Mozzjoni għal riżoluzzjoni konġunta - RC-B7-0362/2013Mozzjoni għal riżoluzzjoni konġunta
RC-B7-0362/2013

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI KONĠUNTA dwar il-kriżi fl-Eġittu

3.7.2013 - (2013/2697(RSP))

imressqa skont l-Artikolu 110(2) u (4) tar-Regoli ta' Proċedura
li tissostitwixxi l-mozzjonijiet għal riżoluzzjoni mressqa mill-gruppi:
PPE (B7‑0362/2013)
S&D (B7‑0364/2013)
ECR (B7‑0365/2013)
Verts/ALE (B7‑0366/2013)
ALDE (B7‑0367/2013)

Cristian Dan Preda, Bernd Posselt, Tokia Saïfi, Roberta Angelilli, Arnaud Danjean, Krzysztof Lisek f'isem il-Grupp PPE
Véronique De Keyser, Libor Rouček, Pino Arlacchi, Emine Bozkurt, Saïd El Khadraoui, Ana Gomes, Richard Howitt, María Muñiz De Urquiza, Raimon Obiols, Pier Antonio Panzeri, Joanna Senyszyn, Boris Zala f'isem il-Grupp S&D
Guy Verhofstadt, Marietje Schaake, Graham Watson, Edward McMillan-Scott, Sarah Ludford, Kristiina Ojuland, Louis Michel, Angelika Werthmann, Izaskun Bilbao Barandica, Alexandra Thein, Hannu Takkula, Robert Rochefort, Ramon Tremosa i Balcells, Marielle de Sarnez f'isem il-Grupp ALDE
Judith Sargentini, Franziska Katharina Brantner, Hélène Flautre, Barbara Lochbihler, Raül Romeva i Rueda, Bart Staes, Tarja Cronberg, Nicole Kiil-Nielsen, Helga Trüpel f'isem il-Grupp Verts/ALE
Charles Tannock, Ryszard Czarnecki, Sajjad Karim, Adam Bielan f'isem il-Grupp ECR


Proċedura : 2013/2697(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument :  
RC-B7-0362/2013
Testi mressqa :
RC-B7-0362/2013
Dibattiti :
Testi adottati :

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar il-kriżi fl-Eġittu

(2013/2697(RSP))

Il-Parlament Ewropew,

–   wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni preċedenti tiegħu dwar l-Eġittu, b'mod partikolari dik tal-14 ta' Marzu 2013[1],

–   wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew tat-8 ta' Frar 2013 dwar ir-Rebbiegħa Għarbija,

–   wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill Affarijiet Barranin tas-27 ta’ Frar 2012, tal-25 ta’ Ġunju 2012, tal-31 ta’ Jannar 2013 u tat-8 ta’ Frar 2013 dwar l-Eġittu, u tal-31 ta’ Jannar 2013 dwar l-appoġġ tal-UE għal tibdil sostenibbli f’soċjetajiet ta’ tranżizzjoni,

–   wara li kkunsidra d-dikjarazzjonijiet tat-28 ta' Ġunju 2013 mir-Rappreżentant Għoli Catherine Ashton dwar id-dimostrazzjonijiet ippjanati fl-Eġittu,

–   wara li kkunsidra d-dikjarazzjonijiet mir-Rappreżentant Għoli Catherine Ashton tat-3 ta’ Lulju 2013 dwar is-sitwazzjoni fl-Eġittu u tat-28 ta’ Ġunju 2013 dwar id-dimostrazzjonijiet ippjanati fl-Eġittu għall-ewwel anniversarju tal-inawgurazzjoni tal-President Morsi fil-kariga,

