MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI KONĠUNTA dwar is-sitwazzjoni fin-Niġerja
3.7.2013 - (2013/2691(RSP))
li tissostitwixxi l-mozzjonijiet għal riżoluzzjoni mressqa mill-gruppi:
Verts/ALE (B7‑0344/2013)
ECR (B7‑0345/2013)
PPE (B7‑0346/2013)
ALDE (B7‑0350/2013)
S&D (B7‑0353)
José Ignacio Salafranca Sánchez-Neyra, Filip Kaczmarek, Gay Mitchell, Elmar Brok, Cristian Dan Preda, Bernd Posselt, Tunne Kelam, Roberta Angelilli, Eija-Riitta Korhola, Elena Băsescu, Monica Luisa Macovei, Philippe Boulland, Jean Roatta, Mariya Gabriel, Sergio Paolo Francesco Silvestris, Giovanni La Via, Eduard Kukan, Sari Essayah, Petri Sarvamaa, Jarosław Leszek Wałęsa, Zuzana Roithová, Krzysztof Lisek, Tadeusz Zwiefka, Bogusław Sonik, Martin Kastler f'isem il-Grupp PPE
Véronique De Keyser, Michael Cashman, Ricardo Cortés Lastra, Norbert Neuser, Ana Gomes, Joanna Senyszyn, Corina Creţu, Liisa Jaakonsaari, Mitro Repo, Lidia Joanna Geringer de Oedenberg, Marc Tarabella, Pino Arlacchi, Antigoni Papadopoulou, Mojca Kleva Kekuš f'isem il-Grupp S&D
Marietje Schaake, Louis Michel, Robert Rochefort, Ramon Tremosa i Balcells, Izaskun Bilbao Barandica, Marielle de Sarnez, Charles Goerens, Sarah Ludford, Hannu Takkula, Johannes Cornelis van Baalen, Angelika Werthmann, Nathalie Griesbeck, Kristiina Ojuland f'isem il-Grupp ALDE
Judith Sargentini, Barbara Lochbihler, Ulrike Lunacek, Nicole Kiil-Nielsen, Jean Lambert, Raül Romeva i Rueda f'isem il-Grupp Verts/ALE
Charles Tannock f'isem il-Grupp ECR
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar is-sitwazzjoni fin-Niġerja
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet tiegħu tat-13 ta' Ġunju 2013 dwar il-libertà tal-istampa u tal-midja fid-dinja[1], tal-11 ta' Diċembru 2012 dwar strateġija dwar il-libertà diġitali fil-politika barranija tal-UE[2], tal-5 ta' Lulju 2012 dwar il-vjolenza kontra l-leżbjani u d-drittijiet tal-persuni LGBT fl-Afrika[3], u tal-15 ta' Marzu 2012 dwar is-sitwazzjoni fin-Niġerja[4],
– wara li kkunsidra d-dikjarazzjonijiet tal-Viċi President tal-Kummissjoni / Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, Catherine Ashton, fit-22 ta' Jannar 2012 dwar l-bumbardamenti f'Kano, fil-11 ta' Marzu 2013 dwar il-qtil ta' ostaġġi, fit-2 ta' Ġunju 2013 dwar il-liġi fin-Niġerja li tikkriminalizza ż-żwieġ u r-relazzjonijiet bejn persuni tal-istess sess, u fil-25 ta' Ġunju 2013 dwar eżekuzzjonijiet fin-Niġerja,
– wara li kkunsidra d-djalogu dwar id-drittijiet tal-bniedem UE-Niġerja li sar f'Abuja f'Marzu 2013 u l-Laqgħa Ministerjali Niġerja-UE tas-16 ta' Mejju 2013 fi Brussell, li stabbilixxew il-ħtieġa li t-telf ta' ħajjiet ċivili u l-qerda tal-infrastruttura pubblika jiġu bbilanċjati b'miżuri kontra t-terroriżmu,
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tal-Assemblea Parlamentari Konġunta AKP-UE, imlaqqgħa f'Mejju 2013 f'Horsens (id-Danimarka), dwar is-sitwazzjoni fin-Niġerja,
– wara li kkunsidra l-Linji Gwida tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea għall-Promozzjoni u l-Protezzjoni tat-Tgawdija tad-Drittijiet tal-Bniedem kollha minn Persuni Leżbjani, Gay, Bisesswali, Transġeneru u Intersesswali (LGBTI),
