Mozzjoni għal riżoluzzjoni konġunta - RC-B7-0468/2013Mozzjoni għal riżoluzzjoni konġunta
RC-B7-0468/2013

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI KONĠUNTA dwar is-sospensjoni tal-ftehim TFTP b'riżultat tas-sorveljanza min-National Security Agency tal-Istati Uniti

21.10.2013 - (2013/2831(RSP))

imressqa skont l-Artikolu 110(2) u (4) tar-Regoli ta' Proċedura
li tissostitwixxi l-mozzjonijiet għal riżoluzzjoni mressqa mill-gruppi:
S&D (B7‑0468/2013)
Verts/ALE (B7‑0471/2013)
ALDE (B7‑0472/2013)

Juan Fernando López Aguilar, Claude Moraes, Birgit Sippel f'isem il-Grupp S&D
Alexander Alvaro, Sophia in 't Veld, Renate Weber, Gianni Vattimo, Marielle de Sarnez, Ivo Vajgl f'isem il-Grupp ALDE
Jan Philipp Albrecht, Judith Sargentini f'isem il-Grupp Verts/ALE

Proċedura : 2013/2831(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument :  
RC-B7-0468/2013
Testi mressqa :
RC-B7-0468/2013
Dibattiti :
Testi adottati :

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar is-sospensjoni tal-ftehim TFTP b'riżultat tas-sorveljanza min-National Security Agency tal-Istati Uniti

(2013/2831(RSP))

Il-Parlament Ewropew,

–   wara li kkunsidra l-Artikolu 16 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE),

–   wara li kkunsidra l-Artikolu 87 tat-TFUE,

–   wara li kkunsidra l-Artikolu 225 tat-TFUE,

–   wara li kkunsidra l-Artikolu 226 tat-TFUE,

–   wara li kkunsidra l-Artikolu 218 tat-TFUE,

–   wara li kkunsidra l-Artikolu 234 tat-TFUE,

–   wara li kkunsidra l-Artikolu 314 tat-TFUE,

–   wara li kkunsidra l-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Uniti tal-Amerika dwar l-ipproċessar u t-trasferiment ta' Data dwar Messaġġi Finanzjarji mill-Unjoni Ewropea għall-Istati Uniti tal-Amerika għall-finijiet tal-Programm dwar ir-Rintraċċar tal-Finanzjament tat-Terroriżmu (il-Ftehim TFTP),

–   wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-4 ta' Lulju 2013 dwar il-programm ta’ sorveljanza tan-National Security Agency tal-Istati Uniti tal-Amerika, korpi ta’ sorveljanza f’diversi Stati Membri u l-impatt fuq il-privatezza taċ-ċittadini tal-UE[1],

–   wara li kkunsidra d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2010/412/UE tat-13 ta' Lulju 2010 dwar il-konklużjoni tal-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Uniti tal-Amerika dwar l-ipproċessar u t-trasferiment ta’ Data dwar Messaġġi Finanzjarji mill-Unjoni Ewropea għall-Istati Uniti għall-finijiet tal-Programm dwar ir-Rintraċċar tal-Finanzjament tat-Terroriżmu[2], u d-dikjarazzjonijiet li jakkumpanjawha mill-Kummissjoni u l-Kunsill,

–   wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-17 ta' Settembru 2009 dwar il-ftehim internazzjonali previst biex id-Dipartiment tat-Teżor tal-Istati Uniti jkollu għad-dispożizzjoni tiegħu data minn messaġġi ta' pagamenti finanzjarji għall-fini tal-prevenzjoni u l-ġlieda kontra t-terroriżmu u l-finanzjament tat-terroriżmu[3],

–   wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni leġiżlattiva tiegħu tal-11 ta' Frar 2010 dwar il-proposta għal deċiżjoni tal-Kunsill dwar il-konklużjoni tal-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Uniti tal-Amerika dwar l-ipproċessar u t-trasferiment ta’ Data ta’ Messaġġi Finanzjarji mill-Unjoni Ewropea lejn l-Istati Uniti tal-Amerika għall-finijiet tal-Programm dwar ir-Rintraċċar tal-Finanzjament tat-Terroriżmu[4],

