Proċedura : 2013/2951(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : RC-B7-0497/2013

Testi mressqa :

RC-B7-0497/2013

Dibattiti :

PV 21/11/2013 - 15.1
CRE 21/11/2013 - 15.1

Votazzjonijiet :

PV 21/11/2013 - 16.1

Testi adottati :

P7_TA(2013)0516

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI KONĠUNTA
PDF 149kWORD 78k
20.11.2013
PE519.400v01-00}
PE519.403v01-00}
PE519.404v01-00}
PE519.415v01-00}
PE519.418v01-00} RC1
 
B7-0497/2013}
B7-0500/2013}
B7-0531/2013}
B7-0541/2013}
B7-0544/2013} RC1

imressqa skont l-Artikoli 122(5) u 110(4) tar-Regoli ta' Proċedura

li tissostitwixxi l-mozzjonijiet għal riżoluzzjoni mressqa mill-gruppi:

S&D (B7‑0497/2013)

PPE (B7‑0500/2013)

ECR (B7‑0531/2013)

ALDE (B7‑0541/2013)

Verts/ALE (B7‑0544/2013)


dwar il-Bangladexx: id-drittijiet tal-bniedem u l-elezzjonijiet li jmiss (2013/2951(RSP))


Michael Gahler, Laima Liucija Andrikienė, Cristian Dan Preda, Filip Kaczmarek, Gay Mitchell, Ivo Belet, Mariya Gabriel, Bernd Posselt, Tunne Kelam, Philippe Boulland, Jean Roatta, Eduard Kukan, Roberta Angelilli, Monica Luisa Macovei, Elena Băsescu, Petri Sarvamaa, Eija-Riitta Korhola, Giovanni La Via, Sergio Paolo Francesco Silvestris, Sari Essayah, Jarosław Leszek Wałęsa, Bogusław Sonik, Anna Záborská f'isem il-Grupp PPE
Véronique De Keyser, Ana Gomes, Lidia Joanna Geringer de Oedenberg, Liisa Jaakonsaari, Joanna Senyszyn, Mitro Repo, Richard Howitt, Antigoni Papadopoulou, Marc Tarabella, Mojca Kleva Kekuš f'isem il-Grupp S&D
Phil Bennion, Louis Michel, Marietje Schaake, Sarah Ludford, Charles Goerens, Robert Rochefort, Izaskun Bilbao Barandica, Jelko Kacin, Marielle de Sarnez, Hannu Takkula, Johannes Cornelis van Baalen, Ramon Tremosa i Balcells, Kristiina Ojuland f'isem il-Grupp ALDE
Jean Lambert, Barbara Lochbihler, Nicole Kiil-Nielsen, Judith Sargentini, Iñaki Irazabalbeitia Fernández, Raül Romeva i Rueda f'isem il-Grupp Verts/ALE
Charles Tannock, Ryszard Antoni Legutko, Adam Bielan f'isem il-Grupp ECR

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar il-Bangladexx: id-drittijiet tal-bniedem u l-elezzjonijiet li jmiss (2013/2951(RSP))  

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar il-Bangladexx, b'mod partikolari dawk tat-23 ta' Mejju 2013(1), ta1-14 ta' Marzu 2013(2), tas-17 ta' Jannar 2013(3), tal-10 ta' Ġunju 2008(4) u tas-6 ta' Settembru 2007(5),

–  wara li kkunsidra l-ittra mibgħuta mill-Kapijiet ta' Missjoni tal-Unjoni Ewropea biex jitfakkar il-Jum Ewropew kontra l-Piena tal-Mewt fl-10 ta' Ottubru 2013,

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni maħruġa mid-Delegazzjoni tal-UE għall-Bangladexx fit-12 ta' Awwissu 2013 dwar id-detenzjoni ta' Adilur Rahman Khan,

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tal-Kummissarju Għoli tan-Nazzjonaijiet Uniti għad-Drittijiet tal-Bniedem, Navi Pillay, tas-6 ta' Novembru 2013 dwar l-għoti tal-piena tal-mewt fil-Bangladexx lil 152 suldat minħabba r-ribelljoni mdemmija fl-2009,

–  wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni tan-NU dwar id-Difensuri tad-Drittijiet tal-Bniedem, adottata mill-Assemblea Ġenerali tan-NU fid-9 ta' Diċembru 1998,

–  wara li kkunsidra l-Eżami Perjodiku Universali dwar il-Bangladexx tal-2013,

–  wara li kkunsidra l-Artikoli 122(5) u 110(4) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.  billi l-UE għandha relazzjonijiet tajbin u fit-tul mal-Bangladexx, anke permezz tal-Ftehim ta' Kooperazzjoni dwar Sħubija u Żvilupp;