– wara li kkunsidra l-Ftehim ta' Cotonou tal-2000 u r-reviżjonijiet tiegħu tal-2005 u l-2010 (din tal-aħħar ratifikata min-Niġerja fis-27 ta' Settembru 2010), u b'mod partikolari l-Artikoli 8 u 9 tiegħu dwar id-djalogu politiku u d-drittijiet tal-bniedem, id-demokrazija u l-istat tad-dritt,
– wara li kkunsidra d-dikjarazzjonijiet magħmula mis-Segretarju Ġenerali tan-NU Ban Ki-moon fis-16 ta' Mejju 2013 dwar il-persistenza tal-vjolenza u s-sitwazzjoni tas-sigurtà li qed tiddeterjora fil-Grigal tan-Niġerja, u fit-22 ta' April 2013 dwar l-għadd kbir ta' ċivili li nqatlu u djar li nqerdu fin-Niġerja minħabba ġlied bejn il-forzi militari u l-grupp ribelli Boko Haram,
– wara li kkunsidra d-dikjarazzjonijiet magħmula mill-Kummissarju Għoli tan-NU għad-Drittijiet tal-Bniedem, Navi Pillay, fit-3 ta' Mejju 2013 b'reazzjoni għall-ġlied vjolenti ta' April 2013, li fihom fakkar lill-aġenti tas-sigurtà fin-Niġerja biex jirrispettaw id-drittijiet tal-bniedem u jevitaw l-użu eċċessiv tal-forza fl-operazzjonijiet tagħhom, u fis-17 ta' Mejju 2013 dwar il-possibilità li l-membri tal-Boko Haram jistgħu jiffaċċjaw akkużi ta' delitti tal-gwerra,
– wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU tas-27 ta' Diċembru 2011 dwar attakki mis-setta terroristika Boko Haram fin-Niġerja,
– wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni tan-NU dwar it-Tneħħija tal-Forom Kollha ta' Intolleranza u ta' Diskriminazzjoni bbażati fuq Reliġjon u Twemmin tal-1981,
– wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tat-12 ta' April 2012 tal-Ministri tal-Affarijiet Barranin tal-G8 dwar il-vjolenza persistenti fin-Niġerja,
– wara li kkunsidra l-Konvenzjoni tal-Unjoni Afrikana dwar il-Prevenzjoni u l-Ġlieda kontra t-Terroriżmu, ratifikata min-Niġerja fis-16 ta' Mejju 2003, u l-Protokoll addizzjonali ta' magħha, ratifikat min-Niġerja fit-22 ta' Diċembru 2008,
– wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni magħmula mill-Kummissarju għall-Paċi u s-Sigurtà tal-Unjoni Afrikana, Lamamra Ramtane, fl-14 ta' Lulju 2012, li fiha kkundanna l-attivitajiet u l-ksur tad-drittijiet tal-bniedem mill-Boko Haram, ħeġġeġ lill-komunità internazzjonali tgħin lin-Niġerja tirreżisti lis-setta terroristika, u enfasizza t-theddida li din toħloq għas-sigurtà reġjonali u internazzjonali,
– wara li kkunsidra s-summit tal-kapijiet ta' stat u ta' gvern tal-Golf tal-Ginea dwar is-sigurtà u s-sikurezza marittimi, li sar f'Yaoundé (il-Kamerun) fl-24 ta' Ġunju 2013,
– wara li kkunsidra l-Kostituzzjoni tar-Repubblika Federali tan-Niġerja adottata fid-29 ta' Mejju 1999, u b'mod partikolari d-dispożizzjonijiet tal-Kapitolu IV dwar il-protezzjoni tad-drittijiet tal-bniedem, inkluż id-dritt għall-ħajja, id-dritt għal smigħ ġust, id-dritt għad-dinjità tal-persuna umana, u l-protezzjoni tal-libertà tal-espressjoni, il-libertà tal-istampa, il-libertà tal-ħsieb, il-libertà tal-kuxjenza u l-libertà tar-reliġjon,
– wara li kkunsidra l-Artikolu 3 tal-Konvenzjonijiet ta' Ġinevra, ratifikati min-Niġerja fl-20 ta' Ġunju 1961, u l-Protokoll II tagħhom, ratifikat min-Niġerja fl-10 ta' Ottubru 1988, li t-tnejn li huma jistabbilixxu l-applikazzjoni tad-dritt internazzjonali fir-rigward ta' kunflitti armati mhux internazzjonali,
