti tal-Kunsill dwar is-Sħubija għall-Adeżjoni tal-2001, l-2003 u l-2006,
– wara li kkunsidra l-Artikolu 110(2) u (4) tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu,
A. billi fis-sigħat bikrin tal-Ġimgħa 31 ta’ Mejju 2013 il-pulizija Torka użat vjolenza eċċessiva fi sforz biex tferrex grupp ta’ dimostranti, li kienu ilhom ġimgħat jipprotestaw kontra l-qtugħ ippjanat tas-siġar bil-ħsieb ta’ proġett ġdid ta’ kostruzzjoni fil-Park Gezi ta’ Istanbul, fl-inħawi tal-Pjazza Taksim;
B. billi l-intervent vjolenti tal-pulizija wassal għal skontri mad-dimostranti li malajr infirxu għal bliet oħra fit-Turkija, u billi dawn l-iskontri wasslu għal erbat imwiet u 'l fuq minn elf midrub, għal arresti tal-massa u għal ħsara severa lill-proprjetà privata u pubblika; billi l-gass tad-dmugħ kien użat b'mod estensiv, b'ċilindri tal-gass tad-dmugħ li ġew sparati direttament lejn id-dimostranti, u li kkawżaw korrimenti serji;
C. billi d-dimostrazzjonijiet rebħu l-appoġġ fost saffi differenti tas-soċjetà Torka; billi n-nisa u l-irġiel ħadu sehem indaqs fid-dimostrazzjonijiet;
D. billi jidher li l-kundanna qawwija min-naħa tal-Gvern Tork kellha effett oppost għal dak mixtieq;
E. billi l-Artikolu 34 tal-Kostituzzjoni Torka jiggarantixxi d-dritt li dak li jkun, mingħajr permess, jorganizza laqgħat u dimostrazzjonijiet paċifiċi u mhux armati; billi l-Artikolu 26 jiggarantixxi l-libertà tal-espressjoni u l-Artikoli 27 u 28 jiggarantixxu ‘l-libertà tal-espressjoni’ u ‘d-disseminazzjoni bla xkiel tal-ħsieb’;
F. billi l-protesti huma marbutin ukoll mat-tħassib f'ċerti setturi tas-socjetà Torka rigward sensiela ta’ deċiżjonijiet u atti leġiżlattivi reċenti dwar kwistjonijiet bħal restrizzjonijiet fuq il-bejgħ tal-alkoħol u riformi edukattivi;
G. billi d-dimostranti dejjem aktar qed jesprimu tħassib dwar nuqqas perċeput ta' rappreżentanza ta’ ilħna minoritarji, ta' governanza awtoritarja u nuqqas tal-istat tad-dritt u ta’ governanza tajba, u ta’ proċessi ġusti u ekwi fit-Turkija;
H. billi l-midja ewlenin fit-Turkija baqgħu siekta rigward id-dimostrazzjonijiet, u l-utenti ta' Twitter ġew arrestati;
I. billi l-Kummissarju Füle u r-RGħ/VP Catherine Ashton irreaġixxew għal dawn l-avvenimenti;
J. billi l-libertà ta’ għaqda, il-libertà ta' espressjoni (anki permezz tal-midja soċjali kemm onlajn kif ukoll offlajn) u l-libertà tal-istampa huma prinċipji fundamentali tal-UE;
1. Jesprimi l-kondoljanzi tiegħu lill-familji tad-dimostranti u tal-pulizija li tilfu ħajjithom u jawgura lill-bosta midruba fejqan ta’ malajr;
2. Jesprimi t-tħassib qawwi tiegħu dwar l-użu sproporzjonat u eċċessiv tal-forza mill-pulizija Torka fir-risposta tagħha għall-protesti paċifiċi u leġittimi fil-Park Gezi ta' Istanbul, u jistieden lill-awtoritajiet tat-Turkija biex jagħmlu investigazzjonijiet dettaljati dwar il-vjolenza tal-pulizija, biex itellgħu lil dawk responsabbli quddiem il-qrati u joffru kumpens lill-vittmi; iwissi lill-Gvern Tork biex ma jiħux miżuri ħorox kontra d-dimostranti paċifiċi, u jħeġġeġ lill-Prim Ministru biex jadotta pożizzjoni li tħeġġeġ l-għaqda u l-konċiljazzjoni sabiex jevita kull eskalazzjoni ulterjuri;
