Mozzjoni għal riżoluzzjoni konġunta - RC-B7-0411/2013Mozzjoni għal riżoluzzjoni konġunta
RC-B7-0411/2013

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI KONĠUNTA dwar is-sitwazzjoni fl-Eġittu

11.9.2013 - (2013/2820(RSP))

imressqa skont l-Artikolu 110(2) u (4) tar-Regoli ta' Proċedura
li tissostitwixxi l-mozzjonijiet għal riżoluzzjoni mressqa mill-gruppi:
ECR (B7‑041/2013)
S&D (B7‑0412/2013)
PPE (B7‑0414/2013)
Verts/ALE (B7‑0417/2013)
ALDE (B7‑0420/2013)

Cristian Dan Preda, Elmar Brok, Tokia Saïfi, Jerzy Buzek, Tunne Kelam, Jean Roatta, Roberta Angelilli, Francisco José Millán Mon, Rodi Kratsa-Tsagaropoulou, Hans-Gert Pöttering, Anne Delvaux, Jacek Protasiewicz, Elisabeth Jeggle, Bernd Posselt, Salvatore Iacolino, Giovanni La Via, Krzysztof Lisek, Radvilė Morkūnaitė-Mikulėnienė f'isem il-Grupp PPE
Véronique De Keyser, Libor Rouček, Pino Arlacchi, Saïd El Khadraoui, Ana Gomes, Richard Howitt, Maria Eleni Koppa, María Muñiz De Urquiza, Raimon Obiols, Pier Antonio Panzeri, Joanna Senyszyn, Boris Zala, Roberto Gualtieri f'isem il-Grupp S&D
Marietje Schaake, Ramon Tremosa i Balcells, Graham Watson, Robert Rochefort, Sarah Ludford, Kristiina Ojuland, Johannes Cornelis van Baalen, Edward McMillan-Scott, Alexandra Thein, Izaskun Bilbao Barandica, Hannu Takkula, Alexander Graf Lambsdorff, Louis Michel f'isem il-Grupp ALDE
Judith Sargentini f'isem il-Grupp Verts/ALE
Charles Tannock, Adam Bielan, Sajjad Karim, Ryszard Antoni Legutko, Tomasz Piotr Poręba, Ryszard Czarnecki, Valdemar Tomaševski f'isem il-Grupp ECR


Proċedura : 2013/2820(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument :  
RC-B7-0411/2013
Testi mressqa :
RC-B7-0411/2013
Dibattiti :
Votazzjonijiet :
Testi adottati :

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar is-sitwazzjoni fl-Eġittu

(2013/2820(RSP))

Il-Parlament Ewropew,

–   wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar l-Eġittu,

–   wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-23 ta' Mejju 2013 dwar l-irkupru tal-assi mill-pajjiżi tar-Rebbiegħa Għarbija fi tranżizzjoni[1],

–   wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew dwar ir-Rebbiegħa Għarbija tat-8 ta’ Frar 2013,

–   wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill tal-21 ta' Awwissu u tat-22 ta' Lulju 2013 dwar l-Eġittu,

–   wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni konġunta tat-18 ta' Awwissu 2013 dwar l-Eġittu tal-President tal-Kunsill Ewropew, Herman Van Rompuy, u tal-President tal-Kummissjoni, José Manuel Barroso,

–   wara li kkunsidra l-kummenti tar-Rappreżentant Għoli, Catherine Ashton, wara l-laqgħa straordinarja tal-Kunsill Affarijiet Barranin dwar l-Eġittu tal-21 ta' Awwissu 2013, id-dikjarazzjonijiet tar-Rappreżentant Għoli dwar is-sitwazzjoni u l-iżviluppi fl-Eġittu ta' Awwissu u Lulju 2013, kif ukoll id-dikjarazzjoni konġunta tas-7 ta' Awwissu 2013 dwar l-Eġittu tar-Rappreżentant Għoli u tas-Segretarju tal-Istat tal-Istati Uniti, John Kerry,