– wara li kkunsidra l-Karta Afrikana għad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Popli tal-1981, ratifikata min-Niġerja fit-22 ta' Ġunju 1983,
– wara li kkunsidra l-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi tal-1966, ratifikat min-Niġerja fid-29 ta' Ottubru 1993,
– wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem tal-1948,
– wara li kkunsidra l-Artikoli 122(5) u 110(4) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
A. billi l-President Niġerjan, Goodluck Jonathan, iddikjara stat ta' emerġenza fl-istati ta' Borno, Yobe u Adamawa fl-14 u l-15 ta' Mejju 2013 b'reazzjoni għall-attivitajiet tal-Boko Haram, filwaqt li mmobilizza forzi militari addizzjonali;
B. billi f'April 2013 il-belt ta' Baga nqerdet bil-ġlied bejn il-forzi militari Niġerjani u militanti tal-Boko Haram, li rriżulta fil-qerda ta' eluf ta' djar u l-mewt ta' mijiet ta' ċivili, skont il-mexxejja tal-komunitajiet; billi investigazzjoni indipendenti mill-Kummissjoni għad-Drittijiet tal-Bniedem tan-Niġerja se tikkonkludi dwar id-delitti f'Baga sal-aħħar ta' Lulju;
C. billi l-gvern federali klassifika l-Boko Haram taħt l-Att dwar il-Prevenzjoni tat-Terroriżmu tal-2011 sabiex jippermetti l-prosekuzzjoni ta' kull individwu assoċjat ma' dan il-grupp jew li jappoġġah;
D. billi l-Boko Haram kien responsabbli għal 4 000 mewt mill-2009; billi aktar minn 700 Niġerjan inqatlu s'issa f'aktar minn 80 attakk assoċjat mal-Boko Haram, li rapport reċenti tal-Istati Uniti klassifika fit-tieni post forst il-gruppi terroristiċi l-aktar qattiela fid-dinja; billi l-konnessjoni bejn il-Boko Haram u l-AQIM (Al-Qaida fil-Magreb Iżlamiku) jirrappreżenta theddida serja għall-paċi u s-sigurtà fir-reġjun vast ta' Sahel u tal-Afrika tal-Punent inġenerali; billi l-uffiċjali tas-sigurtà qed ikomplu jkunu fil-mira tal-Boko Haram, bħal fil-każ tat-tfittixija għal għarrieda li għamlet fis-7 ta' Mejju 2013 f'ħabs f'Bama, li fih madwar 55 persuna nqatlu u kważi 105 detenut inħelsu;
E. billi l-Human Rights Watch, Amnesty International, Freedom House u l-organizzazzjonijiet l-oħra tad-drittijiet tal-bniedem iddokumentaw l-involviment tal-Boko Haram f'attakki fuq għases tal-pulizija, faċilitajiet militari, knejjes, skejjel, irziezet u banek; billi l-Boko Haram espanda l-miri tiegħu taċ-ċivili, inkluż attakki fuq żewġt iskejjel sekondarji fl-istati ta' Borno u ta' Yobe fis-16 u s-17 ta' Ġunju 2013, li fihom inqatlu 16-il student u żewġ għalliema; billi dawn l-attakki ġiegħlu lil bosta eluf ta' tfal tal-iskola jabbandunaw l-edukazzjoni formali; billi t-theddid liċ-ċivili ġiegħel lil 19 000 bidwi jaħarbu mill-irziezet tagħhom u jabbandunaw ir-raba' tagħhom, li wassal għal telf fil-produttività agrikola u kkontribwixxa għall-iskarsezzi tal-ikel;
F. filwaqt li enfasizza t-tħassib dejjem jikber tiegħu dwar id-deċiżjoni tal-Boko Haram biex jisraq nisa u tfal bħala parti mill-kampanja vjolenti tal-gwerilja; billi fin-Niġerja nserqu, ġew attakkati u maqtula wkoll ħaddiema barranin mir-ribelli;