–   wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-5 ta' Mejju 2010 dwar ir-Rakkomandazzjoni mill-Kummissjoni lill-Kunsill biex jawtorizza l-ftuħ ta' negozjati dwar ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Uniti tal-Amerika biex id-Dipartiment tat-Teżor tal-Istati Uniti jkollu għad-dispożizzjoni tiegħu data minn messaġġi ta' pagamenti finanzjarji għall-fini tal-prevenzjoni u l-ġlieda kontra t-terroriżmu u l-finanzjament tat-terroriżmu[5],

–   wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni leġiżlattiva tiegħu tat-8 ta' Lulju 2010 dwar l-abbozz ta' deċiżjoni tal-Kunsill dwar il-konklużjoni tal-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Uniti tal-Amerika dwar l-ipproċessar u t-trasferiment ta’ Data dwar Messaġġi Finanzjarji mill-Unjoni Ewropea għall-Istati Uniti għall-finijiet tal-Programm dwar ir-Rintraċċar tal-Finanzjament tat-Terroriżmu[6], u r-rakkomandazzjoni tal-Kumitat tiegħu għal-Libertajiet Ċivili, il-Ġustizzja u l-Intern,

 

–   wara li kkunsidra r-rapporti tat-30 ta' Marzu 2011 (SEC(2011)0438) u tal-14 ta' Diċembru 2012 (SWD(2012)0454) dwar ir-rieżami konġunt tal-implimentazzjoni tal-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Uniti tal-Amerika dwar l-ipproċessar u t-trasferiment ta’ Data dwar Messaġġi Finanzjarji mill-Unjoni Ewropea għall-Istati Uniti għall-finijiet tal-Programm dwar ir-Rintraċċar tal-Finanzjament tat-Terroriżmu,

–   wara li kkunsidra r-rapport tal-1 ta' Marzu 2011 dwar l-ispezzjoni tal-implimentazzjoni min-naħa tal-Europol tal-Ftehim TFTP, li twettqet f'Novembru 2010 mill-Korp ta' Sorveljanza Konġunta tal-Europol,

–   wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni pubblika tal-Korp ta' Sorveljanza Konġunta tal-Europol tal-14 ta' Marzu 2012 dwar l-implimentazzjoni tal-Ftehim TFTP,

–   wara li kkunsidra l-valutazzjoni tat-18 ta' Marzu 2013 mill-Korp ta' Sorveljanza Konġunta tal-Europol b'rabta mal-eżitu tat-tielet spezzjoni tiegħu tal-implimentazzjoni min-naħa tal-Europol tal-kompiti li għandu taħt il-Ftehim TFTP,

–   wara li kkunsidra l-ittra tat-18 ta' April 2011 mingħand Paul Breitbarth mill-Awtorità tal-Protezzjoni tad-Data tal-Pajjiżi l-Baxxi, lill-kap tad-delegazzjoni tal-Grupp tal-UE ta' verifika konġunta tat-TFTP,

–   wara li kkunsidra l-ittra tas-7 ta' Ġunju 2011 mingħand Jacob Kohnstamm, f'isem il-Grupp ta' Ħidma dwar l-Artikolu 29 relatat mal-Protezzjoni tad-Data, lis-Sa Melissa A. Hartman, Deputat Assistent Segretarju, Dipartiment tat-Teżor tal-Istati Uniti,

–   wara li kkunsidra l-ittra tal-21 ta' Diċembru 2012 mingħand Jacob Kohnstamm, f'isem il-Grupp ta' Ħidma dwar l-Artikolu 29 relatat mal-Protezzjoni tad-Data, lis-Sur Juan Fernando López Aguilar, President tal-Kumitat għal-Libertajiet Ċivili, il-Ġustizzja u l-Intern,