3. Jistieden lill-awtoritajiet tat-Turkija biex jiggarantixxu u jirrispettaw id-drittijiet taċ-ċittadini kollha għal-libertà tal-espressjoni, li jinġabru b'mod paċifiku u jipprotestaw b'mod paċifiku; jitlob li jinħelsu minnufih id-dimostranti paċifiċi kollha li ġew arrestati u li huma attwalment detenuti; jitlob għal informazzjoni dwar l-għadd preċiż ta' detenuti u midruba;
4. Jiddeplora r-reazzjonijiet tal-Gvern Tork u tal-Prim Ministru Erdoğan, li bin-nuqqas ta’ rieda tagħhom li jieħdu passi favur ir-rikonċiljazzjoni, li jagħmlu apoloġija u li jifhmu r-reazzjonijiet ta’ parti mill-popolazzjoni Torka kkontribwew biss għall-polarizzazzjoni ulterjuri;
5. Jilqa’ t-tweġiba moderata mill-President Gül u l-apoloġiji li l-Viċi Prim Ministru Arinç għamel lid-dimostranti midruba, kif ukoll id-djalogu tagħhom mal-pjattaforma ta’ Taksim u mar-rappreżentanti tal-oppożizzjoni politika sabiex itaffu t-tensjonijiet; jissottolinja l-importanza ta’ djalogu bejn il-Gvern Tork u d-dimostranti paċifiċi;
6. Ifakkar lit-Turkija li, f’demokrazija inklussiva u pluralista, iċ-ċittadini kollha għandhom iħossu li huma rrappreżentati u li l-maġġornaza għandha r-reponsabbiltà li tinkludi lill-oppożizzjoni u lis-soċjetà ċivili fil-proċess tat-teħid tad-deċiżjonijiet; ifakkar ukoll lill-partiti fl-oppożizzjoni dwar ir-responsabbiltà tagħhom li jagħmlu l-parti tagħhom biex tinħoloq kultura politika demokratika li tirrispetta l-fehmiet u l-opinjonijiet differenti;
7. Huwa mħasseb dwar il-konfront li għaddej bejn il-partiti politiċi, u dwar il-fatt li l-gvern u l-oppożizzjoni mhumiex lesti jaħdmu biex jilħqu kunsens fuq riformi ta’ importanza ewlenija; iħeġġeġ lill-atturi politiċi, lill-gvern u lill-oppożizzjoni biex jaħdmu flimkien ħalli jtejbu l-pluralità politika fl-istituzzjonijiet tal-istat u jippromwovu l-modernizzazzjoni u d-demokratizzazzjoni tal-istat u tas-soċjetà;
8. Jirrimarka li r-rwol kruċjali ta’ sistema ta’ kontrolli u bilanċi fil-governanza ta’ stat demokratiku modern, li għandu jkun rifless fil-proċess kostituzzjonali li għaddej bħalissa, u li jrid ikun ibbażat fuq il-prinċipju tas-separazzjoni tas-setgħat, b'ekwilibrju bejn il-funzjonijiet eżekuttivi, leġiżlattivi u ġudizzjarji, fuq ir-rispett tad-drittijiet tal-bniedem u tal-libertajiet fundamentali – b’mod partikolari l-libertà tal-espressjoni u l-libertà tal-istampa – u fuq kultura politika parteċipattiva li tassew tirrifletti l-pluralità ta’ soċjetà demokratika; jemmen li, fiha nnifisha, l-organizzazzjoni ta' protesti paċifiċi u leġittimi tixhed kemm hija vibranti s-soċjetà ċivili Torka; ifakkar lit-Turkija dwar l-importanza li tkompli l-isforzi tagħha biex ittejjeb aktar l-istituzzjonijiet demokratiċi tagħha, l-istat tad-dritt u l-osservanza tal-libertajiet fundamentali;
9. Jisħaq fuq il-bżonn ta' taħriġ intensiv kontinwu tal-forzi tal-pulizija u l-ġudikatura kemm fl-edukazzjoni formali tagħhom u matul il-karrieri attivi tagħhom rigward l-implimentazzjoni tal-Protokoll ta' Istanbul (ġabra ta' linji gwida internazzjonali kontra t-tortura u t-trattament ħażin) u kif ukoll dwar il-preminenza tad-drittijiet u l-libertajiet individwali;
