Mozzjoni għal riżoluzzjoni konġunta - RC-B7-0336/2013Mozzjoni għal riżoluzzjoni konġunta
RC-B7-0336/2013

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI KONĠUNTA dwar il-programm ta’ sorveljanza tan-National Security Agency tal-Istati Uniti tal-Amerika, korpi ta’ sorveljanza f’diversi Stati Membri u l-impatt fuq il-privatezza taċ-ċittadini tal-UE

2.7.2013 - (2013/2682(RSP))

imressqa skont l-Artikolu 110(2) u (4) tar-Regoli ta' Proċedura
li tissostitwixxi l-mozzjonijiet għal riżoluzzjoni mressqa mill-gruppi:
Verts/ALE (B7‑0336/2013)
PPE (B7‑0337/2013)
ALDE (B7‑0342/2013)
S&D (B7‑0343/2013)

Axel Voss, Manfred Weber, Véronique Mathieu Houillon, Salvatore Iacolino, Rafał Trzaskowski, Daniel Caspary f'isem il-Grupp PPE
Dimitrios Droutsas, Claude Moraes, Juan Fernando López Aguilar, Sylvie Guillaume f'isem il-Grupp S&D
Sophia in ‘t Veld, Sarah Ludford, Renate Weber, Cecilia Wikström, Nathalie Griesbeck, Leonidas Donskis, Ramon Tremosa i Balcells, Marielle de Sarnez, Andrea Zanoni, Hannu Takkula, Michael Theurer, Gianni Vattimo, Marietje Schaake f'isem il-Grupp ALDE
Rebecca Harms, Daniel Cohn-Bendit, Jan Philipp Albrecht, Judith Sargentini f'isem il-Grupp Verts/ALE


Proċedura : 2013/2682(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument :  
RC-B7-0336/2013
Testi mressqa :
RC-B7-0336/2013
Testi adottati :

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar il-programm ta’ sorveljanza tan-National Security Agency tal-Istati Uniti tal-Amerika, korpi ta’ sorveljanza f’diversi Stati Membri u l-impatt fuq il-privatezza taċ-ċittadini tal-UE

(2013/2682(RSP))

Il-Parlament Ewropew,

–   wara li kkunsidra l-Artikoli 2, 3 6 u 7 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (TUE) u l-Artikolu 16 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE),

–   wara li kkunsidra l-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea u l-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali (KEDB),

–   wara li kkunsidra l-Konvenzjoni tal-Kunsill tal-Ewropa Nru 108 tat-28 ta' Jannar 1981 għall-Protezzjoni tal-Individwi fir-rigward tal-Ipproċessar Awtomatiku ta' Data Personali flimkien mal-protokoll addizzjonali tagħha tat-8 ta' Novembru 2001,

–   wara li kkunsidra l-leġiżlazzjoni tal-UE dwar id-dritt għall-privatezza u għall-protezzjoni tad-data, b’mod partikolari d-Direttiva 95/46/KE dwar il-protezzjoni ta’ individwi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali u dwar il-moviment liberu ta’ dik id-data, id-Deċiżjoni Qafas 2008/977/ĠAI dwar il-protezzjoni tad-data personali pproċessata fil-qafas tal-kooperazzjoni tal-pulizija u ġudizzjarja f’materji kriminali, id-Direttiva 2002/58/KE dwar l-ipproċessar tad-data personali u l-protezzjoni tal-privatezza fis-settur tal-komunikazzjoni elettronika, u r-Regolament (KE) Nru 45/2001 dwar il-protezzjoni ta' individwi fir-rigward tal-ipproċessar ta' data personali mill-istituzzjonijiet u l-korpi tal-Komunità u dwar il-movement liberu ta' dik id-data,

–   wara li kkunsidra l-proposti tal-Kummissjoni għal regolament u għal direttiva dwar ir-riforma tar-reġim tal-protezzjoni tad-data fl-UE,

–   wara li kkunsidra l-Ftehim bejn l-UE u l-Istati Uniti dwar l-Assistenza Legali Reċiproka li jippermetti skambju tad-data għall-prevenzjoni u l-investigazzjoni ta’ attivitajiet kriminali, il-Konvenzjoni dwar il-Kriminalità Ċibernetika (CETS Nru 185), il-Ftehim Safe Harbour bejn l-UE u l-Istati Uniti (2000/520/KE) u r-reviżjoni attwali tal-iskema Safe Harbour,