G. billi l-uffiċċju tar-Rappreżentant Għoli tan-NU għar-Rifuġjati wissa dwar kriżi tar-rifuġjati; billi f'dawn l-aħħar ġimgħat, madwar 6 000 Niġerjan waslu fin-Niġer u bejn il-11 u t-13 ta' Ġunju 2013, madwar 3 000 Niġerjan qasmu għall-Kamerun; billi r-rifuġjati qed jaqsmu wkoll il-fruntiera maċ-Ċad; billi tali spostamenti kkawżaw tensjonijiet kbar għar-riżorsi lokali limitati ħafna tal-ikel u tal-ilma, speċjalment fin-Niġer, li huwa stess qed jiġġieled ma' insigurtà tal-ikel minħabba snin ta' nixfa; billi l-ebda ġar tan-Niġerja ma għandu l-kapaċità li jassorbi n-numru ta' nies li se jkunu spostati f'każ ta' diżastru umanitarju ta' skala kbira wara vjolenza tal-massa;
H. billi l-Kristjani, il-Musulmani moderati u l-gruppi reliġjużi oħra qed ikomplu jkunu fil-mira tal-Boko Haram u qed jipprova jkeċċihom mit-Tramuntana tal-pajjiż b'maġġoranza Musulmana;
I. billi bi tweġiba għall-vjolenza tal-Boko Haram, il-pulizija u l-armata tan-Niġerja ħatfu u wettqu eżekuzzjonijiet extraġudizzjarji ta' bosta membri suspettati tal-grupp, partikolarment billi ħatfu ġuvintur minn villaġġi fit-Tramuntana; billi ħafna mid-detenuti nżammu incommunicado mingħajr akkuża jew proċess, f'xi każijiet f'kundizzjonijiet diżumani, u billi xi wħud ġew abbużati fiżikament, filwaqt li oħrajn sparixxew jew mietu waqt li kienu fid-detenzjoni; billi l-Gvern Niġerjan u l-uffiċjali tal-armata pprovdew stimi mhux affidabbli tal-vittmi ċivili u tal-ħsara li saret lid-djar; billi Human Rights Watch, Freedom House u l-organizzazzjonijiet l-oħra tad-drittijiet tal-bniedem iddeskrivew ir-reazzjoni tal-forzi Niġerjani fix-xhur reċenti bħala dejjem aktar brutali u indiskriminata u ċ-ċittadini qed jitħallew iġarrbu l-piż tal-vjolenza bejn iż-żewġ gruppi b'mod sporpozjonat;
J. billi l-libertajiet tal-espressjoni u tal-istampa qed jiddgħajfu minħabba t-theddid ta' arrest, intimidazzjoni, vjolenza u saħansitra mewt kontra dawk li jirrapportaw il-problemi b'mod li jikkritikaw l-awtoritajiet Niġerjani; billi l-Boko Haram heddet ripetutament li jattakka l-faċilitajiet tal-midja li rrapportaw b'mod negattiv dwarha;
K. billi minħabba d-dikjarazzjoni tal-istat ta' emerġenza, partijiet kbar tal-istati tal-Grigal saru inaċċessibbli għall-aġenziji tal-għajnuna, il-ġurnalisti u għall-korrispondenti; billi l-gvern imblokka s-servizzi ta' telefonija mobbli f'diversi żoni biex iwaqqaf il-komunikazzjoni tal-militanti;
L. billi l-Gvern Niġerjan dan l-aħħar kiser il-moratorja ta' seba' snin tiegħu dwar il-piena tal-mewt billi wettaq l-eżekuzzjoni ta' erba' priġunieri fl-istat ta' Edu li ġew ikkundannati meta n-Niġerja kienet għadha mmexxija minn dittatura militari; billi fis-26 ta' Ġunju 2013, ir-Rapporteur Speċjali tan-NU dwar l-eżekuzzjonijiet extraġudizzjarji, sommarji jew arbitrarji, Christof Heyns, stieden lill-awtoritajiet Niġerjani jwaqqfu l-eżekuzzjoni imminenti tal-ħames priġunier; billi skont ir-rapporti mill-organizzazzjonijiet tad-drittijiet tal-bniedem, fl-2012 in-Niġerja kkundannat 56 persuna għall-mewt u billi madwar 1 000 persuna huma rappurtati li qed jistennew il-piena tal-mewt fil-pajjiż.