B.  billi l-elezzjonijiet parlamentari fil-Bangladexx għandhom isiru qabel il-25 ta' Jannar 2014, wara ħames snin ta' tmexxija minn gvern ċivili elett; billi elezzjonijiet ħielsa, ġusti u trasparenti huma essenzjali sabiex tissaħħaħ il-governanza demokratika relattivament stabbli li żviluppa l-pajjiż matul dawn l-aħħar ħames snin;

C.  billi sal-lum inqatlu madwar 30 ruħ fil-Bangladexx, u mijiet oħra ndarbu, waqt vjolenza politika matul strajkijiet ġenerali ('hartals') imsejħa mill-Bangladesh Nationalist Party (BNP) immexxi mill-ex Prim Ministru, Begum Khaleda Zia, flimkien mal-alleat tiegħu, il-partit Jamaat-e-Islami, fejn intalab li l-elezzjoni li jmiss tkun issorveljata minn gvern temporanju 'ta' ebda partit' kif ukoll intalab li jirriżenja l-Prim Ministru Sheikh Hasina;

D.  billi dan l-għeluq ta' postijiet tax-xogħol wassal għall-arrest mill-gvern ta' ħames mexxejja ewlenin tal-oppożizzjoni, kif ukoll – skont sorsi tal-BNP – għall-arrest ta' madwar 1 000 partitarju tal-BNP f'żoni rurali mill-Ġimgħa, 8 ta' Novembru 2013;

E.  billi l-ministri fil-kariga rriżenjaw u l-Prim Ministru Hasina, tal-Lega Awami, offra li jifforma 'gvern tal-partiti kollha', iżda billi sal-lum il-partit ewlieni tal-oppożizzjoni ma aċċettax din l-offerta;

F.  billi, matul is-snin, kemm il-BNP kif ukoll il-Lega Awami kellhom fehmiet kontradittorji u li kostantement jinbidlu dwar il-merti ta' gvern temporanju, filwaqt li f'Mejju 2011 il-Qorti Suprema ddikjarat bħala illegali d-dispożizzjoni kostituzzjonali li ilha fis-seħħ 15-il sena li tagħti mandat lil gvern elett biex jittrasferixxi s-setgħa meta jintemm il-mandat tiegħu lil amministrazzjoni temporanja mhux partiġġana li tissorvelja elezzjoni parlamentari ġdida; billi, madankollu, il-Qorti Suprema ddikjarat li s-sistema li ġiet annullata tista' titkompla għal żewġ termini parlamentari oħra għall-fini tas'"sikurezza tal-istat u tal-poplu tiegħu"; billi s-sistema ġiet skreditata mill-aħħar gvern temporanju appoġġat mill-armata fl-2007-2008, meta rrifjuta li jorganizza elezzjonijiet għal kważi sentejn u bagħat lill-mexxejja taż-żewġ partiti ewlenin, Sheikh Hasina u Begum Khaleda Zia (flimkien ma' binha Tarique Rahman), il-ħabs;

G.  billi, wara din is-sentenza, il-Lega Awami daħħlet il-15-il Abbozz ta' Liġi dwar l-Emendar tal-Kostituzzjoni u warrbet is-sistema ta' gvern temporanju, minkejja r-rifjut tal-partit tal-oppożizzjoni BNP li jikkoopera rigward ir-riforma;

H.  billi, mindu Sheikh Hasina tela' fil-gvern, saru ħames elezzjonijiet reġjonali fil-Bangladexx li l-Lega Awami tilfet u li ma wasslu għal ebda dikjarazzjoni rigward irregolaritajiet;

I.  billi l-parti l-fqira tal-popolazzjoni tal-Bangladexx, li tiddependi fuq paga li titħallas bil-ġurnata għas-sopravivenza tagħha, hija milquta severament mill-istrajkijiet, u billi l-ekonomija fraġli tal-Bangladexx, li diġà kellha taffaċċja l-inċidenti trawmatiċi reċenti fis-settur tat-tessuti, x'aktarx li tbati aktar;

J.  billi qed isiru allegazzjonijiet li Jamaat-e-Islami qed jippromwovi l-istrajkijiet sabiex jostakola l-proċedimenti tal-kawżi tad-delitti tal-gwerra kontra l-mexxejja tiegħu;