–   wara li kkunsidra l-Patriot Act tal-Istati Uniti u l-Foreign Intelligence Surveillance Act (FISA), inkluża s-Sezzjoni 702 tal-FIS Amendment Act (FISAAA) tal-2008,

–   wara li kkunsidra n-negozjati li għaddejjin dwar ftehim qafas bejn l-UE u l-Istati Uniti dwar il-protezzjoni tad-data personali meta din tiġi ttrasferita u pproċessata għal finijiet ta’ kooperazzjoni tal-pulizija u ġudizzjarja,

–   wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar id-dritt għall-privatezza u għall-protezzjoni tad-data, b’mod partikolari dik tal-5 ta’ Settembru 2001 dwar l-eżistenza ta’ sistema globali għall-interċettazzjoni ta’ komunikazzjonijiet privati u kummerċjali (sistema ta’ interċettazzjoni Echelon)[1],

–   wara li kkunsidra d-dikjarazjzonijiet tal-President tal-Kunsill Ewropew, Herman van Rompuy, tal-President tal-Parlament, Martin Schulz, tal-Viċi President tal-Kummissjoni/Kummissarju għall-Ġustizzja, id-Drittijiet Fundamentali u ċ-Ċittadinanza, Viviane Reding, u tal-Viċi President tal-Kummissjoni/Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-politika ta’ Sigurtà, Catherine Ashton,

–   wara li kkunsidra l-Artikolu 110(2) u (4) tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu,

A. billi s-sħubija trans-Atlantika bejn l-UE u l-Istati Uniti trid tkun ibbażata fuq fiduċja u rispett reċiproċi, kooperazzjoni leali u reċiproka, u rispett tad-drittijiet fundamentali u l-istat tad-dritt;

B.  billi l-Istati Membri għandhom l-obbligu li jirrispettaw il-valuri fundamentali minquxin fl-Artikolu 2 tat-TUE u fil-Karta tad-Drittijiet Fundamentali;

C. billi attwalment tqajmu dubji dwar kemm dawn il-prinċipji qed jiġu rrispettati, wara li rapporti li dehru fl-istampa internazzjonali f’Ġunju 2013 kixfu evidenza li, permezz ta’ programmi bħal PRISM, l-awtoritajiet tal-Istati Uniti qegħdin, fuq skala kbira, jiksbu u jipproċessaw id-data personali taċ-ċittadini tal-UE meta dawn tal-aħħar jużaw fornituri Amerikani ta’ servizzi online;

D. billi dan id-dubju jikkonċerna mhux biss l-azzjonijiet tal-awtoritajiet tal-Istati Uniti, imma wkoll dawk ta’ bosta Stati Membri tal-UE, li skont l-istampa internazzjonali kkooperaw ma’ PRISM u ma’ programmi oħra simili, jew inkella kisbu aċċess għad-databasesli nħolqu;

E.  billi, barra minn hekk, bosta Stati Membri għandhom programmi ta’ sorveljanza ta’ natura simili għal PRISM jew qed jiddiskutu t-twaqqif ta’ tali programmi;

F.  billi tqajmu mistoqsijiet partikolari rigward kemm hija kompatibbli mad-dritt tal-UE il-prattika, fi ħdan programm bl-isem ta’ kodiċi Tempora, tal-aġenzija tal-intelligence tar-Renju Unit Government Communications Headquarters (GCHQ) li taċċedi direttament fil-cables ta' qiegħ il-baħar li jġorru l-komunikazzjoni elettronika trans-Atlantika; billi huwa rrappurtat li Stati Membri oħra jaċċedu komunikazzjonijiet elettroniċi transnazzjonali bla mandat ġudizzjajru regolari, imma abbażi ta’ qrati speċjali, jikkondividu d-data ma’ pajjiżi oħra (l-Isvezja), u jistgħu jtejbu l-kapaċitajiet ta’ sorveljanza tagħhom (il-Ġermanja, il-Pajjiżi l-Baxxi); billi fi Stati Membri oħra ġew espressi preokkupazzjonijiet bi rbit mal-poteri ta’ interċezzjoni tas-servizzi sigrieti (il-Polonja);

