Mozzjoni għal riżoluzzjoni konġunta - RC-B7-0319/2013Mozzjoni għal riżoluzzjoni konġunta
RC-B7-0319/2013

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI KONĠUNTA dwar l-għargħar fl-Ewropa

1.7.2013 - (2013/2683(RSP))

imressqa skont l-Artikolu 110(2) u (4) tar-Regoli ta' Proċedura
li tissostitwixxi l-mozzjonijiet għal riżoluzzjoni mressqa mill-gruppi:
ECR (B7‑0319/2013)
Verts/ALE (B7‑0320/2013)
S&D (B7‑0321/2013)
GUE/NGL (B7‑0322/2013)
PPE (B7‑0323/2013)
ALDE (B7‑0324/2013)

Lambert van Nistelrooij, Richard Seeber, Ildikó Gáll-Pelcz, Marie-Thérèse Sanchez-Schmid, Danuta Maria Hübner, Marian-Jean Marinescu, Markus Pieper, Rosa Estaràs Ferragut, Jan Olbrycht, Hermann Winkler, Zofija Mazej Kukovič, Joachim Zeller, Tamás Deutsch f'isem il-Grupp PPE
Libor Rouček, Richard Falbr, Zuzana Brzobohatá, Olga Sehnalová, Vojtěch Mynář, Pavel Poc, María Irigoyen Pérez, Eric Andrieu f'isem il-Grupp S&D
Michael Theurer, Angelika Werthmann, Nadja Hirsch, Marielle de Sarnez f'isem il-Grupp ALDE
Elisabeth Schroedter, Rebecca Harms, Bas Eickhout, Nikos Chrysogelos f'isem il-Grupp Verts/ALE
Oldřich Vlasák, Tomasz Piotr Poręba, Ryszard Czarnecki f'isem il-Grupp ECR
Jiří Maštálka, Jaromír Kohlíček f'isem il-Grupp GUE/NGL

Proċedura : 2013/2683(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument :  
RC-B7-0319/2013
Testi mressqa :
RC-B7-0319/2013
Votazzjonijiet :
Testi adottati :

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar l-għargħar fl-Ewropa

(2013/2683(RSP))

Il-Parlament Ewropew,

–   wara li kkunsidra l-Artikolu 3 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u l-Artikoli 191 u 196(1) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

–   wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2012/2002 tal-11 ta’ Novembru 2002 li jistabbilixxi l-Fond ta’ Solidarjetà tal-Unjoni Ewropea, il-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni dwar il-futur tal-Fond ta’ Solidarjetà tal-Unjoni Ewropea (COM(2011)0613), u r-riżoluzzjoni tiegħu tal-15 ta’ Jannar 2013 dwar il-Fond ta’ Solidarjetà Ewropea, implimentazzjoni u applikazzjoni[1],

–   wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet tiegħu tal-5 ta’ Settembru 2002 dwar l-għargħar fl-Ewropa[2], tat-8 ta’ Settembru 2005 dwar id-diżastri naturali (in-nirien u l-għargħar) fl-Ewropa[3], tat-18 ta' Mejju 2006 dwar id-diżastri naturali (in-nirien tal-foresti, in-nixfa u l-għargħar) – l-aspetti agrikoli[4], l-aspetti tal-iżvilupp reġjonali[5] u l-aspetti ambjentali[6], u tas-7 ta’ Settembru 2006 dwar in-nirien tal-foresti u l-għargħar[7], tas-16 ta’ Ġunju 2010 dwar l-għargħar f’pajjiżi tal-Ewropa ċentrali, b’mod partikolari l-Polonja, ir-Repubblika Ċeka, is-Slovakkja u l-Ungerija[8] , kif ukoll tal-11 ta' Marzu 2010 dwar diżastru naturali kbir fir-reġjun awtonomu ta' Madejra u l-effetti tat-tempesta Xynthia fl-Ewropa[9],