–   wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tal-President tal-Parlament Ewropew Martin Schulz tas-6 ta’ Ġunju 2013 dwar il-kundanna ta’ 43 ħaddiem ta’ NGOs fl-Eġittu, id-dikjarazzjoni konġunta tar-Rappreżentant Għoli tal-UE Catherine Ashton u l-Kummissarju Štefan Füle tal-5 ta’ Ġunju 2013 dwar il-verdetti tal-ġuri tal-NGOs Eġizzjani, u d-dikjarazzjoni mill-kellim tar-Rappreżentant Għoli Catherine Ashton tat-2 ta' Ġunju 2013 dwar il-liġi l-ġdida dwar l-NGOs fl-Eġittu,

–   wara li kkunsidra l-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni UE-Eġittu tal-2001, li daħal fis-seħħ fl-2004 u li ssaħħaħ bil-Pjan ta’ Azzjoni tal-2007, u r-rapport ta’ progress tal-Kummissjoni tal-20 ta' Marzu 2013 dwar l-implimentazzjoni tiegħu,

–   wara li kkunsidra l-laqgħat tat-Task Force tal-UE tat-13 u l-14 ta' Novembru 2012, u tal-konklużjonijiet tagħha,

–   wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem tal-1948,

–   wara li kkunsidra l-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi tal-1966, li tiegħu l-Eġittu huwa firmatarju,

–   wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tal-1 ta’ Lulju 2013 mill-Ġeneral Abdul Fatah Khalil Al-Sisi, President tal-Kunsill Suprem tal-Forzi Armati tal-Eġittu, u l-pjan direzzjonali politiku ippreżentat mill-‘Moviment 6 ta' April’,

–   wara li kkunsidra d-dikjarazzjonijiet dwar l-abbozz ta’ leġiżlazzjoni dwar is-soċjetà ċivili fl-Eġittu mill-Kummissarju Għoli tan-NU għad-Drittijiet tal-Bniedem tat-8 ta' Mejju 2013 u mis-Segretarju Ġenerali tan-NU tal-5 ta' Ġunju 2013,

–   wara li kkunsidra l-opinjoni interim dwar l-abbozz ta’ liġi dwar l-organizzazzjonijiet tal-Eġittu li jagħmlu xogħol ċiviku tal-Kummissjoni Ewropea għad-Demokrazija Permezz tad-Dritt (il-Kummissjoni ta’ Venezja) tal-15 ta’ Ġunju 2013,

–   wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni mill-40 organizzazzjoni tas-soċjetà ċivili Eġizzjana tat-30 ta' Mejju 2013,

–   wara li kkunsidra it-tmien konvenzjonijiet ewlenin tal-ILO, li l-Eġittu rratifikat,

–   wara li kkunsidra r-rapport speċjali tal-Qorti Ewropea tal-Awdituri dwar il-"Kooperazzjoni tal-UE mal-Eġittu fil-Qasam tal-Governanza" tat-18 ta' Ġunju 2013,

–   wara li kkunsidra l-Artikolu 110(2) u (4) tar-Regoli ta' Proċedura,

A. billi l-Eġittu hija l-akbar pajjiż tar-Rebbiegħa Għarbija, pajjiż fus fil-Mediterran tan-Nofsinhar, sieħeb kummerċjali importanti tal-UE u benefiċjarju maġġuri ta' għajnuna tal-UE; billi żviluppi politiċi, ekonomiċi u soċjali fl-Eġittu għandhom implikazzjonijiet sinifikanti għar-reġjun kollu u lil hinn minnu;

B.  billi l-Eġittu jinsab f'perjodu kritiku ta' tranżizzjoni lejn id-demokrazija; billi l-pajjiż qiegħed iħabbat wiċċu ma' sfidi fundamentali fl-oqsma tal-Istat tad-dritt, tar-rispett għad-drittijiet tal-bniedem u għal-libertajiet fundamentali, u tal-ġustizzja soċjali; billi t-tensjonijiet politiċi li qed dejjem jiżdiedu qegħdin japprofondixxu l-polarizzazzjoni interna fi ħdan is-soċjetà Eġizzjana, u dan qiegħed iwassal għal dimostrazzjonijiet u ġlied vjolenti; billi l-każijiet ta' użu eċċessiv tal-forza u vjolenza kontra d-dimostranti paċifiċi min-naħa tal-forzi tas-sigurtà u ta' gruppi mhux identifikati baqgħu ma ġewx penalizzati;