–   wara li kkunsidra l-ittra tat-12 ta' Settembru 2013 mingħand il-Kummissarju Malmström lis-Sur David Cohen, Sotto Segretarju tad-Dipartiment tat-Teżor tal-Istati Uniti għat-Terroriżmu u l-Intelligence Finanzjarju, u r-risposta tas-Sotto Segretarju Cohen tat-18 ta' Settembru 2013,

–   wara li kkunsidra l-komunikazzjoni mill-Kummissjoni tat-13 ta' Lulju 2011 bit-titolu ‘Sistema Ewropea ta' traċċar ta' finanzjament tat-terroriżmu: l-alternattivi disponibbli’ (COM (2011)0429),

–   wara li kkunsidra l-Mistoqsijiet bil-Miktub E-11200/2010, E-2166/2011, E-2762/2011, E2783/2011, E-3148/2011, E-3778/2011, E-3779/2011, E-4483/2011, E-6633/2011, E8044/2011, E-8752/2011, E-617/2012, E-2349/2012, E-3325/2012, E-7570/2012 u E-000351/2013,

–   wara li kkunsidra l-Artikolu 110(2) u (4) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A. billi l-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Uniti tal-Amerika dwar l-ipproċessar u t-trasferiment ta' Data dwar Messaġġi Finanzjarji mill-Unjoni Ewropea għall-Istati Uniti għall-finijiet tal-Programm dwar ir-Rintraċċar tal-Finanzjament tat-Terroriżmu (minn hawn 'il quddiem 'il-Ftehim') daħal fis-seħħ fl-1 ta' Awwissu 2010;

B.  billi rapporti tal-istampa jindikaw li n-National Security Agency (NSA) tal-Istati Uniti kellha aċċess dirett għas-sistemi tal-IT ta' għadd ta' kumpaniji privati u kisbet aċċess dirett għal messaġġi ta' pagamenti finanzjarji li jirreferu għal trasferimenti finanzjarji u data relatata minn fornitur ta' servizzi ta' messaġġi dwar pagamenti finanzjarji internazzjonali li huma attwalment koperti mill-Ftehim;

C. billi, fir-riżoluzzjoni tiegħu msemmija aktar qabel tal-4 ta' Lulju 2013, il-Parlament ta istruzzjonijiet lill-Kumitat tiegħu għal-Libertajiet Ċivili, il-Ġustizzja u l-Intern biex iwettaq investigazzjoni fid-dettall dwar il-kwistjoni, f'kollaborazzjoni mal-parlamenti nazzjonali u l-grupp ta' esperti UE-Stati Uniti stabbilit mill-Kummissjoni, u jippreżenta rapport sal-aħħar tas-sena;

D. billi, wara li rrifjutaw il-Ftehim TFTP temporanju, maġġoranza fi ħdan il-Parlament Ewropew taw l-approvazzjoni tagħhom għall-Ftehim TFTP attwali biss minħabba l-protezzjoni msaħħa li setgħa jagħti bil-ħsieb li jissalvagwarda d-drittijiet ta' data personali u privatezza taċ-ċittadini tal-UE;

E.  billi t-Teżor tal-Istati Uniti kklassifika kwantità kbira ta' informazzjoni rilevanti b'rabta ma' dan il-Ftehim bħala 'Sigriet tal-UE';

F.  billi, skont il-Grupp ta' Ħidma dwar l-Artikolu 29 relatat mal-Protezzjoni tad-Data, il-proċedura attwali għall-eżerċizzju tad-dritt ta' aċċess tista' ma tkunx adegwata u fil-prattika jista' ma jkunx possibbli li jiġi eżerċitat id-dritt ta' rettifika, tħassir u imblukkar;

G. billi l-Kummissjoni ddikjarat li filwaqt li l-Ftehim jistabbilixxi salvagwardji stretti rigward it-trasferiment tad-data, il-Kummmissjoni tagħraf l-ambizzjoni fuq terminu itwal għall-UE biex tistabbilixxi sistema li tippermetti li l-estrazzjoni tad-data ssir fit-territorju tal-UE;