–   wara li kkunsidra l-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni UE-Eġittu tal-2001, li daħal fis-seħħ fl-2004, imsaħħaħ mill-Pjan ta’ Azzjoni tal-2007, u r-rapport ta’ progress tal-Kummissjoni tal-20 ta’ Marzu 2013 dwar l-implimentazzjoni tiegħu,

–   wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kopresidenti tal-laqgħa tat-Task Force UE-Eġittu tal-14 ta' Novembru 2012,

–   wara li kkunsidra r-rapport tal-Qorti Ewropea tal-Awdituri dwar il-kooperazzjoni tal-UE fl-Eġittu fil-qasam tal-governanza, ippubblikat fit-18 ta' Ġunju 2013,

–   wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem tal-1948,

–   wara li kkunsidra l-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi tal-1966, li l-Eġittu huwa firmatarju tiegħu,

–   wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Kostituzzjonali maħruġa mill-Eġittu fit-8 ta' Lulju 2013, fejn ġie propost pjan direzzjonali għal emendi kostituzzjonali u elezzjonijiet ġodda,

–   wara li kkunsidra l-"Programm ta' Appoġġ għat-Triq Lejn id-Demokrazija" tal-Gvern interim tal-Eġittu,

–    wara li kkunsidra l-Artikolu 110(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A. billi l-Eġittu huwa l-akbar pajjiż Għarbi, pajjiż ta’ importanza kbira fin-Nofsinhar tal-Mediterran, sieħeb kummerċjali importanti tal-UE u benefiċjarju kbir ta’ għajnuna mill-UE; billi l-iżviluppi politiċi, ekonomiċi u soċjali fl-Eġittu għandhom implikazzjonijiet kbar fir-reġjun kollu u lil hinn minnu;

B.  billi n-nuqqas min-naħa tal-President Morsi u tal-gvern tiegħu li jwettqu l-wegħdiet ekonomiċi, biex iqis it-tħassib leġittimu tal-forzi demokratiċi kollha tas-soċjetà Eġizjana u biex jimplimenta trażizzjoni demokratika mitluba mill-popolazzjoni għal dawn l-aħħar sentejn wassal għal żieda fil-polarizzazzjoni politika, dimostrazzjonijiet tal-massa fejn il-President Morsi ntalab jirriżenja u kunflitti vjolenti;

C. billi fit-30 ta' Ġunju 2013, miljuni ta' avversarji tal-President Morsi nġabru fil-Kajr u fi bliet Eġizzjani oħrajn biex juruh li jriduh jirriżenja; billi, wara dawn il-protesti, fit-3 ta' Lulju 2013, il-kap tal-forzi armati, il-Ġeneral Abdul Fattah al-Sisi, mexxa kolp militari li ħeles mill-President Morsi u l-gvern tiegħu; billi fid-dikjarazzjoni tiegħu tal-4 ta’ Lulju 2013 il-Kunsill Suprem tal-Forzi Armati ħabbar is-sospensjoni tal-Kostituzzjoni, it-trasferiment tal-poter lill-kap tal-Qorti Kostituzzjonali sakemm isiru elezzjonijiet presidenzjali bikrin, segwiti minn elezzjonijiet parlamentari, u l-iffurmar ta’ gvern ta’ koalizzjoni nazzjonali u kumitat biex jistudja emendi għall-Kostituzzjoni; billi s-Sur Adly Mansour ħa l-ġurament bħala President interim;

D. billi l-President interim xolja l-kamra għolja tal-Parlament, ħabbar pjan direzzjonali fuq perjodu ta' tranżizzjoni ta' disa' xhur, li matulu l-Kostituzzjoni tal-2012 tiġi emendata u adottata b'referendum, segwita minn elezzjonijiet parlamentari u presidenzjali, u ħatar Prim Ministru interim; billi l-ogħla awtoritajiet Islamiċi u Kristjani Koptiċi tal-Eġittu, il-politiċi liberali prominenti, u l-Partit Nour Salafist laqgħu il-pjan direzzjonali ta' tranżizzjoni; billi kumitat kostituzzjonali ġdid magħmul minn 50 espert inħatar fl-1 ta’ Settembru 2013 biex ifassal emendi kostituzzjonali;