C. billi fit-22 ta’ Novembru 2012, tmint ijiem wara l-konklużjoni tal-laqgħa tat-Task Force UE-Eġittu, il-President Morsi ħareġ Dikjarazzjoni Kostituzzjonali li permezz tagħha, inter alia, poġġa l-presidenza lil hinn mill-kontroll ġudizzjarju; billi jiem wara l-President annulla dik id-dikjarazzjoni, imma kienu diġà qed isiru dimostrazzjonijiet li kienu qed jeskalaw;

D. billi għadd ta’ miljuni ta’ nies niżlu fit-toroq fil-Kajr u madwar l-Eġittu fi protesti paċifiċi ta’ daqs li qatt ma kien hemm bħalu qabel biex jitolbu bi dritt li l-President Morsi jitlaq mis-setgħa; billi dawk li jżommu mal-President Morsi għamlu dimostrazzjonijiet favur il-President u l-Fraternità Musulmana; billi nqatlu għexieren ta’ nies u ħafna indarbu fid-dimostrazzjonijiet; billi għadd ta’ ministri u uffiċjali rriżenjaw b’appoġġ għall-moviment ta’ protesta popolari massiv; billi l-Forzi Armati Eġizzjani fl-1 ta' Lulju 2013 ħarġu stqarrija li fiha kkonċedew 48 siegħa lill-forzi politiċi Eġizzjani biex jissodisfaw id-domandi insistenti tal-poplu, inkella jintervjeni l-militar u jippreżenta pjan direzzjonali politiku għall-pajjiż;

E.  billi d-dimostranti ilhom xhur jipprotestaw kontra l-President Morsi, filwaqt li jallegaw li s-sitwazzjoni ġenerali fil-pajjiż taħt il-gvern immexxi mill-Fraternità Musulmana ma ttejbitx, iżda ddeterjorat; billi l-‘Moviment Ribell’ (Tamarod) ħabbar li l-attivisti tiegħu kienu ġabru aktar minn 22 miljun firma fil-kampanja ta’ petizzjoni tagħhom għall-irtirar tal-fiduċja mill-President Mohamed Morsi u biex issir elezzjoni presidenzjali bikrija, u wissa li kien se jvara kampanja ta’ diżubbidjenza ċivili jekk il-President jonqos milli jagħmel dan li qed jitolbu; billi l-oppożizzjoni Front ta’ Salvazzjoni Nazzjonali, fid-‘Dikjarazzjoni ta’ Rivoluzzjoni 1’ tagħha, talbet lid-dimostranti madwar l-Eġittu kollu biex jibqgħu għaddejjin bir-rallis paċifiċi tagħhom sakemm ir-reġim attwali jaqa';

F.  billi proċess politiku inklużiv ibbażat fuq il-kunsens, is-sjieda konġunta u djalogu nazzjonali ġenwin b'parteċipazzjoni sinifikanti tal-forzi politiċi demokratiċi kollha huwa l-uniku mod kif jingħelbu l-firdiet politiċi u soċjali attwali, bil-għan li tinbena demokrazija profonda u sostenibbli fl-Eġittu, u kif ikunu jistgħu jseħħu r-riforma ekonomika u l-governanza meħtieġa; billi l-Eġittu ma għandux ireġġa’ lura l-kisbiet demokratiċi tiegħu billi jirrikorri għal dittatorjat militari;

G. billi n-nisa jinsabu f'qagħda partikolarment vulnerabbli fil-perjodu attwali ta' tranżizzjoni fl-Eġittu; billi dimostranti femminili ta' spiss ikunu soġġetti għal vjolenza, attakki sesswali, testijiet tal-verġinità u forom oħra ta' trattament degradanti, filwaqt li attivisti għad-drittijiet tan-nisa qegħdin jiffaċċjaw fastidju u intimidazzjoni regolari; billi n-nisa esperjenzaw ostakli maġġuri fil-qasam tal-parteċipazzjoni politika fil-pajjiż;