K.  billi fil-5 ta' Novembru 2013, f'wieħed mill-akbar proċessi fl-istorja, 152 suldat ingħataw pieni tal-mewt mill-qorti speċjali mwaqqfa biex jitressqu każijiet ta' reati mwettqa matul ir-ribelljoni tal-2009, meta 74 ruħ, inklużi 57 uffiċjal tal-armata, inqatlu brutalment; billi l-Kummissarju Għoli tan-NU għad-Drittijiet tal-Bniedem, Navi Pillay, esprimiet allarm rigward dawn il-pieni tal-mewt, wara rapporti li l-akkużati ġew ittorturati u li l-proċessi tal-massa ma mxewx skont l-istandards tad-drittijiet tal-bniedem;

L.  billi attivisti ta' NGOs, avukati, ġurnalisti u sindakalisti li jiddefendu d-drittijiet ċivili għadha qed issirilhom pressjoni, u billi l-awtoritajiet naqsu milli jniedu investigazzjonijiet effettivi dwar qtil extraġudizzjarju, torturi u għejbien, bħal fil-każ tal-mexxej tal-partit laburista u d-difensur tad-drittijiet tal-bniedem, Aminul Islam;

1.  Jesprimi t-tħassib serju tiegħu dwar il-paraliżi kontinwa tal-ħajja ta' kuljum fil-bangladexx b'riżultat tal-istrajkijiet ġenerali organizzati mill-partiti tal-oppożizzjoni, BNP u Jamaat-e-Islami, u tal-konfrontazzjoni bejn iż-żewġ kampi politiċi fil-perjodu qabel l-elezzjonijiet presidenzjali;

2.  Jiddispjaċih rigward il-fatt li l-parlament tal-Bangladexx ma rnexxilux jikseb il-kunsens tal-partiti kollha għall-eżerċizzju tal-poter mill-gvern fil-perjodu ta' qabel l-elezzjonijiet, filwaqt li jitqies li l-biċċa l-kbira tad-demokraziji jgħaddu minn dan l-istadju mingħajr gvern temporanju, u jistieden urġentement lill-Gvern tal-Bangladexx u lill-oppożizzjoni biex iqiegħdu l-interessi tal-Bangladexx qabel kollox u biex isibu kompromess li jagħti lill-poplu tal-Bangladexx l-opportunità li jesprimu r-rieda demokratika tagħhom;

3.  Jirrikonoxxi r-reputazzjoni tal-Bangladexx bħala soċjetà tolleranti u multikonfessjonarja, u jikkundanna l-gruppi u l-fazzjonijiet li qed jippruvaw iqajmu tensjonijiet interkomunitarji għall-finijiet tagħhom; jistieden lill-gruppi u lill-individwi kollha jeżerċitaw it-tolleranza u r-rażan, speċjalment fil-perjodu ta' qabel, matul u wara l-elezzjonijiet;

4.  Jistieden lill-partiti kollha ma jibbojkottjawx l-elezzjonijiet, billi dan iċaħħad liċ-ċittadini minn għażla politika u jdgħajjef l-istabbiltà soċjali u ekonomika tal-bangladexx u l-progress impressjonanti tiegħu fir-rigward tal-iżvilupp, partikolarment f'dak li jikkonċerna l-Għanijiet ta' Żvilupp tal-Millennju, il-ġestjoni tad-diżastri, id-drittijiet tal-ħaddiema, u l-għoti tas-setgħa lin-nisa;

5.  Jistieden lill-Kummissjoni Elettorali tal-Bangladexx torganizza u tissorvelja l-elezzjonijiet ġenerali li jmiss b'mod għalkollox trasparenti; jappoġġa r-rikonoxximent ta' partiti politiċi ġodda li biħsiebhom jieħdu sehem fl-elezzjonijiet ġenerali li jmiss u li jissodisfaw kriterji raġonevoli għall-parteċipazzjoni u r-rappreżentanza politika;

6.  Jistieden lill-partiti politiċi kollha biex ma jwettqux atti vjolenti jew ma jinstigawx il-vjolenza matul il-proċess elettorali u jevitaw ripetizzjoni tal-ġlied vjolenti politikament immotivat li seħħ fl-ewwel sitt xhur tal-2013; jesprimi t-tħassib serju tiegħu, f'dan ir-rigward, dwar l-eskalazzjoni riċenti ta' vjolenza politikament immotivata li wasslet biex inqatlu ħafna nies fi tmiem Ottubru tal-2013;

7.  Jirrikonoxxi l-ħtieġa għal rikonċiljazzjoni, ġustizzja u responsabbiltà għad-delitti mwettqa matul il-gwerra għall-indipendenza tal-1971; jenfasizza u jappoġġa r-rwol importanti tat-Tribunal Kriminali Internazzjonali f'dan ir-rigward;