G. billi hemm indikazzjonijiet li l-istituzzjonijiet tal-UE u l-ambaxxati u r-rappreżentanzi tal-Istati Membri ġew issoġġettati għal attivitajiet ta’ sorveljanza u spjunaġġ tal-Istati Uniti;

H. billi l-Kummissarju Reding kitbet ittra lill-Avukat Ġenerali tal-Istati Uniti, Eric Holder, li fiha qajmet preokupazzjonijiet Ewropej u talbet kjarifiki u spjegazzjonijiet dwar il-programm PRISM u programmi oħrajn simili li jinvolvu l-ġbir u t-tiftix tad-data, kif ukoll dwar il-liġijiet li jistgħu jawtorizzaw l-użu ta’ tali programmi; billi tweġiba sħiħa mill-awtoritajiet tal-Istati Uniti għadha pendenti, minkejja d-diskussjonijiet li saru fil-laqgħa tal-Ministri għall-Ġustizzja tal-UE u l-Istati Uniti f’Dublin fl-14 ta’ Ġunju 2013;

I.   billi, skont il-Ftehim Safe Harbour, l-Istati Membri u l-Kummissjoni huma fdati bid-dmir li jiggarantixxu s-sigurtà u l-integrità tad-data personali; billi l-kumpaniji involuti fil-każ PRISM, kif rappurtat fl-istampa internazzjonali, huma kollha partijiet fil-Ftehim Safe Harbour; billi, skont l-Artikolu 3 ta’ dak il-ftehim, il-Kummissjoni għandha dmir li, jekk id-dispożizzjonijiet tal-ftehim ma jkunux rispettati, treġġa’ lura jew tissospendi l-ftehim;

J.   billi l-Ftehim bejn l-UE u l-Istati Uniti dwar l-Assistenza Legali Reċiproka, kif ratifikat mill-Unjoni u mill-Kungress tal-Istati Uniti, jistipula l-modalitajiet għall-ġbir u l-iskambju tal-informazzjoni, kif ukoll għat-talba u l-għoti ta’ assistenza fil-ksib ta’ evidenza li tkun tinsab f’pajjiż wieħed bħala għajnuna f’investigazzjonijiet jew proċedimenti li jkunu qed isiru f’pajjiż ieħor;

K. billi tkun ħaġa ta’ dispjaċir li kieku l-isforzi għall-konklużjoni ta’ Sħubija Trans-Atlantika ta’ Kummerċ u Investiment (TTIP), li turi l-impenn favur tisħiħ ulterjuri tas-sħubija bejn l-UE u l-Istati Uniti, kellhom ikunu affettwati mill-allegazzjonijiet reċenti;

L.  billi fl-14 ta' Ġunju 2013 il-Kummissarju Malmström ħabbret it-twaqqif ta’ grupp ta’ esperti miż-żewġ naħat tal-Atlantiku;

M. billi l-Kummissarju Reding kitbet lill-awtoritajiet tar-Renju Unit biex tesprimi tħassib dwar rapporti fil-midja dwar il-programm Tempora u biex titlob kjarifika dwar l-ambitu u l-operat tal-programm; billi l-awtoriajiet tar-Renju Unit iddefendew l-attivitajiet ta’ sorveljanza ta’ GCHQ, u sostnew li l-aġenzija topera skont linji gwida stretti u legali;

N. billi fil-livell tal-UE qed issir riforma tal-protezzjoni tad-data, permezz tar-rieżami tad-Direttiva 95/46/KE u s-sostituzzjoni tagħha bir-Regolament Ġenerali propost dwar il-Protezzjoni tad-Data u bid-Direttiva dwar il-Protezzjoni tad-Data dwar il-protezzjoni ta’ individwi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali mill-awtoritajiet kompetenti għall-finijiet ta’ prevenzjoni, investigazzjoni, sejbien jew prosekuzzjoni ta’ reati kriminali jew l-eżekuzzjoni ta’ pieni kriminali, u l-moviment liberu ta’ dik id-data;