E.  billi l-ex President Morsi ilu detenut mit-3 ta' Lulju 2013 f'post mhux magħruf u għandu jittella' l-qorti mill-prosekutur pubbliku tal-pajjiż, flimkien ma' 14-il persuna oħra, inklużi esponenti ewlenin tal-Fratellanza Musulmana, fuq akkużi ta' inċitament għall-qtil u l-vjolenza; billi ħafna membri tal-Fratellanza Musulmana ġew arrestati, fosthom il-biċċa l-kbira tal-mexxejja tagħha li qed jistennew li jibdew il-proċessi; billi l-ex dittatur Hosni Mubarak inħeles mill-ħabs fit-22 ta' Awwissu 2013 u ilu taħt arrest domiċiljari minn dakinhar 'l hawn;

F.  billi mill-intervent militari ’l hawn is-sostenituri tal-Fratellanza Musulmana organizzaw dimostrazzjonijiet kbar madwar l-Eġittu, filwaqt li talbu li l-eks President Morsi jinħeles u jerġa’ jinħatar President; billi ħafna mill-protesti organizzati mill-Fratellanza Musulmana saru vjolenti u wasslu għal ġlied fatali bejn iċ-ċittadini, kif ukoll bejn sostenituri tal-Fratellanza Musulmana u l-forzi tal-armata u tas-sigurtà; billi fl-14 ta' Awwissu 2013 l-armata u l-pulizija Eġizzjani sfrattaw żewġ sit-ins ta' partitarji tal-ex President Morsi u tal-Fratellanza Musulmana fl-intersezzjoni ta' Rabaa u fi Pjazza Nahda fil-Kajr, u dan wassal għall-mewt ta' mijiet ta' dimostranti kif ukoll ta' għexieren ta' pulizija;

G. billi l-gvern interim iddikjara stat ta' emerġenza ta' xahar u ħabbar li kien se jitwaqqaf kumitat indipendenti magħmul minn figuri pubbliċi biex jinvestiga t-tixrid tas-sit-ins ta’ Rabaa u ta’ Misraħ Nahda; billi NGOs reġjonali u Eġizzjani talbu għal missjoni għas-sejba tal-fatti mil-Lega Għarbija ħalli jiġu investigati l-atti reċenti ta' vjolenza fil-pajjiż; billi l-medjazzjoni tal-UE u internazzjonali s'issa ma rnexxielhiex tistabbilixxi djalogu politiku inklużiv, u billi l-protesti, kunflitti u arresti komplew iseħħu;

H. billi t-tgerrix vjolenti tas-sit-ins ġie segwit minn vjolenza settarja traġika kontra l-Insara Eġizzjani, b'mod partikolari minn dawk li appoġġjaw il-Fratellanza Musulmana; billi l-forzi tas-sigurtà Eġizzjana ġew akkużati li ma pproteġewx il-knejjes u l-komunitajiet Koptiċi kontra attakki ta' tpattija prevedibbli;

I.   billi l-atti ta' terroriżmu u l-attakki vjolenti kontra l-forzi tas-sigurtà fis-Sinai qegħdin jiżdiedu, fosthom il-qtil ta' 25 pulizija li ma kinux xogħol fit-Tramuntana tas-Sinai fid-19 ta' Awwissu 2013; billi l-Ministru tal-Intern Eġizzjan Mohammed Ibrahim kien il-mira ta' attakk ta' bomba fil-Kajr fil-5 ta' Settembru 2013;

J.   billi l-gvern interim iddikjara li r-rikonċiljazzjoni nazzjonali u l-istat tad-dritt huma l-ogħla prijoritajiet tal-azzjoni tiegħu;