M. billi l-Kamra tar-Rappreżentanti Niġerjana adottat l-liġi dwar il-projbizzjoni ta' żwieġ bejn persuni tal-istess sess (Same-Gender Marriage (Prohibition) Bill) fit-30 ta' Mejju 2013, li jintroduċi sentenza ta' priġunerija ta' erbatax-il sena lil kull min jiżżewweġ jew ikun miżżewweġ ma' persuna tal-istess sess, li japplika mhux biss għan-Niġerjani iżda wkoll għat-turisti, il-ħaddiema barranin u d-diplomatiċi, kif ukoll sentenza ta' għaxar snin għar-reġistrazzjoni jew għall-operazzjoni ta' faċilitajiet soċjali jew NGOs li jappoġġaw d-drittijiet tal-bniedem ta' persuni LGBTI;
N. billi l-problemi fin-Niġerja jinbtu min-nuqqas ta' żvilupp ekonomiku u t-tensjonijiet għandhom l-għeruq tagħhom f'għexieren ta' snin ta' riżentiment bejn il-gruppi indiġeni, l-aktar Insara jew animisti, li qegħdin jikkontendu għall-kontroll ta' artijiet agrikoli għammiela kontra migranti u residenti ġodda mit-Tramuntana, li huma Musulmani u ta' lsien Hausa; billi l-kunflitti qed jikbru minħabba tibdil fil-klima u l-progressjoni tad-deżert; billi l-kunflitt armat li qed jaggrava u l-isfidi soċjali u ekonomiċi persistenti x'aktarx iżidu r-radikalizzazzjoni, inkluż il-manipulazzjoni u r-reklutaġġ mill-gruppi fundamentalisti Iżlamiċi bħall-Boko Haram;
O. billi l-UE hija l-akbar donatur finanzjarju tan-Niġerja; billi, fit-12 ta' Novembru 2009, il-Kummissjoni u l-Gvern Federali tan-Niġerja ffirmaw id-Dokument ta' Strateġija għall-Pajjiż Niġerja-Komunità Ewropea u l-Programm Indikattiv Nazzjonali għall-perjodu 2008-2013, skont liema dokumenti l-UE se tiffinanzja proġetti bl-għanijiet tal-paċi, is-sigurtà u d-drittijiet tal-bniedem; billi l-assistenza tal-UE lin-Niġerja tul dan il-perjodu tammonta għal EUR 700 miljun, li ċertu ammont minnhom ġie devjat biex jindirizzaw is-sitwazzjoni ta' sigurtà dejjem aktar problematika fit-Tramuntana tan-Niġerja;
P. billi, skont l-Artikoli 8 u 9 tal-Ftehim ta' Cotonou rivedut, l-UE timpenja ruħha fi djalogu politiku regolari man-Niġerja dwar id-drittijiet tal-bniedem u l-prinċipji demokratiċi, li jinkludu d-diskriminazzjoni etnika, reliġjuża u razzjali;
Q. billi l-Kummissarju Għoli tan-NU għad-Drittijiet tal-Bniedem, Navi Pillay, wissa li l-attakki tal-Boko Haram jistgħu jikkostitwixxu delitti kontra l-umanità; billi l-prosekutur tal-Qorti Kriminali Internazzjonali, Fatou Bensouda, għamlet żjara f'Abuja f'Lulju 2012 u billi l-uffiċju tagħha ppubblika rapport f'Novembru 2012 li jiddikjara li jeżistu bażijiet raġonevoli biex dak li jkun iqis li l-Boko Haram ikkommetta atti li jikkostitwixxu delitti kontra l-umanità;
R. billi għalkemm in-Niġerja hija waħda mill-akbar produtturi taż-żejt fid-dinja, kważi 60 % tal-popolazzjoni jgħixu b'anqas minn dollaru kuljum; billi s-soluzzjoni paċifika tal-kunflitti timplika wkoll l-aċċess ġust għar-riżorsi u r-ridistribuzzjoni ġusta tad-dħul peremzz tal-baġit statali;