H. billi l-Eġittu qiegħed iħabbat wiċċu ma' diffikultajiet ekonomiċi dejjem aktar gravi; billi l-prosperità ekonomika fil-pajjiż teħtieġ stabilità politika, politiki ekonomiċi sodi, li tiġi miġġielda l-korruzzjoni, u sostenn internazzjonali; billi l-ġustizzja soċjali u livell ta' għajxien ogħla għaċ-ċittadini huma dimensjonijiet kruċjali tat-tranżizzjoni lejn soċjetà Eġizzjana mifuħa, stabbli, demokratika, libera u prospera;

I.   billi s-soċjetà ċivili għandha rwol kruċjali xi twettaq fit-tranżizzjoni demokratika fl-Eġittu, u għandha titħalla topera b’mod liberu; billi d-dritt ta’ assoċjazzjoni jmur id f’id mad-dritt ta’ aċċess għall-finanzjament u jiddependi minnu; billi l-NGOs internazzjonali u domestiċi qed jiffaċċjaw pressjoni dejjem akbar, attakki ostili, fastidju u intimidazzjoni fil-pajjiż; billi, fl-4 ta' Ġunju 2013, qorti kriminali tal-Kajr ikkundannat 43 ħaddiem ta' NGOs barranin u Eġizzjani sa ħames snin priġunerija għal attivitajiet ta' soċjetà ċivili u ordnat li jingħalqu u jiġu konfiskati l-beni tal-fergħat lokali ta' ħames NGOs internazzjonali li kienu ilhom joperaw fl-Eġittu żmien twil, jiġifieri l-Fondazzjoni Konrad Adenauer, l-Istitut Demokratiku Nazzjonali, l-Istitut Repubblikan Internazzjonali, il-Freedom House u ċ-Ċentru Internazzjonali għall-Ġurnalisti; billi dawn is-sentenzi tal-qorti jiffurmaw parti minn kampanja ta' intimidazzjoni mill-awtoritajiet tal-gvern Eġizzjan kontra l-NGOs;

J.   billi abbozz ġdid ta' Liġi dwar l-Assoċjazzjonijiet tressaq mill-President Morsi lill-Kunsill Shoura fid-29 ta' Mejju 2013; billi dan l-abbozz ta’ liġi ġie kkritikat bis-saħħa, kemm fl-Eġittu u kemm barra, talli jippermetti restrizzjonijiet eċċessibi u diskrezzjonarji mill-awtoritajiet tal-istat fuq l-operazzjonijiet tal-NGOs; billi kwalunkwe liġi ġdida dwar l-assoċjazzjonijiet trid tkun skont l-istandards internazzjonali u skont l-obbligi tal-Eġittu;

K. billi t-trade unions indipendenti għandhom rwol kruċjali xi jwettqu fil-qasam tar-relazzjonijiet tax-xogħol f'dan il-perjodu kritiku ta' tranżizzjoni politika, ekonomika u soċjali fl-Eġittu; billi hemm rapporti regolari ta' każijiet ta' restrizzjonijiet fuq id-dritt tal-ħaddiema li jistabbilixxu unions indipendenti u ta' atti ta' tpattija u intimidazzjoni kontra dawk li jippruvaw jorganizzaw u jisstrajkjaw; billi n-nuqqas min-naħa tal-impjegaturi li jirrikonoxxu jew li jinnegozjaw ma' unions indipendenti huwa sors ta' tensjoni soċjali konsiderevoli;

L.  billi hemm tħassib dejjem jiżdied dwar ir-restrizzjonijiet li qegħdin jitpoġġew fuq il-libertà tal-kuxjenza, il-libertà tat-twemmin u l-libertà tar-reliġjon fl-Eġittu;