1.  Jesprimi, filwaqt li jikkonferma s-sostenn kontinwu tiegħu għall-isforzi trans-Atlantiċi fil-ġlieda kontra t-terroriżmu u l-kriminalità organizzata, tħassib serju rigward PRISM u programmi oħra simili, minħabba li, jekk l-informazzjoni disponibbli sal-lum tkun ikkonfermata, dawn jistgħu jfissru vjolazzjoni serja tad-dritt taċ-ċittadini u r-residenti tal-UE għall-privatezza u l-protezzjoni tad-data, kif ukoll għad-dritt ta’ ħajja privata u tal-familja, il-kunfidenzjalità tal-komunikazzjonijiet, il-preżunzjoni tal-innoċenza, il-libertà tal-espressjoni, il-libertà tal-informazzjoni, u l-libertà tan-negozju;

2.  Jikkundanna bil-qawwa l-ispjunaġġ fuq rappreżentanzi tal-UE, minħabba li, jekk l-informazzjoni disponibbli sal-lum tkun ikkonfermata, dan jimplika vjolazzjoni serja tal-Konvenzjoni ta’ Vjenna dwar ir-Relazzjonijiet Diplomatiċi, minbarra l-impatt potenzjali tiegħu fuq ir-relazzjonijiet trans-Atlantiċi; jitlob kjarifika immedjata mill-awtoritajiet tal-Istati Uniti dwar dan;

3.  Jistieden lill-awtoritajiet tal-Istati Uniti biex, mingħajr dewmien bla bżonn, jagħtu lill-UE informazzjoni kompluta dwar il-programm PRISM u programmi oħrajn simili li jinvolvu l-ġbir tad-data, b’mod partikolari rigward il-bażi legali, in-neċessità u l-proporzjonalità tagħhom u s-salvagwardji implimentati għall-protezzjoni tad-drittijiet fundamentali taċ-ċittadini tal-UE, bħalma huma limitazzjonijiet tal-ambitu u d-durata, kundizzjonijiet għall-aċċess, u superviżjoni indipendenti, kif previsti skont il-Konvenzjoni dwar il-Kriminalità Ċibernetika u kif mitlub mill-Kummissarju Reding fl-ittra tagħha tal-10 ta’ Ġunju 2013 lill-Avukat Ġenerali Eric Holder; jistieden lill-awtoritajiet tal-Istati Uniti biex jissospendu u jirrevedu kwalunkwe liġi u programm ta’ sorveljanza li jiksru d-dritt fundamentali taċ-ċittadini tal-UE għall-privatezza u l-protezzjoni tad-data, is-sovranità u l-ġurisdizzjoni tal-UE u tal-Istati Membri tagħha, u l-Konvenzjoni dwar il-Kriminalità Ċibernetika;

4.  Jistieden lill-Kummissjoni, lill-Kunsill u lill-Istati Membri biex jikkunsidraw l-istrumenti kollha għad-dispożizzjoni tagħhom fid-diskussjonijiet u n-negozjati mal-Istati Uniti, sew fil-livell politiku kif ukoll f’dak tal-esperti, ħalli jilħqu l-objettivi msemmija hawn fuq, inkluża s-sospensjoni possibbli tal-ftehim dwar reġistru tal-ismijiet tal-passiġġieri (PNR) u dwar programm għar-rintraċċar tal-finanzjament tat-terroriżmu (TFTP);

5.  Jesiġi li l-grupp ta’ esperti miż-żewġ naħat tal-Atlantiku, kif imħabbar mill-Kummissarju Malmström u li fih se jieħu sehem il-Parlament, jingħata livell xieraq ta’ awtorizzazzjoni tas-sigurtà u aċċess għad-dokumenti rilevanti kollha biex ikun jista’ jaqdi l-kompitu tiegħu sewwa u fi żmien definit; jitlob ukoll li l-Parlament ikun rappreżentat b'mod adegwat f'dan il-grupp ta' esperti;

6.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-awtoritajiet tal-Istati Uniti biex jissuktaw, mingħajr dewmien, in-negozjati rigward il-ftehim qafas dwar il-protezzjoni tad-data personali meta din tiġi ttrasferita u pproċessata għal finijiet ta’ kooperazzjoni tal-pulizija u ġudizzjarja; jiltob li l-Kummissjoni, tul dawn in-negozjati, tiżgura li l-ftehim jissodisfa tal-anqas il-kriterji li ġejjin:

(a) li jagħti liċ-ċittadini tal-UE d-dritt għall-informazzjoni meta d-data tagħhom tiġi pproċessata fl-Istati Uniti;

(b) li jiggarantixxi li l-aċċess taċ-ċittadini tal-UE għas-sistema ġudizzjarja tal-Istati Uniti ikun ugwali għal dak li jgwadu ċ-ċittadini tal-Istati Uniti;

(c) li jagħti d-dritt għal rimedju, b’mod partikolari;

7.  Jitlob li l-Kummissjoni tiżgura li la l-istandards tal-protezzjoni tad-data tal-UE u lanqas in-negozjati dwar il-pakkett attwali ta’ protezzjoni tad-data ma jiddgħajfu b’riżultat tas-Sħubija Trans-Atlantika għall-Kummerċ u l-Investiment (TTIP) mal-Istati Uniti;

8.  Jitlob li l-Kummissjoni twettaq rieżami sħiħ tal-Ftehim Safe Habour fid-dawl tar-rivelazzjonijiet reċenti, skont l-Artikolu 3 ta’ dak il-ftehim;

9.  Jesprimi tħassib serju dwar ir-rivelazzjonjiet relatati mal-allegati programmi ta’ sorveljanza operati mill-Istati Membri, jew bl-għajnuna tan-National Security Agency tal-Istati Uniti jew inkella unilateralment; jitlob li l-Istati Membri kollha jeżaminaw il-kompatibbiltà ta’ dawn il-programmi mad-dritt primarju u sekondarju tal-UE, b’mod partikolari l-Artikolu 16 tat-TFUE dwar il-protezzjoni tad-data, u mal-obbligi tal-UE rigward id-drittijiet fundamentali derivati mill-KEDB u mit-tradizzjonijiet kostituzzjonali komuni għall-Istati Membri;

10. Jisħaq fuq il-fatt li l-kumpaniji kollha li jipprovdu servizzi fl-UE jeħtiġilhom ikunu konformi mad-dritt tal-UE bla eċċezzjoni, u li huma responsabbli għal kwalunkwe vjolazzjoni;

11. Jenfasizza li l-kumpaniji li jaqgħu taħt il-ġurisdizzjoni ta’ pajjiż terz lill-utenti li jinsabu fl-UE għandhom jagħtuhom twissija ċara u li tingħaraf dwar il-possibbiltà li d-data personali tiġi pproċessata, fuq ordnijiet jew inġunzjonijiet sigrieti, minn awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi u tal-intelligence;

12. Jiddispjaċih dwar il-fatt li l-Kummissjoni waqqgħet dak li kien l-Artikolu 42 tal-verżjoni tar-Regolament dwar il-Protezzjoni tad-Data li nħarġet fil-pubbliku bla awtorizzazzjoni; jitlob li l-Kummissjoni tikkjarifika l-għala ddeċidiet li tagħmel hekk; jitlob li l-Kunsill isegwi l-approċċ tal-Parlament u jerġa’ jdaħħal dispożizzjoni tali;

13. Jenfasizza li, fi stati miftuħa u bbażati fuq l-istat tad-dritt, iċ-ċittadini għandhom id-dritt li jsiru jafu dwar vjolazzjonijiet serji tad-drittijiet fundamentali tagħhom u li jikkundannaw dawk il-vjolazzjonijiet, inklużi dawk li jinvolvu lill-gvern proprju tagħhom; jisħaq fuq il-ħtieġa ta’ proċeduri li jippermettu li whistleblowers jikxfu vjolazzjonijiet serji tad-drittijiet fundamentali, kif ukoll fuq il-ħtieġa li dawn il-persuni jingħataw il-protezzjoni neċessarja, inkluż fil-livell internazzjonali; jesprimi s-sostenn kontinwu tiegħu għall-ġurnaliżmu investigattiv u għall-libertà tal-midja;

14. Jitlob li l-Kunsill, b’urġenza, iħaffef fil-ħidma tiegħu rigward il-Pakkett dwar il-Protezzjoni tad-Data kollu kemm hu, u b'mod speċifiku rigward id-Direttiva dwar il-Protezzjoni tad-Data;

