MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI KONĠUNTA dwar is-sitwazzjoni f'Ġibuti
3.7.2013 - (2013/2690(RSP))
li tissostitwixxi l-mozzjonijiet għal riżoluzzjoni mressqa mill-gruppi:
ECR (B7‑0347/2013)
Verts/ALE (B7‑0348/2013)
PPE (B7‑0349/2013)
ALDE (B7‑0351/2013)
S&D (B7‑0355/2013)
José Ignacio Salafranca Sánchez-Neyra, Cristian Dan Preda, Elmar Brok, Bernd Posselt, Filip Kaczmarek, Tunne Kelam, Roberta Angelilli, Eija-Riitta Korhola, Elena Băsescu, Monica Luisa Macovei, Philippe Boulland, Jean Roatta, Mariya Gabriel, Sergio Paolo Francesco Silvestris, Giovanni La Via, Eduard Kukan, Sari Essayah, Laima Liucija Andrikienė, Petri Sarvamaa, Zuzana Roithová, Krzysztof Lisek, Bogusław Sonik f'isem il-Grupp PPE
Véronique De Keyser, Norbert Neuser, Ricardo Cortés Lastra, Liisa Jaakonsaari, Ana Gomes, Joanna Senyszyn, Mitro Repo, Pino Arlacchi, Marc Tarabella, Antigoni Papadopoulou f'isem il-Grupp S&D
Marielle de Sarnez, Marietje Schaake, Charles Goerens, Johannes Cornelis van Baalen, Izaskun Bilbao Barandica, Kristiina Ojuland, Robert Rochefort, Hannu Takkula, Ramon Tremosa i Balcells, Nathalie Griesbeck f'isem il-Grupp ALDE
Isabelle Durant, Judith Sargentini, Raül Romeva i Rueda, Barbara Lochbihler, Nicole Kiil-Nielsen, Ulrike Lunacek f'isem il-Grupp Verts/ALE
Charles Tannock f'isem il-Grupp ECR
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar is-sitwazzjoni f’Ġibuti
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni preċedenti tiegħu tal-15 ta’ Jannar 2009 dwar is-sitwazzjoni fil-Qarn tal-Afrika u dik tat-18 ta’ Diċembru 1997 dwar is-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem f’Ġibuti,
– wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni konġunta li saret f’Ġibuti fl-24 ta’ Frar 2013 mill-missjonijiet ta’ osservazzjoni internazzjonali (mill-Unjoni Afrikana (UA), il-Lega Għarbija, l-Organizzazzjoni tal-Kooperazzjoni Iżlamika (OIC) u l-Awtorità Intergovernattiva għall-Iżvilupp (IGAD)), li mmonitorjaw l-elezzjonijiet parlamentari li seħħew fir-Repubblika ta’ Ġibuti fit-22 ta’ Frar 2013,
– wara li kkunsidra l-Karta Afrikana għad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Popli, li Ġibuti rratifika,
– wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem tal-1948,
– wara li kkunsidra l-Ftehim ta’ Cotonou ffirmat fit-23 ta’ Ġunju 2000 u rivedut fit-22 ta’ Ġunju 2010,
– wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tat-12 ta’ Marzu 2013 mill-kelliem ta’ Catherine Ashton, Rappreżentant Għoli tal-UE, dwar is-sitwazzjoni wara l-elezzjonijiet parlamentari f’Ġibuti,
– wara li kkunsidra l-Artikoli 122(5) u 110(4) tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu,
A. billi, bis-saħħa tal-pożizzjoni tiegħu fit-tarf tal-Qarn tal-Afrika u fid-daħla tal-Baħar l-Aħmar, Ġibuti u l-infrastruttura strateġika (il-portijiet u ż-żoni liberi) tiegħu huma importanti għar-reġjun kollu kemm hu;
B. billi Ġibuti żvolġa rwol ċentrali fil-ġlieda kontra l-piraterija u t-terroriżmu fir-reġjun;
C. billi Ġibuti kellu sistema monopartitika minn żmien l-indipendenza tiegħu fl-1977 sal-2003;
D. billi l-pajjiż inħakem minn kriżi politika serja mill-elezzjonijiet parlamentari tat-22 ta’ Frar 2013 ’l hawn;
E. billi Ismail Omar Guelleh, li wasal fil-poter fl-1999, ġie rielett fl-2005 b’100 % tal-voti u ħabbar li mhux se jikkontesta l-elezzjoni mill-ġdid fl-2016; billi l-President Guelleh ġie rielett f’April 2011 bi kważi 80 % tal-voti f’elezzjonijiet li kienu soġġetti għal bojkott minn taqsima wiesgħa tal-oppożizzjoni wara li l-Parlament ta’ Ġibuti emenda l-kostituzzjoni sabiex jippermetti lill-President Guelleh jikseb mandat ġdid;