1. Jikkundanna bil-qawwa l-eskalazzjoni tal-vjolenza min-naħa tal-Boko Haram u t-telf traġiku ta' ħajjiet innoċenti fir-reġjuni milquta tan-Niġerja, u jesprimi l-kondoljanzi tiegħu lill-familji ta' dawk li tilfu ħajjithom u lil dawk midruba; jesprimi t-tħassib tiegħu dwar it-tensjonijiet li għaddejjin li fihom il-komunitajiet kienu atturi u vittmi;
2. Iħeġġeġ lill-gvern Niġerjan jiggarantixxi s-sigurtà u l-protezzjoni tal-popolazzjoni tiegħu kontra l-vjolenza tal-Boko Haram u jżomm lura milli jwettaq aktar attakki jew qtil bi tpattija, filwaqt li jirrispetta l-obbligi tiegħu taħt standards tad-drittijiet tal-bniedem rikonoxxuti fuq livell internazzjonali u jaġixxi b'mod konformi mal-istat tad-dritt;
3. Jikkundanna l-forzi militari Niġerjani talli użaw forza sproporzjonata fil-kuntatti vjolenti mal-Boko Haram, b'mod partikolari fit-tfittxijiet għal għarrieda tagħhom f'Baga fis-16 u s-17 ta' April 2013;
4. Iħeġġeġ kemm il-gvern kif ukoll l-atturi fil-livell substatali biex joqogħdu lura u jfittxu soluzzjonijiet paċifiċi biex isolvu d-differenzi ta' bejn il-gruppi reliġjużi u etniċi fin-Niġerja; jenfasizza, f'dan ir-rigward, l-importanza ta' sistema ġudizzjarja indipendenti, imparzjali aċċessibbli u li tiffunzjona, b'mod partikolari waqt il-kunflitti armati, sabiex titwaqqaf l-impunità, jissaħħaħ ir-rispett għall-istat tad-dritt u jiġu protetti d-drittijiet fundamentali tal-popolazzjoni;
5. Jistieden lill-Gvern Niġerjan jevita l-eskalazzjoni ulterjuri tal-kunflitt, b'kunsiderazzjoni partikolari għas-sikurezza u l-benessri taċ-ċivili, u jfakkar li l-qerda u l-ħsara għad-djar, l-infrastruttura pubblika u l-art agrikola kkawżati waqt il-kunflitt qed ikollhom impatt detrimentali fuq il-popolazzjoni;
6. Iħeġġeġ kemm lill-Gvern Niġerjan kif ukoll lill-Boko Haram jirrikonoxxu u jirrispettaw il-libertà tal-istampa u l-midja u jippermettu l-ġurnalisti u l-korrispondenti aċċess għall-linji ta' quddiem tal-kunflitti, peress li l-istampa u l-midja jistgħu jkollhom rwol importanti fit-tisħiħ tar-rendikont u fir-reġistrazzjoni tal-abbużi tad-drittijiet tal-bniedem;
7. Jikkundanna l-eżekuzzjoni ta' Daniel Nsofor mill-awtoritajiet Niġerjani għal reati mwettqa meta hu kien għadu taħt l-età ta' 18-il sena; jirrakkomanda li l-awtoritajiet jieħdu l-passi neċessarji sabiex jimplimentaw il-Konvenzjoni tan-NU dwar id-Drittijiet tat-Tfal u l-osservazzjonijiet finali tal-2010 fuq in-Niġerja, b'mod partikolari billi jiżguraw li d-definizzjoni ta' tfal fil-leġiżlazzjoni nazzjonali u fil-livell ta' stat hija kompletament konformi ma' dik stabbilita fil-Konvenzjoni dwar id-Drittijiet tat-Tfal, sabiex jirrevedu l-fajls tal-priġunieri kollha kkundannati għall-mewt għal reati mwettqa qabel ma għalqu t-18-il sena, u sabiex jabolixxu l-piena tal-mewt għall-persuni kollha taħt l-età ta' 18-il sena fil-leġiżlazzjoni nazzjonali;