15. Jenfasizza l-ħtieġa li jitwaqqaf ekwivalent Ewropew tal-kumitati mħallta parlamentari/ġudizzjarji ta' kontroll u inkjesta dwar is-servizzi tal-intelligence li jeżistu attwalment f'uħud mill-Istati Membri;

16. Jagħti istruzzjonijiet lill-Kumitat tiegħu għal-Libertajiet Ċivili, il-Ġustizzja u l-Intern biex iwettaq inkjesta fil-fond dwar il-materja, f’kollaborazzjoni ma’ parlamenti nazzjonali u mal-grupp ta’ esperti UE-Stati Uniti mwaqqaf mill-Kummissjoni, kif ukoll biex jagħmel rapport sal-aħar tas-sena, billi:

     (a) jiġbor l-informazzjoni u l-evidenza kollha relevanti minn sorsi sew fl-UE kif ukoll fl-Istati Uniti (kostatazzjoni tal-fatti);

     (b) jinvestiga l-allegati attivitajiet ta’ sorveljanza min-naħa tal-awtoritajiet tal-Istati Uniti kif ukoll kwalunkwe attività simili mwettqa minn ċerti Stati Membri (assenjazzjoni tar-responsabbiltajiet)

     (c) jivvaluta l-impatt tal-programmi ta’ sorveljanza rigward: id-drittijiet fundamentali taċ-ċittadini tal-UE (b’mod partikolari d-dritt għar-rispett tal-ħajja privata u l-komunikazzjonijiet privati, il-libertà tal-espressjoni, il-preżunzjoni tal-innoċenza u d-dritt ta’ rimedju effikaċi); protezzjoni reali tad-data sew fi ħdan l-UE u għaċ-ċittadini tal-Unjoni barra mill-UE, b’attenzjoni partikolari fuq l-effikaċja tad-dritt tal-UE rigward mekkaniżmi ta' extraterritorjalità; is-sikurezz tal-UE fl-era tal-cloud computing; il-valur miżjud u l-proporzjonalità ta’ tali programmi fir-rigward tal-ġlieda kontra t-terroriżmu; id-dimensjoni esterna taż-żona ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja (valutazjzoni tal-validità ta’ deċiżjonijiet ta’ aegwatezza għal trasferimenti tal-UE lil pajjiżi terzi, bħal dawk li jsiru skont il-Ftehim Safe Harbour, ftehimiet internazzjonali u strumenti legali oħra li jipprevedu assistenza u kooperazzjoni legali) (analiżi tar-riskju u tal-ħsara);

     (d) jesplora l-aktar mekkaniżmi f’lokhom għal rimedju fil-każ ta’ vjolazzjonijiet konfermati (rimedju amministrattiv u ġudizzjarju u skemi ta’ kumpens);

     (e) jagħmel rakkomandazzjonijiet maħsuba biex jipprevjenu vjolazzjonijiet ulterjuri, u li jiżguraw protezzjoni kredibbli u ta’ livell għoli tad-data personali taċ-ċittadini tal-UE b’mezzi adegwati, b’mod partikolari l-adozzjoni ta’ pakkett sħiħ dwar il-protezzjoni tad-data (rakkomandazzjonijiet ta’ politika u leġiferazzjoni);

     (f) jagħmel rakkomandazzjonijiet intiżi biex isaħħu s-sigurtà tal-IT fl-istituzzjonijiet, il-korpi u l-aġenziji tal-UE permezz ta’ regoli tajba tas-sigurtà għal sistemi ta’ komunikazzjoni, għall-prevenzjoni u l-korrezzjoni ta' aċċess mhux awtorizzat u tal-kxif jew it-telf ta’ informazzjoni u data personali (korrezzjoni ta’ lakuni tas-sigurtà);

17. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kummissjoni, lill-Kunsill, lill-Kunsill tal-Ewropa, lill-parlamenti tal-Istati Membri, lill-President tal-Istati Uniti, lis-Senat u lill-Kamra tar-Rappreżentanti tal-Istati Uniti u lis-Segretarji tal-Istati Uniti għas-Sigurtà Interna u għall-Ġustizzja.