K. billi l-Eġittu qed jiffaċċja diffikultajiet ekonomiċi dejjem aktar serji; billi l-prosperità ekonomika fil-pajjiż teħtieġ stabbiltà politika, politiki ekonomiċi sodi, azzjoni biex tiġi miġġielda l-korruzzjoni u appoġġ internazzjonali; billi l-ġustizzja soċjali u livell ta' għajxien ogħla għaċ-ċittadini huma dimensjonijiet kruċjali tat-tranżizzjoni lejn soċjetà Eġizzjana mifuħa, stabbli, demokratika, libera u prospera;

L.  billi t-trade unions indipendenti u l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili għandhom rwol kruċjali x'jiżvolġu f'dan il-perjodu kritiku ta' tranżizzjoni politika u soċjali fl-Eġittu; billi stampa u midja ħielsa u indipendenti jiffurmaw parti ewlenija ta’ soċjetà fi kwalunkwe demokrazija vera; billi l-vjolenza fiżika u l-atti ta’ fastidju fuq il-ġurnalisti żdiedu fl-Eġittu filwaqt li, fit-3 ta’ Settembru 2013 qorti fil-Kajr ordnat l-għeluq ta’ erba’ stazzjonijiet tat-televiżjoni mmexxija mill-Fratellanza Musulmana jew minn persuni li jżommu magħhom, billi qalet li kienu qed joperaw illegalment; billi l-uffiċċji ta' ħafna stazzjonijiet televiżivi ġew f'dawn l-aħħar sitt ġimgħat irrejdjati mill-forzi tas-sigurtà;

M. billi n-nisa Eġizzjani huma f'sitwazzjoni partikolarment vulnerabbli fil-perjodu attwali ta' kriżi politika mtawla; billi n-nisa li jipprotestaw huma soġġetti ta’ sikwit għall-vjolenza, attakki sesswali u forom oħra ta’ trattament degradanti, filwaqt li l-attivisti tad-drittijiet tan-nisa qed jaffaċċjaw theddid u fastidji;

N. billi bejn l-2007 u l-2012 l-Eġittu rċieva madwar EUR 1 biljun f’għajnuna mill-UE u billi l-UE impenjat EUR 5 biljuni oħra f’għajnuna, li jistgħu jsiru disponibbli kompletament biss ladarba jintlaħqu l-kundizzjonijiet marbutin magħhom stabbiliti mill-FMI;

O. billi fil-konklużjonijiet tiegħu dwar l-Eġittu tal-21 ta' Awwissu 2013 il-Kunsill Affarijiet Barranin inkariga lir-Rappreżentant Għoli, b'kooperazzjoni mal-Kummissjoni, bir-rieżami tal-kwistjoni tal-għajnuna tal-UE lill-Eġittu permezz tal-Politika Ewropea tal-Viċinat u l-Ftehim ta' Assoċjazzjoni, abbażi tal-impenn tal-Eġittu favur il-prinċipji li jsejsuhom; billi l-Istati Membri ddeċidew li jissospendu l-liċenzji ta' esportazzjoni lejn l-Eġittu għal kwalunkwe tagħmir li jista' jintuża għat-trażżin intern, li jirrivalutaw il-liċenzji ta' esportazzjoni għal tagħmir militari ieħor, u li jirrieżaminaw l-għajnuna tagħhom lill-Eġittu fil-qasam tas-sigurtà;

P.  billi f'konformità mal-Politika Ewropea tal-Viċinat riveduta, u b'mod partikolari l-approċċ "aktar għal aktar", il-livell u l-iskop tal-involviment tal-UE mal-Eġittu huwa bbażat fuq l-inċentivi u għalhekk dipendenti fuq il-progress fir-rigward tal-pajjiż li jirrispetta l-impenji tiegħu, inkluż għad-demokrazija, l-istat tad-dritt, id-drittijiet tal-bniedem u l-ugwaljanza bejn is-sessi;