8. Jikkundanna bil-qawwa l-eżekuzzjoni ta' erba' priġunieri fin-Niġerja f'Ġunju 2013; jistieden lill-awtoritajiet Niġerjani jirrispettaw l-impenji reċenti tagħhom, kif espressi fil-qafas ta' djalogu dwar id-drittijiet tal-bniedem bejn l-UE u n-Niġerja, biex iżommu moratorja de facto fuq l-eżekuzzjonijiet, u jħeġġeġ lill-pajjiż jabolixxi l-piena tal-mewt billi jemenda l-leġiżlazzjoni tiegħu;
9. Jistieden lill-awtoritajiet Niġerjani, bl-appoġġ tal-Kummissjoni Ewropea u l-UNICEF, sabiex iħaffu l-isforzi tagħhom għal riformi b'mod konformi tal-Konvenzjoni tal-UE dwar id-Drittijiet tat-Tfal, b'mod partikolari għal dak li jikkonċerna l-ġustizzja għat-tfal u s-sistemi ta' reġistrazzjoni tat-twelid; jirrakkomanda li n-Niġerja tkompli bl-isforzi tagħha u ssaħħaħhom sabiex tiżgura reġistrazzjoni bla ħlas u obbligatorja għat-tfal kollha u żżid is-sensibilizzazzjoni tal-pubbliku fir-rigward tal-importanza tar-reġistrazzjoni tat-twelid u tal-leġiżlazzjoni fis-seħħ;
10. Jirrikonoxxi li l-mowbajls jirrappreżentaw forma importanti ta' komunikazzjoni għall-militanti, iżda jħeġġeġ lill-Gvern Niġerjan biex ma jirrikorrix għall-imblokk tan-netwerk sħiħ, peress li dan jagħmilha impossibbli għaċ-ċittadini li jikkomunikaw;
11. Jenfasizza l-importanza ta' kooperazzjoni reġjonali għall-iffaċċjar tat-theddida kkawżata mill-konnessjoni bejn il-Boko Haram u l-AQMI; jinkoraġġixxi l-pajjiżi fir-reġjun isaħħu l-kooperazzjoni tagħhom, inkluż mal-pajjiżi tas-Sahel, sabiex jiġu evitati aktar sinerġiji bejn il-Boko Haram, l-AQMI u l-Moviment għat-Twaħħid u l-Ġiħad fl-Afrika tal-Punent (MOJWA); jistieden lill-istituzzjonijiet tal-UE u l-Istati Membri, kif ukoll in-NU, l-Unjoni Afrikana u l-Komunità Ekonomika tal-Istati tal-Afrika tal-Punent (ECOWAS), jappoġġaw tali sforzi reġjonali u jindirizzaw it-theddid li jġibu magħhom it-terroriżmu, il-proliferazzjoni ta' armi ta' kalibru żgħir u l-kriminalità transkonfinali;
12. Jieħu att bi tħassib tat-theddida dejjem akbar tal-piraterija 'l barra mill-Golf tal-Ginea u l-bżonn għal azzjoni aktar koordinata; jilqa' f'dan ir-rigward, l-isforzi reġjonali li sar qbil fuqhom sabiex jiġu indirizzati l-isfidi tal-piraterija fis-summit tal-kapijiet ta' stat u ta' gvern tal-Golf tal-Ginea dwar is-sigurtà u s-sikurezza marittima, li sar f'Yaoundé (il-Kamerun) fl-24 ta' Ġunju 2013;
13. Jitlob eżami usa' tal-kawżi primarji ta' dan il-kunflitt inklużi t-tensjonijiet soċjali, ekonomiċi u etniċi, filwaqt li jiġu evitati spjegazzjonijiet ġeneriċi u sempliċistiċi bbażati fuq ir-reliġjon biss, li ma jistgħux jipprovdu l-bażi għal soluzzjoni fit-tul u dejjiema għall-problemi tar-reġjun; iħeġġeġ lill-Gvern Niġerjan jaħdem għal soluzzjoni paċifika billi jindirizza l-kawżi primarji tal-kunflitt, u jiżgura aċċess ġust għar-riżorsi, żvilupp sostenibbli fil-livell tar-reġjuni u ridistribuzzjoni tal-ġid;