8.  Jiddeplora, madankollu, l-għadd li qed jiżdied ta' persuni li qed jistennew li jingħataw il-piena tal-mewt fil-Bangladexx u l-pieni tal-mewt tal-massa li ngħataw fil-proċessi ta' dawk involuti fir-ribelljoni tal-2009 tal-gwardji tal-fruntiera; jinsisti li jiġu applikati l-istandards nazzjonali u internazzjonali relatati mal-proċessi ekwi u l-proċess dovut;

9.  Itenni l-oppożizzjoni qawwija tiegħu għall-użu tal-piena tal-mewt fil-każijiet kollha u taħt kwalunkwe ċirkustanza, u jistieden lill-awtoritajiet kompetenti fil-Bangladexx biex idaħħlu moratorju uffiċjali fuq l-eżekuzzjonijiet bħala l-ewwel pass lejn it-tneħħijal-abolizzjoni tal-piena kapitali;

10.  Jistieden lill-Gvern tal-Bangladexx jerġa' jdaħħal l-ambjent abilitanti għall-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili, inklużi d-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem, li kkontribwixxa ferm għall-iżvilupp tal-Bangladexx, sabiex ikunu jistgħu jwettqu l-attivitajiet tagħhom liberament;

11.  Iħeġġeġ lill-awtoritajiet tal-Bangladexx iwettqu minnufih investigazzjonijiet indipendenti u trasparenti dwar każijiet li jinvolvu ksur tad-drittijiet tad-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem, inklużi theddid, attakki, qtil, torturi u trattament ħażin, sabiex jidentifikaw lil dawk kollha responsabbli u jittellgħu l-qorti; jissottolinja, b'mod partikolari, il-każ tal-mexxej tal-partit laburista, Aminul Islam, kif ukoll il-każijiet tal-ġurnalisti Sagar Sarowar u Meherun Runi;

12.  Jilqa' l-inizjattiva konġunta tal-Gvern tal-Bangladexx u l-Organizzazzjoni Internazzjonali tax-Xogħol (ILO), b'kollaborazzjoni mal-gvern, ir-rappreżentanti tal-impjegaturi u tal-ħaddiema, dwar "It-titjib tal-Kundizzjonijiet tax-Xogħol fis-Settur tal-Ħwejjeġ Magħmulin u Lesti"; iħeġġeġ lill-marki tal-ħwejjeġ Ewropej u internazzjonali biex iwettqu l-wegħdiet li għamlu wara l-waqgħa tal-fabbrika Rana Plaza, anke skont il-ftehim dwar in-Nirien u s-Sikurezza tal-Bini fil-Bangladexx;

13.  Jistieden lill-Gvern tal-Bangladexx iwarrab ir-rekwiżit ta' 30 % 'rappreżentanza' għar-reġistrazzjoni tat-trade unions, jestendi l-kamp ta' applikazzjoni tal-Att dwar ix-Xogħol biex ikopri kategoriji ta' ħaddiema li attwalment huma esklużi, jadotta projbizzjoni li l-impjegaturi jindaħlu fi kwistjonijiet interni tat-trade unions, jestendi l-kamp ta' applikazzjoni tal-Att dwar ix-Xogħol biex japplika għal żoni ta' pproċessar tal-esportazzjoni, u jagħti drittijiet ta' negozjar kollettiv lill-Assoċjazzjonijiet tal-Welfare tal-Ħaddiema (WWA), filwaqt li jiffaċilita r-reġistrazzjoni ta' WWAs;

14.  Jistenna bil-ħerqa li l-Bangladexx jikkoopera għalkollox mal-Entitajiet previsti mit-Trattati tan-NU u li jestendi stedina permanenti lill-Proċeduri Speċjali tal-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-NU;

15.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lis-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna, lill-Viċi President tal-Kummissjoni / Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, lir-Rappreżentant Speċjali tal-UE għad-Drittijiet tal-Bniedem, lill-Gvernijiet u lill-Parlamenti tal-Istati Membri, lis-Segretarju Ġenerali tan-NU, lill-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-NU u lill-Gvern u lill-Parlament tal-Bangladexx.

 

(1)

P7_TA(2013)0230.

(2)

P7_TA(2013)0100.

(3)

P7_TA(2013)0027.

(4)

ĠU C 294 E, 3.12.2009, p. 77.

(5)

ĠU C 187 E, 24.7.2008, p. 240.

Avviż legali - Politika tal-privatezza