MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI KONĠUNTA dwar ġustizzja ekwa fil-Bolivja, b'mod partikolari l-każijiet ta' Előd Tóásó u Mario Tadić
20.11.2013 - (2013/2953(RSP))
li tissostitwixxi l-mozzjonijiet għal riżoluzzjoni mressqa mill-gruppi:
S&D (B7‑0499/2013)
PPE (B7‑0537/2013)
ECR (B7‑0538/2013)
ALDE (B7‑0542/2013)
Kinga Gál, Davor Ivo Stier, Cristian Dan Preda, Bernd Posselt, Gay Mitchell, Michael Gahler, Tunne Kelam, Philippe Boulland, Jean Roatta, Eduard Kukan, Roberta Angelilli, Monica Luisa Macovei, Csaba Sógor, Elena Băsescu, Petri Sarvamaa, Eija-Riitta Korhola, Giovanni La Via, Sergio Paolo Francesco Silvestris, Sari Essayah, Laima Liucija Andrikienė, Seán Kelly, Tadeusz Zwiefka, Bogusław Sonik, Anna Záborská f'isem il-Grupp PPE
Véronique De Keyser, María Muñiz De Urquiza, Ana Gomes, Liisa Jaakonsaari, Joanna Senyszyn, Mitro Repo, Antigoni Papadopoulou, Marc Tarabella f'isem il-Grupp S&D
Renate Weber, Marietje Schaake, Izaskun Bilbao Barandica, Marielle de Sarnez, Hannu Takkula, Ramon Tremosa i Balcells, Johannes Cornelis van Baalen, Robert Rochefort, Kristiina Ojuland f'isem il-Grupp ALDE
Charles Tannock, Tomasz Piotr Poręba, Ryszard Antoni Legutko, Ryszard Czarnecki, Adam Bielan, Ruža Tomašić f'isem il-Grupp ECR
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar ġustizzja ekwa fil-Bolivja, b'mod partikolari l-każijiet ta' Előd Tóásó u Mario Tadić
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem, u b’mod partikolari l-Artikoli 9 u 10 tagħha,
– wara li kkunsidra l-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi, li ġie ffirmat u ratifikat mill-Bolivja, u b'mod partikolari l-Artikoli 9, 10, 14, 15 u 16 tiegħu,
– wara li kkunsidra l-Konvenzjoni tan-NU kontra t-Tortura u Trattamenti jew Pieni Oħra Krudili, Inumani jew Degradanti, li ġiet iffirmata u ratifikata mill-Bolivja,
– wara li kkunsidra l-Konvenzjoni Ewropea dwar id-Drittijiet tal-Bniedem, u b'mod partikolari l-Artikoli 1, 2, 3, 5, 6 u 7 tagħha,
– wara li kkunsidra l-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikoli 47 u 48 tagħha,
– wara li kkunsidra l-Konvenzjoni Amerikana dwar id-Drittijiet tal-Bniedem, li ġiet iffirmata u ratifikata mill-Bolivja,
– wara li kkunsidra l-Konvenzjoni Inter-Amerikana dwar il-Prevenzjoni u l-Ikkastigar tat-Tortura, li ġiet iffirmata u ratifikata mill-Bolivja,
– wara li kkunsidra l-Kostituzzjoni u l-Kodiċi ta' Proċedura Kriminali tal-Bolivja,
– wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tat-23 ta' Mejju 2012 mill-Kumitat għad-Drittijiet tal-Bniedem, il-Minoranza u l-Affarijiet Ċiviċi u Reliġjużi u l-Kumitat għall-Affarijiet Barranin tal-Assemblea Nazzjonali Ungeriża; wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni adottata mill-Kamra tar-Rappreżentanti tal-Bolivja fit-12 ta' Ġunju 2012 b'risposta għad-dikjarazzjoni Ungeriża,
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar is-sitwazzjoni fil-Bolivja,
– wara li kkunsidra l-Artikoli 122(5) u 110(4) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
A. billi fis-16 ta' April 2009, fil-belt ta' Santa Cruz de la Sierra fil-Bolivja, il-Forzi Speċjali Bolivjani arrestaw lil Előd Tóásó, ċittadin Ungeriż, u lil Mario Tadić, ċittadin Kroat; billi tliet persuni oħra, fosthom Árpád Magyarosi, ċittadin Rumen, Michael Martin Dwyer, ċittadin Irlandiż, u Eduardo Rózsa-Flores, ċittadina Unġeriża, mietu matul l-isparar;
B. billi Előd Tóásó u Mario Tadić ġew u baqgħu arrestati mingħajr akkuża f'detenzjoni ta' qabel il-proċess, mingħajr kunsiderazzjoni tal-liġi Bolivjana li tistabbilixxi tul massimu ta' detenzjoni ta' qabel il-proċess ta' 36 xhar, perjodu li kellu jintemm fis-16 ta' April 2012;
C. billi hu allegat li mhux qed jiġu mħarsa d-drittijiet bażiċi tal-bniedem ta' Előd Tóásó u Mario Tadić, kemm matul l-arrest tagħhom kif ukoll matul il-proċedimenti kriminali;
D. billi fit-18 ta' Mejju 2010, meta Előd Tóásó u Mario Tadić kienu diġà miżmuma taħt kustodja, l-Artikolu 239 tal-Kodiċi ta' Proċedura Kriminali tal-Bolivja, li jirreferi għat-tul ta' żmien ta' detenzjoni ta' qabel il-proċess, ġie emendat biex il-perjodu massimu jitwal minn 12-il xahar għal 36 xahar, b'effett retroattiv;
E. billi fis-17 ta' Diċembru 2010 ġew formulati pubblikament akkużi ta' terroriżmu;
F. billi l-Opinjoni Nru 63/2011 (l-Istat Plurinazzjonali tal-Bolivja) tal-Grupp ta' Ħidma tan-NU dwar id-Detenzjoni Arbitrarja ddikjarat li l-Bolivja kisret id-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem f'diversi punti u affermat mill-ġdid li Előd Tóásó kien arrestat mingħajr mandat u miżmum illegalment fil-ħabs; billi l-Grupp ta' Ħidma tan-NU, għaldaqstant talab lill-Gvern tal-Bolivja biex immedjatament jeħles lill-Előd Tóásó;
1. Jitlob lill-awtoritajiet Bolivjani jiżguraw proċess ġust u indipendenti fil-każijiet ta' Előd Tóásó u Mario Tadić;
2. Jieħu nota tar-rapport adottat u sussegwentement disseminat b'mod wiesa' mill-parlament Bolivjan, ibbażat fuq l-investigazzjoni politika tiegħu dwar il-każ;
3. Jitlob li ssir investigazzjoni indipendenti, li tinvolvi esperti internazzjonali, dwar l-imwiet ta' Árpád Magyarosi, Michael Martin Dwyer u Eduardo Rózsa-Flores;
4. Jitlob lis-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna biex iżomm il-każ fuq nett fl-aġenda matul il-kuntatti tiegħu mal-Gvern tal-Bolivja, u sabiex jieħu miżuri u passi konkreti dwar il-kwistjoni;
5. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Viċi President tal-Kummissjoni / Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, lir-Rappreżentant Speċjali tal-UE għad-Drittijiet tal-Bniedem, lill-Gvernijiet u lill-Parlamenti tal-Istati Membri, lill-Gvern u lill-Assemblea Leġiżlattiva Plurinazzjonali tal-Istat Plurinazzjonali tal-Bolivja, lis-Segretarju Ġenerali tal-Organizzazzjoni tal-Istati Amerikani, lis-Segretarju Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti u lill-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-NU.