10. Jistieden lill-awtoritajiet lokali u nazzjonali fit-Turkija biex jagħtu bidu għal konsultazzjonijiet pubbliċi għall-pjanijiet kollha ta’ żvilupp urban u reġjonali; ifakkar fil-ħtieġa li jintlaħaq bilanċ bejn it-tkabbir ekonomiku u fatturi soċjali, ambjentali, kulturali u storiċi; jitlob sabiex il-proġetti relevanti kollha fit-Turkija jkunu suġġetti għal valutazzjoni tal-impatt ambjentali, mingħajr eċċezzjoni;
11. Josserva li l-mewġa ta' protesti li qatt ma kien hemm bħala tirrifletti wkoll skuntentezza dejjem akbar f'partijiet mill-popolazzjoni Torka rigward ir-regolazzjoni tal-istil ta' ħajja; itenni li f'politika demokratika, il-gvernijiet iridu jħeġġu t-tolleranza u jiżguraw il-libertà tar-reliġjon u t-twemmin għaċ-ċittadini kollha; jistieden lill-gvern biex jirrispetta l-pluralità u r-rikkezza tas-soċjetà Torka u biex iħares l-istili ta' ħajja sekulari;
12. Ifakkar li l-libertà tal-espressjoni u l-pluraliżmu tal-midja huma fil-qalba tal-valuri Ewropej u li soċjetà tassew demokratika, ħielsa u pluralista tirrikjedi libertà reali tal-espressjoni; ifakkar li l-libertà tal-espressjoni hija applikabbli mhux biss għal informazzjoni jew ideat li jintlaqgħu favorevolment jew li jitqiesu inoffensivi, imma wkoll, bi qbil mal-Konvenzjoni Ewropea dwar id-Drittijiet tal-Bniedem, għal dawk li joffendu, jixxukkjaw jew jiddisturbaw lill-istat jew lil kwalunkwe sezzjoni tal-popolazzjoni;
13. Jinsab imħasseb dwar id-deterjorament tal-libertà tal-istampa, dwar ċerti atti ta’ ċensura u dwar l-awtoċensura li qed tikber u li tirrenja fil-midja Torok, inkluż fuq l-internet; jistieden lill-Gvern Tork biex iħares il-prinċipju tal-libertà tal-istampa; jenfasizza li stampa indipendenti hija kruċjali għal soċjetà demokratika, u f’dan il-kuntest, jindika r-rwol essenzjali tal-ġudikatura fil-protezzjoni u t-titjib tal-libertà tal-istampa, biex b’hekk tiggarantixxi spazju pubbliku għal dibattitu ħieles u inklużiv; huwa mħasseb dwar l-għadd kbir ta’ ġurnalisti li jinsabu l-ħabs u l-bosta proċessi fil-qrati li għaddejjin bħalissa fil-konfront tal-ġurnalisti; jitlob għar-rilaxx tal-attivisti tal-midja soċjali;
14. Itenni t-tħassib tiegħu dwar il-fatt li konglomerati kbar b’firxa wiesgħa ta’ interessi tan-negozju huma s-sidien tal-parti l-kbira tal-midja u jikkonċentrawha f’idejhom; itenni s-sejħa tiegħu għall-adozzjoni ta’ liġi ġdida tal-midja li tindirizza, inter alia, il-kwistjonijiet tal-indipendenza, is-sjieda u l-kontroll amministrattiv;
15. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà/Viċi-President tal-Kummissjoni, lis-Segretarju Ġenerali tal-Kunsill tal-Ewropa, lill-President tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem, lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri u lill-Gvern u lill-Parlament tar-Repubblika tat-Turkija.
- [1] Testi adottati, P7_TA(2013)0184.
- [2] ĠU L 51, 26.2.2008, p. 4.