H. billi l-Kummissjoni ġiet mistiedna tressaq lill-Parlament u lill-Kunsill qafas ġuridiku u tekniku għall-estrazzjoni tad-data fit-territorju tal-UE u rapport ta' progress dwar l-iżvilupp ta' sistema tal-UE ekwivalenti skont l-Artikolu 11 tal-Ftehim, it-tnejn sa mhux aktar tard mill-1 ta' Awwissu 2013;

I.   billi, minflok ma ressqet il-qafas ġuridiku u tekniku għall-estrazzjoni tad-data fit-territorju tal-UE, fit-13 ta' Lulju 2011 il-Kummissjoni ppreżentat deskrizzjoni tal-passi differenti li kienet ħadet biex tersaq lejn l-istabbiliment ta' tali qafas ġuridiku u tekniku, filwaqt li kkomunikat ir-riżultati preliminari u xi għażliet teoretiċi għal sistema Ewropea ta' traċċar ta' finanzjament tat-terroriżmu, mingħajr ma daħlet fid-dettall;

J.   billi qatt ma ġie ppreżentat rapport ta' progress dwar l-iżvilupp ta' sistema tal-UE ekwivalenti skont l-Artikolu 11 tal-Ftehim;

K. billi taħditiet bejn is-servizzi tal-Kummissjoni u l-amministrazzjoni tal-Istati Uniti ma jistgħux jitqiesu bħala investigazzjoni, u lanqas ma jista' jitqies bħala tali s-sempliċi serħan fuq id-dikjarazzjonijiet mill-Istati Uniti;

1.  Huwa tal-fehma li, billi l-għan ewlieni tal-UE huwa li tippromwovi l-libertà tal-individwu, għandu jkun hemm impenn, permezz tal-istat tad-dritt, lejn miżuri ta' sigurtà, inklużi miżuri kontra t-terroriżmu, bħala appoġġ għal dik il-libertà, u għandhom ikunu suġġetti għal obbligi tad-drittijiet fundamentali inklużi dawk relatati mal-protezzjoni tal-privatezza u tad-data;

2.  Itenni li kwalunkwe trasferiment ta' data personali għandu jikkonforma mal-liġi tal-UE u tal-Istati Membri u mal-obbligi tad-drittijiet fundamentali, inklużi dawk marbuta mal-protezzjoni tal-privatezza u tad-data;

3.  Jinsab imħasseb serjament dwar id-dokumenti li ġew żvelati dan l-aħħar dwar l-attivitajiet tal-NSA rigward aċċess dirett għal messaġġi ta’ pagamenti finanzjarji u data relatata, fatt li jikkostitwixxi ksur ċar tal-Ftehim, b’mod partikolari l-Artikolu 1 tiegħu;

4.  Jappella għal investigazzjoni sħiħa fuq il-post dwar l-allegazzjonijiet li l-awtoritajiet tal-Istati Uniti kellhom aċċess mhux awtorizzat jew li ħolqu mezzi klandestini possibbli ta' aċċess għas-servers SWIFT; jiddeplora l-fatt li lanqas Stat Membru wieħed ma nieda investigazzjoni jew ma talab liċ-Ċentru tal-Europol għaċ-Ċiberkriminalità jwettaq investigazzjoni, u għalhekk fin-nuqqas ta' dan il-fatti ma jistgħux jiġu verifikati;

5.  Itenni l-ħtieġa li l-ftehimiet mal-Istati Uniti dwar l-iskambju tad-data jkunu bbażati fuq qafas koerenti u ġuridiku dwar il-protezzjoni tad-data li joffri standards legalment vinkolanti għall-protezzjoni tad-data personali, inkluż fir-rigward tal-limitazzjoni tal-iskop, il-minimizzazzjoni tad-data, l-informazzjoni, l-aċċess, il-korrezzjoni, it-tħassir u r-rimedju;

6.  Jinsab imħasseb li l-Ftehim ma ġiex implimentat skont id-dispożizzjonijiet tiegħu, b’mod partikolari dawk stabbiliti fl-Artikoli 1, 4, 12, 13, 15 u 16 tiegħu;