M. billi stampa u midja indipendenti u liberi jiffurmaw parti ewlenija tas-soċjetà f’demokrazija vera; billi l-vjolenza fiżika u l-fastidju kontra l-ġurnalisti żdiedu; billi inbdew għadd ta' proċedimenti ġuridiċi kontra ġurnalisti u bloggers, ibbażati fuq akkużi ta' insulti lil President; billi l-għadd ta' każijiet ta' dagħa żdied fl-Eġittu minn mindu l-President Morsi nħatar ħa l-kariga;

N. billi l-Artikolu 2 tal-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni UE-Eġittu jiddikjara li r-relazzjonijiet bejn il-Partijiet għandhom ikunu bbażati fuq ir-rispett għall-prinċipji demokratiċi u d-drittijiet fundamentali tal-bniedem u għandhom iwasslu għall-politika ta’ ‘aktar għal aktar’, li hija ġebla tax-xewka tal-Politika Ewropea tal-Viċinat rieżaminata tal-UE;

O. billi bejn l-2007 u l-2012 l-Eġittu rċieva madwar EUR 1 biljun f’għajnuna tal-UE, u billi l-UE impenjat EUR 5 biljun oħra f’għajnuna, li jistgħu jsiru disponibbli għalkollox ladarba l-kundizzjonijiet marbuta ma' dawk iffissati mill-FMI jiġu ssodisfati;

P.  billi rapport speċjali riċenti mill-Qort Ewropea tal-Awdituri dwar ‘Il-kooperazzjoni tal-UE mal-Eġittu fil-qasam tal-governanza’ jallega li ftit sar progress fil-pajjiż mill-interventi tal-UE b'appoġġ għad-demokrazija u d-drittijiet tal-bniedem f'dawn l-aħħar ftit snin;

1.  Jesprimi s-solidarjetà tiegħu mal-poplu Eġizzjan f'dan il-perjodu kritiku ta' tranżizzjoni lejn id-demokrazija u l-kondoljanzi sinċieri tiegħu lill-familji tal-vittmi, u jitlob b'insistenza li dawk responsabbli jitressqu l-qorti;

2.  Jistieden lill-Gvern Eġizzjan jiżgura s-sigurtà taċ-ċittadini kollha, huma x’inhuma l-fehmiet u l-affiljazzjoni politiċi tagħhom u l-konfessjoni tagħhom, jirrispetta d-drittijiet u l-libertajiet fundamentali tal-bniedem, jipproteġi l-libertà ta' assoċjazzjoni u ta' espressjoni, u jirrispetta u jissodisfa l-obbligi internazzjonali tiegħu; jistieden lill-partijiet kollha jaġixxu b'mod responsabbli, bil-għan li jevitaw l-azzjonijiet vjolenti u l-provokazzjonijiet li jistgħu jimminaw jew ixekklu d-dritt leġittimu tal-poplu li jagħmel dimostrazzjonijiet b'mod paċifiku u jesprimi b’mod liberu r-rieda u l-opinjoni tiegħu;

3.  Iħeġġeġ lill-atturi politiċi kollha jinvolvu ruħhom fi djalogu nazzjonali lejn ir-rikonċiljazzjoni – mibnija fuq it-tolleranza, l-inklużività u n-nonvjolenza – mill-aktar fis possibbli, bil-għan li tiġi promossa tranżizzjoni demokratika u jinbnew istituzzjonijiet demokratiċi effettivi fil-pajjiż;

4.  Jappella biex jitwaqqaf immedjatament kull att ta' vjolenza, attakk sesswali, test tal-verġinità u forma oħra ta' trattament degradanti kontra d-dimostranti nisa, l-attivisti favur id-drittijiet tan-nisa ul-komunità LGBT, isiru investigazzjonijiet serji u imparzjali f'dawn il-każijiet kollha u li dawk responsabbli jinġiebu quddiem il-ġustizzja;