F. billi, għall-ewwel darba minn mindu l-President Guelleh wasal fil-poter, il-partiti tal-oppożizzjoni, bit-tama li l-pluraliżmu demokratiku jipprevali, iddeċidew li jieħdu sehem fl-elezzjonijiet parlamentari tat-22 ta’ Frar 2013, wara li ddaħħlet sistema ta’ votazzjoni ġdida, parzjalment proporzjonali, li tippermetti lill-partiti fil-minoranza jirħbu siġġijiet fil-parlament;
G. billi dawk l-elezzjonijiet ġew monitorjati minn osservaturi tal-Unjoni Afrikana, il-Lega Għarbija, l-Organizzazzjoni tal-Kooperazzjoni Iżlamika (OIC) u l-Awtorità Intergovernattiva għall-Iżvilupp (IGAD), li ssorveljaw l-operazzjonijiet f’154 post ta’ votazzjoni u fi 12-il ċentru ta’ għadd tal-voti u rrappurtaw li l-elezzjonijiet kienu trasparenti u li ma identifikaw l-ebda każ ta’ frodi jew tfigħ ta’ voti żejda;
H. billi, skont ir-riżultati mħabbra mill-Kunsill Kostituzzjonali, l-Unjoni għall-Maġġoranza Presidenzjali (UMP) kisbet 68 % tal-voti;
I. billi l-oppożizzjoni, li għall-ewwel darba mill-indipendenza tal-pajjiż ’l hawn rebħet siġġijiet fil-parlament, qalet li kien hemm frodi massiva u sostniet li hija kienet rebħet l-elezzjonijiet; billi l-Kunsill Kostituzzjonali ċaħad l-appell imressaq mill-oppożizzjoni kontra r-riżultat tal-elezzjonijiet;
J. billi l-oppożizzjoni qed tibbojkottja l-parlament li rriżulta minn dawn l-elezzjonijiet; billi l-awtoritajiet akkużaw lil parti mill-oppożizzjoni li kkostitwiet “Assemblea Nazzjonali Leġittima” (ANL), fil-marġini tal-parlament nazzjonali, wara l-elezzjonijiet kontroversjali ta’ Frar 2013; billi l-ANL hija preseduta mill-kap tal-lista ta’ kandidati tal-Unjoni għas-Salvazzjoni Nazzjonali (USN) għall-kostitwenza tal-Belt ta’ Ġibuti, Ismail Guedi Hared;
K. billi r-riżultati tal-elezzjonijiet parlamentari tat-22 ta’ Frar 2013 għadhom ma ġewx ippubblikati għal kull post ta’ votazzjoni, minkejja l-appelli magħmula mill-UE, u billi dan qed iqajjem suspetti ta’ frodi;
L. billi l-għadd ta’ votanti reġistrati fil-kostitwenza tal-Belt ta’ Ġibuti nbidel kull darba li tħabbru ċifri uffiċjali;
M. billi huwa rrappurtat li r-repressjoni, bl-użu sproporzjonat tal-forza, tad-dimostrazzjonijiet mill-partiti tal-oppożizzjoni li jikkontestaw ir-regolarità tal-elezzjonijiet parlamentari wasslet għal minn tal-anqas 10 każijiet ta’ mewt ikkaġunati minn sparar min-naħa tal-forzi tal-ordni;
N. billi saru arresti tal-massa fuq id-dimostranti tal-oppożizzjoni; billi l-NGOs qed jiddenunzjaw każijiet ta’ mewt dubjużi, ta’ tortura u ta’ għajbien;
O. billi, wara l-elezzjonijiet tat-22 ta’ Frar, ’il fuq minn elf membru tal-oppożizzjoni jingħad li sfaw priġunieri għal perjodi itwal jew iqsar;
P. billi huwa maħsub li madwar 60 priġunier politiku bħalissa jinsabu f’qagħda ta’ detenzjoni; billi min-naħa tal-awtoritajiet qed tiġi eżerċitata repressjoni kontinwa tal-militanti politiċi tal-oppożizzjoni;
Q. billi saru prosekuzzjonijiet kontra l-biċċa l-kbira tal-mexxejja tal-oppożizzjoni u kontra ħafna ġurnalisti;
R. billi l-ġurnalista Mydaneh Abdallah Okieh, li huwa wkoll responsabbli għall-komunikazzjoni mill-koalizzjoni tal-oppożizzjoni USN, huwa mixli b’diffamazzjoni tal-pulizija talli fuq in-netwerk soċjali Facebook ippubblika ritratti ta’ dimostranti li kienu vittmi ta’ repressjoni; billi fis-26 ta’ Ġunju l-Qorti tal-Appell ħarrxet is-sentenza tiegħu minn 45 jum għal ħames xhur;