1.  Jesprimi s-solidarjetà kbira tiegħu għall-poplu Eġizjan u l-kondoljanzi sinċieri tiegħu lill-familji tal-vittmi ta’ ġlied u vjolenza reċenti; jitlob lill-awtoritajiet Eġizzjani jistabbilixxu kumitat ġudizzjarju biex jinvestiga b’mod indipendenti d-delitti kollha, kif imwiegħed mill-presidenza Eġizzjana fit-8 ta’ Lulju 2013;

2.  Jikkundanna l-użu tal-forza sproporzjonat b'mod esagerat mill-forzi tas-sigurtà Eġizzjana u t-telf ta’ ħajjiet traġiku waqt li kienu qed jiżżarmaw il-kampijiet ta’ Rabaa u Nahda; iħeġġeġ lill-Gvern tal-Eġittu jiżgura li l-forzi tas-sigurtà jistabbilixxu proċeduri ta’ riezami intern adegwati, sabiex ir-responsabbiltajiet għall-użu eċċessiv tal-forza jistgħu jiġu żgurati u dawk responsabbli jinġiebu quddiem il-ġustizzja;

3.  Jiddeplora fl-istess waqt il-fatt li t-tmexxija tal-Fratellanza Musulmana naqset milli tagħti istruzzjonijiet ċari lis-sostenituri tagħha biex iżommu lura minn kwalunkwe forma ta’ vjolenza kontra ċittadini bħalhom, l-armata u l-pulizija; jiddeplora l-fatt li t-tmexxija tal-Fratellanza Musulmana m’għamlet xejn biex tipprevjeni u twaqqaf dawk l-attakki u kkundannathom tard wisq; jitlob lill-Fratellanza Musulmana biex ma titlobx jew tigglorifika ebda forma ta' vjolenza u biex tappoġġa proċedimenti ġuridiċi kontra dawk tal-mexxejja tagħha li talbu li tintuża l-vjolenza;

4.  Jikkundanna l-atti kollha ta' terroriżmu, inċitament, vjolenza u diskors ta' mibegħda; iħeġġeġ lill-atturi politiċi u l-forzi tas-sigurtà kollha biex jeżerċitaw l-akbar moderazzjoni u jevitaw il-provokazzjoni, bl-għan li tiġi evitata aktar vjolenza fl-aħjar interessi tal-pajjiż; ifakkar lill-President interim, lill-Gvern interim u lill-armata Eġizzjana fl-obbligu tagħhom li jiżguraw is-sigurtà taċ-ċittadini kollha fil-pajjiż irrispettivament mill-affiljazzjoni u l-fehmiet politiċi tagħhom; jesprimi t-tħassib kbir għall-arrest irrapportat ta' tużżani ta' tfal fir-rigward tar-ripressjoni fuq il-partiġjani tal-Fratellanza Musulmana, u jitlob għar-rilaxx immedjat tagħhom;

5.  Jesprimi l-preokkupazzjonijiet tiegħu dwar l-iżviluppi politiċi fl-Eġittu; jiddeplora l-kolp ta' stat militari tat-3 ta' Lulju 2013, segwit mit-trasferiment tas-setgħa lil President interim u aġent Prim Ministru; jitlob lill-awtoritajiet Eġizjani, sabiex joħolqu l-kundizzjonijiet meħtieġa għal proċess politiku inklużiv, biex jintemm l-istat ta’ emerġenza mill-iktar fis possibbli, biex jinħelsu l-priġuniera politiċi kollha, inkluż l-eks President Morsi, u d-detenuti kollha jiġu ttrattati b’rispett sħiħ tal-obbligi internazzjonali tagħhom;