5.  Jikkundanna bill-qawwi d-deċiżjoni ġudizzjarja tal-4 ta' Ġunju 2013 mill-Qorti Kriminali tal-Kajr li tagħti sentenza ta' ħabs lil 43 ħaddiema Eġizzjani u barranin ta' NGOs, li tagħlaq il-fergħat lokali tal-ħames NGOs barranin ikkonċernati u li tikkonfiska l-assi tagħhom; iqis li din is-sentenza ​​politikament motivata, li tikkriminalizza l-ħidma leġittima ta' organizzazzjonijiet barranin fl-Eġittu, hija attakk inaċċettabbli fuq il-libertà ta’ assoċjazzjoni u ta’ espressjoni u tikkostitwixxi daqqa ta' ħarta serja lill-isforzi internazzjonanli u tal-UE biex jingħata appoġġ lill-Eġittu fit-tranżizzjoni politika tiegħu; iħeġġeġ lill-awtoritajiet Eġizzjani iwaqqfu b’effett immedjat is-suriet kollha ta’ fastidju u intimidazzjoni li għalihom huma soġġetti NGOs indipendenti fil-pajjiż u, b’mod speċjali, iħassru l-akkużi kriminali kollha miġjuba kontra l-ħaddiema tal-NGOs;

6.  Jesprimi t-tħassib profond tiegħu dwar l-abbozz ta' liġi ġdid dwar l-NGOs, u jappoġġja l-konsultazzjonijiet li għaddejjin bħalissa bejn l-awtoritajiet Eġizzjani u l-Kummissjoni ta' Venezja tal-Kunsill tal-Ewropa, li kienu nbdew mir-Rappreżentant Speċjali tal-UE għad-Drittijiet tal-Bniedem;

7.  Jesprimi t-tħassib tiegħu dwar l-għadd kbir ta’ rapporti ta' ksur tad-drittijiet tax-xogħol fl-Eġittu; jistieden lill-awtoritajiet Eġizzjani jippermettu lill-ħaddiema jeżerċitaw id-dritt tagħhom li jassoċjaw ruħhom u li jwettqu attivitajiet trejdjunjonistiċi, u biex jallinjaw il-leġiżlazzjoni domestika mal-konvenzjonijiet tal-ILO, li l-Eġittu jagħmel parti minnhom; jitlob li l-limitazzjoni, spjegata fl-Artikolu 53 tal-kostituzzjoni l-ġdida, għal trade union waħda għal kull professjoni tiġi abolita;

8.  Jistieden lill-awtoritajiet Eġizzjani jwettqu r-responsabilità tagħhom li jissodisfaw ir-rekwiżiti meħtieġa biex l-għajnuna tal-FMI u tal-EU jsiru disponibbli; ifakkar li l-UE hija lesta li tgħin lill-Eġittu bil-għan li jiġi żgurat li r-riformi li jwasslu għall-irkupru ekonomiku jiġu indirizzati b’mod responsabbli u malajr;

9.  Iħeġġeġ lill-UE u lill-Istati Membri tagħha jkomplu jagħtu sostenn finanzjarju u assistenza teknika sostanzjali lill-NGOs Eġizzjani u jikkollaboraw magħhom bil-għan li jsaħħu s-sensibilizzazzjoni tas-soċjetà ċivili, il-kultura ta' azzjoni ċivili u l-attivitajiet tas-soċjetà ċivili fil-pajjiż, li jirrappreżentaw elementi kruċjali ta’ demokrazija profonda u sostenibbli;

10. Jistieden lill-Viċi President/Rappreżentant Għoli toffri l-uffiċċji tagħha bħala medjatur biex tirranġa n-negozjar ta' mezz ta’ ħruġ minn din il-kriżi;

11. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Viċi President tal-Kummissjoni/Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, lill-parlamenti u lill-gvernijiet tal-Istati Membri, u Parlament u lill-Gvern tal-Eġittu.