S. billi f’April 2013 it-tliet mexxejja tal-koalizzjoni tal-oppożizzjoni USN ingħataw sentenza ta’ sentejn priġunerija u ġew miċħuda mid-drittijiet ċiviċi u ċivili tagħhom; billi s-smigħ tal-appell tagħhom ġie pospost għall-25 ta’ Novembru;
T. billi f’dan il-kuntest il-kelliem tal-oppożizzjoni tal-USN, Daher Ahmed Farah, ġie arrestat fl-4 ta’ Marzu 2013; billi nstab ħati li appella għal ribelljoni wara l-elezzjonijiet parlamentari ta’ Frar 2013; billi tnejn min-nies oħra kienu akkużati fl-istess każ, fejn wieħed irċieva sentenza sospiża ta’ priġunerija filwaqt li l-ieħor ġie lliberat; billi fis-26 ta’ Ġunju l-Qorti tal-Appell mill-ġdid ikkundannat lil Daher Ahmed Farah għal xahrejn priġunerija inkondizzjonata;
U. billi l-kundizzjonijiet ta’ detenzjoni fil-ħabsijiet ta’ Ġibuti huma preokkupanti immens;
V. billi l-Kostituzzjoni tal-1992 tiirikonoxxi l-libertajiet fundamentali u l-prinċipji bażiċi tal-governanza tajba;
W. billi l-Artikolu 10 tal-Kostituzzjoni jistabbilixxi li d-dritt għad-difiża, inkluż id-dritt li dak li jkun jiġi assistit mill-avukat tal-għażla tiegħu, għandu jiġi ggarantit fil-fażijiet kollha tal-proċedura;
X. billi Ġibuti ffirma l-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi kif ukoll il-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ekonomiċi, Soċjali u Kulturali;
Y. billi n-nisa ta’ Ġibuti jiffaċċjaw diversi forom ta’ vjolenza – inklużi stupru, mutilazzjoni ġenitali femminili, vjolenza domestika, fastidju sesswali u żwieġ bikri – li għandhom konsegwenzi negattivi ta’ portata kbira għall-benesseri fiżiku u psikoloġiku tan-nisa;
Z. billi Ġibuti huwa klassifikat fil-169 pożizzjoni (minn 179 pajjiż) fl-indiċi dinji tal-libertajiet tal-istampa 2013 kkompilat minn Ġurnalisti Mingħajr Fruntieri; billi l-ġurnalisti barranin huma pprojbiti milli jivvjaġġaw lejn Ġibuti u billi dan qed joħloq diffikultajiet biex tinkiseb informazzjoni affidabbli dwar dak li qed jiġri fil-pajjiż;
AA. billi f’Marzu 2012, l-Organizzazzjoni tal-Ikel u l-Agrikolutura tan-Nazzjonijiet Uniti (FAO) stmat li 180 000 ruħ f’Ġibuti kienu jeħtieġu għajnuna għall-ikel;
BB. billi f’dawn l-aħħar għoxrin sena, l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha kienu l-fornituri ewlenin tal-appoġġ finanzjarju għal Ġibuti; billi l-pagamenti magħmula mill-Istati Uniti tal-Amerika, mill-Ġappun u minn Franza għall-okkupazzjoni tal-bażijiet militari tagħhom jippreżentaw sors ta’ dħul li jiżgura tkabbir kontinwu għal Ġibuti;
CC. billi r-rispett għad-drittijiet tal-bniedem, il-prinċipji demokratiċi u l-istat tad-dritt huma l-pedament innifsu tas-sħubija AKP-UE u jikkostitwixxu elementi essenzjali tal-Ftehim ta’ Cotonou;
1. Jesprimi t-tħassib serju tiegħu dwar is-sitwazzjoni f’Ġibutui mill-elezzjonijiet parlamentari tat-22 ta’ Frar 2013 ’l hawn u l-klima ta’ tensjoni politika fil-pajjiż; jinsab partikolarment imħasseb dwar ir-rapporti ta’ arresti tal-massa kontra l-membri tal-oppożizzjoni, ta’ repressjoni tad-dimostrazzjonijiet organizzati bi protesta kontra l-irregolaritajiet fl-elezzjonijiet, u ta’ attakki kontra l-libertà tal-midja;
2. Jistieden lill-awtoritajiet ta’ Ġibuti jtemmu r-repressjoni tal-avversarji politiċi u jirrilaxxaw lil kull min jinsab detenut minħabba raġunijiet politiċi;
3. Jistieden lill-awtoritajiet ta’ Ġibuti jiggarantixxu r-rispett għad-drittijiet tal-bniedem rikonoxxuti fil-ftehimiet nazzjonali u internazzjonali ffirmati minn Ġibuti u jissalvagwardaw id-drittijiet u l-libertajiet ċivili u politiċi, inklużi d-dritt ta’ dimostrazzjoni paċifika u l-libertà tal-istampa;