6.  Jenfasizza li l-poter għandu jiġi trasferit lil awtoritajiet ċivili eletti demokratikament kemm jista’ jkun malajr; jesprimi s-solidarjetà fundamentali tiegħu ma’ dawk l-Eġizzjani kollha li jħaddnu aspirazzjonijiet u valuri demokratiċi għal pajjiżhom u jitlob ritorn rapidu għall-proċess demokratiku, inkluża l-organizzazzjoni ta’ elezzjonijiet presidenzjali u parlamentari ħielsa u ġusti fi proċess inklużiv b’mod sħiħ, bil-parteċipazzjoni tal-atturi demokratiċi kollha, u biex jitwettqu ir-riformi ekonomiċi u ta' governanza meħtieġa; iħeġġeġ lill-Fratellanza Musulmana tikkontribwixxi għall-isforzi ta' rikonċiljazzjoni; jemmen li kwalunkwe projbizzjoni, esklużjoni jew prosekuzzjoni kontra forza politika demokratika jew attur politiku demokratiku fl-Eġittu tkun qed tirrepeti żbalji li saru fl-imgħoddi u twassal biss għal żieda tar-radikaliżmu;

7.  Jesprimi l-appoġġ tiegħu għall-proċess ta’ abbozzar u riforma kostituzzjonali, u jenfasizza li dan għandu jqiegħed il-pedamenti għal Eġittu ġdid verament demokratiku, filwaqt li jiggarantixxi d-drittijiet u l-libertajiet fundamentali, inkluż il-libertà reliġjuża, għaċ-ċittadini kollha, nisa u rġiel, tal-Eġittu u jippromwovi t-tolleranza u l-koeżistenza interreliġjuża u jiggarantixxi l-protezzjoni tal-minoranzi kif ukoll il-libertà tal-assoċjazzjoni, tal-assemblea u tal-midja; jemmen bis-sħiħ li l-proċess ta’ konsultazzjoni dwar l-emendi kostituzzjonali għandu jinkludi l-komponenti kollha tal-ispettru politiku Eġizzjan, inklużi l-komponenti moderati tal-Fratellanza Musulmana, u rappreżentanza adegwata tan-nisa, u li għandu jiġi segwit minn referendum dwar kostituzzjoni ġdida u pluralistika u minn elezzjonijiet parlamentari ħielsa u ġusti;

8.  Jitlob li jintemmu minnufih l-atti kollha ta' vjolenza, l-attakki sesswali u forom oħra ta' trattament degradanti kontra d-dimostranti nisa u l-attivisti għad-drittijiet tan-nisa, li jsiru investigazzjonijiet serji u imparzjali dwar il-każijiet kollha bħal dawn, u biex dawk responsabbli jiġu kkastigati;

9.  Jikkundanna l-vjolenza reċenti kontra l-komunità Kopta, inkluża l-qerda ta’ għadd kbir ta’ knejjes, ċentri tal-komunità u negozji madwar il-pajjiż; jesprimi t-tħassib li l-awtoritajiet fallew milli jieħdu miżuri tas-sigurtà adegwati biex jipproteġu l-komunità Kopta minkejja l-ħafna twissijiet; jinnota l-pluraliżmu storiku tas-soċjetà Eġizzjana u t-tradizzjoni li ilha teżisti għal sekli sħaħ tal-komunità Kopta Eġizzjana; jitlob lill-Gvern Eġizzjan jappoġġa l-komunità Kopta b’kull mod possibbli, sabiex il-komunità Kopta Eġizzjana tista' tkompli tkun parti importanti importanti min-nisġa soċjali u ekonomika tal-Eġittu u li terġa' tiġi għal li kienet malajr il-koeżistenza paċifika mal-komunitajiet l-oħra tal-Eġittu;

10. Jisħaq darb'oħra fuq l-importanza tal-kontribut tas-soċjetà ċivili, tat-trade unions u tal-midja fil-bini ta' demokrazija profonda u sostenibbli fl-Eġittu; jistieden lill-Gvern interim jiggarantixxi li l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili domestiċi u internazzjonali, it-trade unions u l-ġurnalisti indipendenti jistgħu joperaw liberament, mingħajr indħil mill-Gvern, fil-pajjiż; jistieden lill-awtoritajiet Eġizzjani biex jiżguraw li l-kumitat inkarigat biex jikteb liġi ġdida tal-NGOs jipproduċi abbozz li jkun konformi mal-istandards internazzjonali; jappoġġa d-deċiżjoni tal-Kunsill Affarijiet Barranin tal-21 ta' Awwissu 2013 li, fid-dawl tal-impatt negattiv tas-sitwazzjoni ekonomika fuq il-gruppi l-aktar vulnerabbli tas-soċjetà Eġizzjana, l-għajnuna tal-UE fis-settur soċjoekonomiku u lis-soċjetà ċivili se tkompli;