–   wara li kkunsidra l-White Paper tal-Kummissjoni bit-titolu “L-adattament għat-tibdil fil-klima: Lejn Qafas Ewropew għall-azzjoni” (COM(2009)0147), il-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni dwar Approċċ Komunitarju dwar il-prevenzjoni tad-diżastri naturali u dawk ikkawżati mill-bniedem (COM(2009)0082), u l-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni bit-titolu “Lejn rispons Ewropew aktar b'saħħtu għal diżastri li jseħħu: ir-rwol tal-protezzjoni ċivili u l-assistenza umanitarja” (COM(2010)0600),

–   wara li kkunsidra d-Dokument ta' Ħidma tal-Persunal tal-Kummissjoni bit-titolu “Reġjuni 2020 – valutazzjoni ta' sfidi tal-ġejjieni għar-reġjuni tal-UE” (SEC(2008)2868),

–   wara li kkunsidra l-Artikolu 110(2) u (4) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A. billi reċentement seħħ diżastru naturali kbir fl-għamla ta’ għargħar f’ħafna pajjiżi Ewropej, inklużi l-Awstrija, ir-Repubblika Ċeka, il-Ġermanja, l-Ungerija, il-Polonja, is-Slovakkja, Franza u Spanja;

B.  billi l-frekwenza, is-severità, il-kumplessità u l-impatt tad-diżastri naturali u dawk ikkawżati mill-bniedem madwar l-Ewropa żdiedu bil-ħeffa f'dawn l-aħħar snin;

C. billi l-għargħar ikkawża ħsara serja lill-bliet, l-irħula u l-muniċipalitajiet, lill-infrastruttura u n-negozji, liż-żoni agrikoli u rurali, u billi qered elementi ta’ wirt naturali u kulturali, u kkawża wkoll mewt u korrimenti filwaqt li ġiegħel lil eluf ta’ persuni jitilqu minn darhom;

D. billi l-Fond ta' Solidarjetà tal-Unjoni Ewropea (EUSF) ġie stabbilit sabiex jindirizza d-diżastri nazzjonali ewlenin u biex jipprovdi assistenza finanzjarja lil stati milquta minn diżastri;

E.  billi jeħtieġ li ssir rikostruzzjoni sostenibbli taż-żoni meqruda jew li ġarrbu ħsara mid-diżastri biex tpatti għat-telf ekonomiku, soċjali u ambjentali tagħhom;

F.  billi l-kapaċità preventiva tal-Unjoni Ewropea li tindirizza t-tipi kollha ta’ diżastri naturali jeħtieġ li titjieb, u billi t-tħaddim u l-koordinament bejn id-diversi strumenti tal-Unjoni jeħtieġ li jittejbu sabiex tinkiseb prevenzjoni sostenibbli tad-diżastri;

G. billi xi żoni muntanjużi, u żoni max-xmajjar u l-widien, tilfu parti mill-kapaċità tal-assorbiment tal-ilma tagħhom minħabba deforestazzjoni insostenibbli, agrikoltura intensiva, proġetti kbar tal-bini ta’ infrastruttura, l-urbanizzazzjoni u l-issiġillar tal-ħamrija matul dawn ix-xmajjar u l-widien;

1.  Jesprimi l-empatija u s-solidarjetà tiegħu mar-residenti tal-Istati Membri, tar-reġjuni u l-muniċipalitajiet milquta mid-diżastru; jikkunsidra l-effetti ekonomiċi serji possibbli u jesprimi r-rispett u l-kondoljanzi tiegħu lill-familji tal-vittmi;

2.  Japprezza l-isforzi bla waqfien li saru mill-unitajiet tas-sikurezza u tal-protezzjoni ċivili, mit-timijiet ta’ salvataġġ u l-voluntiera biex isalvaw il-ħajjiet tal-persuni u jnaqqsu kemm jista’ jkun il-ħsara fiż-żoni milquta;

3.  Jifraħ bl-azzjonijiet tal-Istati Membri li pprovdew assistenza liż-żoni milquta, peress li l-assistenza reċiproka f’sitwazzjonijiet avversi tagħti eżempju ta’ solidarjetà Ewropea;

4.  Jenfasizza li d-deterjorament tal-ħamrija, li jirriżulta u qed jaggrava minħabba l-attività tal-bniedem, bħal prattiki agrikoli u tal-forestrija inadegwati, huwa ta’ ħsara għall-kapaċità tal-ħamrija li tkompli twettaq bis-sħiħ il-funzjoni kritika tagħha li tipprevjeni d-diżastri naturali;