7.  Ma jqisx li l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar sistema Ewropea ta’ traċċar tal-finanzjament tat-terroriżmu hija bażi adegwata għal diskussjonijiet dettaljati ulterjuri;

8.  Iħeġġeġ bil-qawwa lit-tliet istituzzjonijiet jiddeliberaw b’attenzjoni dwar l-implikazzjonijiet għad-drittijiet tal-bniedem ta’ kwalunkwe alternattiva futura għall-iskambju tad-data li tirrispetta għalkollox il-prinċipji tal-protezzjoni tad-data, speċjalment il-kriterju tan-neċessità u tal-proporzjonalità;

9.  Jirrimarka li l-kriterju tan-neċessità u tal-proporzjonalità ta’ kwalunkwe miżura li tillimita d-drittijiet u l-libertajiet fundamentali jeħtieġ li jqis il-korp kollu kemm hu ta' miżuri ta' sigurtà eżistenti li huma mmirati għat-terroriżmu u għar-reati serji; jemmen għalhekk li mhuwiex biżżejjed li kull miżura ta' sigurtà ssirilha ġustifikazzjoni komprensiva b'referenza ġenerali għall-ġlieda kontra t-terroriżmu jew delitti serji;

10. Jitlob lill-Kunsill u lill-Istati Membri, fid-dawl ta’ dak li ssemma’ hawn fuq, jawtorizzaw investigazzjoni miċ-Ċentru taċ-Ċiberkriminalità tal-Europol dwar allegazzjonijiet ta' aċċess mhux awtorizzat għad-data dwar pagamenti finanzjarji regolata minn dan il-Ftehim;

11. Jistieden biex l-istħarriġ speċjali tal-Kumitat għal-Libertajiet Ċivili, il-Ġustizzja u l-Intern dwar is-sorveljanza tal-massa taċ-ċittadini tal-UE jkompli jistħarreġ aktar l-allegazzjonijiet dwar l-aċċess illegali għall-messaġġi ta’ pagamenti finanzjarji koperti minn dan il-Ftehim;

12. Iqis li, għalkemm il-Parlament ma għandu l-ebda setgħa formali skont l-Artikolu 218 tat-TFUE biex jagħti bidu għas-sospensjoni jew għat-tmiem ta’ ftehim internazzjonali, il-Kummissjoni se jkollha taġixxi jekk il-Parlament jirtira l-appoġġ tiegħu għal xi ftehim partikolari; jirrimarka li, meta jkun qed jikkunsidra jekk għandux jagħti l-approvazzjoni tiegħu jew le għal ftehimiet internazzjonali futuri, il-Parlament se jqis ir-reazzjonijiet tal-Kummissjoni u tal-Kunsill fir-rigward ta' dan il-Ftehim;

13. Jitlob lill-Kummissjoni, fid-dawl ta' dak li ssemma' hawn fuq, tissospendi temporanjament il-Ftehim sa meta jkunu ġew sodisfatti l-kundizzjonijiet li ġejjin għall-ftuħ ta' negozjati dwar id-dħul fis-seħħ mill-ġdid tiegħu:

(a) kjarifika sħiħa u komprensiva tal-fatti dwar jekk xi aġenzija Governattiva tal-Istati Uniti jew entità ekwivalenti kisbitx aċċess mhux awtorizzat għad-data finanzjarja regolata mill-Ftehim, barra minn dan il-Ftehim jew bi ksur tiegħu,

(b) it-twettiq ta’ mitigazzjoni sħiħa tas-sitwazzjoni fejn ikun meħtieġ,

(c) it-twettiq ta’ analiżi sħiħa tal-implimentazzjoni tal-Artikoli 1, 4, 12, 13, 15 u 16 tal-Ftehim u l-identifikazzjoni ta’ soluzzjoni għal implimentazzjoni xierqa, li tista' tinkludi r-reviżjoni tal-artikoli kkonċernati;

14. Jitlob li l-informazzjoni u d-dokumenti rilevanti kollha jkunu disponibbli immedjatament għad-deliberazzjonijiet tal-Parlament;

15. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-Europol.