11. Jilqa' r-rakkomandazzjonijiet mill-Kunsill Nazzjonali Eġizzjan għad-Drittijiet tal-Bniedem lill-gvern biex jiftaħ uffiċċju reġjonali tal-Kummissarju Għoli tan-NU għad-Drittijiet tal-Bniedem fil-Kajr, u jħeġġeġ lill-Gvern eġizzjan japprova l-ftuħ ta' dan l-uffiċċju;

12. Iħeġġeġ lill-Unjoni tqis kemm il-prinċipju ta' kundizzjonalità ("aktar għal aktar") u l-isfidi ekonomiċi serji li l-Eġittu qed jaffaċċja fir-relazzjonijiet bilaterali tagħha mal-pajjiż u fl-appoġġ finanzjarju lill-pajjiż; jitlob li jkun hemm standards ċari u miftiehma b'mod konġunt f'dan ir-rigward; jilqa' d-deċiżjoni reċenti tal-Kunsill għall-Affarijiet Barranin li jissospendi l-liċenzji ta' esportazzjoni lejn l-Eġittu għal kwalunkwe tagħmir li jista' jintuża għat-trażżin intern, li jirrivalutaw il-liċenzji ta' esportazzjoni għal tagħmir militari ieħor, u li jirrieżaminaw l-għajnuna lill-Eġittu fil-qasam tas-sigurtà;

13. Jikkonferma mill-ġdid l-impenn tiegħu biex jgħin lill-poplu Eġizzjan fil-proċes lejn riforma demokratika u ekonomika; jilqa' u jappoġġa l-isforzi ta' medjazzjoni bejn il-partijiet tar-Rappreżentant Għoli / Viċi President, Catherine Ashton, u tar-Rappreżentant Speċjali, Bernardino León, bl-għan li tiġi nnegozjata soluzzjoni għall-kriżi politika attwali;

14. Jieħu nota tal-konklużjonijiet tar-rapport speċjali tal-Qorti Ewropea tal-Awdituri tat-18 ta' Ġunju 2013 dwar "Kooperazzjoni tal-UE mal-Eġittu fil-Qasam tal-Governanza", u jitlob li tittieħed azzjoni biex jiġu żgurati aktar trasparenza u responsabbiltà fir-rigward tal-mod li bih jintefqu l-fondi tal-UE fl-Eġittu, b'kunsiderazzjoni speċjali għal proġetti li jippromwovu s-soċjetà ċivili u li jipproteġu l-minoranzi u d-drittijiet tan-nisa;

15. Itenni t-talba tiegħu li jiġi stabbilit bla dewmien mekkaniżmu tal-UE biex tingħata għajnuna legali u teknika lill-pajjiżi tar-Rebbiegħa Għarbija fil-proċess ta' rkupru tal-assi, kif imsemmi fir-riżoluzzjoni tiegħu tat-23 ta' Mejju 2013 iżda li ġie pospost minħabba l-inkwiet fl-Eġittu; jenfasizza darb'oħra li l-faċilitazzjoni tar-radd tal-assi misruqa mill-ex dittaturi u r-reġimi tagħhom hija obbligu morali għall-UE; jemmen li l-irkupru tal-assi huwa kwistjoni politika ferm minħabba l-valur simboliku tiegħu u jista' jagħti kontribut kbir biex terġa' tiddaħħal ir-responsabbiltà, tinħoloq l-istabbiltà u jinbnew istituzzjonijiet sodi fl-ispirtu tad-demokrazija u tal-istat tad-dritt fil-pajjiżi sħab ikkonċernati;

16. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Viċi President tal-Kummissjoni/Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri u lill-Gvern tar-Repubblika Għarbija tal-Eġittu.