4. Jikkundanna bil-qawwa l-atti ta’ vjolenza sesswali kontra n-nisa u jindika li l-Gvern ta’ Ġibuti għandu r-responsabbiltà li jtemm l-impunità billi jieħu passi legali kontra dawk responsabbli għall-vjolenza sesswali kontra n-nisa;
5. Jappella sabiex id-drittijiet tad-difiża jiġu rispettati, b’mod partikolari d-dritt li l-persuni akkużati jkollhom aċċess għal avukati tal-għażla tagħhom fil-fażijiet kollha tal-proċedimenti kontrihom; jistieden lill-awtoritajiet iħallu lill-familji tal-persuni detenuti jagħtuhom għajnuna materjali, b’mod partikolari fil-qasam tas-saħħa;
6. Jistieden lill-Gvern ta’ Ġibuti biex, bl-għajnuna tal-istituzzjonijet li vvalidaw ir-riżultati tal-elezzjoni, b’mod partikolari l-Unjoni Afrikana, iniedi proċess ta’ djalogu politiku mal-oppożizzjoni, bi qbil mat-tħabbira li għamel il-Kap ta’ Stat fis-27 ta’ Ġunju 2013 fl-okkażjoni tal-anniversarju tal-indipendenza ta’ Ġibuti; jistieden lill-Unjoni Ewropea tappoġġa l-ħidma tal-organizzazzjonijiet reġjonali u tikkontribwixxi għall-isforzi biex tinstab soluzzjoni għall-kriżi attwali;
7. Jappella sabiex tinfetaħ minnufih investigazzjoni ġudizzjarja bil-għan li jinxteħet dawl fuq l-azzjonijiet tal-pulizija u l-armata waqt id-dimostrazzjonijiet u li jiġu kkastigati dawk responsabbli għall-vjolazzjonijiet tad-drittijiet tal-bniedem;
8. Jilqa’ l-fatt li l-elezzjoni tat-22 ta’ Frar 2013 saret b’mod paċifiku, kif saħqu diversi rappreżentanti tal-komunità internazzjonali, inklużi l-Viċi President / Rappreżentant Għoli u l-kapijiet tal-erba’ missjonijiet ta’ osservazzjoni elettorali mibgħutin f’Ġibuti; jilqa’ l-impenn lejn il-ġejjieni ta’ pajjiżhom muri min-nies ta’ Ġibuti u mill-partiti politiċi kollha permezz tal-parteċipazzjoni tagħhom fl-elezzjoni;
9. Jilqa’ l-fatt li fl-elezzjoni tat-22 ta’ Frar 2013 il-forzi tal-oppożizzjoni, jiġifieri l-Unjoni għas-Salvazzjoni Nazzjonali (USN), ħadu sehem għall-ewwel darba minn mindu Ġibuti kiseb l-indipendenza fl-1977;
10. Itenni l-appell tal-Unjoni Ewropea sabiex ir-riżultati għal kull post ta’ votazzjoni li ntuża fl-elezzjoni tat-22 ta’ Frar 2013 jiġu ppubblikati;
11. Jistieden lill-forzi politiċi ta’ Ġibuti biex jirrispettaw l-istat tad-dritt, inkluż id-dritt għal dimostrazzjoni paċifika, u biex la jużaw il-vjolenza u lanqas jieħdu miżuri repressivi;
12. Jiddikjara r-rieda tiegħu li jimmonitorja s-sitwazzjoni f’Ġibuti mill-qrib u li jipproponi miżuri ristrettivi f’każ ta’ ksur tal-Ftehim ta’ Cotonou (2000), u b’mod partikolari tal-Artikoli 8 u 9 tiegħu; jistieden lill-Kummissjoni timmonitorja hija wkoll is-sitwazzjoni mill-qrib;
13. Iħeġġeġ lis-SEAE, lill-Kummissjoni u lil sħabhom biex jaħdmu flimkien man-nies ta’ Ġibuti fuq riforma politika fit-tul, liema ħidma għandha tkun iffaċilitata permezz tar-relazzjoni qawwija li diġà teżisti, meta wieħed iqis li Ġibuti kien komponent ewlieni fil-ġlieda kontra t-terroriżmu u li r-reġjun ospita l-bażijiet militari;
14. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Gvern ta’ Ġibuti, lill-istituzzjonijiet tal-Unjoni Afrikana, lill-Awtorità Intergovernattiva għall-Iżvilupp, lill-Lega Għarbija, lill-Organizzazzjoni tal-Kooperazzjoni Iżlamika, lill-Viċi President tal-Kummissjoni/Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà u lill-Ko-Presidenti tal-Assemblea Parlamentari Konġunta AKP-UE.