5.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jagħtu attenzjoni partikolari lill-ippjanar u r-reviżjoni tal-politiki dwar l-użu sostenibbli tal-art, il-kapaċitajiet tal-assorbiment tal-ekosistema u l-aħjar prattiki u biex iżidu l-kapaċità tal-kontroll tal-għargħar u tas-sistemi tad-dranaġġ;

6.  Jenfasizza li l-prevenzjoni effettiva tal-għargħar għandha tkun immirata lejn strateġiji interreġjonali u tal-ġestjoni ta’ riskji transkonfinali, fejn hemm potenzjal kbir għall-koordinament u l-implimentazzjoni ta’ tweġiba ta’ emerġenza konġunta;

7.  Jirrikonoxxi li l-Mekkaniżmu ta' Protezzjoni Ċivili tal-Unjoni Ewropea għen lill-Istati Membri jikkooperaw u jnaqqsu kemm jista' jkun l-effetti tal-emerġenza; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jissemplifikaw ir-regoli u l-proċeduri għall-attivazzjoni tal-Mekkaniżmu;

8.  Jenfasizza l-opportunità taħt l-objettiv ta’ Kooperazzjoni Territorjali Ewropea għall-Istati Membri u r-reġjuni kkonċernati li jindirizzaw il-ġestjoni tar-riskju bħala prijorità ta’ investiment għall-perjodu ta’ programmazzjoni li jmiss li attwalment qed jiġi negozjat, u jistedinhom jagħmlu dan;

9.  Jenfasizza li l-programmi għall-prevenzjoni tal-għargħar jeħtieġ li jiġu implimentati mill-Istati Membri permezz ta’ strateġiji komprensivi u preventivi; jenfasizza li l-politika ta’ emerġenza, inkluża l-prevenzjoni tal-emerġenzi u r-reazzjoni għall-emerġenzi, teħtieġ involviment aktar mill-qrib tar-reġjuni, il-bliet u l-komunitajiet lokali, li għandhom jiġu inkoraġġiti jinkludi l-politika ta' emerġenza fl-istrateġiji tagħhom;

10. Jistieden lill-Kunsill u lill-Kummissjoni biex­ malli jirċievu l-applikazzjonijiet kollha meħtieġa mingħand l-Istati Membri­, jieħdu l-passi kollha meħtieġa sabiex jiżguraw li tingħata assistenza finanzjarja rapida u adegwata mill-EUSF; jenfasizza kemm huwa urġenti li tiġi rilaxxata l-assistenza finanzjarja permezz tal-EUSF għall-pajjiżi milquta minn dan id-diżastru naturali;

11. Jistieden lill-Kummissjoni tabbozza regolament ġdid u semplifikat tal-EUSF li jista’, fost l-oħrajn, jippermetti lill-Kummissjoni tagħmel ħlas parzjali malli l-Istat Membru milqut japplika għall-assistenza;

12. Jenfasizza l-fatt li l-investiment fil-prevenzjoni tal-għargħar taħt il-programmi rilevanti jeħtieġ riżorsi finanzjarji adegwati, peress li huwa għodda importanti sabiex il-gvernijiet tal-Istati Membri jkunu jistgħu jiżviluppaw u jimplimentaw politiki għall-prevenzjoni tal-għargħar; jenfasizza li l-investiment li jappoġġa l-prevenzjoni tad-diżastri għandu jsegwi approċċ ibbażat fuq l-ekosistemi;

13. Jesprimi l-fehma tiegħu li l-konsegwenzi tad-diżastri għandhom impatt negattiv fuq it-teħid tal-fondi tal-UE; jitlob għall-flessibbiltà meħtieġa fir-rigward tal-programmazzjoni mill-ġdid fl-Istati Membri għall-appoġġ tar-rikostruzzjoni ta’ żoni żvantaġġati u l-għażla tal-aktar proġetti xierqa;

14. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-gvernijiet tal-Istati Membri u lill-awtoritajiet reġjonali u lokali fiż-żoni milquta.