14. Jitlob li ssir investigazzjoni indipendenti fir-rigward tal-ksur tad-drittijiet tal-bniedem u li dawk responsabbli jidhru quddiem qorti b'konformità mal-istandards internazzjonali għal proċess ġust;
15. Jesprimi t-tħassib tiegħu li eskalazzjoni tal-kunflitt fin-Niġerja se taggrava aktar il-kriżi tar-rifuġjati fil-pajjiż viċini ta' Niġer u l-Kamerun; jinkoraġġixxi l-uffiċjali tal-Gvern Niġerjan jikkollaboraw mal-kapijiet tal-pajjiżi viċini sabiex jikkoordinaw ir-rispons għall-influss ta' rifuġjati;
16. Jitlob lill-Viċi President/Rappreżentant Għoli, Catherine Ashton, tħeġġeġ lill-Gvern Niġerjan jeżerċita r-rispett għall-drittijiet tal-bniedem fl-operazzjonijiet kontra t-terroriżmu; jesprimi d-disponibbiltà tiegħu sabiex isegwi mill-qrib l-iżvilupp tas-sitwazzjoni fin-Niġerja, u jipproponi miżuri restrettivi fil-każ ta' nuqqas ta' konformità mal-Ftehim ta' Cotonou, b'mod partikolari l-Artikoli 8 u 9 tiegħu; jitlob lill-Kummissjoni sabiex anki hi timmonitorja s-sitwazzjoni;
17. Jikkundunna bil-qawwa l-adozzjoni tal-liġi dwar il-projbizzjoni ta' żwieġ bejn persuni tal-istess sess, li abbażi tagħha relazzjoni bejn persuni tal-istess sess, l-appoġġ għad-drittijiet tal-persuni LGBT, il-ġestjoni ta' postijiet favur l-omosesswalità jew it-turija ta' affezzjoni bejn żewġ persuni tal-istess sess jikkostitwixxu reat; jistieden lill-President tan-Niġerja, għalhekk, biex ma jiffirmax il-liġi approvata mill-Kamra tar-Rappreżentanti, li tqiegħed persuni LGBT – kemm Niġerjani kif ukoll barranin – f'riskju gravi ta' vjolenza u arrest;
18. Jifraħ, f'dan ir-rigward, il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea talli reċentement adotta l-Linji Gwida tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea għall-Promozzjoni u l-Protezzjoni tat-Tgawdija tad-Drittijiet tal-Bniedem kollha minn Persuni Leżbjani, Gay, Bisesswali, Transġeneru u Intersesswali (LGBTI), u jitlob lis-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna u lid-delegazzjoni tal-UE għan-Niġerja jirrikorru bis-sħiħ għar-rakkomandazzjonijiet tagħhom, b'mod partikolari sabiex l-awtoritajiet Niġerjani jitħeġġew jiddepenalizzaw l-omosesswalità sabiex jiġu protetti l-persuni LGBTI u d-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem tagħhom;
19. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni, lill-Viċi President tal-Kummissjoni/Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri, lill-Gvern Federali tan-Niġerja, lill-istituzzjonijiet tal-Unjoni Afrikana u tal-ECOWAS, lis-Segretarju Ġenerali tan-NU, lill-Assemblea Ġenerali tan-NU, lill-Kopresidenti tal-Assemblea Parlamentari Konġunta tal-AKP-UE u lill-Parlament PAN-Afrikan (PAP).
- [1] Testi adottati, P7_TA(2013)0274.
- [2] Testi adottati, P7_TA(2012)0470.
- [3] Testi adottati, P7_TA(2012)0299.
- [4] Testi adottati, P7_TA(2012)0090.